Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2012/2543(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tal-10 ta' Ottubru, l-14 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2011 u tat-23 ta' Jannar 2012, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru u tad-9 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 ta' Ottubru, tat-3 u t-28 ta' Novembru u tat-2 ta' Diċembru 2011, kif ukoll tal-1 u tal-4 ta' Frar 2012,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK(1), kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu wara l-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 biex jissaħħu l-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Lega Għarbija dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja tas-27 ta' Awwissu, tas-16 ta' Ottubru u tat-12, is-16 u l-24 ta' Novembru 2011, u tat-22 ta' Jannar u t-12 ta' Frar 2012, il-Pjan ta' Azzjoni tagħha tat-2 ta' Novembru 2011, u s-sanzjonijiet tagħha kontra s-Sirja adottati fis-27 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) tat-3 ta' Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-22 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-23 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-2 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sa mill-bidu tat-trażżin vjolenti tad-dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, il-qtil sistematiku, il-vjolenza u t-tortura komplew jeskalaw b'mod drammatiku u l-armata u l-forzi tas-sigurtà Sirjani komplew bir-rispons tagħhom ta' qtil immirat, tortura u arresti tal-massa; billi l-bliet u l-irħula madwar is-Sirja qed jinżammu taħt assedju u qed jiġu bbumbardjati minn forzi mmexxija mill-Gvern; billi l-aċċess għall-ikel u l-provvisti mediċi kien estremament diffiċli; billi s-sitwazzjoni umanitarja ta' ħafna Sirjani qiegħda tiddeterjora b'riżultat tal-vjolenzi u tal-ispustamenti;
B. billi n-NU tistma li l-għadd ta' persuni li mietu fis-Sirja qabeż il-5 400 ruħ matul il-ħdax-il xahar ta' rewwixti, għalkemm huwa diffiċli ħafna li jinkisbu ċifri aġġornati għaliex ċerti żoni, bħal partijiet minn Homs, huma maqtugħin kompletament; billi eluf ta' persuni ndarbu, tal-anqas 69 000 ġew detenuti, li minnhom madwar 32 000 sussegwentement inħelsu, u madwar 12 400 ħarbu lejn pajjiżi ġirien; billi l-Fond tan-NU għat-Tfal jirrapporta li mijiet ta' tfal inqatlu u mijiet oħra ġew arbitrarjament arrestati u ttorturati u abbużati sesswalment waqt li kienu detenuti;
C. billi r-residenti fil-belt assedjata ta' Homs huma taħt bumbardament kontinwu massiv u jibżgħu li r-reġim qed iħejji biex iwettaq attakk finali letali mill-art; billi fit-12 ta' Frar 2012 il-midja Għarbija rrappurtat li l-artillerija u t-tankijiet Sirjani kienu qed jibbumbardjaw b'mod qawwi lill-belt ta' Hama, flimkien mal-attakk kontinwu fuq Homs; billi, fl-istess ħin, l-awtoritajiet Sirjani jinsistu li qed jikkonfrontaw “gruppi terroristiċi” u se jibqgħu jagħmlu dan sakemm terġa' tiġi stabbilita “l-ordni”;
D. billi l-wegħdiet numerużi rigward riformi u amnestiji mill-President Bashar al-Assad qatt ma twettqu u r-reġim tilef il-kredibbiltà u l-leġittimità kollha, u dan wassal għal talbiet mifruxa mill-komunità internazzjonali biex il-President jirreżenja;
E. billi ġurnalist Franċiż inqatel u ġurnalist Olandiż indarab huma u jwettqu r-rwol vitali li jipprovdu informazzjoni indipenedenti dwar l-avvenimenti fis-Sirja; billi l-awtoritajiet Sirjani qed jiċħdu aċċess ulterjuri għall-pajjiż lil ġurnalisti internazzjonali; billi rapporti minn rifuġjati Sirjani, rapporti ta' ċittadini minn ġos-Sirja u immaġni mtella' fuq il-mowbajls permezz ta' konnessjonijiet bis-satellita “standalone” għadhom is-sors ewlieni ta' informazzjoni li toħroġ mill-pajjiż;
