Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012 dwar l-Eġittu: żviluppi reċenti (2012/2541(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-kawża tal-blogger Alaa Abd El-Fattah(1),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hi firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, tat-2 ta' Frar 2012 dwar it-traġedja fl-istadium tal-futbol fl-Eġittu, u tal-1 ta' Frar 2012 dwar it-trażżin li qed jissokta tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2004 u l-Pjan ta' Azzjoni, li ntlaħaq qbil dwaru fl-2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Ottubru 2011, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Eġittu tat-23 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/tar-RGħ dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-25 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/tar-RGħ lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tal-NGOs fl-Eġittu hija allarmanti; billi t-twaqqif ta' kumitat biex jeżamina l-istituzzjonijiet ċivili u l-NGOs, bl-għan li jiġi ssikkat il-kontroll legali fuq finanzjament barrani ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' fondazzjonijiet politiċi, tħabbar f'Ottubru 2011 u sussegwentement saret talba lill-Bank Ċentrali biex jimmonitorja t-trasferimenti bankarji kollha lill-NGOs u mill-NGOs; billi saru tfittxijiet fl-uffiċċji ta' għaxar organizzazzjonijiet b'finanzjament barrani u dawk l-organizzazzjonijiet ġew investigati u mbagħad pprojbiti mill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (SCAF) fid-29 ta' Diċembru 2011; billi fil-5 ta' Frar 2012 il-Gvern Eġizzjan immexxi mill-militar ħabbar li kien se jtella' l-qorti lil 19-il ċittadin Amerikan u lil 24 persuna oħra bħala parti minn investigazzjoni kriminali dwar il-finanzjament barrani ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fl-Eġittu; billi mħallfin Eġizzjani qed jinvestigaw l-allegat finanzjament barrani ta' NGOs u fondazzjonijiet politiċi favur id-demokrazija, u billi 44 konvenut, fosthom 19-il Amerikan, 14-il Eġizzjan, ħames Serbi, żewġ Ġermaniżi, żewġ Libaniżi, Ġordaniż u Palestinjan, kellhom il-każijiet tagħhom imressqa quddiem il-Qorti Kriminali tal-Kajr u ġew ordnati li ma jitilqux mill-pajjiż;
B. billi l-NGOs qed jiġu akkużati wkoll li waqqfu u mexxew uffiċċji fl-Eġittu mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern, minkejja li applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni li saru mill-organizzazzjonijiet skont ir-regoli rilevanti ġew injorati mill-awtoritajiet Eġizzjani għal aktar minn ħames snin; billi dawn l-akkużi huma l-quċċata ta' trażżin legali li qed jeskala fuq NGOs nazzjonali u internazzjonali fl-Eġittu, approċċ li jmur kontra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u qed idgħajjef l-isforzi biex jiġu promossi l-valuri demokratiċi u biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem;
C. billi tal-anqas 74 ruħ inqatlu u mijiet aktar ġew midruba wara ġlied li faqqa' waqt partita futbol f'Port Said bejn l-Al Ahly, klabb mill-Kajr u l-klabb lokali ta' Al Masr;
D. billi r-reazzjoni tal-pulizija għall-ġlied kienet estremament passiva; billi r-rabja u l-ispekulazzjoni li l-ġlied seta' kien politikament motivat, b'rabta ma' talbiet biex tintemm it-tmexxija militari, wasslu għal dimostrazzjonijiet fit-toroq kontra kull tip ta' dittatorjat, kemm militari kif ukoll ta' xi tip ieħor, fil-jiem wara t-traġedja fl-istadium tal-futbol, li wasslu biex mietu u ndarbu aktar nies; billi l-pulizija qed tkompli tispara l-gass tad-dmugħ, iċ-ċomb u l-balel tal-gomma fuq id-dimostranti;
E. billi l-Viċi Ministru tas-Saħħa tal-Eġittu, Hesham Sheiha, irrefera għat-traġedja fl-istadium bħala l-akbar diżastru fl-istorja tal-futbol tal-Eġittu; billi l-iSCAF ordna lill-ħelikopters iġorru l-membri tat-timijiet u l-partitarji midruba tat-tim li kien qed jilgħab barra minn daru lejn sptar militari; billi, b'mod partikolari fi żminijiet ta' tranżizzjoni u ta' taqlib soċjali, l-isport għandu jkollu rwol ta' għaqda, filwaqt li jagħti sens ta' normalità u jagħti bidu għar-rikonċiljazzjoni bejn komunitajiet mifruda;
F. billi s-suċċess tal-PEV, u r-riformi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod aktar speċifiku tad-drittijiet tan-nisa, huwa assoċjat mal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti;
G. billi l-iSCAF segwa aġenda kontroversjali, billi l-liġi ta' emerġenza ma ġietx abolita għalkollox u għadha tista' tiġi applikata b'rabta ma' każijiet ta' “delinkwenza”, kunċett li huwa miftuħ għal interpretazzjoni wiesgħa u applikazzjoni arbitrarja; billi, skont organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, ma kien hemm l-ebda titjib fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu matul l-aħħar għaxar xhur ta' tmexxija militari; billi ċ-ċivili għadhom jiġu ġġudikati quddiem tribunali militari, u bloggers, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma soġġetti għal fastidju dirett jew indirett, li kkontribwixxa għal tensjonijiet li qed jikbru u wassal għal aktar dimostrazzjonijiet popolari; billi l-iSCAF naqas milli jwettaq investigazzjonijiet dwar rapporti ta' attakki sesswali fuq dimostranti nisa, inklużi l-hekk imsejħa testijiet tal-“verġinità”, theddid ta' mewt u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;
