Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-futur tal-GMES (2012/2509(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2011 dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 “il quddiem)(COM(2011)0831),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-29 ta' Ġunju 2011, dwar “Baġit għall-Ewropa 2020 (COM(2011)0500)”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2011 bl-isem “Lejn strateġija spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini”,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-GMES (O-000325/2011 – B7-0027/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-programm tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) huwa waħda miż-żewġ inizjattivi spazjali emblematiċi tal-Unjoni Ewropea u għandu rwol ewlieni fl-osservazzjoni tad-dinja, li hija għodda vitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, fil-protezzjoni ċivili u s-sigurtà, fl-iżvilupp sostenibbli, fil-mobilità u fil-ġestjoni tal-kriżijiet, u fil-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi importanti billi jiġu żviluppati servizzi “downstream” u titrawwem l-innovazzjoni;
B. billi l-GMES hija ta' importanza politika, strateġika u teknika importanti ħafna għall-Ewropa u toffri valur sostanzjali ħafna għall-flus f'termini ta' benefiċċji ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi;
C. billi l-GMES twaqqfet bħala programm tal-Unjoni, iffinanzjat mill-baġit tal-UE, li jammonta għal madwar EUR 3,2 biljun sal-2013, taħt ir-responsabilità u l-ġestjoni tal-UE;
D. billi n-nuqqas ta' pjan ta' finanzjament kredibbli li jipprovdi appoġġ finanzjarju fit-tul u stabbli probabbilment iwassal għal spejjeż akbar fuq perjodu itwal, diskrepanzi fl-aċċess għall-informazzjoni u għall-benefiċċji li jirriżultaw għaċ-ċittadini Ewropej u interruzzjoni jew saħansitra sospensjoni tal-programm u tal-provvista tiegħu ta' data, u jista' fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-investiment li sar s'issa ma jkun ħalla l-ebda frott u li l-Ewropa titlef l-indipendenza u l-avvanz teknoloġiku tagħha f'din l-infrastruttura spazjali importanti;
E. billi fil-31 ta' Mejju 2011 il-Kunsill talab li l-baġit tal-UE jkompli jiffinanzja l-programm GMES f'konformità mar-responsabilitajiet tal-Unjoni, billi bosta Stati Membri diġà indikaw l-oġġezzjoni tagħhom għar-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-GMES permezz ta' ftehim intergovernattiv, u billi l-Fond tal-GMES propost għalhekk probabbilment mhux se jiġġenera l-finanzjament meħtieġ;
1. Jiddispjaċih dwar il-fatt li fit-30 ta' Novembru 2011 il-Kummissjoni ppubblikat biss komunikazzjoni u ma ressqitx proposta leġiżlattiva dwar il-GMES, meta jitqies li r-Regolament attwali (UE) Nru 911/2010 ikopri biss l-operazzjonijiet inizjali u se jiskadi sa tmiem l-2013;
2. Ma jaqbilx mad-direzzjoni li l-Kummissjoni indikat fil-komunikazzjoni tagħha rigward il-finanzjament u l-governanza futura tal-GMES, fejn l-għan huwa l-finanzjament intergovernattiv tal-proġett; huwa mħasseb li din id-direzzjoni se tkun fil-parti l-kbira tagħha ta' ħsara għall-iżvilupp futur tal-programm, twassal sabiex il-programm jitlef id-dimensjoni Ewropea tiegħu, tikkontradixxi l-prinċipji tat-trasparenza u ta' aċċess sħiħ, miftuħ u ugwali għal kulħadd, u titqies bħala sinjal tat-tbegħid tal-UE minn din l-inizjattiva emblematika;
3. Ma jemminx li l-finanzjament tal-GMES barra l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) – bl-istruttura ta' finanzjament u governanza li l-Kummissjoni pproponiet fil-komunikazzjoni tagħha – hija għażla vijabbli;
4. Jirrimarka li l-inċertezza dwar il-futur tal-programm GMES u l-finanzjament tiegħu huwa ta' ħsara kbira ħafna għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-GMES, li huma mistennija jiġġeneraw tkabbir u benessri ekonomiku għaċ-ċittadini Ewropej;
5. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq minnufih proposta leġiżlattiva dwar il-governanza, l-iffinanzjar u l-operazzjoni fuq perjodu twil tal-programm GMES, iffinanzjat mill-MFF, bl-għan li jiġu żgurati t-tnedija u l-operazzjoni adegwati tal-programm u jintlaħaq l-objettiv tiegħu li jkun operattiv għalkollox mill-2014;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.