Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0432/2011

Testi mressqa :

A7-0432/2011

Dibattiti :

PV 12/03/2012 - 22
CRE 12/03/2012 - 22

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2012 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0071

Testi adottati
PDF 339kWORD 90k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
L-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati
P7_TA(2012)0071A7-0432/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (2011/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 54, 151 u 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 193 tal-ILO tat-3 ta' Ġunju 2002 dwar il-promozzjoni ta' kooperattivi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpannija Ewropea (SE)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta' soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (COM(2004)0018),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: “'Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “'Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin'” (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu “'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali'” (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ”Flimkien għal tkabbir ġdid'“(COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi dwar id-Direttiva 2003/72/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(6),

–  wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti 2012(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO bit-titolu “'Resilience of the Cooperative Business Model in Times of Crisis'”(8),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-diversi forom ta' intrapriżi(9) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2010 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (COM(2010)0481),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0432/2011),

A.  billi l-intrapriżi kooperattivi jippromwovu l-interessi tal-membri u l-utenti tagħhom, kif ukoll is-soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà, u jfittxu kemm li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-membri u jiżguraw l-għajxien tagħhom permezz ta' politika tan-negozju fit-tul u sostenibbli kif ukoll li jqiegħdu l-benesseri tal-klijenti, l-impjegati u l-membri fir-reġjun kollu fiċ-ċentru tal-istrateġija tan-negozju,

B.  billi l-intrapriżi tal-kooperattiva, fin-natura tagħhom, huma strutturalment marbutin maż-żona li fiha huma bbażati u għalhekk għandhom rwol importanti fl-aċċelerazzjoni tal-iżvilupp lokali, li huwa fattur deċisiv għall-ħolqien ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali reali; billi, f'soċjetajiet kooperattivi, il-finanzjament tat-taħriġ kontinwu fl-oqsma tar-responsabbiltà soċjali u l-intraprenditorija, żewġ oqsma li mhumiex koperti kompletament minn strumenti oħra ta' parteċipazzjoni soċjali, huwa ta' importanza fundamentali,

C.  billi, f'intrapriżi kooperattivi, il-parteċipazzjoni tal-membri tal-intrapriża għandha tingħata preċedenza u tkun riflessa fl-istruttura tal-governanza u s-sjieda tal-kooperattiva,

D.  billi l-kooperattivi huma pilastru importanti tal-ekonomija Ewropea u mutur ewlieni għall-innovazzjoni soċjali, u għalhekk b'mod partikolari jippreservaw l-infrastruttura u s-servizzi lokali speċifikament f'żoni rurali u konurbazzjonijiet, u billi l-Ewropa għandha 160 000 kooperattiva, proprjetà ta' aktar minn kwart tal-Ewropej kollha, li jipprovdu xogħol għal madwar 5.4 miljun impjegat,

E.  billi l-kooperattivi jikkompetu ma' kumpaniji mmexxija minn investituri f'ħafna oqsma ekonomiċi, billi l-intrapriżi kooperattivi għandhom setgħa ekonomika konsiderevoli fuq is-swieq globalizzati u saħansitra l-kooperattivi multinazzjonali ħafna drabi jibqgħu marbutin ma' bżonnijiet lokali,

F.  billi l-banek kooperattivi wrew livelli għoljin ta' sostenibbiltà u reżiljenza matul il-kriżi finanzjarja, permezz tal-mudell għan-negozju kooperattiv tagħhom; billi permezz tal-mudell għan-negozju kooperattiv tagħhom, żiedu l-qligħ u t-tkabbir waqt il-kriżi, b'inqas fallimenti u sensji; billi l-intrapriżi kooperattivi jipprovdu wkoll impjiegi ta' kwalità għolja, inklużivi u reżiljenti għall-kriżijiet, spiss bi proporzjonijiet għolja ta' ħaddiema nisa u migranti u jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta' żona billi jipprovdu impjiegi lokali u mhux trasferibbli; billi l-kooperattivi jistgħu jitqiesu bħala approċċ ta' suċċess u kontemporanju għall-ekonomija soċjali u jistgħu jikkontribwixxu sabiex jipprovdu prospetti ta' impjiegi fiż-żgur u jippermettu lill-ħaddiema jippjanaw ħajjithom b'mod flessibbli fil-post tal-oriġini tagħhom, b'mod partikolari fiż-żoni rurali,

