Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni (2012/2000(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (IIA),
– wara li kkunsidra l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat għall-2007-2013 tal-Kummissjoni, imressaq skont il-Punt 46 tal-imsemmi IIA tas-17 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0040/2012),
Ir-rwol tal-baġit tal-UE fl-indirizzar tal-kriżi ekonomika u finanzjarja
1. Jirrikonoxxi l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali meħuda minn bosta Stati Membri minħabba l-kriżi finanzjarja u baġitarja; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-UE qatt mhu se tkun tista' tirreaġixxi b'mod xieraq għall-kriżi ekonomika u soċjali preżenti jew tevita kriżijiet futuri mingħajr integrazzjoni politika addizzjonali, mingħajr strumenti komuni, bħal sanzjonijiet awtomatiċi u d-dritt tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni legali fi proċedura ta' defiċit, iżda wkoll programmi komuni ffinanzjati mill-UE, u r-riżorsi biex jitħaddmu; jinsisti, li l-irkupru ekonomiku jeħtieġ miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u lill-impjiegi; jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi dan fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2012, u l-Konklużjonijiet tiegħu wara s-Samit tal-1-2 ta' Marzu 2012, iżda jinsisti dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri konkreti, l-aktar billi l-baġit tal-UE jintuża bħala strument komuni; jenfasizza l-fatt li l-prijoritajiet identifikati fid-dikjarazzjonijiet imsemmijahawn fuq huma dawk li ddefenda l-Parlament fil-proċedura baġitarja ta' qabel;
2. Għadu mħasseb dwar il-kriżi globali li qatt ma dehret bħalha li kkawżat dannu serju għat-tkabbir finanzjarju u għall-istabilità finanzjarja u wasslet għal deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u fis-sitwazzjoni tad-dejn tal-Istati Membri; jifhem it-tħassib tal-Kunsill rigward il-limiti ekonomiċi u baġitarji fil-livell nazzjonali u jinsisti li l-2013 se tkun sena fundamentali għall-irkupru ekonomiku;
3. Ifakkar li l-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-aktar strumenti importanti fejn tintwera solidarjetà fost l-Istati Membri u bejn il-ġenerazzjonijiet, u li jipprovdi valur miżjud ċar, meta jitqies l-impatt straordinarju tiegħu fuq l-ekonomija reali u l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej; ifakkar li kieku l-politiki tal-Unjoni kellhom jiġu finanzjati biss mill-Istati Membri, l-ispejjeż tagħhom kienu jisplodu u li, meqjus f'dan id-dawl u jekk użat b'mod sinerġetiku, il-baġit tal-Ewropa jirrappreżenta intrinsikament iffrankar komuni ċar għall-benessri ta' kulħadd; huwa tal-fehma li l-miżuri ta' awsterità adottati fil-livell nazzjonali m'għandhomx iwasslu għal tnaqqis ekwivalenti fil-livell tal-UE, peress li euro wieħed li jintefaq f'dan il-livell jista' jwassal għal iffrankar fis-27 Stat Membru;
4. Jenfasizza li, fi żminijiet ta' kriżi aktar minn qatt qabel, l-isforzi kollettivi meħuda fil-livell tal-UE jridu jissaħħu sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet tagħna jiksbu r-riżultati mixtieqa; jenfasizza l-fatt li l-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea bl-effett ta' lieva tiegħu, il-prijoritajiet fil-baġits nazzjonali kif ukoll l-istrumenti Ewropej kollha l-oħra, iridu jappoġġaw il-politiki ta' rkupru tal-Istati Membri u jeħtieġ li jkunu allinjati mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi, u li dan huwa essenzjali għas-suċess tal-Istrateġija u sabiex tinżamm il-fiduċja fil-politiki tal-UE, speċjalment fost iċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li, meta jitqies ir-rwol tiegħu bħala katalist għall-investiment, it-tnaqqis fil-livell tal-baġit tal-UE jkollu impatt negattiv fuq il-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni;