F. billi l-Lega Għarbija ddeċidiet titlob l-appoġġ tal-KSNU għal soluzzjoni politika fis-Sirja; billi fl-4 ta' Frar 2012 il-Federazzjoni Russa u ċ-Ċina użaw il-veto kontra riżoluzzjoni tal-KSNU li appoġġjat it-talba tal-Lega Għarbija għal proċess politiku inklużiv u paċifiku mmexxi mis-Sirja; billi fit-28 ta' Jannar 2012 il-missjoni ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija fis-Sirja ġiet sospiża minħabba li s-sitwazzjoni ddeterjorat b'mod kritiku;
G. billi fit-18 ta' Jannar 2012 daħlu fis-seħħ miżuri restrittivi addizzjonali tal-UE kontra r-reġim Sirjan, inklużi projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' tagħmir ta' monitoraġġ tat-telekomunikazzjonijiet biex jintuża mir-reġim Sirjan, projbizzjoni tal-parteċipazzjoni f'ċerti proġetti infrastrutturali u tal-investiment f'tali proġetti, u restrizzjonijiet addizzjonali fuq it-trasferiment ta' fondi u l-għoti ta' servizzi finanzjarji;
H. billi fit-23 ta' Jannar 2012 il-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-UE ġiet estiża biż-żieda ta' 22 persuna responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ta' tmien entitajiet li jappoġġjaw ir-reġim finanzjarjament;
I. billi b'reazzjoni għall-vjolenza li qed tiżdied u l-preokkupazzjonijiet serji dwar is-sigurtà , l-Istati Uniti għalqet l-ambaxxata tagħha fis-Srija; billi Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Belġju sejħu lura l-ambaxxaturi tagħhom; billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u t-Tuneżija sejħu lura l-ambaxxaturi tagħhom u ddeċidew li jkeċċu lill-ambaxxaturi Sirjani mill-kapitali tagħhom;
J. billi għexieren ta' eluf ta' rifuġjati Sirjani fittxew kenn fit-Turkija sa minn Marzu 2011; billi t-Turkija qed ikollha rwol dejjem aktar importanti internazzjonalment fl-oppożizzjoni tal-vjolenza fis-Sirja;
K. billi s-sitwazzjoni terribbli fis-Sirja diġà qed ikollha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni fil-Libanu, u hemm il-biża' ta' konsegwenzi mifruxa imminenti fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, u għalhekk se jkollha riperkussjonijiet fir-reġjun kollu, b'konsegwenzi u implikazzjonijiet imprevedibbli;
L. billi r-Russja qed tkompli tbigħ l-armi u materjal militari ieħor lir-reġim Sirjan u għandha bażi navali fis-Sirja; billi l-UE għandha embargo fis-seħħ fuq tagħmir militari għas-Sirja u billi bastiment Russu ġie interċettat f'Ċipru u mbagħad skont l-awtoritajiet Ċiprijotti baqa' sejjer lejn is-Sirja bil-qerq; billi ċ-ċirkustanzi ta' dan l-inċident qatt ma ġew iċċarati uffiċjalment u pubblikament mill-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli;
M. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem talab li s-Sirja tittella' quddiem il-QKI minħabba allegazzjonijiet ta' delitti kontra l-umanità wara s-Sessjoni Speċjali ta' Diċembru tal-UNHRC dwar is-Sirja abbażi tar-riżultati tar-rapport tal-Kumitat Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU, filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NU ddikjara fil-15 ta' Jannar 2012 li t-triq tar-repressjoni ma twassal imkien;