G.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li l-kwistjoni ta' kemm tkun attraenti forma ġuridika lma tistax tiġi indirizzata biss mill-perspettiva tal-azzjonisti; billi għandu jiġi nnutat li, bħala organizzazzjoni soċjali, intrapriża għandha responsabbiltajiet lejn l-azzjonisti, l-impjegati, il-kredituri u s-soċjetà u dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat f'tali valutazzjonijiet;

H.  billi l-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kooperattivi u tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tvarja sostanzjalment fl-UE,

I.  billi l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) sa issa huwa l-uniku forma legali għall-ekonomija soċjali disponibbli fil-livell tal-UE, wara l-irtirar tal-proposti tal-Kummissjoni għal Assoċjazzjoni Ewropea u Soċjetà Mutwalistika Ewropea fl-2003 u filwaqt li l-istatut għall-Fondazzjoni Ewropea għadu f'fażi ta' żvilupp,

J.  billi l-istabbiliment ta' statut għal SCE huwa mmirat biex iħeġġeġ l-iżvilupp tas-suq intern billi tiġi ffaċilitata l-attività ta' dan it-tip ta' kumpanija fil-livell tal-UE,

K.  billi l-introduzzjoni tal-istatut għal SCE huwa pass importanti fir-rikonoxximent tal-mudell għan-negozju kooperattiv fil-livell tal-UE, anki f'dawk l-Istati Membri fejn il-kunċett ta' kooperattivi ġie skreditat għal raġunijiet storiċi,

L.  billi, f'Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs), l-involviment transnazzjonali tal-impjegati, inkluż id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fuq bords amministrattivi, huwa ta' vantaġġ;

M.  billi l-istrateġija UE 2020 titlob ekonomija bbażata fuq livelli għoljin ta' impjieg, li tipprovdi koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, billi din tinkludi ekonomija soċjali b'saħħitha,

N.  billi s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti 2012 tipprovdi opportunità eċċellenti għall-promozzjoni tal-mudell għan-negozju kooperattiv,

Kooperattivi fil-kuntest tal-UE

1.  Ifakkar li l-kooperattivi u l-intrapriżi għall-ekonomija soċjali oħrajn huma parti mill-mudell soċjali Ewropew u s-suq uniku u għalhekk jixirqilhom rikonoxximent u appoġġ qawwi, kif stipulat fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dokumenti ewlenin tal-UE;

2.  Ifakkar li l-kooperattivi jistgħu jikkostitwixxu pass ieħor fil-kompletar tas-suq intern tal-UE u jimmiraw li jnaqqsu l-ostakli transkonfinali eżistenti u jsaħħu l-kompetittività tiegħu;

3.  Jindika li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (minn hawn “il quddiem l-Istatut) u d-Direttiva 2003/72/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (minn hawn ”il quddiem id-Direttiva) huma marbutin flimkien mill-qrib;

4.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2012)0072; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissimplifika r-Regolament SCE filwaqt li ssaħħaħ l-elementi speċifiċi għall-kooperattivi, u l-fatt li dan se jkun akkumpanjat minn konsultazzjoni mal-partijiet interessati; jitlob li l-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-SCE tiġi kkunsidrata f'dan il-proċess;

5.  Iqis b'dispjaċir il-fatt li l-SCE sa issa ma kinitx suċċess meta jitqies l-użu skars tagħha - sal-2010 kienu stabbiliti 17-il SCE biss, b'total ta' 32 impjegat(13); jenfasizza li dawn iċ-ċifri kefrin juru li l-Istatut ma tantx hu adattat għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa minkejja l-fatt li l-imprendituri esprimew interess li jwaqqfu SCE; jilqa' l-fatt li twettqet valutazzjoni dettaljata tal-Istatut sabiex tiġi aċċertata r-raġuni għaliex dan ma kienx meqjus attraenti, kellu impatt daqshekk limitat u x'jista' jsir biex jiġu megħluba n-nuqqas ta' esperjenza fl-implimentazzjoni u ostakli oħra;

