Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2011 (2011/2244(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/36/UE tal-5 t'April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(1),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 1949 dwar it-Trażżin tat-Traffikar ta' Persuni u l-Isfruttar tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5 (2000), Beijing+10 (2005) u Beijing+15 (2010),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(2),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem “Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara” (COM(2010)0078),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-11 ta' Frar 2011 bl-isem “Rapport dwar il-progress għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2010” (SEC(2011)0193),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-Omofobija, it-Transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi(2010),
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-UE għall-Vittmi li hu magħmul mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2011 bl-isem “It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE” (COM(2011)0274), “Proposta li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità” (COM(2011)0275) u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili” (COM(2011)0276),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 – strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'” COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bl-isem “Implimentazzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola” (COM(2008)0638),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' prodotti u servizzi u s-sentenza relatata tal-1 ta' Marzu 2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ Test-Achats (C-236/09)(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(6) u tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozji(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti ewlenin ta' qafas politiku ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(11),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0041/2012),
A. billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u billi l-Unjoni tat lilha nnifisha l-kompitu speċifiku li tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi minkejja l-progress gradwali mwettaq f'dan il-qasam, għad fadal bosta inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel;
B. billi fi żminijiet ta' kriżi ekonomika, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-mara fis-suq tax-xogħol u tal-indipendenza ekonomika tagħhom ma tirrappreżentax biss obbligu morali, iżda ukoll neċessità ekonomika; billi l-Istrateġija UE 2020 tinkludi l-mira ewlenija li żżid għal 75% r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel tal-età bejn 20-64 sena;
C. billi l-kompetittività u l-prosperità ekonomika tal-futur tal-Ewropa jiddependu kruċjalment fuq il-kapaċità tagħha li tuża b'mod sħiħ ir-riżorsi tax-xogħol tagħha, inkluż b'parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi waħda mill-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 hija li jkun hemm iżjed nisa jaħdmu sabiex tintlaħaq ir-rata ta' impjieg ta' 75% għan-nisa sal-2020; billi, b'mod kumparattiv, hemm aktar nisa milli rġiel li jaħdmu f'impjiegi part-time jew b'kuntratti temporanji u għalhekk ikun aktar faċli li huma jispiċċaw bla xogħol f'perjodi ta' kriżi u hemm ir-riskju li r-riċessjoni attwali ser iddewwem l-avvanzi jew saħansitra treġġa' lura l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi minkejja l-opportunitajiet ta' xogħol part-time f'xi każijiet u għal xi perjodi jistgħu jkollhom effett pożittiv għan-nisa u l-irġiel sabiex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata;
D. billi l-għan tal-ugwaljanza bejn is-sessi jinvolvi rapprezentazzjoni politika aqwa tan-nisa; billi r-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi ma għaddiet minn ebda titjib lineari fis-snin riċenti – il-bilanċ bejn is-sessi fil-parlamenti nazzjonali madwar l-UE baqa' mhux mibdul b'24 % nisa u 76 % irġiel, u l-persentaġġ ta' nisa li huma membri parlamentari f'xi Stati Membri ma jaqbiżx il-15 %, bl-ammont ta' nisa jammonta għal 23 % biss tal-ministri kollha; billi n-numru ta' viċipresidenti nisa tal-Parlament Ewropew naqas fit-tieni nofs tal-leġiżlatura tal-mandat parlamentari 2009-2014;
E. billi fil-bidu l-kriżi ekonomika laqtet l-iktar l-impjiegi tal-irġiel, iżda t-tnaqqis fl-infiq pubbliku hu mistenni li joħloq impatt sproporzjonat fuq l-impjiegi tan-nisa u d-differenza fil-paga, peress li hemm ħafna aktar nisa milli rġiel impjegati fis-settur pubbliku; billi setturi partikolarment kritiċi ddominati min-nisa huma s-settur tas-saħħa, il-qasam tal-edukazzjoni u l-kura soċjali; huwa importanti li tingħata attenzjoni mhux biss lir-rati ta' impjieg, iżda wkoll lill-kundizzjonijiet ta' impjieg ugwali, il-kwalità, inklużi l-opportunitajiet ta' karriera, u l-pagi;
