Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-piena tal-mewt fil-Belarus, b'mod partikolari l-każijiet ta' Dzmitry Kanavalau u Uladzislau Kavalyou (2012/2539(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Belarus(1) u r-riżoluzzjonijiet l-oħra tiegħu dwar is-suġġett, b'mod partikolari dawk tat-15 ta' Settembru 2011(2), tat-12 ta' Mejju 2011(3), tal-10 ta' Marzu 2011(4) u tal-20 ta' Jannar 2011(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-piena tal-mewt kif ukoll r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt(6), b'mod partikolari dik tas-26 ta' April 2007 dwar l-inizjattiva għal moratorja universali għall-piena tal-mewt(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 65/206 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 2010 fejn intalab moratorja għall-piena tal-mewt kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-2007 u l-2008 dwar il-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE tas-6-10 ta' Lulju 2010 dwar il-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1857 (2012) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-sentenzi għall-mewt fil-Belarus,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-PE Martin Schulz tal-24 ta' Jannar 2012 li tikkundanna s-sentenzi tal-piena tal-mewt mogħtija lil Dzmitry Kanavalau u Uladzislau Kavalyou,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” tal-UE tat-23 ta' Jannar 2011 dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarus,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant adottata fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus adottata fl-okkażjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Belarus jibqa' l-uniku pajjiż Ewropew li għadu japplika l-piena tal-mewt u għadu jwettaq eżekuzzjonijiet;
B. billi f'Lulju 2011 Aleh Hryshkautsou u Andrei Burdyka nqatlu meta l-każijiet tagħhom kienu għadhom pendenti quddiem il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u billi, skont l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, madwar 400 persuna ġew maqtula fil-Belarus mill-1991;
C. billi l-aktar sentenzi reċenti għall-piena tal-mewt ġew maqtugħa fit-30 ta' Novembru 2011 kontra Dzmitry Kanavalau u Uladzislau Kavalyou mill-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Belarus talli allegatament wettqu attakki terroristiċi f'Vitebsk fl-2005, f'Minsk fl-2008, u fil-metro ta' Minsk f'April 2011;
D. billi, skont rapporti kredibbli (FIDH, Human Rights Watch), hemm argumenti li juru li l-prosekuturi u l-Qorti Suprema tal-Belarus mexxew proċess inġust u li l-investigazzjoni kienet mtebba' b'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u twarrib intenzjonali ta' evidenza importanti li kienet tindika l-innoċenza taż-żewġt irġiel u billi, skont osservaturi tal-proċess, kien hemm ksur proċedurali serju matul l-investigazzjoni preliminari u l-eżami ġudizzjarju tal-każ;
E. billi Dzmitry Kanavalau u Uladzislau Kavalyou ġew miċħuda l-aċċess għal avukat, billi rapporti kredibbli jindikaw l-użu tat-tortura sabiex jiġu estratti stqarrijiet ta' ħtija matul l-interrogazzjonijiet, billi ma hemmx evidenza forensika li torbot lil dawn l-irġiel mal-isplużjoni, u billi ma nstabet ebda traċċa ta' materjal splussiv fuq il-ħwejjeġ jew l-iġsma tal-irġiel;
F. billi l-evidenza importanti kollha li l-prosekuzzjoni semmiet matul il-proċess inqerdet immedjatament wara li l-Qorti Suprema ħabbret is-sentenza;
G. billi, skont l-Artikolu 14, Taqsima 1, tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mir-Repubblika tal-Belarus, “kulħadd għandu d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali”;
H. billi l-ġenituri tas-Sur Kanavalau ġew intimidati u tpoġġew taħt sorveljanza minn uffiċjali tas-servizzi sigrieti kif ukoll irġiel pajżana ġew stazzjonati b'mod permanenti ħdejn id-dar tagħhom u għaldaqstant il-familja ilha x-xhur imċaħħad mill-opportunità li tikkomunika mad-dinja ta' barra;
I. billi l-piena tal-mewt xorta għadha “sigriet tal-istat” fil-Belarus u, skont il-Kodiċi Eżekuttiv Kriminali tal-Belarus, id-dati tal-eżekuzzjonijiet mhumiex magħrufa la għal dawk fit-taqsima tal-priġunieri kkundannati għall-mewt, la għall-familji tal-ħatja u anqas għall-pubbliku; billi l-piena tal-mewt imwettqa fil-privat permezz ta' eżekuzzjoni, il-kadavru tal-persuna ma jingħatax għad-difna lil qrabatu u l-lok tad-dfin jibqa' qatt ma jiġi kkomunikat;
J. billi l-eżekuzzjonijiet tas-Sur Kanavalau u tas-Sur Kavalyou jistgħu jitwettqu dalwaqt;
