Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2505(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0052/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0054

Testi adottati
PDF 226kWORD 59k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2012 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fir-Russja
P7_TA(2012)0054RC-B7-0052/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar l-elezzjoni presidenzjali imminenti fir-Russja (2012/2505(RSP)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid minfloku,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar is-Samit UE-Russja li se jsir fil-15 ta' Diċembru 2011 u l-eżitu tal-elezzjonijiet tad-Duma tal-4 ta' Diċembru 2011 (1) u tas-7 ta' Lulju 2011 dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta' Diċembru tad-Duma tal-Istat Russu(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali ta' Osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR tat-12 ta' Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat tal-4 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali ta' osservazzjoni tat-23 ta' Jannar 2012 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar l-elezzjonijiet parlamentari Russi u d-dikjarazzjoni tagħha dwar iż-żjara ta' wara l-elezzjoni tad-delegazzjoni għar-Russja tal-21 ta' Jannar 2012,

–  wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikulari l-aħħar laqgħa li saret f'dan il-kuntest fid-29 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Diċembru 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar l-elezzjonijiet tad-Duma fil-Federazzjoni Russa u d-diskorsi tagħha tal-14 ta' Diċembru 2011 fi Strasburgu dwar is-Samit EU-Russja u tal-1 ta' Frar 2012 dwar is-sitwazzjoni politika fir-Russja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret fil-15 ta' Diċembru 2011 mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara s-Samit UE-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza kruċjali għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa; billi l-iżvilupp ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jista' jkun ibbażat biss fuq valuri kondiviżi;

B.  billi għad hemm tħassib dwar żviluppi fil-Federazzjoni Russa rigward il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tagħhom kif ukoll il-konformità ma' prinċipji demokratiċi, regoli u proċeduri elettorali li dwarhom kien hemm qbil komuni; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, (OSKE) u għalhekk intrabtet li tiddefendi l-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi fit-12 ta' April 2011, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza kontra l-proċeduri kkumplikati ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-istandards elettorali stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE; billi l-limitazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi u l-kandidati tirrestrinġi l-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu fir-Russja;

D.  billi, minkejja l-passi limitati riċenti biex jittejbu l-liġijiet elettorali, ir-regoli ġenerali għadhom kumplessi wisq, u billi l-applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli tiddiskrimina kontra l-oppożizzjoni;

E.  billi fit-22 ta' Diċembru 2011, f'indirizz lid-Duma, il-President Medvedev ħabbar numru ta' tibdiliet fis-sistema politika, inkluż il-formazzjoni ta' servizz televiżiv pubbliku indipendenti ġdid, proċeduri ssimplifikati għall-partiti u għall-kandidati presidenzjali, l-introduzzjoni mill-ġdid ta' elezzjonijiet diretti għall-gvernaturi reġjonali u investigazzjoni tal-frodi elettorali;

F.  billi, skont ir-rapport finali ta' osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet tad-Duma tal-4 ta' Diċembru 2011 ma kkonformawx għalkollox mal-istandards ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti u kienu kkaratterizzati minn konverġenza bejn l-istat u l-partit fil-gvern u minn nuqqas ta' indipendenza tal-amministrazzjoni elettorali, il-parzjalità tal-midja u l-interferenza mill-istat f'livelli differenti; billi, skont ir-rapport, l-elezzjonijiet tad-Duma kienu kkaratterizzati minn numru kbir ta' vjolazzjonijiet proċedurali, każijiet ta' dak li deher li kien manipulazzjoni u każijiet serji ta' tfigħ ta' voti żejda;

G.  billi l-organizzazzjoni domestika ta' osservazzjoni elettorali Golos iddikjarat fir-rapport finali tagħha li “l-elezzjoni [...] la kienet ħielsa u lanqas ġusta, u lanqas issodisfat ir-rekwiżiti tal-kodiċi elettorali Russu u l-istandards elettorali internazzjonali” u li “il-prinċipji elettorali fundamentali ma ġewx rispettati, jiġifieri l-kompetizzjoni ġenwina u d-drittijiet ugwali għan-naħat kollha involuti, amministrazzjoni newtrali, kummissjonijiet elettorali indipendenti, votazzjoni li tikkonforma mal-liġi u proċess korrett tal-għadd tal-voti”;

H.  billi f'għadd ta' manifestazzjonijiet tal-massa mill-elezzjonijiet tad-Duma fl-4 ta' Diċembru 2011, il-poplu Russu esprima x-xewqa tiegħu għal aktar demokrazija, inkluż elezzjonijiet ħielsa u ġusti kif ukoll riforma komprensiva tas-sistema elettorali, b'mod partikolari d-dimostranti “taż-żagarella bajda”;