F. billi l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-vjolenza psikoloġoika hija ostaklu maġġuri għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u hija ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u tibqa wieħed mill-aktar ksur komuni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, minkejja l-miżuri kollha meħuda mill-politiċi biex jiġġielduha; billi r-riċessjoni ekonomika ħolqot kundizzjonijiet relatati ma' żieda fil-vjolenza f'relazzjonijiet intimi u il-miżuri ta' awsterità li jolqtu s-servizzi ta' appoġġ iħallu n-nisa vittmi ta' vjolenza iżjed vulnerabbli mis-soltu
G. billi l-ekonomisti u d-demografi (il-Bank Dinji, l-OECD, l-FMI) jużaw mudelli ekonomiċi u matematiċi biex jenfasizzaw il-valur ekonomiku tal-produzzjoni domestika – imwettqa primarjament min-nisa – u billi l-kontribuzzjoni tan-nisa għall-PDG tkun anke ogħla jekk jiġi kkunsidrat ix-xogħol mhux imħallas tagħhom, u dan jagħti prova tad-diskriminazzjoni li teżisti kontra x-xogħol tan-nisa;
H. billi t-tnaqqis fil-baġit għal servizzi soċjali, bħall-kura tat-tfal, kompla jxekkel il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;
I. billi l-aċċess għal servizzi ta' kura tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni oħra dipendenti huwa essenzjali biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, billi għadha ssir diskriminazzjoni ma' min jagħti l-kura fid-djar minħabba li s-snin li jagħmlu jaħdmu ma jgħoddulhomx għall-pensjonijiet u għal drittijiet oħrajn;
J. billi l-2012 hija s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet u huwa importanti li jiġi enfasizzat li iżjed nisa minn irġiel ta' età avvanzata jgħixu f'unità domestika unika minħabba għomor ta' ħajja itwal;
K. billi l-Parlament Ewropew, f'Ottubru 2011, adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal Direttiva ġdida dwar il-Liv tal-Maternità li testendi l-liv tal-maternità għal 20 ġimgħa b'paga sħiħa u tistabbilixxi wkoll liv tal-paternità mħallsa ta' mill-inqas ġimgħatejn;
L. billi l-aċċess għall-kapital hu limitat bil-qawwi mill-kriżi bankarja, u din il-problema aktarx tolqot lill-imprendituri nisa b'mod sproporzjonat, peress li aktar nisa qegħdin jaħdmu għal rashom, sabiex ikunu jistgħu jikkombinaw aħjar ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;
M. billi l-ġbir u l-analiżi ta' data diżaggregata abbażi tal-ġeneru huma ta' importanza kbira fl-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġel fl-Unjoni Ewropea;
N. billi l-progress għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi kien kajman ħafna, b'mod partikolari l-ugwaljanza ekonomika; billi l-mexxejja politiċi għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi sostenn formali, billi minflok jagħtuha prijorità fl-istrateġiji ekonomiċi tagħhom;
O. billi d-diskrepanza bejn il-paga li jirċievu n-nisa u dik li jirċievu l-irġiel għadha għolja ħafna (xi każijiet jeċċedu 25%), u minkejja l-isforzi u l-progress magħmula d-differenza bejn il-paga mhijiex qed tiċkien iżda minflok qed tistaġna;
P. billi r-rati ta' impjieg huma iktar baxxi fiż-żoni rurali, u barra minn hekk, kwantità kbira ta' nisa ma jidhrux b'mod uffiċjali fis-suq tax-xogħol, u għaldaqstant mhux irreġistrati la bħala qegħda u lanqas ma huma inklużi fl-istatistiċi fuq il-qgħad, u dan joħoloq problemi finanzjarji u legali speċifiċi f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-maternità u l-liv tal-mard, il-kisba ta' drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll problemi fil-każ ta' divorzju; billi ż-żoni rurali huma żvantaġġati minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol ta' kwalità għolja;
Q. billi medja ta' 3 minn kull 10 domiċilji fl-Unjoni Ewropea huma magħmula minn persuna waħedha, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa jgħixu waħedhom, b'mod partikolari nisa anzjani, u billi dan il-persentaġġ qiegħed kulma jmur dejjem jikber; billi dawn id-domiċilji huma vulnerabbli aktar u jinsabu f'riskju ta' faqar akbar, b'mod partikolari fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika; billi f'ħafna mill-Istati Membri domiċilji b'persuna waħedha jew bi dħul uniku huma trattati b'mod sfavorevoli, f'termini assoluti u relattivi, fir-rigward tat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet; billi l-politiki pubbliċi ma għandhomx jippenalizzaw, b'mod volontarju jew involontarju lill-persuni għaliex jgħixu waħedhom;
R. billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u għandhom ikunu garantiti għan-nisa kollha, irrispettivament mill-istatus soċjali ta' età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini etnika;
S. billi bosta nisa, bħal nisa b'diżabilità, nisa li jieħdu ħsieb tat-tfal, tal-anzjani u nisa b'diżabilità, nisa minn minoranzi etniċi u speċjalment nisa Roma u nisa immigranti jsofru minn diskriminazzjoni multipla u intersettorjali huma iżjed vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-ksur estrem tad-drittijiet tal-bniedem;
