Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2319(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0018/2012

Testi mressqa :

A7-0018/2012

Dibattiti :

PV 15/02/2012 - 5
CRE 15/02/2012 - 5

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2012 - 8.9
CRE 15/02/2012 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0048

Testi adottati
PDF 319kWORD 76k
L-Erbgħa, 15 ta' Frar 2012 - Strasburgu
Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012
P7_TA(2012)0048A7-0018/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012 (2011/2319(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (COM(2011)0815),

–  wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv dwar il-governanza ekonomika adottat fis-16 ta' Novembru 2011, u b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tabella għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi: id-disinn inizjali previst(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politika Ekonomika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0018/2012),

A.  billi l-evidenza statistika l-aktar reċenti tenfasizza ż-żieda fl-inugwaljanzi u fil-qgħad fl-Unjoni Ewropea,

B.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri tilfu l-fokus tal-għanijiet prinċipali tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

L-isfidi ekonomiċi u l-politiki makroekonomiċi ewlenin

1.  Jilqa' l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) 2012, kif preżentat mill-Kummissjoni bħala bażi soda għas-Semestru Ewropew ta' din is-sena; jenfasizza li s-soluzzjonijiet li huma mmirati speċifikament għall-kriżi tad-dejn sovran u dik finanzjarja, u li fuqhom qed jaħdmu ta' kuljum l-istituzzjonijiet kollha, għandhom jimxu id f'id ma' fokus ewlieni fuq il-miżuri - fuq żmien medju u fit-tul - li jsaħħu t-tkabbir, kif ukoll ma' reviżjoni tal-qafas ekonomiku ġenerali, sabiex jittejbu s-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-Ekonomija Ewropea, u jiġi żgurat is-suċċess dejjiemi tagħha;

2.  Iqis, madankollu, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ma jissodisfax il-bżonn li terġa' titrabba l-fiduċja fid-djar u fl-impriżi Ewropej, kif ukoll fis-swieq finanzjarji, peress li l-Istħarriġ ma jarax il-bżonn li tittieħed azzjoni urġenti li tappoġġja l-attività u l-impjiegi fiż-żmien qasir, għal investiment fl-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

3.  Ifakkar li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 u għadd ta' inizjattivi oħra, li jeħtieġ li jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea, diġà kien fihom ħafna mill-elementi meħtieġa biex terġa' titrabba l-fiduċja, tiżdied il-kompetittività, u jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Ifakkar fit-talbiet li huwa indirizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi u jitlob tweġiba pubblika għall-elementi f'dik ir-riżoluzzjoni;

5.  Jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni, jew l-implimentazzjoni mhux uniformi, ta' linji gwida miftiehma fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqies il-marġni ta' diskrezzjoni meħtieġ li l-Istati Membri jgawdu minnu biex iħaddmu l-politiki tagħhom, li qed iżommu li l-linji gwida miftiehma jagħtu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE 2020; jilqa' l-fatt li din is-sena l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni kif ukoll fuq azzjonijiet li jsaħħu t-tkabbir; jenfasizza l-fatt li l-leġittimità demokratika u s-sjieda fil-livell nazzjonali tat-tibdiliet deċiżi f'termini ta' governanza ekonomika fil-ġejjieni jeħtieġ li jitkabbru b'mod sostanzjali;

6.  Jaqbel li l-AGS u l-pożizzjonijiet uffiċjali meħuda mill-Parlament Ewropew u minn istituzzjonijiet Ewropej oħra f'dan ir-rigward jiffissaw il-prijoritajiet għall-azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE għat-tnax il-xahar li jmiss, inkluż sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020, li jridu jiġu integrati fid-deċiżjonijiet ekonomiċi u baġitarji nazzjonali, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE speċifiċi għal kull pajjiż;

7.  Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE għandhom jikkonċentraw fuq il-ħames prijoritajiet li ġejjin:

   issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati r-rilanċ ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;
   l-iżgurar tal-finanzjament fuq żmien fit-tul tal-ekonomija reali;
   jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli permezz ta' aktar kompetittività u investimenti;
   jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi;
   jiġu mmodernizzati l-amministrazzjoni pubblika tal-UE u s-servizzi ta' interess ġenerali;

8.  Jilqa' l-evalwazzjoni tal-progress tal-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020, iżda jenfasizza li l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar għandha tibqa' prijorità ewlenija ta' kull politika;

9.  Jemmen li l-aċċess għas-servizzi bażiċi bankarji jibqa' fattur ewlieni fl-inklużjoni soċjali u għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar kuraġġuża biex tiggarantixxi dan l-aċċess;

Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati r-rilanċ ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

10.  Jagħraf l-interdipendenza u għalhekk ir-riperkussjonijiet bejn l-ekonomiji u l-politiki fiskali tal-Istati Membri; jenfasizza li l-prospetti ta' tkabbir tal-Istati Membri kollha, kemm dawk attwalment fiż-żona tal-Euro kif ukoll dawk barra, huma dipendenti ħafna minn kemm tiġi indirizzata b'determinazzjoni l-kriżi tad-dejn sovran u fuq kemm il-politiki ekonomiċi kkoordinati jiżguraw li jkun hemm fokus aħjar fuq l-investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-passi adegwati biex jikkoreġu d-defiċits eċċessivi tagħhom sal-iskadenzi stipulati mill-Kunsill u jnaqqsu d-dejn sovran tagħhom għal livell sostenibbli;

11.  Jieħu nota tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar il-governanza ekonomika; jemmen li dawn il-proposti għandhom joffru l-opportunità tat-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew rigward id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċeuri ta' sorveljanza tal-politika ekonomika fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 121 u 136 tat-Trattat;

12.  Ifakkar li fil-kuntest attwali fejn diversi Stati Membri huma konfrontati b'għażliet stretti u diffiċli rigward l-allokazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, huwa urġenti li tiġi żgurata l-konsistenza tal-istrumenti politiċi ekonomiċi differenti u b'mod partikolari ta' politiki li jwasslu għar-rispett tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020 u tal-għanijiet prinċipali fuq bazi ugwali;

13.  Ifakkar, f'din il-perspettiva, fil-ħtieġa li jiġu identifikati, ivvalutati u indirizzati r-riperkussjonijiet tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, kif ukoll li jsiru valutazzjonijiet dwar l-impatt soċjali tal-istrumenti tal-politika ekonomika inklużi fil-qafas tas-Semestru tal-UE;

14.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom iħaddmu strateġiji differenzjati skont il-qagħda baġitarja tagħhom u jinsisti li l-Istati Membri għandhom iżommu ż-żieda tan-nefqa pubblika taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG fuq żmien medju sakemm nefqa akbar ma tiġix kumplimentata b'miżuri tad-dħul diskrezzjonali addizzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-aspetti ta' nfiq u dħul fil-baġit, jagħtu prijorità lil politika li jiffavorixxu t-tkabbir, bħal l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-enerġija, u sabiex jiżguraw li dawn l-infiq u d-dħul ikunu effiċjenti; jappella għal riforma effiċjenti, soċjalment ġusta u sostenibbli:

   tas-sistemi tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali,
   ta' politiki dwar taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir fl-Istati Membri, ta' koordinazzjoni fiskali mtejba u, fejn ikun il-każ, armonizzazzjoni fl-UE; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex, kif miftihem, itejbu l-oqfsa fiskali domestiċi tagħhom bil-għan li jippromwovu politiki fiskali effiċjenti u sostenibbli(5); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koordinament ta' miżuri kontra l-evażjoni fiskali;

L-iżgurar tal-finanzjament fuq żmien fit-tul tal-ekonomija reali;

15.  Jilqa' l-fatt li tinsab għaddejja reviżjoni maġġuri tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju; jemmen li jinħtieġu miżuri aktar diliġenti u ambizzjużi sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tal-UE; jenfasizza li dan isaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li dan għandu jsir b'mod li jiskoraġġixxi l-arbitraġġ regolatorju u li ma jinkoraġġix il-ħarba tal-kapital jew ir-rilokazzjoni tal-attività finanzjarja mill-UE;

16.  Jenfasizza l-fatt li biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-investituri jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ tas-sitwazzjoni tal-kapital tal-banek u tal-miżuri maħsuba biex isostnu l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, b'mod li kemm jista' jkun jitnaqqsu s-sistemi ta' rimunerazzjoni għal żmien qasir u l-mudelli ta' negozju mhux adegwati; jemmen li hemm bżonn ta' riforma ulterjuri fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju sabiex jiġu riflessi r-riskji akbar fis-swieq tad-djun sovrani u privati, li tinkludi t-tisħiħ tas-sitwazzjoni tal-kapital tal-banek sistemiċi, għalkemm din m'għandhiex iddgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji mhux sistemiċi; jenfasizza li, wara li jkunu ġew kapitalizzati kif suppost, il-banek m'għandhomx jirrestrinġu bla bżonn it-tislif lill-ekonomija reali, u għalhekk l-azzjonijiet regolatorji għandhom iqiegħdu l-bażi għaż-żieda fil-kapaċità tagħhom li jisilfu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema Ewropea tas-sorveljanza finanzjarja żżomm s-self mill-banek, b'mod partikolari minn dawk l-istituzzjonijiet li bbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat relatata mal-kriżi u mill-appoġġ tal-linji tal-likwidità tal-BĊE; jistenna li l-Kummissjoni tressaq il-proposti tagħha dwar il-ġestjoni tal-kriżi tal-banek qabel is-sajf tal-2012; jiddeplora s-soċjalizzazzjoni tat-telf privat b'injezzjonijiet tal-likwidità fis-settur bankarju u l-imġiba spekulattiva tal-aġenziji tal-kreditu u taċ-ċentri finanzjarji internazzjonali;