6.  Jinnota li l-użu tal-SCE spiss huwa ristrett għall-kooperattivi tat-tieni grad li jikkonsistu minn persuni legali biss, minn soċjetajiet mutwalistiċi, li ma għandhomx statut Ewropew iżda li jixtiequ jużaw status legali assoċjat mal-ekonomija soċjali, u minn kumpaniji kbar; jinnota li għadu diffiċli għal soċjetajiet kooperattivi żgħar, - li jikkostitwixxu parti ewlenija tal-moviment tal-kooperattivi fl-Ewropa - jkollhom aċċess għall-SCE;

Parteċipazzjoni tal-impjegati fl-SCEs

7.  Jilqa' l-fatt li d-dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-impjegati huma kkunsidrati element ewlieni fl-SCE; jindika madankollu, li huma għandhom jipprovdu għar-rekwiżiti marbuta man-natura speċjali tal-kooperattivi;

8.  Jindika li diversi Stati Membri għadhom ma ttrasponewx artikoli tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-impjegati, inklużi d-dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-ġeneru, u li dan wassal għal numru ta' lakuni fir-rigward tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' proċeduri għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, u jenfasizza l-ħtieġa li dan ikun irrimedjat sabiex jiġu evitat l-abbuż mill-arranġamenti tal-SCE; jinnota b'dispjaċir il-fatt li r-regoli standard dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi amministrattivi ma jeżiġux li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun rekwiżit;

9.  Huwa sodisfatt madankollu, li xi Stati Membri mhux biss ittrasponew tajjeb id-Direttiva, iżda fil-fatt marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva;

10.  Madankollu, jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/72/KE sabiex jiġi evitat li tintuża ħażin bl-iskop li l-impjegati jiċċaħdu mid-drittijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva;

11.  Jinnota li l-Artikolu 17 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tagħha u jekk meħtieġ, teżaminaha; jenfasizza li l-użu modest tal-Istatut jimpedixxi l-valutazzjoni kif suppost tad-Direttiva;

12.  Jinnota li d-Direttiva m'għandhiex tkun riveduta qabel l-Istatut u jitlob biex jitqies l-inserzjoni tad-dispożizzjoniijet dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati direttament fl-Istatut għall-fini ta' semplifikazzjoni u regolamentazzjoni aktar intelliġenti;

13.  Jenfasizza li reviżjoni tad-Direttiva għandha tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-impjegati fil-kooperattivi, inkluża l-għażla li jkunu kemm sid u kemm impjegat tal-istess intrapriża; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti sabiex tiffaċilita s-sjieda tal-impjegat u tal-utent tal-kooperattivi; jimmira biex il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'intrapriżi ssir xi ħaġa fatta fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea; huwa favur il-parteċipazzjoni akbar tal-impjegati fil-forom transkonfinali ta' intrapriżi milli fiż-żamma fil-livell tad-denominatur komuni l-aktar baxx;

14.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-istudju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(14), partikolarment fir-rigward tal-miżuri proposti biex jippromwovu l-SCE billi jżidu l-għarfien tagħhom permezz ta' programmi edukattivi indirizzati lill-konsulenti fil-liġi kooperattiva u l-atturi soċjali u billi jippromwovu l-kooperazzjoni bejn soċjetajiet kooperattivi f'livell transkonfinali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kooperattivi jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-SNB u jimplimentaw politiki ta' diversità sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħajja professjonali u l-ħajja privata u, b'mod partikolari jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet amministrattivi għolja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-perspettiva tal-ġeneru fil-monitoraġġ tal-implementazzjoni korretta tad-Direttiva, kif ukoll fir-reviżjoni futura tar-regolament tas-SCE;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-SCEs fir-regolamenti Ewropej possibbli biex jiġi żgurat li n-nisa jkunu rappreżentati aħjar f'livelli amministrattivi għoljin u fuq il-bordijiet ta' kumpaniji pubbliċi u dawk kwotati fil-boroż, fil-każ li l-kumpaniji ma jiksbux volontarjament l-objettivi ta' 30% sal-2015 u 40% sal-2020;