T. billi l-familji fl-Unjoni Ewropea huma differenti u jinkludu ġenituri miżżewġa, mhux miżżewġa u li għandhom sieħeb/sieħba, ġenituri ta' sess differenti u tal-istess sess, ġenituri waħedhom u ġenituri foster li jixirqilhom protezzjoni ugwali taħt il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea;
U. billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Test Achats turi l-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet preċiżi, ċari u mhux ambigwi fil-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;
V. billi d-differenzi bejn is-sessi jkunu iżgħar qabel il-formazzjoni tal-familja u jiżdiedu meta l-individwi jiffurmaw koppja; billi jkun hemm tnaqqis fir-rata tal-impjieg tan-nisa wara li titwieled l-ewwel tarbija u l-iżvantaġġi fis-suq tax-xogħol jakkumulaw fl-istadji bikrija taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, b'konnessjoni mal-kura tat-tfal, li fi stadju iżjed tard tinbidel fil-kura tal-anzjani, u dan ta' spiss iwassal għal faqar fost dawk li jaħdmu;
W. billi l-azzjonijiet pożittivi immirati lejn in-nisa wrew li huma fundamentali għall-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali;
X. billi n-nisa f'żoni rurali jsofru minn diskriminazzjoni u sterjotipi tal-ġeneru saħansitra ikbar min-nisa fiż-żoni urbani u r-rata ta' impjieg ta' dawn in-nisa hija ħafna iktar baxxa minn ta' dawk fil-bliet;
Y. billi l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma l-iżjed nisa u bniet;
L-indipendenza ekonomika ugwali
1. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar iż-żwieġ, id-divorzju u l-proprjetà matrimonjali ma jikkostitwux nasba finanzjarja, diretta jew indiretta, għall-miżżewġin, b'mod partikolari għan-nisa, u jiżguraw li koppji żgħażagħ ikunu konxji u informati bis-sħiħ fi żmien xieraq dwar l-implikazzjonijiet legali u finanzjarji taż-żwieġ u tad-divorzju;
2. Jitlob lill-Istati Membri jinvestu f'faċilitajiet bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja għall-kura tat-tfal, tal-morda, tal-persuni b'diżabilità, tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħrajn, billi jiżguraw li dawn ikollhom ħinijiet flessibbli u li jkunu aċċessibbli biex l-akbar numru ta' nies ikunu jistgħu jikkombinaw il-ħajja professjonali u privata; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li n-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani għandhom jirċievu rikonoxximent billi jagħtuhom drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' pensjonijiet individwali; jistieden lis-sħab soċjali jippreżentaw inizjattivi speċifiċi li jivvalidaw il-ħiliet miksuba waqt perjodu ta' liv marbut mal-kura;
3. Jitlob lill-Istati Membri biex jimxu lejn sistemi individwalizzati ta' sigurtà soċjali, sabiex jiżdiedu l-awtonomija individwali u l-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà
4. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-kunċett legali ta' sjieda konġunta bl-għan li jiġi garantit rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet tan-nisa fis-settur tal-agrikoltura, protezzjoni adegwata fis-settur tas-sigurtà soċjali u rikonoxximent tax-xogħol tan-nisa, u l-bżonn li jiġi mmodifikat ir-Regolament tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) sabiex ikun possibbli, kif inhu l-każ taħt il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li tittieħed azzjoni pożittiva favur in-nisa fil-perjodu ta' programmar futur 2014-2020, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li dan kien fattibbli fil-perjodi aktar bikrija imma ma jistax isir fil-perjodu attwali, u li tali miżuri jkollhom effetti ta' benefiċċju kbir fuq l-impjieg tan-nisa f'żoni rurali;
5. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ifasslu proposti għar-rikonoxximent reċiproku tal-unjoni ċivili u ta' familji tal-istess sess madwar l-Ewropa, fost dawk il-pajjiżi fejn din il-leġiżlazzjoni diġà daħlet fis-seħħ, sabiex jiżguraw it-trattament ugwali fir-rigward tax-xogħol, il-moviment liberu, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, il-protezzjoni tad-dħul tal-familji u t-tfal;
6. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u puntwali tagħha;
7. Jiddispjaċih rigward l-implimentazzjoni minn xi Stati Membri ta' definizzjonijiet restrittivi ta' “familja” sabiex tiġi miċħuda l-protezzjoni legali għal koppji tal-istess sess u t-tfal tagħhom; ifakkar li l-liġi tal-UE tapplika mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sess jew l-orjentazzjoni sesswali, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jenfasizza li l-konsolidazzjoni fiskali mingħajr kunsiderazzjoni tar-riskji tal-ugwaljanza bejn is-sessi taf twassal għal iżjed segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, iżjed xogħol prekarju fost in-nisa, differenza ikbar fil-pagi bejn is-sessi, iżjed femminizzazzjoni tal-faqar u iżjed diffikultajiet biex jiġu kkombinati l-kura u x-xogħol;
9. Jitlob lill-Kunsill jipproċedi “l quddiem fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità, b'mod partikolari fir-rigward tal-paga għal nisa li jkunu għadhom kemm welldu, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-indipendenza ekonomika tan-nisa matul dan il-perjodu.
10. Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu u jimmonitorjaw b'mod attiv u mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas tas-Sħab Soċjali dwar il-Liv tal-Ġenituri, b'mod partikolari fir-rigward tal-perjodu mhux trasferibbli u jiżguraw li jitneħħew l-ostakli kollha biex ikun hemm iktar irġiel li jużaw il-liv tal-ġenituri;
11. Jenfasizza li d-dħul u x-xogħol bi qligħ u ta' kwalità tan-nisa huma ċ-ċavetta għall-awtonomija ekonomika u għal ugwaljanza aħjar bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas soċjali;
12. Jitlob lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex jinkludu b'mod speċjali l-ħaddiema nisa fit-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali f'“impjiegi ħodor” meqjusa mill-Kummissjoni tal-UE bħala “sezzjoni ta' tkabbir ewlieni” tas-suq tax-xogħol Ewropew;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw u jeliminaw l-ostakli għad-dħul fis-suq tax-xogħol, jew għall-impjieg għal rashom, tan-nisa Roma, u wkoll biex jenfasizzaw kif inhu xieraq ir-rwol tan-nisa fit-tisħiħ ekonomiku tar-Roma emarġinati u fit-tnedija ta' negozji;
14. Jitlob li jittieħdu azzjonijiet fuq livell nazzjonali u Ewropew għall-promozzjoni tal-ispirtu imprenditorjali tan-nisa permezz tal-ħolqien ta' strutturi ta' taħriġ u ta' pariri professjonali u legali u bl-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjamenti pubbliċi u privati;
15. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jevalwaw l-impatt fuq il-ġeneru tal-kriżi ekonomika u finanzjarja permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġeneru u miżuri sussegwenti ta' bbaġitjar abbażi tal-ġeneru;
16. Jitlob lill-Istati Membri jinvestu l-infiq tal-Fondi Strutturali attwali għall-perjodu 2007-2013 fl-iżvilupp ta' servizzi ta' kura li jippermettu kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel biex jikkombinaw il-ħajja professjonali u privata tagħhom;
L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur
17. Jinnota li minkejja n-numru ma jingħaddx ta' kampanji, objettivi u miżuri fis-snin reċenti, id-differenza fil-pagi bejn is-sessi għadha kbira ħafna, bin-nisa jaqilgħu medja ta' 17.5% anqas mill-irġiel madwar l-UE, u kien hemm biss tnaqqis marġinali fid-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi tul dawn l-aħħar snin; jitlob lill-Istati Membri jirduppjaw l-impenn tagħhom biex idaħħlu fis-seħħ imiżuri Ewropej bil-għan li titnaqqas din id-diskrepanza;
18. Jitlob strateġija b'ħafna aspetti mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u s-Sħab Soċjali biex jindirizzaw id-differenza persistenti fil-pagi bejn is-sessi, inkluża mira ta' paga ugwali Ewropea, mira għat-tnaqqis tad-differenza fil-paga b'10 punti perċentwali f'kull Stat Membru biex ikun żgurat ħlas ugwali għan-nisa u għall-irġiel għall-istess xogħol u għall-istess kwalifiki, u jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni għat-tnedija ta' Jum Ewropew għall-Pagi Ndaqs (EEPD); jiddispjaċih li ma tressqet l-ebda proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Novembru 2008 u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;
19. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi bħala konsegwenza diretta tad-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u jevalwaw l-impatt tas-sistemi ġodda tal-pensjoni fuq diversi kategoriji ta' nisa, b'attenzjoni partikolari fuq il-kuntratti part-time u l-kuntratti mhux standard,
20. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri mmirati biex jiżguraw status finanzjarju aħjar u aktar ġust għal impjieg soċjali. hu tal-fehma li l-impjiegi fl-edukazzjoni u l-kura għandhom jitpoġġew fuq l-istess livell finanzjarju ma' impjiegi oħrajn, u ma għandu jirriżulta l-ebda żvantaġġ finanzjarju meta l-irġiel u n-nisa jagħżlu attivitajiet soċjali;
21. Jinsab imħasseb li l-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fil-baġit ser ikompli jkabbar il-problema, peress li n-nisa ser jibqgħu jkunu affettwati b'mod sproporzjonat, u jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u ukoll lill-imsieħba soċjali biex ifasslu pjan ta' azzjoni u miri reali u ambizzjużi;
22. Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw aħjar il-ħiliet ta' migranti nisa kwalifikati ħafna u biex jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ inklużi korsijiet tal-lingwa sabiex ikun evitat it-telf ta' ħiliet u sabiex jiżguraw opportunitajiet ta' impjieg indaqs u jippromwovu l-integrazzjoni tal-migranti; jitlob lill-Istati Memrbi jagħtu attenzjoni lill-adozzjoni ta' miżuri għal nisa migranti u jħeġġeġ il-konsultazzjoni ta' NGOs u ta' organizzazzjonijiet ta' nisa migranti dwar politiki u miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni soċjali tagħhom;