1. Jiddeplora l-fatt li r-Russja u ċ-Ċina użaw il-veto tagħhom fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jimblukkaw l-abbozz ta' riżoluzzjoni dwar is-Sirja, u għalhekk ivvutaw kontra l-proposta ta' tranżizzjoni paċifika mil-Lega Għarbija, u dan tqies mir-reġim ta' Assad bħala approvazzjoni biex iħarrex il-mezzi ta' repressjoni, bl-użu ta' armi tqal u ta' forza indiskriminata kontra persuni ċivili mhux armati; itenni l-appell tiegħu lill-membri tal-KSNU, partikolarment ir-Russja u ċ-Ċina, biex iġorru r-responsabbiltajiet tagħhom li jiggarantixxu li r-repressjoni vjolenta tal-poplu Sirjan tieqaf minnufih; ikompli jsostni l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha f'dan il-qasam;
2. Jistieden lill-VP/lir-RGħ tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, billi taħdem kemm mar-Russja kif ukoll maċ-Ċina;
3. Jistieden lir-Russja, l-akbar fornitriċi barranija ta' armi tal-Gvern Sirjan, twaqqaf minnufih il-konsenji ta' armi lis-Sirja, u jistieden lill-UE tfassal lista sewda ta' kumpaniji li jfornu l-armi lis-Sirja; jistieden lill-atturi kollha tal-UE, f'dan il-kuntest, biex jirrispettaw bis-sħiħ il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi, li għandu l-għan li jipprevjeni l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna jew jikkontribwixxi għall-instabbiltà reġjonali;
4. Jikkundanna għal darb'oħra bl-aktar mod qawwi r-repressjoni brutali mir-reġim Sirjan tal-popolazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fil-belt ta' Homs; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-kobor tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Sirjani, fosthom l-arresti tal-massa, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, id-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat, it-torturi u l-maltrattamenti tad-detenuti, inklużi t-tfal; jenfasizza li l-għajnuna medika ma tistax tiġi rrifjutata lil min indarab waqt l-attakki vjolenti;
5. Jinsab inkwetat bil-fatt li, skont l-appell tal-UNICEF tas-7 ta' Frar 2012 u r-rapport tat-23 ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, kważi 400 tifel u tifla mietu mill-bidu tal-vjolenza fis-Sirja f'Marzu 2011 u kważi 380 – li wħud minnhom għandhom anqas minn 14-il sena – ġew arbitrarjament arrestati u sofrew tortura u vjolenza sesswali matul id-detenzjoni; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-drittijiet tat-tfal, imwettqa mill-forzi militari u ta' sigurtà Sirjani u jistieden lill-Gvern Sirjan iwaqqaf kull ksur tad-drittijiet tat-tfal u tal-bniedem;
6. Jibgħat il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Sirjan u jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tiegħu biex jiżgura r-rispett sħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar;
7. Itenni l-appell tiegħu lill-President Bashar al-Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw immedjatament, biex tkun tista' sseħħ tranżizzjoni paċifika u demokratika fis-Sirja;
8. Iħeġġeġ lir-reġim ta' Assad iwaqqaf il-vjolenza kontra l-poplu Sirjan, jirtira t-truppi u t-tankijiet mill-bliet, u jeħles id-dimostranti detenuti, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti kollha, u jagħti aċċess sħiħ għall-pajjiż lill-organizzazzjonijiet internazzjonali umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lill-midja internazzjonali;
9. Itenni t-talba tiegħu li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti minnufih tal-każijiet ta' ksur mifrux u sistematiku gravi tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Sirjani u mill-forzi militari u tas-sigurtà, bil-għan li jiżguraw li dawk responsabbli ta' dawn l-atti, li jistgħu jitqiesu delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli mill-komunità internazzjonali; huwa tal-fehma li mekkaniżmi ċari għall-obbligu li jingħata rendikont għandhom ikunu parti ewlenija mill-isforzi tal-KSNU biex tintemm il-kriżi Sirjana, filwaqt li jappoġġja għal darb'oħra t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex is-Sirja tittella' quddiem il-QKI;
