Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi – kwalità u ugwaljanza (2011/2295(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 23 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tal-1979(CEDAW),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Biejing +10 (2005) u Beijing +15 (2010),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa dwar “il-Parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha” tal-2006,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa 1997/2 dwar l-Oqsma Kritiċi ta' Tħassib tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing 1996-1999,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/58/142 dwar in-nisa u l-parteċipazzjoni politika u r-Riżoluzzjoni III tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, dwar in-nisa u l-parteċipazzjoni politika, approvata fit-18 ta' Novembru 2011; Riżoluzzjoni A/C.3/66/L.20/Rev.1,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2000 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi ta' l-esperti stabbiliti minnha(2),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta' Diċembru 1996 dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet(3),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Rec (2003)3 dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, adottata fit-12 ta' Marzu 2003, u r-riżultat taż-żewġ rawnds ta' monitoraġġ tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni Rec (2003)3, ibbażati fuq kwestjonarju dwar dejta separata skont il-ġeneru dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, li twettqu fl-2005 u l-2008 rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Assemblea Parlamentari tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) 1079 (1996), dwar ir-rappreżentanza akbar tan-nisa fil-PACE, ir-Rakkomandazzjoni 1413 (1999) dwar ir-rappreżentanza ugwali fil-ħajja politika, ir-Riżoluzzjoni 1348 (2003) dwar ir-rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi fil-PACE, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni 1665 (2004), dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet, u r-Riżoluzzjoni 303 (2010) dwar il-kisba ta' ugwaljanza sostenibbli bejn is-sessi fil-ħajja politika lokali u reġjonali,
– wara li kkunsidra l-Kungress ta' Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 85 (1999), ir-Rakkomandazzjoni 68 (1999) dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika fir-reġjuni tal-Ewropa u r-Rakkomandazzjoni 111 (2002) dwar id-drittijiet ta' votazzjoni individwali tan-nisa u r-rekwiżiti demokratiċi,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-liġi (“Kummissjoni ta' Venezja”),
– wara li kkunsidra l-manwal “Gender budgeting: practical implementation” (Ibbaġitjar tal-ġeneru: implimentazzjoni prattika) imħejji mid-Direttorat Ġeneali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa (April 2009),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1899(2010) tal-Assemblea Parlamentaru tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika permezz tas-sistema elettorali, adottata fis-27 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2000 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0029/2012),
A. billi hemm parteċipazzjoni żbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi u sottorappreżentanza ċara tan-nisa f'karigi politiċi eletti u nominati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha; billi hemm sottorappreżentanza allarmati ta' nisa fl-elezzjonijiet ta' nofs it-terminu fi ħdan il-Parlament Ewropew;
B. billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u l-metodi, l-istrateġiji u l-attitudnijiet u l-għodod kulturali fil-ġlieda kontra d-diskrepanzi jvarjaw ħafna fil-livell nazzjonali fi ħdan l-UE u fost l-Istati Membri, partiti politiċi u sħab soċjali tagħha;
C. billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew żdiedet għal 35% iżda għadha ma laħqitx il-parità; billi n-nisa huma saħansitra aktar sottorappreżentati fil-karigi ewlenin fil-kumitati u l-gruppi politiċi; billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-Kummissjoni Ewropea hi staġnata għal terz tal-Kummissjoni, u l-Kummissjoni qatt ma kienet ippreseduta minn mara;
D. billi, l-istatistika tindika li minkejja d-diversi azzjonijiet imwettqa, l-inugwaljanza għadha qawwija, u r-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi tul dawn l-aħħar snin staġnat minflok ma uriet titjib kostanti, bil-bilanċ bejn is-sessi fil-parlamenti nazzjonali madwar l-UE jibqa' fil-livelli ta' 24% nisa u 76% irġiel, bi 23% minnhom biss ikunu ministri nisa(5);