17.  Jappoġġja l-ħolqien ta' bonds ta' proġetti mfassla biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-proġetti tal-infrastruttura ewlenin sabiex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

18.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-grupp BEI fl-appoġġ tal-ekonomija reali u tal-SMEs b'mod partikulari, u biex jiżgura l-investimenti fil-proġett infrastrutturali għal żmien twil skont l-istrateġija UE 2020; jemmen li l-UE għandha tuża r-riżorsi eżistenti u toħloq strumenti innovattivi tal-finanzjament għal dawk l-Istati Membri bi spazju limitat għal stimolu finanzjarju;

Il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli permezz ta' aktar kompetittività u investimenti

19.  Jinsab imħasseb dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-UE u l-fatt li ħafna Stati Membri, l-aktar dawk taħt pressjoni mis-suq, qed jaqgħu lura f'termini ta' produttività; jinsisti dwar ir-rwol tat-koordinament imsaħħaħ tal-politiki ekonomiċi u tar-riformi strutturali biex jiġu indirizzati dawn il-problemi kemm f'pajjiżi b'defiċit kif ukoll f'pajjiżi b'surplus; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira tat-tkabbir globali fis-snin li ġejjin huwa mistenni li jiġi minn barra l-UE, u dan se jkun jeħtieġ tisħiħ tal-kapaċità ta' esportazzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll il-provvista ta' qafas stabbli għall-investiment dirett barrani li joħloq valur destinat għall-ekonomija reali tal-UE;

Jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi (kompetenza tal-Kumitat EMPL)

20.  Jemmen li l-ispariġġ strutturali bejn il-provvista u d-domanda għax-xogħol se jfixkel l-irkupru u t-tkabbir fuq żmien fit-tul u għaldaqstant jappella biex jitwettqu riformi strutturali fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol u r-responsabilitajiet tas-sħab soċjali fid-disinn u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali;

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE u tas-servizzi ta' interess ġenerali

21.  Ifakkar li l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali hija element determinanti tal-kompetittività, u fattur importanti fil-produttività; jinnota li r-riformi fis-settur pubbliku huma parti essenzjali mill-proċess biex terġa' tinkiseb il-kompetittività; iqis li l-kwalità għolja tal-ħtiġijiet amministrattivi teħtieġ riżorsi baġitarji u riformi xierqa, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fil-protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali;

22.  Jieħu nota tal-Qafas tal-Kwalità dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali tat-tisħiħ taċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridiċi dwar kif ir-regoli tal-UE japplikaw għal servizzi ta' interess ġenerali (SGI), jiżgura l-aċċess għal servizzi essenzjali u jippromwovi l-kwalità;

23.  Jiddispjaċih għall-pass bil-mod li mexjin bih ċerti Stati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jħeġġiġhom jaslu għar-riżultati miftiehma fir-rigward tal-kwalità tal-istatistika; huwa konvint bis-sħiħ li d-disponibbiltà ta' data affidabbli, eżatta u aġġornata tipprovdi element prinċipali tal-proċess politiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-affidabilità tad-data provduta mill-Istati Membri għall-Kummissjoni (Eurostat); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva tal-Kunsill li ġiet adottata reċentement dwar ir-Rekwiżiti għall-Qafas Baġitarju tal-Istati Membri mill-aktar fis possibbli;

24.  Jappella għal aktar effiċjenza fl-għoti tas-servizzi pubbliċi kif ukoll għal żieda fit-trasparenza u fil-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġudikatura, u jħeġġeġ ukoll sabiex il-piż amminsitrattiv u l-burokrazija mhux meħtieġa jitnaqqsu; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza u tal-valutazzjonii tal-prestazzjoni tas-servizz pubbliku f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