I.  billi l-pluraliżmu politiku huwa element fundamentali tad-demokrazija u ta' soċjetà moderna, u sors ta' leġittimità politika; billi t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet presidenzjali jeħtieġ li jiggarantixxu proċess ħieles u ġust b'opportunitajiet ugwali għall-kandidati kollha; billi l-proċeduri ta' reġistrazzjoni għal darba oħra waqqfu ċerti kandidati milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet;

J.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ilhom jiżviluppaw matul l-għexieren ta' snin li għaddew, u wasslu għal interdipendenza komprensiva u profonda li x'aktarx se tiżdied aktar fil-futur; billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp u l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġt isħab;

K.  billi r-Russja darbtejn waqqfet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU milli jadotta riżoluzzjoni dwar il-kriżi fis-Sirja li titlob appoġġ għall-pjan tal-Lega Għarbija li għandu wkoll l-appoġġ tal-UE;

1.  Jinnota li r-rapporti tal-OSKE/ODIHR u tal-PACE, li jgħidu li l-elezzjonijiet ma ssodisfawx l-istandards elettorali definiti mill-OSKE u kienu kkaratterizzati mill-konverġenza tal-istat u tal-partit fil-gvern, minn vjolazzjonijiet proċedurali, minn dak li deher li kien manipulazzjoni u minn nuqqas ta' indipendenza tal-amministrazzjoni elettorali;

2.  Huwa mħasseb li r-riżultat tal-elezzjonijiet (il-kompożizzjoni tad-Duma) mhux se jwassal għal titjib f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol u l-influwenza tad-Duma fis-sistema politika tar-Russja;

3.  Jitlob lid-Delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja biex tqajjem b'mod konsistenti l-kwistjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt mal-kontropartijiet Russi; jitlob, barra minn hekk, valutazzjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja, u l-intensifikazzjoni tad-djalogu mal-oppożizzjoni mhux parlamentari u mas-soċjetà ċivili;

4.  Jinnota t-talbiet riċenti għall-annullament tal-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat, u jistieden lil-awtoritajiet Russi jkomplu jinvestigaw b'mod komprensiv u trasparenti r-rapporti kollha ta' frodi u intimidazzjoni bil-ħsieb li jiġu ssanzjonati dawk misjuba responsabbli, u li jerġgħu jorganizzaw il-votazzjoni fejn tingħata prova ta' irregolaritajiet; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni elettorali Russa tipprovdi għal appell u rettifika; jirrimarka, madankollu, li t-trattament tal-ilmenti mill-Kumitat Elettorali Ċentrali kienet nieqsa mit-trasparenza u ma indirizzatx l-ilmenti b'mod effikaċi u fil-waqt; jiddispjaċih dwar il-fatt li kważi 3000 rikors rigward każijiet ta' abbużi, frodi u vjolazzjonijiet elettorali f'distretti individwali ġew irrifjutati mill-qrati rilevanti u ftit minnhom għadhom pendenti;

5.  Jinnota l-aħbar mogħtija mill-President Medvedev ta' bidliet komprensivi fis-sistema politika, inkluża simplifikazzjoni tant meħtieġa tar-regoli li jirregolaw ir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi; jitlob li jkun hemm impenn serju wkoll biex jiġu indirizzati l-problemi tal-libertà tal-midja u tal-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni; itenni r-rieda tal-UE li tikkoopera mar-Russja, inkluż fil-qafas ipprovdut mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex ittejjeb il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u l-effikaċja ta' sistema indipendenti ta' stat ta' dritt fir-Russja;

6.  Jistieden lill-Gvern Russu jintroduċi pakkett ta' proposti leġiżlattivi, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE, bl-għan li jiżviluppa sistema politika verament demokratika u li jinkludi riformi li jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni kemm għall-partiti politiċi kif ukoll għall-kandidati presidenzjali, u jindirizza l-applikazzjoni restrittiva tar-regoli ta' reġistrazzjoni, sabiex ikun possibbli li jseħħu elezzjonijiet verament ħielsa u ġusti malajr kemm jista' jkun;