5. Hu tal-fehma li l-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi tirrikjedi azzjonijiet speċifiċi u sforzi baġitarji msaħħa li jappoġġaw politika industrijali sostenibbli u fit-tul, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impriżi żgħar u medji (SMEs), peress li ħafna mill-potenzjal ekonomiku tal-UE jinsab fl-SMEs, li, skont l-aħħar studji li saru, ħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda nett fl-UE bejn l-2002 u l-2010 u huma s-sinsla tat-tkabbir ekonomiku tagħna; għaldaqstant il-promozzjoni ta' mentalità imprenditorjali u l-ħolqien ta' negozji ġodda bis-saħħa ta' azzjonijiet konkreti hija ta' importanza kbira u riżorsi adegwati għandhom ikun pprovduti f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi għalhekk li jeħtieġ isiru sforzi sabiex jissaħħaħ l-iffinanzjar tal-UE b'appoġġ għall-isforzi ta' tkabbir;
6. Jenfasizza li dan l-appoġġ jista' jkun strumentali biex jiġi evitat li l-SMEs inaqqsu l-investimenti tagħhom, b'mod partikolari fir-riċerka u l-iżvilupp, waqt li fl-istess ħin jippromwovi l-impjiegi u t-taħriġ professjonali, speċjalment għaċ-ċittadini aktar żgħażagħ, u jiżgura li l-ħiliet jiġu konservati; iqis li t-tisħiħ tal-għajnuna mill-BEI għall-SMEs u l-infrastruttura għandu jitiqes bħala prijorità ewlenija u b'hekk il-potenzjal innovattiv tal-SMEs ikun megħjun jiżviluppa, li hu essenzjali għall-prosperità tal-UE u għall-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-proċedura ta' applikazzjoni għall-programmi ffinanzjati mill-UE tiġi ssimplifikata aktar;
7. Jemmen li żieda fl-investimenti permezz tal-baġit tal-UE f'ekonomija sostenibbli tista' twassal għal rata ogħla ta' ħolqien ta' impjiegi minn dik bil-baġit attwali; dawn l-investimenti jistgħu għaldaqstant jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex iġibu lill-UE lura fit-triq tat-tkabbir;
8. Jenfasizza l-fatt li r-riżultati tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq iż-żgħażagħ ta' llum, li huma l-aktar edukati, l-aktar avvanzati teknikament u mobbli aktar minn qatt qabel, u għalhekk jikkostitwixxu u se jikkostitwixxu l-aqwa riżorsa għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE; huwa mħasseb dwar il-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri; għaldaqstant, jenfasizza li kull sforz għandu jsir fil-livell Komunitarju u nazzjonali biex jiżgura li t-tkabbir u l-impjiegi jkunu realtà, speċjalment għaż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw il-futur komuni tal-UE; jenfasizza daqstant il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod urġenti l-isfidi tal-qgħad u tal-livell ta' faqar li qed jiżdied fl-Unjoni Ewropea fl-ispirtu tal-inizjattiva ewlenija “Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali”;
9. Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li EUR 82 biljun mill-fondi li għadhom ma ġewx ipprogrammati fl-ambitu tal-fondi strutturali tal-UE (il-Fond Ewropew ta' Żvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew) jiġu minflok destinati sabiex jgħinu lill-SMEs u biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li jinżamm mgħarraf kif xieraq dwar din l-inizjattiva, l-implimentazzjoni tagħha u l-impatt eventwali tagħha fuq il-baġit 2013;
Baġit koordinat tajjeb u responsabbli għall-2013
10. Jenfasizza l-fatt li l-miżuri kollha meħuda sa issa biex jikkumbattu l-kriżi għandhom jgħinu r-ritorn għat-tkabbir; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-miżuri ta' awsterità mfassla apposta li diġà ttieħdu jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn strumenti mmirati li jwasslu għal żvilupp ekonomiku sostenibbli; jinnota li l-baġit tal-UE għandu rwol deċiżiv f'dan il-kuntest bħala għodda li tiżgura azzjoni koordinata f'waqtha u kkoordinata tajjeb fl-oqsma kollha sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi fuq l-ekonomija reali kif ukoll bħala katalist li jagħti impetu lill-investiment, lit-tkabbir u lill-impjiegi fl-Ewropa;