Il-futur tal-Istatut

17.  Jenfasizza li minħabba l-kumplessità tiegħu, l-Istatut jissodisfa biss parzjalment il-ħtiġijiet tal-kooperattivi u li għandu jkun issimplifikat u jsir intelliġibbli għal kulħadd sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-użu tiegħu, ikun jinftiehem malajr u jiġi applikat aħjar, biex b'hekk jiġu żgurati d-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati kollha mingħajr ma tintilef il-kwalità;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diversità tat-tradizzjonijiet u l-liġijiet dwar il-kooperattivi madwar l-UE; jenfasizza li l-Istatut għandu jipprovdi qafas awtonomu legali għall-SCEs b'mod parallel mal-liġi nazzjonali eżistenti dwar il-kooperattivi u li armonizzazzjoni diretta għalhekk mhijiex qed isseħħ;

19.  Jenfasizza li l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea ma għandux isir aktar attraenti billi jitnaqqsu l-istandards; huwa tal-fehma li r-rieżami tal-Istatut għandu jiffaċilita r-rikonoxximent ulterjuri ta' dan it-tip ta' intrapriża fl-UE; jenfasizza li l-piż ekonomiku tal-intrapriżi kooperattivi, ir-reżiljenza tagħhom għall-kriżijiet u l-valuri li huma bbażati fuqhom juru biċ-ċar li huma rilevanti fl-UE tal-lum u jiġġustifikaw reviżjoni tal-Istatut; jenfasizza li inizjattivi u miżuri futuri tal-SCE Ewropea għandhom jiffukaw fuq it-trasparenza, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet interessati u r-rispett tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali; jindika li għal ċertu kooperattivi nazzjonali, l-inċentiv tal-użu tal-Istatut huwa sfortunatament limitat minħabba l-istruttura ta' “holding” attwali tagħhom; jenfasizza li l-possibbiltà ta' inkorporazzjoni ta' kooperattivi nazzjonali minn Stati Membri differenti għandha tissaħħaħ;

20.  Jinsisti fuq l-involviment sħiħ tal-partijiet interessati kollha fil-proċess ta' reviżjoni, speċjalment l-atturi soċjali involuti fil-moviment tal-kooperattivi u t-trade unions, filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-proċess jitlesta f'waqtu;

Iż-żieda fl-impjiegi fil-kooperattivi u l-SCEs u t-tisħiħ tal-kooperattivi bħala l-elementi ċentrali tal-ekonomija soċjali

21.  Jistenna li l-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva;

22.  Jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament dwar il-kooperattivi fil-maġġorparti tagħhom kienu injorati mill-Kummissjoni; ifakkar li r-riżoluzzjoni(15) talbet:

   li l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jkunu rikonoxxuti u kkunsidrati fil-politiki Ewropej,
   li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-Osservatorju Ewropew tal-SMEs jinkludi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-istħarriġ tiegħu,
   li jiżdied id-djalogu mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali,
   li jittejjeb il-qafas legali għal intrapriżi ta' din ix-xorta fl-Istati Membri;

23.  Ifakkar li f'COM(2004)0018 il-Kummissjoni kkommettiet ruħha għal tnax-il azzjoni li jinkludu:

   l-appoġġ għall-partijiet interessati u l-organizzazzjoni ta' skambju ta' informazzjoni strutturat,
   it-tixrid tal-aħjar prattika għat-titjib tal-leġiżlazzjoni nazzjonali,
   il-ġbir ta' statistiki Ewropej dwar il-kooperattivi,
   is-simplifikazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kooperattivi,
   il-bidu ta' programmi edukattivi adattati u l-inklużjoni ta' referenzi għall-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji tal-FEI;

24.  Jiddeplora l-fatt li, minn din il-lista ta' impenji, tlieta biss tqiegħdu fil-prattika, mingħajr riżultati sinifikanti; jenfasizza li nuqqasijiet ta' din ix-xorta jillimitaw il-potenzjal ta' żvilupp tal-kooperattivi;

25.  Jindika li nuqqas ta' riżorsi jwassal għal nuqqas ta' riżultati; jenfasizza l-bżonn ta' titjib urġenti fi ħdan il-Kummissjoni f'termini ta' organizzazzjoni u riżorsi allokati għall-ekonomija soċjali, fid-dawl tat-tixrid attwali tal-kompetenzi u r-riżorsi umani li jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija soċjali fi ħdan il-Kummissjoni;