E. billi llum teżisti de facto sistema ta' kwoti informali, fejn l-irġiel huma privileġġati fuq in-nisa u fejn l-irġiel jagħżlu l-irġiel għal pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, li mhijiex sistema formalizzata madankollu din hi kultura sistematika u b'għeruq profondi ta' trattament pożittiv tal-irġiel;
F. billi r-rappreżentanza ugwali ta' nisa u irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi hi kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem u ta' ġustizzja soċjali u hi rekwiżit essenzjali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika; billi s-sottorappreżentanza persistenti tan-nisa tfisser żvantaġġ demokratiku li jimmina l-leġittimità tat-teħid ta' deċiżjonijiet kemm fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;
G. billi t-teħid ta' deċiżjonijiet jissejjes fuq preparazzjonijiet amministrattivi u għaldaqstant in-numru ta' nisa f'karigi amministrattivi, b'mod speċjali fit-tmexxija, hi kwistjoni ta' ugwaljanza u jiżgura l-kunsiderazzjoni tal-aspetti tal-ġeneru fil-preparazzjoni tal-politiki kollha;
H. billi l-Elezzjonijiet Ewropej li għandhom jinżammu fl-2014, segwiti mill-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u n-nominazzjonijiet għall-“Aħjar Impjiegi” tal-UE, huma opportunità biex isir pass “il quddiem lejn id-demokrazija ta' ugwaljanza fil-livell tal-UE u biex l-UE tkun mudell f'dan il-qasam;
I. billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tiddikjara, inter alia, li l-Istati Partijiet għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż miżuri pożittivi, għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja politika u pubblika;
J. billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tħeġġeġ għal:
–
riformi fis-sistemi elettorali sabiex dawn isiru aktar favorevoli għar-rappreżentanza tan-nisa;
–
dispożizzjonijiet kontra d-diskrimazzjoni abbażi tal-ġeneru fil-liġijiet kostituzzjonali u elettorali bl-eċċezzjoni meħtieġa, li tippermetti miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva favur dak is-sess sottorappreżentat;
–
edukazzjoni ċivika sensittiva għall-ġeneru u l-eliminazzjoni ta' stereotipi abbażi tal-ġeneru u l-preġudizzju “intrinsiku” kontra l-kandidati nisa, b'mod speċjali fi ħdan il-partiti politiċi u wkoll fil-midja;
K. billi d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing dwar in-nisa fil-poter u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tenfasizza l-fatt li l-parteċipazzjoni ugwali hi kundizzjoni meħtieġa biex jitqiesu l-interessi tan-nisa u hi meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija u għall-promozzjoni tal-funzjonament xieraq tagħha; billi itenni mill-ġdid li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa, f'termini ugwali mal-irġiel, fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet hija essenzjali għall-kisba tal-ugwaljanza, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u d-demokrazija;
L. billi teżisti segregazzjoni qawwija fir-rigward ta' pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi mħollija f'idejn in-nisa u kompiti distributtivi bħas-saħħa, il-benesseri soċjali u l-ambjent, u l-kompiti ta' poter mħollija f'idejn l-irġiel, u li huma relatati mar-riżorsi, bħall-ekonomija, il-kummerċ, il-baġit u l-affarijiet barranin, li toħolq tgħawwiġ fl-istruttura tal-poter u fl-allokazzjoni ta' riżorsi, minħabba l-istereotipi tal-ġeneru;
M. billi partiti politiċi, li għandhom ir-responsabbiltà għall-għażla, il-klassifikazzjoni u n-nomina ta' kandidati għal pożizzjonijiet ewlenin, għandhom rwol ċentrali biex jiggarantixxu r-rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-politika u għandhom għaldaqstant jippromwovu prattiki tajbin bħal kwoti volontarji għall-elezzjonijiet fil-partiti, peress li dawn diġà ġew introdotti minn xi partiti politiċi fi 13-il Stat Membru tal-UE;
N. billi l-istudju dwar il-“Korruzzjoni u n-Nisa fil-Gvern” imħejji mill-Bank Dinji fl-1999, jikkonkludi li hemm livelli ta' korruzzjoni governattiva aktar baxxi meta jkun hemm livelli ogħla ta' parteċipazzjoni tan-nisa għax, skont il-konklużjonijiet ta' din ir-riċerka, in-nisa għandhom standards ogħla ta' mġiba etika u juru lilhom inushom aktar ikkonċernati dwar il-“ġid komuni”;