11. Jenfasizza li implimentazzjoni koordinata tajjeb, koerenti u f'waqtha ta' impenji u prijoritajiet politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE tirrikjedi li l-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej jaħdmu flimkien biex jagħtu prijorità lill-infiq pubbliku f'oqsma ta' tkabbir, jevalwaw ex ante l-effetti tal-azzjonijiet ippjanati, iżidu s-sinerġiji ta' bejniethom u jiżguraw li jkollhom impatt pożittiv billi jneħħu ostakli u jibbenfikaw minn potenzjal mhux utilizzat biżżejjed; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jkompli jorganizza qabel is-Samit tar-Rebbiegħa, il-preżentazzjoi mill-Kummissjoni tal-abbozz ta' baġit tagħha u l-bidu tal-proċeduri baġitarji nazzjonali fl-Istati Membri kif ukoll id-dibattiti interparlamentari dwar l-orjentazzjonijiet ekonomkiċi u baġitarji komuni tal-Istati Membri u tal-Unjoni sabiex jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-baġits nazzjonali u tal-UE fil-qafas ġenerali tal-attivitajiet imsaħħa tal-Parlament fis-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tiegħu kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika;
12. Jitlob għall-adozzjoni ta' baġit responsabbli u orjentat lejn il-kisba ta' riżultati, ibbażat fuq infiq ta' kwalità tajba kif ukoll użu ottimali u f'waqtu tal-iffinanzjar eżistenti tal-UE; fl-ispirtu tal-istqarrija tat-30 ta' Jannar 2012 mill-Membri tal-Kunsill Ewropew; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm investiment fit-tkabbir u fl-impjiegi, speċjalment f'termini ta' SMEs u żgħażagħ; jenfasizza l-intenzjoni tiegħu li jinvolvi ruħu, flimkien mal-kumitati parlamentari speċjalizzati, mhux biss fl-identifikazzjoni ta' oqsma konkreti fejn l-azzjonijet jeħtieġu jissaħħu, iżda wkoll fl-identifikazzjoni ta' prijoritajiet negattivi possibbli;
13. Jenfasizza li l-baġit tal-UE jirrappreżenta investiment dirett unikament lejn politiki u azzjoni li jkunu ta' valur miżjud għall-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-baġit tal-UE – li ma jistax iġarrab defiċit – għandu effett ta' lieva fuq it-tkabbir u l-impjiegi li huwa ħafna ogħla minn dak tal-infiq nazzjonali, kif għandha wkoll il-kapaċità tiegħu li tistimola l-investiment, toħloq stabilità fl-Ewropa u tgħin l-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja preżenti; jenfasizza madankollu l-ħtieġa ta' lieva ta' aktar investimenti sabiex proġetti ewlenin għall-irkupru ekonomiku u l-kompetittività ma jkunux fil-periklu; jenfasizza f'dan il-kuntest, il-fatt li l-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji ġodda u mtejba jistgħu jsaħħu aktar l-effett ta' lieva tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għat-tkabbir, billi jattiraw investiment privat u b'hekk jikkumpensaw għal-limitazjonijiet fil-livell nazzjonali u jtejbu n-nefqa pubblika;
14. Ifakkar li bejn l-2000 u l-2011, il-baġits nazzjonali fl-UE żdiedu b'medja ta' 62%, filwaqt li l-ħlasijiet mill-baġit tal-UE żdiedu bi ftit inqas minn 42%, filwaqt li l-UE kibret minn 15 għal 27 Stat Membru;
15. Se jagħti attenzjoni partikolari, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja 2013, lill-implimentazzjoni tal-prijoritajiet baġitarji tas-snin preċedenti tal-PE u b'mod partikolari se jsegwi mill-qrib il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, li hija mħaddna kompletament mill-Istati Membri, f'termini ta' promozzjoni tal-kompetittività u l-impjiegi, kif ukoll tal-prijoritajiet settorjali l-oħra tagħha;
16. Jilqa' l-fatt li fl-aħħar verżjoni tal-ipprogrammar finanzjarju għall-2012-13 il-Kummissjoni rrispettat il-prijoritajiet baġitarji tal-PE, kif għamlet fl-2011, billi ma mingħajr ma kkumpensat għal żidiet li saru fil-passat; jitlob sabiex l-abbozz ta' baġit 2013 isegwi l-istess direzzjoni;