10. Ifakkar fis-sostenn tiegħu għall-isforzi tal-Lega Għarbija intiżi li jwaqqfu l-vjolenza u jippromwovu soluzzjoni politika fis-Sirja; jilqa' d-deċiżjoni tal-Lega Għarbija biex tiżdied il-kooperazzjoni man-NU; jinnota d-deċiżjoni tal-Lega Għarbija li tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni tagħha fis-Sirja bħala reazzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet żiedu l-attakki vjolenti;
11. Jilqa' l-appoġġ tal-VP/tar-RGħ biex jitwaqqaf grupp ta' kuntatt ta' pajjiżi bl-isem “Friends of the Syrian People” għall-bidla demokratika fis-Sirja, inklużi t-Turkija u membri tal-Lega Għarbija; jilqa' l-istqarrija tal-VP/tar-RGħ li se tieħu sehem fl-ewwel laqgħa ta' dan il-grupp ta' kuntatt fit-Tuneżija fl-24 ta' Frar 2012;
12. Jistieden lill-Kunsill jieħu deċiżjoni konġunta biex jissejħu lura l-ambaxxaturi kollha mis-Sirja u biex jiġu ffriżati l-kuntatti diplomatiċi mal-ambaxxaturi Sirjani fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-VP/lir-RGħ ssaħħaħ id-Delegazzjoni tal-UE f'Damasku b'kapaċità umanitarja, u li tagħmel l-istess ħaġa kull fejn huwa meħtieġ;
13. Jilqa' l-impenn tal-UE li tkompli tagħfas għal iktar pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim Sirjan; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri restrittivi kontra r-reġim Sirjan, u jappella għal sanzjonijiet immirati oħra;
14. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2012 li tingħata għajnuna umanitarja (EUR 3 miljuni) biex tittaffa t-tbatija kemm fis-Sirja kif ukoll fil-pajjiżi ġirien;
15. Jilqa' u jinkoraġġixxi l-isforzi li għaddejjin bħalissa min-naħa tal-oppożizzjoni Sirjana favur l-għaqda kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż, biex tkompli timpenja ruħha mal-komunità internazzjonali, partikolarment il-Lega Għarbija u biex taħdem fuq viżjoni kondiviża għall-futur tas-Sirja u t-tranżizzjoni lejn sistema demokratika; iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ politiku, tekniku, umanitarju u fir-rigward tal-komunikazzjonijiet għall-oppożizzjoni;
16. Jitlob li jkun hemm tranżizzjoni paċifika u ġenwina lejn id-demokrazija li tissodisfa t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u li tkun imsejsa fuq djalogu inklużiv li jinvolvi l-forzi demokratiċi u l-komponenti kollha tas-soċjetà Sirjana bl-għan li jitnieda proċess ta' riforma demokratika profonda li tqis il-ħtieġa li tkun żgurata r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u għalhekk huwa impenjat li jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi; jistieden lill-UE tappoġġja t-tentattivi kollha tal-oppożizzjoni Sirjana biex tgħaqqad u tistabbilixxi aġenda ċara għal Sirja demokratika;
17. Huwa preokkupat ferm li l-intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani jista' jkun li qed tinfirex għal attivisti tal-oppożizzjoni fl-eżilju;
18. Jilqa' l-appoġġ qawwi min-naħa tat-Turkija għall-popolazzjoni Sirjana, fost affarijiet oħra billi qed taċċetta r-rifuġjati mill-fruntieri Sirjani-Torok u billi qed tippermetti lill-oppożizzjoni Sirjana torganizza ruħha; iħeġġeġ lill-VP/lir-RGħ tagħmel kull sforz biex tibda taħditiet mat-Turkija, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar l-arranġamenti għall-istabbiliment ta' kurituri umanitarji fil-fruntieri bejn is-Sirja u t-Turkija;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.