K. billi d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar il-każ hija finali, mingħajr appell; billi skont il-liġi tal-Belarus petizzjoni għall-maħfra tista' titqies mill-President tal-pajjiż; billi Uladzislau Kavalyou talab lil Alyaksandr Lukashenka għall-maħfra, jiċħad l-akkużi kollha mressqa kontrih u jitlob li jinħeles mir-responsabilità kriminali, iżda sa issa ma rċieva ebda tweġiba;
L. billi l-awtoritajiet tal-Belarus iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Praga tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li fiha impenjaw ruħhom favur “il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”,
1. Itenni li l-Unjoni Ewropea u istituzzjonijiet internazzjonali oħra ripetutament ħeġġew lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jabolixxu l-piena tal-mewt;
2. Jenfasizza l-fatt li dan il-kastig irriversibbli, krudili, inuman u degradanti, li jikser id-dritt għall-ħajja, huwa inaċċettabbli; jiddeplora n-nuqqas kontinwu min-naħa tal-awtoritajiet tal-Belarus milli jieħdu passi tanġibbli lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt jew l-introduzzjoni immedjata ta' moratorja dwarha;
3. Jikkundanna s-sentenzi tal-piena tal-mewt mogħtija lis-Sur Kavalyou u s-Sur Kanavalau u jħeġġeġ lil Alyaksandr Lukashenka biex jaħfer liż-żewġt irġiel u jistabbilixxi moratorja fuq is-sentenzi tal-piena tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet kollha bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt mis-sistema penali billi jkun ratifikat it-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, f'konformità ma' standards internazzjonali;
4. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus iwettqu investigazzjoni sħiħa, ġusta u imparzjali tal-allegazzjonijiet li saru f'dan il-kuntest u jipprovdu ġustizzja vera għall-vittmi tal-atti faħxija ta' terroriżmu inkwistjoni;
5. Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummisjsoni biex jagħmlu użu mill-għodda kollha disponibbli ta' diplomazija u ta' għajnuna għall-kooperazzjoni biex jaħdmu favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-Belarus;
6. Jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u r-Russja biex iħeġġu lill-Belarus sabiex jintroduċi moratorja fuq il-piena tal-mewt;
7. Iħeġġeġ bil-qawwa lis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-Belarus biex jaħdmu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jerġgħu jibdew ix-xogħol tal-grupp ta' ħidma parlamentari dwar il-piena tal-mewt li nbeda fl-2010, biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi f'konformità mal-obbligi tal-pajjiż skont trattati internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jiġi żgurat li l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi ġusti jiġu rigorożament rispettati;
9. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jippromwovu r-rwol tal-ġudikatura u l-attività tagħha fil-Belarus mingħajr indħil jew pressjoni mill-eżekuttiv, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u avukati, jiżguraw viżibilità xierqa għall-proċess ġudizzjarju, u jikkonformaw mal-impenji tad-Dimensjoni tal-Bniedem tal-OSKE b'mod partikolari fil-qasam tal-istat tad-dritt;
10. Jikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa fil-Belarus ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni demokratika kif ukoll il-fastidju ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; jitlob il-liberazzjoni immedjata tal-individwi kollha kkundannati għal raġunijiet politiċi li jinsabu l-ħabs jew qed iġarrbu forom oħra ta' kastig, inkluż Ales Bialiatski, President taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem “Viasna” u l-Viċi-President tal-FIDH;
11. Jitlob il-ħelsien immedjat mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” tal-UE tat-23 ta' Jannar 2012 li twessa' l-kriterju ta' sanzjoni li twitti t-triq għad-denominazzjonijiet futuri ta' dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Belarus, u jtenni li ma jista jkun hemm ebda progress fid-djalogu UE-Belarus lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, sakemm il-priġunieri politiċi kollha, inklużi ż-żewġ ex kandidati presidenzjali Mikalai Statkevich u Andrei Sannikau, kapijiet tal-kampanji presidenzjali tal-kandidati tal-oppożizzjoni demokratika Pavel Seviarynets u Dzmitry Bandarenka, u Syarhey Kavalenka, priġunier politiku arrestat talli allegatament kiser il-kundizzjonijiet tal-arrest domiċiljari, li kien fuq strajk tal-ġuħ fit-tul, li wassal għad-deterjorament kritiku ta' saħħtu u qed jipperikola direttament ħajtu, jiġu rilaxxati mingħajr kundizzjoni u d-drittijiet ċivili tagħhom jerġgħu lura kif kienu;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Bjelorussja, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.