23. huwa mħasseb dwar il-leġiżlazzjoni f'ċerti Stati Membri li ma jipprojbixxux b'mod espliċitu l-possibilità li tingħata r-riżenja ffirmata minn qabel lil min iħaddem fil-mument tar-reklutaġġ tan-nisa, bil-konsegwenza li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-maternità;
L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet
24. Iqis li l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol Ewropew mhux biss għandhom effett pożittiv fuq l-intrapriżi, iżda huma wkoll ta' benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi u din hija kwistjoni li tikkonċerna d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija: in-nisa jirrappreżentaw 60% tal-gradwati universitarji ġodda, iżda għadhom sottorappreżentati f'karigi għat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi;
25. Jiddispjaċih għall-fatt li l-proġetti ta' rkupru ekonomiku għadhom jiffokaw prinċipalment fuq l-impjiegi fejn l-irġiel impjegati jikkostitwixxu maġġoranza; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod konsistenti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 u tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali, u biex jagħtu prijorità ogħla lit-trattament tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq in-nisa b'diżabilità, migranti u nisa f'minoranza etnika, nisa ta' età bejn il-54 u 65 sena u n-nisa Roma; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex isibu bilianċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u sabiex isiru finanzjarjament indipendenti, in-nisa għandu jkollhom aċċess għal forom flessibbli ta' impjieg, inkluż it-teleworking; jinnota li teżisti sotto-rappreżentanza tan-nisa f'setturi li x'aktarx jespandu bħal impjiegi fis-settur tar-rinnovabbli, fix-xjenza u f'impjiegi teknoloġikament intensivi, u għalhekk jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jfasslu politiki għall-ħolqien tal-impjiegi li jikkonċernaw r-rappreżentanza bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn is-setturi l-ġodda;
26. Jitlob li jingħata appoġġ lil inizjattivi u kampanji li jkissru l-isterjotipar fir-rigward tal-effikaċja baxxa ta' impjegati nisa u n-nuqqas ta' ħiliet maniġerjali tagħhom; jitlob ukoll sabiex in-nisa jkunu appoġġjati fl-iżvilupp tal-karriera u fl-isforzi tagħhom biex jilħqu f'karigi maniġerjali;
27. Jiddispjaċih min-nuqqas ta' progress lejn iż-żieda tan-numru ta' nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji kif muri fir-rapport tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi; josserva, li fl-UE bħala medja 12 % biss tal-impjiegi maniġerjali huma nisa fl-akbar intrapriżi kkwotati fil-borża u li 3 % minnhom biss huma presidenti nisa
28. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista' jkun, data komprensiva attwali dwar ir-rappreżentanza femminili f'kull tip ta' kumpanija fl-UE u dwar il-miżuri obbligatorji u mhux obbligatorji meħuda mis-settur kummerċjali kif ukoll dawk adottati reċentement mill-Istati Membri, bil-għan din ir-rappreżentanza tikber; jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, il-passi meħuda mis-settur kummerċjali kif ukoll mill-Istati Membri huma inadegwati; jilqa' l-konsultazzjoni mħabbra dwar il-miżuri biex jitjieb il-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, madankollu, hu diżappuntat li l-Kummissjoni Ewropea toqgħod lura milli tieħu miżuri leġiżlattivi immedjati, kif impenjat ruħha li tagħmel fil-każ li l-miri ma jintlaħqux; jemmen li l-progress żgħir li sar fl-2011 jistħoqlu miżuri iktar konkreti minn sempliċi konsultazzjoni; Itenni, għalhekk, it-talba tiegħu tal-2011 biex sal-2012 tiġi proposta leġiżlazzjoni li tinkludi kwoti biex tiżdied ir-rappreżentanza femminili fil-korpi ta' ġestjoni korporattivi titla' għal 30% sal-2015 u 40% sal-2020, b'kunsiderazzjoni ukoll tar-responsabilitajiet tal-Istati Membri u tal-partikolaritajiet ekonomiċi, strutturali (jiġifieri dawk relatati mad-daqs tal-kumpaniji) legali u reġjonali;
29. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw miżuri, b'mod partikolari b'mezzi legali, li bihom jistabbilixxu miżuri vinkolanti li jiggarantixxu l-preżenza bbilanċjata ta' nisa u rġiel f'karigi ta' responsabiltà f'impriżi, fl-amministrazzjoni pubblika u fl-organi politiċi; jirreferi għall-eżempji ta' suċċess tan-Norveġja, Spanja, il-Ġermanja, l-Italja u Franza;
30. Ifakkar li l-Elezzjonijiet Ewropej 2014, segwiti bil-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u n-nomini għall-karigi amministrattivi għolja fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, huma opportunità li jsir pass lejn id-demokrazija ta' parità fil-livell tal-UE.
31. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ugwaljanza billi jipproponu mara u raġel bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew; jitlob lill-President tal-Kummissjoni innominat biex jimmira għall-parità meta jifforma l-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni attwali biex tappoġġja pubblikament din il-proċedura;
32. Jindika li l-użu tal-kwoti elettorali għandu effetti pożittivi fuq ir-rappreżentanza tan-nisa u jilqa' s-sistemi ta' parità leġiżlati u l-kwoti tas-sessi introdotti fi Franza, Spanja, il-Belġju, is-Slovenja, il-Portugall u l-Polonja; jitlob lill-Istati Membri b'rappreżentenza partikolarment baxxa tan-nisa f'assemblej politiċi biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri ekwivalenti;
33. Jilqa' ż-żieda sinifikanti fin-numri ta' karigi femminali tal-kumitati parlamentari u n-numru ta' MEPs nisa fil-leġiżlatura 2009-2014, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' viċi presidenti nisa tal-PE fit-tieni nofs tal-leġiżlatura; għaldaqstant jipproponi miżuri għal bilanċ assolut bejn is-sessi dwar il-karigi ta' viċi presidenti;
34. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju, gwida u taħriġ vokazzjonali biex jinkoraġġixxu lin-nisa jistabbilixxu l-kumpaniji tagħhom;
Dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-vjolenza u l-fastidju ta' natura omofobika u transfobika fil-programmi ta' azzjoni tagħha kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
36. Jilqa' l-isforzi, kemm dawk fil-livell Komunitarju u f'dak nazzjonali, għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, l-irġiel u t-tfal bħall-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-pakkett leġiżlattiv għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE, iżda jenfasizza li dan il-fenomenu jibqa' problema ewlenija mingħajr soluzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw politiki li jiġġieldu kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż l-abbuż sesswali, fiżiku u psikoloġiku, il-vjolenza domestika, l-fastidju u l-ħtieġa biex il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-politiki ta' kooperazzjoni u għall-iżvilupp ta‐UE; jenfasizza l-ħtieġa sabiex jinstabu l-implikazzjonijiet reali tal-problema tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-UE; jinnota l-ħidma importanti li għandha ssir f'dan il-qasam mill-Osservatorju Ewropew dwar il-Vjolenza Abbażi tal-ġeneru u jitlob għalhekk biex l-Osservatorju isir operattiv malajr kemm jista' jkun;
37. Itenni l-ħtieġa biex il-Kummissjoni tressaq strateġija mifruxa mal-UE kollha biex titwaqqaf il-vjolenza kontra n-nisa bl-inklużjoni ta' strument leġiżlattiv ta' dritt kriminali għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kif mitlub mill-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-2015 bħala s-Sena tal-UE biex Ittemm il-Vjolenza kontra n-Nisa;
38. Jinkuraġġixxi l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu programmi ta' informazzjoni dwar fastidju u mobbing fuq il-post tax-xogħol, sabiex nisa li huma soġġetti għal trattament bħal dan ikunu jistgħu jieħdu kontromiżuri effettivi;
39. Jiddefinixxi l-vjolenza domestika bħala vjolenza li tinkludi kull abbuż sesswali, fiziku, u psikoloġiku; jinnota li l-vjolenza tal-ġeneru ta' kull sena tikkaġuna bosta mwiet madwar l-UE; għalhekk jitlob li jittieħdu miżuri adegwati sabiex il-vjolenza tal-ġeneru tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta' sigurtà pubblika u bi ksur tad-drittijiet fundamentali, aktar milli bħala kwistjoni privata u domestika, u bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jiġi żgurat fost affarijiet oħra, l-aċċess għal forom ta' prevenzjoni, protezzjoni legali u assistenza, anke fir-rigward tal-istalking;
40. Jesprimi sodisfazzjon dwar l-adozzjoni reċenti tad-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, li għandha l-għan li tipproteġi l-vittmi ta' vjolenza tal-ġeneru - u jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom malajr sabiex jippermettu l-funzjonament tajjeb tal-Ordni ta' Protezzjoni Ewropew;
41. Jinnota f'dan il-kuntest il-Pakkett tal-UE għall-Vittmi; jitlob lill-Istati Membri jinkludu f'dan il-pakkett azzjonijiet u riżorsi speċifiċi kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-vjolenza domestika, il-vjolenza sesswali, il-fastidju, l-hekk imsejjaħ qtil għall-unur, il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u forom oħra ta' vjolenza u ksur tad-drittijiet individwali;
42. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu programmi ta' riabilitazzjoni u programmi psikoloġiċi għal min jikkommetti abbuż fiżiku, li għandhom inaqqsu l-inċidenza ta' abbuż simili; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni, għall-imġiba aggressiva li qed tiżdied fost il-bniet;
43. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.
44. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jieħdu miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tan-nisa li kienu vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz ta' strumenti bħall-FSE jew il-programm PROGRESS;
45. Jinnota li t-tisħiħ tal-indipendenza soċjali u ekonomika kif ukoll tal-awtonomija tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-libertà li wieħed jew waħda jagħżlu s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom huma prekundizzjonijiet importanti għall-ġlieda kontra l-vjolenza;
46. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu d-dimensjoni tal-ġeneru fis-saħħa bħala parti essenzjali tal-politiki tas-saħħa tal-UE u jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex jadottaw strateġija doppja bl-integrazzjoni tal-ġeneru u l-età u b'azzjonijiet speċifiċi marbuta mal-ġeneru fil-politiki tas-saħħa tal-UE u nazzjonali;
47. Itenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tad-drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar tal-2010 u tat-8 ta' Marzu tal-2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 u 2010; jesprimi tħassib f'dan ir-rigward, dwar it-tnaqqis riċenti fil-finanzjament għall-ippjanar tal-familja u għall-edukazzjoni sesswali u ukoll ir-restrizzjonijiet għall-aċċess ta' saħħa sesswali u riproduttivi f'ċerti Stati Membri, b'referenza partikolari għall-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità u għall-abort sigur u legali; jenfasizza li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom inkluż b'aċċess għal kontraċettivi ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli;
48. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar in-numru dejjem jikber ta' każijiet ta' HIV/AIDS u ta' mard ieħor trażmess sesswalmment, speċjalment fost in-nisa; jinnota li 45 % tan-nisa u t-tfajliet li reċentement ġew infettati bl-HIV huma bejn 15 u 24 sena; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni, sabiex fl-istrateġija tagħha fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS tagħti aktar attenzjoni għall-prevenzjoni, u permezz tal-inklużjoni tal-edukazzjoni sesswali, l-aċċess liberu għall-kondoms u għat-testijiet tal-HIV iżżid il-kuxjenza ġenerali dwar il-periklu ta' mard trażmess sesswalment u b'hekk tnaqqas in-numru ta' infezzjonijiet ġodda bl-HIV;
49. Jitlob għal dibattitu fil-livell Ewropew u f'dak tal-Istati Membri dwar kif jiġu miġġielda l-isterjotipip marbutin mal-irwoli rispettitivi tan-nisa u l-irġiel; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-promozzjoni tar-rappreżentanza tal-immaġni tal-mara b'tali mod li tirrispetta d-dinjità tan-nisa, u l-ġlieda persistenti kontra l-isterjotipi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-prevalenza ta' immaġni degradanti, filwaqt li tkun rispettata bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa;
50. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintegraw, bħala parti mir-rekwiżit tas-simplifikazzjoni abbażi tal-ġeneru, fil-politiki kollha tagħhom, attenzjoni speċifika għan-nisa bi bżonnijiet speċifiċi.
51. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi ta' nisa vulnerabbli: in-nisa b'diżabilità, in-nisa ta' età avvanzata, b'taħriġ limitat jew mingħajr l-ebda taħriġ, b'persuni dipendenti fuqhom, immigranti nisa jew nisa li huma parti minn gruppi ta' minoranzi kollha jikkostitwixxu gruppi speċifiċi li għalihom għandhom jittieħdu miżuri adattati għaċ-ċirkostanzi tagħhom;
52. Jistieden lill-organi nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli biex jiżguraw l-ugwaljanza biex jintroduċu approċċi integrati għal titjib fir–reazzjoni u l-ġestjoni ta' każijiet ta' diskrimininazzjoni multipla; jenfasizza, barra minn hekk wkoll li dawn il-korpi għandhom joffru lill-imallfin tagħhom, lill-avukati u lill-persunal inġenerali taħriġ li jippermettilhom jidentifikaw, jipprevjenu u jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta' diskriminazzjoni multipla;
Ugwaljanza bejn is-sessi lil hinn mill-Unjoni
53. Jitlob li d-drittijiet tal-bniedem għan-nisa u l-kapaċità li jużawhom b'mod effettiv jingħataw l-ogħla prijorità fil-politiki esterni tal-UE; jitlob ukoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu;
54. Jesprimi tħassib tiegħu – filwaqt li jilqa' ċ-ċaqliq lejn aktar demokrazija u libertà fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran – li d-drittijiet tan-nisa jistgħu saħansitra jiddgħajfu aktar b'riżultat tar-Rebbiegħa Għarbija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri ta' appoġġ speċjali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn il-pajjiżi;
55. Jiddeplora l-fatt li l-istupru għadu jintuza f'ċerti reġjuni tad-dinja bħala arma; jistieden lill-Unjoni Ewropea, permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, sabiex tinkludi dan il-fenomenu bħala prijorita' fl-aġenda politika tagħha;
56. Jinnota li din is-sena l-popolazzjoni tad-dinja laħqet is-7 biljuni; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-ippjanar tal-familja għandu jitqiegħed fuq quddiem nett tal-aġenda politika;
57. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress kajman fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, b'mod partikolari l-MDG5: It-titjib tas-Saħħa Materna, u peress li l-progress lejn tnaqqis ta' ħamsa u sebgħin fil-mija tar-rata ta' mortalità materna jinsab lura ħafna u peress li l-għan għall-kisba tal-aċċess universali għas-saħħa reproduttiva sal-2015 għadu “l bogħod milli jintlaħaq; jinnota li kuljum għadhom imutu madwar 1000 mara minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala jew fit-twelid, li jistgħu jiġu evitati faċilment;
58. Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u reliġjużi sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ u pubblikament l-MDG5 u biex jappoġġjaw is-servizzi għas-saħħa sesswali u reproduttiva moderni;
59. Jitlob lill-Istati Membri jikkonfermaw is-sostenn politiku u finanzjarju tagħhom għall-MDGs, u anke jkabbru l-isforzi tagħhom biex jinkiseb l-MDG5, minkejja ż-żminijiet ta' kriżi ekonomika;
60. Jilqa' d-deċiżjoni reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħolqien ta' Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet fil-11 ta' Ottubru, li hija mod qawwi ta' kif jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet u d-drittijiet partikolari tal-bniet, u li tippromwovi iżjed azzjoni u investiment sabiex jippermettu lill-bniet jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom skont l-istandards u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millenju;
61. Ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri bl-impenn tagħhom li jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u jħeġġeġ li l-għoti ta' għajnuna umanitarja tal-UE jsir b'mod effettivament indipendenti mir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja imposti mill-Istati Uniti, b'mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess għall-abort għal nisa u bniet li huma vittmi ta' stupru f'kunflitti armati;
Governanza
62. Jitlob lill-Kunsill li jmiss biex jiżblokka d-Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, bil-għan li din tiġi adottata tul il-Presidenza Daniża;
63. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma;
64. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-każ Test Achats fil-leġiżlazzjoni fil-futur sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali, notevolment u b'mod urġenti b'rabta mad-d-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' prodotti u servizzi;
65. Jitlob lill-Kunsill fi ħdan in-negozjati kontinwi dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE 2014-2020 biex jintroduċi bbaġitjar responsiv għas-sessi fil-proċess tal-ibbaġitjar tal-UE u biex jiggarantixxi l-prevedibbiltà u li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fil-livell tal-finanzjament tal-UE għal attivitajiet dwar id-drittijiet tan-nisa u dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi - inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa, fir-rigward ta' politiki interni u esterni;
66. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress mill-Istati Membri dwar pjanijiet għall-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-maternità u l-paternità u jitlob li jinstab kompromess ibbilanċjat mal-Presidenza Daniża futura tal-UE, bil-għan li tiġi adottata fl-ewwel nofs tal-2012, biex tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-familji Ewropej u tal-ekonomija Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal arranġamenti ta' liv għall-kura ta' qraba anzjani jew morda;
67. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni komprensiva dwar is-sitwazzjoni tad-domiċilji b'persuna waħda fl-UE, bi proposti tal-politika biex jinkiseb trattament ġust f'oqsma bħat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet, abbażi tal-prinċipju tan-newtralità tal-politika fir-rigward tal-kompożizzjoni tad-domiċilji;
68. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw data u indikatturi kwalitattivi tal-ġeneru affidabbli u diżaggregati skont il-ġeneru biex ikunu jistgħu jevalwaw u jaġġornaw kif xieraq l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel( 2010-2015) kif ukoll biex jimmonitorjaw in-naturi transversali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha;
69. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni għal Pjan Direzzjonali dwar l-Ugwaljanza għal-persuni LGBTI, li jkun analogu għall-Pjan Direzzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
70. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti tal-midja dwar vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li qegħdin jiġu trattati bħala kriminali minflok ma jingħataw appoġġ, u jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga t-trattament tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, tal-iskjavitù sesswali u tal-prostituzzjoni sforzata fl-Istati Membri;
71. Jitlob li tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni ta' mekkaniżmi istituzzjonali li jinvolvu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri, sabiex it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, ir-riformi kontinwi u ristrutturar ieħor ma jkollhomx effett negattiv partikulari fuq dawn il-mekkaniżmi, li mingħajrhom il-prijorità orizzontali tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bl-ispeċifiċità tal-ġestjoni tagħha aktarx li ma tkunx effettiva;
72. Jindika li jinħtieġ titjib fl-arranġamenti għall-kooperazzjoni u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, u tas-soċjetà ċivili kollha kemm hi, fil-proċessi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru;
o o o
73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.