17. Ifakkar li l-limiti għal bosta intestaturi, b'mod partikolari għall-Intestatura 1a (kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) u l-Intestatura 4 (l-UE bħala attur globali) fi ħdan il-qafas finanzjarju attwali mhumiex biżżejjed sabiex jitwettqu l-politiki approvati bħala prijoritajiet mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; ifakkar barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet allokati għal xi politiki kellhom jiġu riveduti bosta drabi sabiex jintlaħqu l-objettivi u l-kompiti, li wassal sabiex l-użu tal-Istrument tal-Flessibilità jsir neċessità għal kważi kull baġit annwali; jenfasizza li mhuwiex se jaċċetta li impenji politiki tal-UE li ilhom jeżistu jitqiegħdu fil-periklu; ifakkar, b'mod partikolari, li l-impenji finanzjarji mniżżla fi ftehimiet internazzjonali u/jew ftehimiet bejn l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu rrispettati u inklużi kif xieraq fl-abbozz ta' baġit;
Baġit tal-2013 orjentat lejn il-kisba tal-objettivi tal-programmi u l-prijoritajiet tal-Unjoni
18. Ifakkar li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2007-2013 kien maħsub biex itejjeb il-prosperità u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna u biex jisfrutta l-potenzjal kollu tat-tkabbir, iżda madankollu mill-2008 “l hawn l-UE esperjenzat kriżi li qatt ma rajna bħalha, li ħalliet impatt ukoll fuq kull wieħed mill-baġits annwali; jenfasizza l-fatt f'dan l-isfond li l-qafas finanzjarju 2007-2013 ma kienx rivedut biex jakkomoda ħtiġijiet ta' finanzjament addizzjonali li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u min-naħa l-oħra marġni globali sostanzjali tħallew taħt il-limiti massimi ġenerali f'kull baġit annwali sa mill-2007 u li għalhekk il-baġits annwali kollha kienu ristretti u awsteri; jenfasizza li l-ħlasijiet korrispondenti għandhom tal-anqas għalhekk ikunu mħallsa skont iċ-ċiklu tal-baġit normali; ifakkar li fil-każ tal-programmi multiannwali, il-ħlasijiet huma maqtugħa mill-approprjazzjonijiet għall-impenji biss minħabba l-perjodu ta' żmien, qabel il-ħlas attwali tal-fondi;
19. Jenfasizza li, billi l-2013 hija l-aħħar sena tal-perjodu ta' programmar attwali, se jkun meħtieġ li jiġi rkuprat id-dewmien f'termini ta' ħlasijiet, bħalma dejjem kien il-każ fit-tmiem tal-perspettivi finanzjarji, minħabba l-bidu tal-proċess ta' finalizzazzjoni tal-programmi 2007-2013 , u, f'termini ta' impenji, sabiex ikunu rrispettati l-ammonti tal-programmazzjoni finanzjarja, li huma qrib l-EUR 152 biljun għall-2013; itenni li kull qtugħ artifiċjali tal-livell ta' ħlasijiet se jtawwal iż-żmien biex jinkisbu l-obbligi kuntrattwali u l-impenji li għaddew tal-UE u jista' jwassal ukoll għal interessi moratorji u telf tal-kunfidenza fil-politiki Ewropej u fil-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza għalhekk li d-dejn kuntrattwali għandu jitħallas kemm jista' jkun malajr bħala kwistjoni ta' dixxiplina baġitarja;
20. Jinnota li l-livell ta' ħlasijiet li, billi huwa sempliċement ir-riżultat ta' impenji li għaddew, għandu jkun determinat fuq il-bażi ta' kriterji tekniċi bħaċ-ċifri ta' implimentazzjoni, il-previżjoni tal-assorbiment jew il-livell ta' impenji pendenti (RALs), sar il-kwistjoni politika prinċipali fi ħdan il-Kunsill fil-ftit proċeduri baġitarji li għaddew; jiġbed l-attenzjoni għal-livell dejjem akbar ta' RALs fi tmiem l-2011, li jammontaw għal EUR 207 biljun, li jirrappreżentaw kważi 7 % aktar mil-livell ta' tmiem l-2010; fid-dawl tal-laqgħa interistituzzjonali li ġejja dwar id-differenza bejn approprjazzjonijiet għal impenji u approprjazzjonijiet għal ħlasijiet, se jistabbilixxi djalogu mal-Kummissjoni sabiex jiġi ċċarat bis-sħiħ kif inhuma komposti r-RALs; jinsisti li l-Kunsill għandu jastjeni milli jiddeċiedi minn qabel il-livell ta' ħlasijiet mingħajr ma jqis il-bżonnijiet reali u l-obbligi legali; jinnota ulterjorment li l-akkumulazzjoni ta' RALs fil-fatt iddgħajjef it-trasparenza tal-baġit tal-UE, li juri biċ-ċar kif l-impenji u l-ħlasijiet huma relatati f'sena baġitarja speċifika;
