Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2577(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0151/2012

Testi mressqa :

B7-0151/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2012 - 9.5
CRE 14/03/2012 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0078

Testi adottati
PDF 275kWORD 39k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Il-mandat tal-Kumitat Speċjali għall-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil tal-Flus
P7_TA(2012)0078B7-0151/2012

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar it-twaqqif, il-poteri, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tal-kumitat speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-16 ta' Frar 2012 li pproponiet li jitwaqqaf kumitat speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u li jiġu ddefiniti s-setgħat, il-kompożizzjoni numerika u l-perjodu tal-mandat tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea(1), li fiha esprima l-intenzjoni tiegħu li jitwaqqaf kumitat speċjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled il-korruzzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u li jingħata s-setgħat li ġejjin:

   (a) li janalizza u jevalwa kemm huma mifruxa l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u l-impatt tagħhom fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri, u li jipproponi miżuri adegwati li jippermettu lill-Unjoni tipprevjeni u tikkumbatti dawn it-theddidiet, inkluż fil-livell Ewropew u nazzjonali;
   (b) li janalizza u jevalwa l-implimentazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u dwar politiki oħra relatati, sabiex jiġi żgurat li l-liġi u l-politiki tal-Unjoni jkunu bbażati fuq l-evidenza u appoġġjati mill-aqwa evalwazzjonijiet tat-theddidiet disponibbli, kif ukoll li jimmoniterja l-kompatibilità tagħhom mad-drittijiet tal-bniedem skont l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari d-drittijiet stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, l-aktar dawk stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat;
   (c) li jeżamina u jagħmel skrutinju tar-rwol u l-attivitajiet tal-aġenziji tal-affarijiet interni tal-Unjoni (bħall-Europol, il-COSI, il-Eurojust, eċċ) li jwettqu ħidma dwar aspetti relatati mal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u politiki oħra ta' sigurtà relatati;
   (d) li jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea, u l-aktar il-paragrafu 15 tagħha(3), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled il-korruzzjoni,
   (e) għal dawn l-għanijiet, li jistabbilixxi l-kuntatti meħtieġa, jagħmel żjarat u seduti ta' smigħ mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u mal-istituzzjonijiet internazzjonali, Ewropej u nazzjonali, mal-parlamenti nazzjonali u l-gvernijiet tal-istati membri u tal-pajjiżi terzi, mar-rappreżentanti tal-komunità xjentifika, man-negozji u mas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-atturi tal-għeruq, l-organizzazzjonijiet tal-vittmi, u l-uffiċjali li kuljum jikkumbattu kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-maġistrati, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili li jippromwovu kultura ta' legalità f'ambiti diffiċli;

2.  Jiddeċiedi, ladarba s-setgħat tal-kumitati permanenti tal-Parlament Ewropew responsabbli mill-adozzjoni, mill-monitoraġġ u mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata ma' dan il-qasam baqgħu l-istess, li l-kumitat speċjali jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-kumitati permanenti;

3.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkun magħmul minn 45 membru;

4.  Iddeċieda li t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun ta' 12-il xahar, li jibda mill-1 ta' April 2012, liema perjodu jista' jiġi estiż; jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jippreżenta lill-Parlament rapport interim u rapport finali, li għandu jkun fihom rakkomandazzjonijet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0459.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0388.
(3) Il-kliem tal-paragrafu kien hekk: ' 15. Biħsiebu, fi żmien tliet xhur mill-approvazzjoni tar-riżoluzzjoni preżenti, joħloq kumitat speċjali dwar it-tixrid ta' organizzazzjonijiet kriminali tat-tip mafjuż li joperaw fil-livell transkonfinali, inklużi l-mafji, li waħda mill-għanijiet tiegħu jkun li jinvestiga l-grad tal-fenomenu u l-impatt negattiv soċjali u ekonomiku li għandu fl-UE, inkluża l-kwistjoni tal-approprjazzjoni indebita ta' fondi pubbliċi minn organizzazzjonijiet kriminali u mafji u l-infiltrazzjoni tagħhom fis-settur pubbliku, kif ukoll il-kontaminazzjoni tal-ekonomija legali u s-sistema finanzjarja, filwaqt li għand ieħor ikun li jidentifika sensiela ta' miżuri leġiżlattivi sabiex jindirizza din it-theddida tanġibbli u rikonoxxuta lill-UE u ċ-ċittadini tagħha; jitlob, għalhekk, lill-Konferenza tal-Presidenti tressaq proposta skont l-Artikolu 184 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;“.

Avviż legali - Politika tal-privatezza