26.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE fl-oqsma kollha jeħtiġilhom jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet u l-valur miżjud tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi kooperattivi, permezz ta' adattament xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u r-regolament finanzjarju;

27.  Jitlob lill-Istati Membri jrawwmu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-kooperattivi, bħall-aċċess għall-kreditu u l-inċentivi fiskali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-istruttura finanzjarja tal-kooperattivi b'konnessjoni mal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta' kapital u l-istandards għall-kontabbiltà u r-rappurtar; jindika li l-kooperattivi kollha, u b'mod partikolari l-banek kooperattivi, jiġu affettwati mil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-ħlas lura ta' ishma kooperattivi u r-riservi indiviżibbli;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi speċifiċi li nħolqu mir-rivoluzzjoni diġitali li jrid iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-midja, b'mod partikolari l-pubblikaturi li qegħdin joperaw bħala kooperattivi;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal metodu ta' koordinazzjoni miftuħ għall-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi kooperattivi, li huma atturi ewlenin f'dan is-settur, li jinvolvi kemm lill-Istati Membri kif ukoll il-partijiet interessati sabiex ikunu inkoraġġiti l-iskambji tal-aħjar prattiki u jseħħ titjib gradwali fil-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tan-natura tal-kooperattivi, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tassazzjoni, self, piżijiet amministrattivi, u miżuri ta' appoġġ għan-negozji;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Att dwar is-Suq Uniku jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi promossa l-ekonomija soċjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi l-wisq mistennija “'Inizjattiva ta' Negozju Soċjali'” ibbażata fuq prinċipji kooperattivi(16);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis Sena Ewropea tal-Ekonomija Soċjali;

33.  Jappoġġja miżuri ta' appoġġ għan-negozji, b'mod partikolari konsulenza għan-negozji u taħriġ għall-impjegati, u aċċess għall-fondi għall-kooperattivi, speċjalment għall-akkwisti mill-impjegati jew klijenti, minħabba li dawn huwa għodod sottovalutati għas-salvataġġ ta' intrapriżi fi żmien ta' kriżi u għat-trasferiment ta' intrapriżi tal-familja;

34.  Jenfasizza l-importanza li qed tikber tal-kooperattivi fil-qasam tas-servizzi soċjali u tal-beni pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza f'dan is-settur irrispettivament mill-istatus ta' min iħaddem;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-input tal-kooperattivi fid-djalogu soċjali fuq livell tal-UE;

36.  Jisħaq dwar il-potenzjal tal-SCE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki u programmi f'livelli differenti, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-programmi ta' taħriġ kontinwu; jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjoni f'livelli differenti għandha effett ekonomiku pożittiv u toħloq ukoll kundizzjonijiet favorevoli sabiex il-persuni promettenti u kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet ta' ġestjoni u ta' superviżjoni; jenfasizza barra minn hekk li ċerti aspetti tax-xogħol kooperattiv jippermettu flessibbiltà li tiffavorixxi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja; jitlob lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bejn l-Istati Membri;

37.  Jenfasizza li l-SCE jista' jirrispondi għall-ħtiġijiet tan-nisa, itejbilhom l-istandard tal-għajxien permezz tal-aċċess għal opportunitajiet deċenti ta' imjieg, istituzzjonijiet ta' tfaddil u self, akkomodazzjoni u servizzi soċjali, edukazzjoni u taħriġ;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.
(2) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.
(3) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.
(4) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25.
(5) Imwettaq minn Fernando Valdés Dal-Ré, Prof. tal-Liġi tax-Xogħol, Labour Asociados Consultores, 2008.
(6) Imwettaq mill-Kooperattivi Ewropej, Istitut Ewropew għar-Riċerka dwar l-Intrapriżi Kooperattivi u Soċjali, Ċentru EKAI, 2010.
(7) Nazzjonijiet Uniti, A/RES/64/136.
(8) Johnston Birchall and Lou Hammond Ketilson, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2009.
(9) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.
(10) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(11) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 11.
(12) ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 429.
(13) COM (2010)0481.
(14) Kuntratt Nru SI2.ACPROCE029211200 tat-8 ta' Ottubru 2009.
(15) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(16) http://www.ica.coop/coop/principles.htmlhttp://www.ica.coop/coop/principles.html.

Avviż legali - Politika tal-privatezza