21. Jenfasizza l-fatt li approċċ sempliċement ibbażat fuq ir-rabta “kontributur nett tal-baġit tal-UE/benefiċjarju nett tal-baġit tal-UE” ma jqisx kif xieraq l-effetti importanti ta' konsegwenza li l-baġit tal-UE joħloq fost il-pajjiżi tal-UE li huma ta' benefiċċju għall-objettivi politiċi komuni tal-UE; jinsab imħasseb sew biż-żidiet moderati ħafna fil-ħlasijiet tal-aħħar żewġ baġits, li fil-każ tal-baġit 2012 kienu saħansitra anqas mil-livell ta' inflazzjoni, fi żmien kruċjali meta l-programmi ta' investiment kollha għandhom iwettqu bis-sħiħ il-potenzjalità tagħhom u jimxu b'ritmu qawwi;
22. Jenfasizza li finanzjament insuffiċjenti għandu jiġi evitat bħala kwistjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u li l-approprjazzjonijiet jeħtieġ li jiġu allinjati ma' stimi realtistiċi tal-kapaċità ta' assorbiment; jinnota li t-tnaqqis artifiċjali tal-livell ta' approprjazzjonijiet meta mqabbel mal-istimi realistiċi tal-Kummissjoni jista' min-naħa l-oħra jwaqqaf il-livell definittiv tal-implimentazzjoni baġitarja milli jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu; ifakkar li l-livell ta' approprjazzjonijiet għal ħlasijiet propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' baġit tagħha huwa determinat l-aktar mill-previżjonijiet tal-Istati Membri nnifishom u l-kapaċità ta' implimentazzjoni tagħhom, billi l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni jimmaniġġjaw aktar minn 80% tal-fondi tal-UE;
23. Jiddispjaċih mill-fatt li, waqt li l-Kunsill f'Diċembru 2011 irrifjuta jiffinanzja ħtiġijiet addizzjonali identifikati, xi talbiet ta' ħlasijiet li jammontaw għal aktar minn EUR 10 biljun ma setgħux jiġu onorati aktar tard lejn tmiem l-2011, u li issa dan kollu qed iħalli impatt dirett fuq il-ħlasijiet disponibbli għall-2012; jinsab imħasseb li dan irriżulta mill-fatt li l-Kunsill iddubita mid-data marbuta mal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni u l-valutazzjonijiet tagħha tal-bżonnijiet mingħajr ma ressqet ebda data jew sors alternattiv;
24. Jinsab għalhekk estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-ħlasijiet fl-2012 u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti sabiex tinsab soluzzjoni kemm jista' jkun malajr din is-sena, sabiex il-problema ma terġax tiġi posposta għall-2013; hu tal-fehma, barra minn hekk, li użu ta' dan it-tip tal-approprjazzjonijiet tas-sena li ġejja biex jiġu ffinanzjati l-bżonnijiet attwali jikkostitwixxi ġestjoni finanzjarja ħażina u jikser il-prinċipju tal-annwalità tal-baġit; jesprimi tħassib serju li din il-prattika ddgħajjef il-prinċipju ta' ebda dejn tal-Unjoni;
25. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jevita milli jwettaq qtugħ artifiċjali fil-ħlasijiet matul il-proċedura baġitarja, u jenfasizza li dan jidher li qed iwassal għal livell mhux sostenibbli ta' ħlasijiet; jirrikjedi, fil-każ li jsiru proposti bħal dawn, li l-Kunsill b'mod ċar u pubblikament jidentifika u jiġġustifika liema mill-programmi jew proġetti tal-UE jemmen li jistgħu jiġu ttardjati jew abbandunati kompletament;
26. F'dan il-kuntest, jitlob lill-Kunsill jallinja l-pożizzjoni tiegħu ma' waħda ta' bbaġitajr realistiku u responsabbli, u jimpenja ruħu li jkompli jissorvelja b'mod kostanti l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-2012 u, b'mod partikolari, il-ħlasijiet; jistieden lill-Kunsill jagħmel l-istess, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista' taħdem fuq il-bażi ta' data ta' implimentazzjoni komuni u aġġornata u tagħmel estimi affidabbli tan-nefqa; għal dan il-għan, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal laqgħa interistituzzjonali li se ssir matul l-ewwel semestru tal-2012 fil-livell politiku xieraq bil-għan li jiġi ċċarat u solvut kull nuqqas ta' ftehim possibbli fir-rigward taċ-ċifri tal-implimentazzjoni u l-ħlasijiet previsti u biex flimkien jevalwaw is-sitwazzjoni tal-ħlasijiet għas-snin baġitarji 2012 u 2013;