H. billi fl-elezzjonijiet għall-Assemblea tal-Poplu li saru bejn Novembru 2011 u Jannar 2012 il-Partit tal-Libertà u l-Ġustizzja tal-Fratellanza Musulmana rebaħ 47 % tal-voti u l-partit Noor iddominat mis-Salafiti rebaħ 25 % tal-vot, u dan wassal biex in-numru ta' deputati nisa naqas minn 64 għal 8; billi l-elezzjonijiet presidenzjali għandhom isiru f'Ġunju; billi l-ebda istituzzjoni internazzjonali, inkluża l-UE, ma ġiet mistiedna tosserva l-elezzjonijiet;
I. billi talab kemm-il darba li jitneħħa l-istat ta' emerġenza, li ilu fis-seħħ mill-1981, li tissaħħaħ id-demokrazija, u li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Eġittu; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom id-dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet fid-dinja kollha;
1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kruċjali ta' tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tan-nisa, il-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb, il-ħarsien tal-minoranzi u n-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali, il-libertà tal-istampa u tal-midja, il-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifika, il-proċess korrett tal-liġi u l-libertà tal-espressjoni u tal-kelma, għaliex dawn id-drittijiet huma komponenti essenzjali ta' demokrazija fil-fond;
2. Jitlob li jitwaqqgħu immedjatament l-akkużi kriminali kontra l-NGOs u l-fondazzjonijiet politiċi; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li kwalunkwe spezzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali jew barranin issir fuq il-bażi ta' trasparenza u imparzjalità assoluti, u skont proċeduri legali approprjati u standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; iqis li dawn it-tattiki jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt tal-għaqda, kif previst fl-Artikolu 22 tal-ICCPR; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw liġi dwar l-għaqda ġdida abbażi tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u favur id-demokrazija; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn muri u l-ħidma importanti u ta' kwalità għolja li saret minn dawn l-organizzazzjonijiet b'appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-poplu Eġizzjan sabiex ikunu promossi l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
3. Jiddeplora l-fatt li għadd konsiderevoli ta' nies tilfu ħajjithom kif ukoll l-għadd kbir ta' persuni feruti f'Port Said u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-familji; jitlob li ssir inkjesta indipendenti dwar l-avvenimenti li wasslu għat-traġedja u biex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti;
4. Huwa preokkupat dwar akkużi li l-ġlied kien politikament motivat, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex iniedu b'urġenza investigazzjoni indipendenti dwar l-avvenimenti tal-1 ta' Frar 2012;
5. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi li jwasslu għall-istabbiliment tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fl-Eġittu, kif jixtieq il-poplu Eġizzjan; itenni t-talba tiegħu għat-tneħħija għalkollox tal-istat ta' emerġenza; jenfasizza għal darba oħra l-importanza tal-governanza tajba, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Eġittu, jitlob kjarifiki dwar il-proċess kostituzzjonali, iż-żmien li dan għandu jieħu u l-prinċipji tiegħu, sabiex jiżgura li kull dispożizzjoni kostituzzjonali tkun inklużiva u ma tħalli l-ebda possibilità għad-diskriminazzjoni kontra kwalunkwe persuna fis-soċjetà Eġizzjana; jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li s-setgħa suprema tkun ittrasferita lil gvern ċivili elett demokratikament mill-aktar fis possibbli;
6. Jenfasizza l-importanza li jsiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġaw u jgħinu lill-awtoritajiet Eġizzjani, lill-partiti politiċi u lis-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom li jilħqu dan l-għan; jistieden lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (SCAF) biex jippermetti li osservaturi indipendenti jaraw b'għajnejhom u jissorveljaw l-elezzjonijiet presidenzjali li se jsiru dalwaqt; jistieden lill-VP/lir-RGħ tippromwovi t-twaqqif ta' task force li tinvolvi l-Parlament Ewropew biex tappoġġa l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika, kif talbu dawk li qegħdin jaħdmu għal bidla demokratika, b'mod partikolari rigward l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi u l-bini tal-istituzzjonijiet, inkluż l-iżvilupp ta' ġudikatura indipendenti;
7. Jilqa' l-ħelsien tal-bloggers li kienu l-ħabs, Alaa Abd El-Fattah u Maikel Nabil Sanad; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiggarantixxu li l-ebda blogger, ġurnalist jew difensur tad-drittijiet tal-bniedem mhu se jkun suġġett għal fastidju dirett jew indirett jew għal intimidazzjoni fil-pajjiż; jilqa' l-ħelsien tal-priġunieri politiċi, iżda jtenni li dawn qatt ma kellhom ikunu pproċessati minn qrati militari; jemmen li l-priġunieri inkwistjoni kellhom għalhekk ikunu illiberati, mhux tingħatalhom maħfra;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Eġizzjani.