O. billi jenħtieġu strateġiji varjati komprensivi li jikkonsistu f'miżuri nonvinkolanti bħal miri u kwoti volontarji fil-partit, li jippermettu miżuri bħall-edukazzjoni dwar il-ġeneru, mentoring u t-tkabbir tal-għarfien u miżuri legalment vinkolanti bħal kwoti elettorali skont il-ġeneru, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-miżuri legalment vinkolanti, li huma kompatibbli mas-sistema istituzzjonali u elettorali u li jirrikjedu regoli ta' gradazzjoni ta' kariga, monitoraġġ u sanzjonijiet effettivi għal nonkonformità, jidhru li huma l-aktar effikaċi fil-kisba ta' bilanċ tal-ġeneru fil-politika;
P. billi l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament ta' kampanji elettorali spiss huwa aktar ristrett, minħabba diskriminazzjoni fi ħdan il-partiti politiċi, l-esklużjoni tan-nisa minn netwerks ta' flus u d-dħul u t-tfaddil aktar baxx tagħhom;
Q. billi l-proċeduri f'sistemi elettorali, istituzzjonijiet politiċi u partiti politiċi jwettqu rwol deċiżiv u għandhom impatt serju fuq l-effikaċja tal-istrateġiji applikati u fuq il-limitu safejn jintlaħaq il-bilanċ bejn is-sessi fil-politika;
R. billi l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi għadha mxekkela minn diversi ostakoli bħan-nuqqas ta' ambjenti favorevoli fl-istrutturi tal-istituzzjonijiet politiċi u tal-benesseri tas-soċjetà, l-istereotipi persistenti bbażati fuq il-ġeneru kif ukoll il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika reċenti u r-riperkussjonijiet negattivi fuq kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
S. billi l-fatt li l-livell baxx tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-governanza huwa attribwit primarjament għal problemi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja fil-familja, id-distribuzzjoni inugwali tar-responsabbiltajiet fil-familja, li jiddependu b'mod qawwi fuq in-nisa, u d-diskriminazzjoni persistenti fuq ix-xogħol u fit-taħriġ tax-xogħol;
Ir-rappreżentanza tan-nisa f'karigi eletti
1. Jistieden lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi u strateġiji varjati u effikaċi għall-kisba tal-ugwaljanza fil-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fit-tmexxija politika fl-attivitajiet kollha tagħhom fil-livelli kollha, speċjalment fl-oqsma tal-politika makroekonomika, il-kummerċ, ix-xogħol, il-baġits, id-difiża u l-affarijiet barranin, li jevalwaw l-impatt u jagħmlu dan disponibbli għall-pubblika permezz ta' indiċijiet u indikaturi xierqa ta' ugwaljanza, li jiżguraw objettivi kwantifikabbli u dati ta' skadenza, pjanijiet ta' azzjoni ċari u mekkaniżmi ta' monitoraġġ regolari li jkunu segwiti b'azzjonijiet korrettivi legali, vinkolanti meta l-objettivi stabbiliti ma jitlaħqux fid-dati ta' skadenza;
2. Jilqa' s-sistemi ta' parità/kwoti skont il-ġeneru għal elezzjonijiet introdotti permezz ta' leġiżlazzjoni f'ċerti Stati Membri; jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu miżuri leġiżlattivi , bħal ,iżuri ta' azzjoni pożittivi, sabiex isir progress lejn l-ugwaljanza u tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn il-miżuri meta l-kompatibilità mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi ikunu nkarigati mill-kompożizzjoni tal-lista elettorali, permezz ta' sistemi alternati, monitoraġġ u sanzjonijiet effettivi sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni aktar ibbilanċjat tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;
3. Jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinfurzaw l-ugwaljanza fil-livelli kollha biex jibgħatu messaġġi ċari kontra d-diskriminazzjoni, billi jipprovdu riżorsi xierqa, bl-użu ta' għodod speċifiċi u bil-promozzjoni tat-taħriġ meħtieġ għal impjegati taċ-ċivil responsabbli għall-preparazzjoni tal-baġits fl-ibbaġitjar tal-ġeneru;
4. Jitlob lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jagħtu attenzjoni speċjali għal programmi edukattivi dwar il-ġeneru mmirati partikolarment għas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ, li jibdew minn età bikrija, u li jirrikonoxxu li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u li l-ugwaljanza hija essenzjali fil-ħajja politika;
5. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iniedu impenn lil partiti politiċi kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, biex iwettqu miżuri li jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment tan-nisa fil-ħajja politika u fl-elezzjonijiet, biex jiksbu l-ugwaljanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet interni tagħhom, fin-nomini tagħhom għal karigi eletti u fil-listi elettorali tal-partit, permezz tal-introduzzjoni ta' kwoti u meta jkun kompatibbli mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi jkunu nkarigati mill-kompożizzjoni ta' listi elettorali, biex jagħtu attenzjoni għall-pożizzjoni tal-kandidati nisa f'dawn il-listi;
6. Jirrikonoxxi r-rwol tal-partiti politiċi bħala fatturi ewlenin fil-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru; jitlob għaldaqstant biex l-Istati Membri jirrikjedu lill-partiti nazzjonali, meta jkun kompatibbli mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi huma inkarigati mill-kompożizzjoni tal-listi elettorali, sabiex joħolqu kwoti u japplikaw sistemi ta' kwoti u tipi oħrajn ta' azzjoni pożittiva, biex japplikaw regoli ta' gradazzjoni għal-listi elettorali ta' kandidati għall-elezzjonijiet reġjonali, nazzjonali u tal-UE, u biex jiddefinixxu u jinfurzaw sanzjonijiet xierqa f'każ ta' nuqqas ta' konformità; jitlob lill-Istati Membri jinsġu flimkien u jiffissaw miri msejsa fuq il-parità bejn is-sessi għall-partiti politiċi bħala pre-rekwiżit għall-finanzjament;
7. Jitlob lill-partiti politiċi madwar l-Ewropa biex jintroduċu sistema ta' kwoti għal-list ta' kandidati għall-organi tal-partiti u għall-elezzjonijiet, meta dan ikun kompatibbli mas-sistema elettorali u meta l-partiti politiċi huma nkarigati mill-kompożizzjoni tal-lista elettorali, speċjalment fir-rigward tal-listi għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014; fir-rigward tal-proċedura għat-tfassil tal-listi elettorali, li permezz tagħhom in-nisa kandidati jalternaw mal-irġiel fil-quċċata tal-lista bħala l-aħjar mezz biex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu passi konkreti mfassla biex tinkiseb l-ugwaljanza f'karigi eletti fil-parlamenti nazzjonali u fil-Parlament Ewropew (bħall-President, Viċi Presidenti, Chairs and Viċi-Chairs), pereżempju bit-tfassil ta' objettiv ta' rappreżentanza ta' 50% ta' rġiel u nisa f'kull waħda minn dawn il-karigi;
9. Jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss, permezz tal-programmi finanzjarji “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” u “Ewropa għaċ-Ċittadini”; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura d-disponibilità ta' finanzjament fil-programmi ta' ħidma annwali tagħha fl-2013-2014 għal finanzjament inter alia, ta' kampanji adegwati ta' tqajjim ta' kuxjenza fil-midja biex iħeġġu li n-nisa jiġu eletti u jiżguraw li dan il-finanzjament ikun aċċessibbli b'mod faċli għall-partiti nazzjonali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-inizjattivi ta' proġetti bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tiffinanzja azzjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-ugwaljanza f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u f'attivitajiet politiċi fil-programmazzjoni tal-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 li jmiss, għall-programmi msemmija hawn fuq jew għas-suċċessuri tagħhom, kif ukoll fl-ippjanar ta' azzjonijiet għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini prevista fl-2013;
11. Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi kampanji mmirati fuq l-ugwaljanza fil-listi elettorali għall-Parlament Ewropew għall-inqas sentejn qabel kull sejħa għall-elezzjoni u li tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu azzjonijiet simili fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom;
Ir-rappreżentanza tan-nisa f'karigi nominati
12. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ugwaljanza billi jipproponu mara u raġel bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew; jistieden lill-President tal-Kummissjoni jikseb l-ugwaljanza fit-tfassil tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja pubblikament din il-proċedura; ifakkar li l-Parlament għandu jagħti kunsiderazzjoni partikolari rigward il-bilanċ tal-ġeneru f'din il-proċedura u jtenni l-importanza li tiġi kkunsidrata rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel meta tagħti l-kunsens tagħha għall-Kummissjoni l-ġdida, skont l-Artikolu 106;