7.  Jenfasizza li d-dimostrazzjonijiet paċifiċi fir-Russja huma espressjoni tax-xewqa tal-poplu Russu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lill-awtoritajiet Russi jqisu l-protesti riċenti bħala opportunità biex jieħdu passi li jwasslu għar-riformi meħtieġa għal aktar demokrazija, involviment politiku u stat ta' dritt, inkluża r-riforma tal-liġijiet elettorali, f'konformità mal- istandards tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jikkonformaw ma' dawn l-istandards fil-prattika, sabiex jiggarantixxu elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u demokratiċi f'Marzu b'opportunitajiet ugwali għall-kandidati kollha;

8.  Jikkundanna r-ripressjoni mill-pulizija ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi li saru bi protesta kontra l-irregolaritajiet u l-frodi elettorali rrappurtati minn osservaturi internazzjonali u dokumentati b'vidjows irrekordjati minn ċittadini ordinarji; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiddefendu b'mod sħiħ il-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-kelma f'konformità mal-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa;

9.  Ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu politiku matul it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tad-Duma kienu wieħed min-nuqqasijiet ewlenin f'dawk l-elezzjonijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-esklużjoni ta' kandidati tal-oppożizzjoni milli joħorġu għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-4 ta' Marzu 2012, li għal darba oħra qed iddgħajjef il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu politiku;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-oppożizzjoni, u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tagħhom li jiċħdu r-reġistrazzjoni għall-kampanja tal-elezzjoni presidenzjali ta' Grigory Yavlinsky, li qed twaqqaf ukoll lill-partit tiegħu milli jibgħat osservaturi;

11.  Jistieden lill-OSKE, lill-Kunsill tal-Ewropa u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jsegwu l-investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet kif ukoll jimmonitorjaw mill-qrib it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet presidenzjali u l-infurzar tar-regoli elettorali, kif diġà kien hemm qbil mal-awtoritajiet Russi;

12.  Jieħu nota li madwar 600 osservatur internazzjonali huma mistennija jissorveljaw l-elezzjoni presidenzjali Russa (se jkun hemm osservaturi mill-OSKE/ODIHR, mill-PACE, mill-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni ta' Shangai u mis-CIS); jenfasizza li l-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali u nazzjonali għandhom joperaw kollha kemm huma, biex tiġi żgurata sorveljanza effiċjenti tal-proċess elettorali, f'konformità mal-istandards tal-OSKE/ODIHR u tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lill-awtoritajiet Russi jevitaw l-indħil u t-tfixkil li kien irrappurtat fil-każ tal-elezzjonijiet tad-Duma;

13.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kumitat Investigattiv biex imexxi investigazzjoni komprensiva u dettaljata dwar il-mewt ta' Sergei Magnitsky, mingħajr ebda kwistjonijiet tabu, biex jippreżenta fil-pront konklużjonijiet konkreti u jieħu l-passi kollha meħtieġa biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-Kunsill, f'każ ta' aktar nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet Russi, biex jikkunsidra azzjonijiet bħal projbizzjoni tal-ivvjaġġar li tapplika fl-UE kollha u friża tal-assi finanzjarji ta' dawk misjuba ħatja tat-tortura u l-mewt ta' Sergei Magnitsky, kif ukoll li ħbew il-każ;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ħażin tal-leġiżlazzjoni kontra l-estremiżmu li tinvolvi l-implimentazzjoni illegali ta' liġijiet kriminali kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal Memorial u minoranzi reliġjużi bħax-Xhieda ta' Jehovah u Falun Dafa u l-projbizzjoni mhux xierqa tal-materjal tagħhom għal raġunijiet ta' estremiżmu;

15.  Jikkundanna b'mod qawwi l-adozzjoni mill-Assemblea Leġiżlattiva ta' San Pietruburgu ta' liġi kontra l-propaganda dwar l-orjentazzjoni sesswali; jikkundanna bl-istess mod liġijiet simili adottati fir-reġjuni Ryazan, Arkhangelsk u Kostroma; Jistieden lil-awtoritajiet Russi kollha jieqfu jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, f'konformità mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tesprimi l-oppożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għal dawn il-liġijiet;

16.  Iħeġġeġ bis-saħħa lir-Russja tingħaqad mal-kunsens internazzjonali u tippermetti lill-Kunsill tas-Sigurtà jaġixxi fuq il-bażi tal-proposti tal-Lega Għarbija bil-ħsieb li tissolva l-kriżi tas-Sirja; jenfasizza li, bħala Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, hemm bżonn li r-Russja terfa' r-responsabilità tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali serjament; jistieden lir-Russja twaqqaf immedjatament il-bejgħ kollu ta' armi u tagħmir militari lill-Gvern Sirjan;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0575.
(2).Testi adottati, P7_TA(2011)0335.

Avviż legali - Politika tal-privatezza