Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai (2010/2285(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krisztina Morvai, imressqa fit-13 ta' Ottubru 2010 mill-Qorti Distrettwali Ċentrali ta' Pest f'Budapest (l-Ungerija) b'rabta mal-proċedimenti pendenti quddiem din il-qorti, u mħabbra fis-seduta plenarja tal-24 ta' Novembru 2010,
– wara li sema' lil Krisztina Morvai, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub mill-Qorti Distrettwali Ċentrali tad-19 ta' Diċembru 2011 bi tweġiba għat-talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 7(3) għal aktar informazzjoni u spjegazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0050/2012),
A. billi l-Qorti Distrettwali Ċentrali ta' Pest talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Krisztina Morvai, b'rabta mal-proċedimenti quddiemha;
B. billi t-talba mill-Qorti tirreferi għal proċedimenti kriminali relatati mal-offiża kriminali ta' malafama pubblika b'konnessjoni ma' dikjarazzjonijiet magħmula minn Krisztina Morvai rigward individwu privat fl-Ungerija;
C. billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux ikunu suġġetti għal ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;
D. billi l-fatti tal-każ, kif manifestat fis-sottomissjonijiet li saru mill-Qorti lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet saru fi żmien meta Krisztina Morvai ma kinitx Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Krisztina Morvai;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Krisztina Morvai.
Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u l-Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).