13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom li jilħqu l-mira tal-parità fil-korpi kollha għat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom, billi jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta' kwoti u tipi oħra ta' azzjoni pożittiva, fir-reklutaġġ ta' uffiċjali ta' livell għoli; jitlob lill-gvernijiet nazzjonali jinnominaw nisa u rġiel għal karigi fil-livell tal-Unjoni Ewropea;
14. Jieħu nota tal-impenn tal-Kummissjoni dikjarat fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel – 2010-2015 biex tissorvelja l-progress fit-twettiq tal-objettiv ta' 40% ta' membri mill-istess sess fil-kumitati u fil-gruppi ta' esperti tagħha, u jitlob lill-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE jwettqu passi konkreti u jfasslu strateġiji bil-għan li jiksbu parteċipazzjoni bbilanċjata fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom;
15. Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' azzjoni pożittiva, inkluż miżuri leġiżlattivi vinkolanti, bil-għan li jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-korpi ta' governanza u fil-karigi pubbliċi u biex jiżviluppaw għodod għall-monitoraġġ tal-ġeneru f'nominazzjonijiet u f'elezzjonijiet;
Miżuri għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' azzjoni pożittiva, bħal trattament preferenzjali, f'każ ta' sottorappreżentanza ta' wieħed mis-sessi; en
17. Jistieden lill-Istati Membri biex il-proċeduri tal-għażla għan-nomina tal-irġiel u n-nisa għal ħatra f'korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, ikunu trasparenti nkluż permezz ta' talbiet pubbliċi ta' kurrikuli u ta' għażla fuq il-bażi tal-merti, il-kompetenzi u r-rappreżentattività;
18. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-miżuri ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tan-nisa, inkluż billi jipprovduhom b'finanzjament adegwat u bil-ħolqien ta' pjattaformi għall-kooperazzjoni u b'kampanji favur il-ġeneru fl-elezzjonijiet;
19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw in-netwerks tan-nisa u jippromwovu l-mentoring, it-taħriġ adegwat, u l-iskambju ta' prattiki tajba u programmi, b'enfasi speċjali fuq in-nisa li jfasslu l-politika tul il-bidu tal-karriera tagħhom;
20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess, saħansitra bi trattament preferenzjali, għal taħriġ u pożizzjonijiet ta' tmexxija bħala parti mill-promozzjoni tal-karriera sabiex jissaħħu l-ħiliet ta' tmexxija u l-esperjenza tan-nisa;
21. Jirrikonoxxi l-atturi l-oħrajn bħala parti rilevanti minn proċess demokratiku aktar wiesa' u għaldaqstant jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromovu u jħeġġu l-isforzi tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati u t-trejdunjins, lis-settur privat, lill-organizzazzjonjiiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet kollha li normalment jiffurmaw parti mill-kunsilli konsultattivi marbutin mal-gvern sabiex jiksbu l-ugwaljanza tan-nisa' u l-irġiel fl-istrutturi tagħhom, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet;
22. Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu lin-nisa u l-irġiel jieħdu sehem attiv fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi billi jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol permezz ta' miżuri bħall-qsim indaqs tal-ispejjeż ta' filjazzjoni bejn dawk li jimpjegaw lill-ġenituri u l-iżgurar ta' servizzi aċċessibbli u adegwati għal pereżempju l-kura tat-tfal u tal-anzjani u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa, permezz ta' proposti leġiżlattivi adegwati fil-forma ta' direttivi, l-aċċess indaqs għas-servizzi, id-dħul minimu u l-ħelsien minn vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;
23. Ifakkar fl-importanza ta' trattament preferenzjali u ta' miżuri speċjali għall-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nies minn sfondi differenti u minn gruppi żvantaġġjati, bħall-persuni b'diżabilità, nisa migranti u membri ta' minoranzi etniċi u sesswali, f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; en
24. Jieħu nota tal-importanza tal-midja u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fir-riforma ta' xejriet soċjetarji; jenfasizza l-importanza taż-żieda tal-għarfien mill-midja u x-xandara pubbliċi, b'mod partikolari, dwar il-ħtieġa li tkun żgurata kopertura ġusta u bbilanċjata ta' kandidati irġiel u nisa matul l-elezzjonijiet u dwar il-monitoraġġ tal-midja fl-identifikazzjoni tal-iżbilanċ tal-ġeneru u beħsiebu jindirizza dan u għalhekk jippromwobi sforzi għall-eliminazzjoni tal-isterjotipi u tiġi promossa ta' immaġni pożittivi tan-nisa bħala mexxejja, inkluż politiċi nisa bħala xempji pożittivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;