27. Jenfasizza l-importanza tal-finanzjament tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (l-ABE, l-AEAPX u l-AETS) biex ikunu jistgħu jitwettqu b'mod komprensiv l-aġenda ta' regolamentazzjoni finanzjarja u l-istrutturi finanzjarji sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri; jenfasizza li l-finanzjament għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u għas-servizzi legali indipendenti għalihom għandu jingħata prijorità fil-baġit;
28. Jilqa' l-ftehim milħuq dwar l-iffinanzjar tal-ispejjeż addizzjonali tal-ITER f'Diċembru 2011; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta fl-intier tagħhom il-konklużjonijiet konġunti li jinsabu f'dan il-ftehim u tressaq proposti konkreti fuq l-ammont ta' EUR 360 miljun fl-abbozz ta' baġit 2013, bl-użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament Finanzjarju u fil-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 eskluża kull reviżjoni addizzjonali marbuta mal-ITER tal-MFF; itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-iżgurar tal-ammont ta' EUR 360 miljun fil-baġit 2013 ma għandux ifixkel l-implimentazzjoni ta' suċċess ta' politiki oħra tal-UE speċjalment dawk li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija tal-UE 2020 matul din l-aħħar sena tal-perjodu ta' programmar u jopponi speċifikament kwalunkwe riassenjazzjoni li tikser dawn il-prijoritajiet baġitarji; jenfasizza li l-Kummissjoni fl-ipprogrammar finanzjarju tagħha tipprevedi marġni ta' EUR 47 miljun f'Intestatura 1a li tkopri parzjalment il-ħtiġijiet għall-ITER;
29. Jistenna, minħabba l-adeżjoni li ġejja tal-Kroazja fl-1 ta' Lulju 2013, li r-reviżjoni tal-MFF tkun adottata malajr, f'konformità mal-Punt 29 tal-IIA ( “L-Aġġustament tal-qafas finanzjarju biex jaħseb għat-tkabbir”) u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet addizzjonali korrispondenti hekk kif l-Att ta' Adeżjoni jkun ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha; itenni li t-tkabbir li jinkludi l-Kroazja għandu jkun akkumpanjat minn fondi addizzjonali adegwati bi flus ġodda aktar milli riassenjazzjonijiet għat-tieni parti tal-2013;
Nefqa amministrattiva
30. Jieħu nota tal-ittra tat-23 ta' Jannar 2012 mill-Kummissarju għall-Baġits u l-Ipprogrammar Finanzjarju li tesprimi r-rieda tal-Kummissjoni li tnaqqas l-għadd ta' postijiet fit-tabella tal-persunal b'1 % sa mill-2013 filwaqt li jitqiesu b'attenzjoni l-effetti varji fuq id-direttorati ġenerali kbar, ta' daqs medju u żgħar; bi ħsiebu janalizza mill-qrib l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas sal-2018 il-persunal fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE b'5 % meta mqabbel mal-2013, u jfakkar li dan għandu jitqies bħala objettiv ġenerali; ifakkar li kwalunkwe tibdil fil-pjan ta' stabbiliment għandu impatt dirett fuq il-baġit u m'għandu bl-ebda mod jikkomprometti l-prerogattivi baġitarji tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Parlament Ewropew; iqis li kull tnaqqis tal-persunal fuq perjodu ta' żmien qasir u fit-tul għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt preliminari u jikkunsidra bis-sħiħ, inter alia, l-obbligi legali tal-Unjoni kif ukoll il-kompetenzi l-ġodda tal-istituzzjonijiet u ż-żieda fil-kompiti li joħorġu mit-trattati;
31. Ifakkar fl-importanza ta' kooperazzjoni interistituzzjonali mill-qrib u kostruttiva matul il-proċedura u jafferma r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi bis-sħiħ għal din il-kooperazzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE; jistenna li l-linji gwida preżenti jitqiesu bis-sħiħ matul il-proċedura baġitarja kif ukoll fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit;
o o o
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.