25.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, peress li l-AGS tkopri ħafna aktar minn elementi ekonomiċi biss, tiżviluppa programmi għal setturi politiċi speċifiċi, bħad-difiża, fejn il-ġestjoni konġunta jew is-sjieda konġunta bejn diversi Stati Membri tista' tipprovdi ekonomiji ta' skala, li jistgħu jagħtu valur miżjud u ffrankar finanzjarju lill-Istati Membri involuti;

26.  Jenfasizza, fil-kuntest ekonomiku attwali, ir-rwol aktar kruċjali li għandhom programmi b'fondi tal-UE u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipproponi proposta għall-finanzjament ta' azzjonijiet tal-istrateġija UE 2020 permezz tat-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li ma ntużawx;

Qafas proċedurali

27.  Jiddeplora l-fatt li t-Trattat ma jipprevedix formalment l-involviment tal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tal-BEPG (Linji Gwida Wiesgħa dwar il-Politika Ekonomika)/AGS, filwaqt li fit-temi dwar l-impjiegi l-kontribut tal-Parlament jingħata taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni (Artikolu 148(2) TFUE); ifakkar li l-AGS għandu jkun suġġett għal proċedura ta' kodeċiżjoni li għandha tiġi introdotta sal-bidla li jmiss fit-trattati; jixtieq iżid id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet parlamentari, fejn huwa xieraq u b'rispett u kunsens reċiproċi;

28.  Ifakkar li s-Semestru Ewropew issa huwa parti mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (ara l-Artikolu 2a fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011)(6);

29.  Ifakkar li l-qafas ġuridiku tal-governanza ekonomika (is-“six pack”) jipprovdi l-għodda għal djalogu ekonomiku: “sabiex isaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u jiżgura aktar trasparenza u responsabilità, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista” jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Grupp tal-euro, jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu d-deċiżjonijiet li ttieħdu...Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat mit-tali deċiżjonijiet biex jipparteċipa fi skambju tal-opinjonijiet“; jitlob li din l-għodda, li tiffaċilita l-kooperazzjoni ekonomika u l-ftehim reċiproku, tintuża kemm jista” jkun spiss;

30.  Jinnota li l-edizzjoni tal-2012 tas-Semestru Ewropew hija l-ewwel waħda wara l-ftehim dwar il-qafas ġuridiku tal-governanza ekonomika msaħħa (is-“six pack”), li fih regoli msaħħa għall-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir u regoli dwar il-fiskalità nazzjonali, kif ukoll proċeduri ġodda għall-monitoraġġ u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-istħarriġ futur taħt it-titolu “Linji Gwida Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli”;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u li hi għandha tippubblika qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill sabiex tiżviluppa nomenklatura ġenwina u komuni tal-baġit u tal-kontabilità;

34.  Ifakkar il-fatt li l-Kunsill għandu jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament bħala parti mid-djalogu ekonomiku fil-Parlament meta ma jaqbilx b'mod sinifikanti mar-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni;

35.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni għandhom jirrispettaw u jippreservaw id-diskrezzjoni politika meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Istat Membru, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126, peress li hemm bosta mezzi li jistgħu iwasslu għall-kisba tal-għanijiet u tal-objettivi rakkomandati;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispjega r-raġuni għaliex hija vvalutat b'mod negattiv il-Programm ta' Riforma Nazzjonali (NRP) jew il-Programm ta' Stabilità u Konverġenza (SCP) u kull dokument ieħor sottomess mill-Istati Membri fil-qafas tal-governanza ekonomika; jistenna li billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istat Membru konċernat il-metodoloġija dettaljata tiegħu u l-ipotesi ta' ħidma li ssejjes l-valutazzjoni tagħha;

37.  Ifakkar li l-qafas ġuridiku l-ġdid jistipula li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew sabiex tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità tad-deċiżjonijiet meħuda, partikolarment permezz tad-djalogu ekonomiku, kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni sekondarja relevanti;

38.  Ifaħħar lill-Kummissjoni talli ppubblikat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha sal-aħħar ta' Novembru u jistenna li din l-iskadenza ssir permanenti sabiex il-Parlament ikollu żmien biżżejjed biex jesprimi l-fehmiet tiegħu qabel ma l-linji gwida annwali jiġu deċiżi mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

39.  Jenfasizza l-fatt li l-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, jekk ikun il-każ, il-President tal-Ewrogrupp, għandhom jippreżentaw annwalment ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jaqblu mal-Parlament dwar kalendarju ssimplifikat għas-Semestru Ewropew sabiex dan isir kemm jista' jkun effettiv, trasparenti u leġittimu;

41.  Jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa (1-2 ta' Marzu 2012);

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0583.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0542.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0331.
(5) Ara, pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).
(6) Ara r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12).

Avviż legali - Politika tal-privatezza