25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jippromwovu u jiskambjaw prattiki tajba li jikkontribwixxu għall-kisba ta' bilanċ bejn is-sessi f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, billi jsaħħu r-rwol u r-riżorsi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u billi jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet non-governattivi tan-nisa;
26. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, inkluż bil-parteċipazzjoni tal-EIGE, fejn xieraq, biex jiġbru, janalizzaw u jqassmu data skont il-ġeneru, sabiex jissorveljaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fis-setturi kollha (pubbliċi u privati) u fil-livelli ġerarkiċi kollha u bħala bażi għal miżuri ulterjuri f'każ li ma jintlaħqux il-miri stipulati; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiġbor u tqassam dejta komparattiva fil-livell tal-Unjoni Ewropea permezz ta' bażi ta' dejta dwar in-nisa u l-irġiel f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jitlobha tiżviluppa dan l-osservatorju f'mappa Ewropea dwar il-bilanċ bejn is-sessi li tinkludi l-varjazzjonijiet annwali fuq livell tal-UE, statali u reġjonali fil-qasam tal-bilanċ bejn is-sessi skont indikaturi komuni, iqis li din il-mappa għandha tinkludi għall-inqas:
–
l-għanijiet li jippromwovu l-bilanċ bejn is-sessi espressi bħala perċentwali ta' rappreżentanza u inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u tar-reġjuni Ewropej li għandhom setgħa leġiżlattiva biex jirregolaw il-proċessi elettorali tagħhom;
–
il-perċentwali ta' rappreżentanza ta' kull ġeneru fil-parlamenti Ewropew, statali u reġjonali u fl-istituzzjonijiet lokali;
–
il-perċentwali ta' rappreżentanza ta' kull ġeneru fil-korpi eżekuttivi eletti jew ikkontrollati mill-istituzzjonijiet leġiżlattivi msemmija aktar kmieni;
27. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jivvalutaw l-impatt fuq il-bilanċ tar-rappreżentanza tan-nisa, tad-diversi sistemi elettorali fuq livell nazzjonali, lokali u Ewropew, kif ukoll tal-miżuri u l-prattiki tajbin attwali f'livelli differenti; it
Il-Promozzjoni ta' rappreżentanza bbażata fuq il-ġeneru fil-politiki għal relazzjonijiet esterni
29. Ifakkar fid-domanda tiegħu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha fil-ħatra ta' persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jitlob li lis-SEAE jippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u tiżgura li d-delegazjonijiet kollha li jirrappreżentaw l-UE jirrispettaw il-prinċipju tal-parità bejn is-sessi fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom u li jkun hemm bilanċ fil-ħin allokat għal diskors għan-nisa u l-irġiel f'dawn il-kuntesti; jinnota l-bżonn li jiżdied in-numru ta' nisa bħala medjaturi u negozjaturi ewlenin fi proċessi ta' osservazzjoni ta' sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-bini tal-paċi, kif ukoll fi proċessi oħra tan-negozjati bħall-kummerċ internazzjonali u negozjati dwar l-ambjent; en
30. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' assistenza finanzjarja u teknika adegwata għal programmi speċjali li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni ċivika u l-mobilizzazzjoni tal-midja, u l-parteċipazzjoni tal-NGOs lokali, flimkien mal-finanzjament għal programmi tal-edukazzjoni ġenerali li jippromwovu l-kuxjenza ċivika dwar is-sessi, l-eliminazzjoni ta' sterjotipi bbażati fuq is-sess u ta' preġudizzju “intrinsiku” kontra n-nisa;
31. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu r-rappreżentanza bbilanċjata tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja politika, f'organizzazzjonijiet multinazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, fil-gvernijiet u fil-parlamenti nazzjonali, kif ukoll fil-livelli reġjonali u lokali u fl-awtoritajiet lokali u biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom ma' atturi oħrajn fil-livell internazzjonali, bħall-UN WOMEN u l-Unjoni Inter-Parlamentari, sabiex jippromwovu dawn l-objettivi; en
32. Jitlob lid-dipartimenti tal-politika tal-Parlament Ewropew biex jiżguraw li d-delegazzjonijiet dejjem jinkludu perspettiva ta' ġeneru u jagħmel enfasi dwar l-importanza tal ugwaljanza bejn is-sess;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.