Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress 2011 dwar l-Islanda (2011/2884(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 biex jibdew in-negozjati tal-adeżjoni mal-Islanda,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenzi tal-Adeżjoni mal-Islanda fuq livell Ministerjali tas-27 ta' Ġunju 2010 u tas-27 ta' Ġunju 2011 u tat-12 ta' Diċembru 2011, kif ukoll il-Konferenza tal-Adeżjoni mal-Islanda fuq livell ta' sostituti ministerjali fid-19 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012” (COM(2011)0666) u r-Rapport ta' Progress 2011 dwar l-Islanda, adottat fit-12 ta' Ottubru 2011 (SEC(2011)1202),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-proċess ta' screening,
– wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali tal-IPA għall-Islanda adottat f'Ottubru 2011 b'baġit ta' EUR 12-il miljun,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport ta' progress 2010 dwar l-Islanda(2),
– wara li kkunsidra l-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Islanda tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, u n-negozjati tal-adeżjoni mal-Islanda bdew fis-27 ta' Lulju 2010 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill;
B. billi l-proċess ta' screening tal-acquis tal-UE jinsab kważi lest;
C. billi sa issa fin-negozjati tal-adeżjoni nfetħu u ngħalqu provviżorjament tmien kapitoli (Kapitolu 2 - Moviment Liberu tal-Ħaddiema, Kapitolu 7 - Liġijiet dwar il-Proprjetà Intelletwali, Kapitolu 20 - Politika dwar l-Impriżi u l-Industrija, Kapitolu 21, Netwerks Trans-Ewropej, Kapitolu 23 - Il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali, Kapitolu 25 - Xjenza u Riċerka, u Kapitolu 26 - Edukazzjoni u Kultura) u nfetħu tlieta oħra (Kapitolu 5 - Akkwist Pubbliku, Kapitolu 10 - Is-Soċjetà Informatika u l-Midja u Kapitolu 33 - Dispożizzjonijiet Finanzjarji u Baġitarji);
D. billi kif enfasizzat fil-konsensus imġedded dwar it-tkabbir, il-progress ta' kull pajjiż lejn l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea huwa bbażat fuq il-mertu;
E. billi l-Islanda diġà qed tikkoopera mill-qrib mal-UE bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-Ftehimiet ta' Schengen u r-Regolament Dublin II, u diġà adottat parti sinifikanti tal-acquis;
F. billi l-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda għandu jissalvagwardja bi sħiħ il-prinċipji u l-acquis tal-UE;
G. billi l-Islanda tikkontribwixxi għall-koeżjoni u s-solidarjetà Ewropea permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju skont iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tikkoopera mal-UE għaż-żamma tal-paċi u l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet;
H. billi l-konsolidazzjoni ekonomika u fiskali qiegħda fit-triq it-tajba, l-ekonomija Islandiża sejra moderatament għall-aħjar u l-PDG mistenni li jirkupra bil-mod;
Kummenti ġenerali
1. Ifakkar li l-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-Unjoni jipprovdu l-bażi ġenerali għall-adeżjoni mal-UE;
2. Jappoġġa l-progress tal-Islanda fil-proċess ta' adeżjoni; jilqa' l-ftuħ ta' ħdax-il kapitolu tan-negozjati u l-għeluq provviżorju ta' tmienja minn dawn il-kapitoli fin-negozjati tal-adeżjoni; iqis li huwa importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jitlesta l-proċess ta' adeżjoni mal-Islanda u biex jiġi żgurat li l-adeżjoni tagħha tkun suċċess;
Kriterji politiċi
3. Jilqa' l-prospettiva li, bħala Stat Membru ġdid tal-UE, se jkollna pajjiż bi tradizzjoni demokratika u kultura ċivika bi storja twila u b'saħħithom;
4. Jinnota r-rabtiet storiċi b'saħħithom tal-Islanda mat-Tramuntana tal-Ewropa u l-kooperazzjoni Ewro-Atlantika li ilha taħdem b'suċċess iktar minn 60 sena;
5. Jinnota b'sodisfazzjon li l-istabbiliment ta' Kunsill Kostituzzjonali u l-proċess li għaddej ta' reviżjoni tal-Kostituzzjoni Islandiża, bl-għan li jżid il-protezzjoni demokratika, isaħħaħ il-kontrolli u l-bilanċi, itejjeb il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-istat u jiddefinixxi aħjar ir-rwoli u s-setgħat rispettivi tagħhom; jilqa' l-isforzi biex jissaħħu r-rwol u l-effiċjenza tal-Parlament Islandiż (Althingi) bit-tisħiħ tar-rwol tiegħu ta' superviżjoni, kif ukoll it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv;
6. Jinnota t-tibdil fil-karigi fil-Gvern Islandiż li sar fil-31 ta' Diċembru 2011; jesprimi fiduċja li l-gvern il-ġdid ikompli n-negozjati b'impenn iktar b'saħħtu u iktar persistenti fir-rigward tal-proċess ta' adeżjoni;
7. Ifaħħar lill-Islanda għar-riżultati tajbin tagħha biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem u biex jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni mal-mekkaniżmi internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE se tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala promotur u difensur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali fid-dinja;
8. Jilqa' l-progress tajjeb li sar għat-tisħiħ tal-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, kif ukoll ir-rinfurzar tal-qafas politiku kontra l-korruzzjoni, rikonoxxut permezz tal-għeluq proviżorju tal-Kapitolu 23;
9. Jilqa' wkoll l-att il-ġdid dwar il-midja adottat mill-Althingi fl-20 ta' April 2011; jinkoraġġixxi lill-kumitati parlamentari rilevanti maħtura fis-sajf 2011 sabiex jaħdmu fuq il-qafas leġiżlattiv f'dan il-qasam kif ukoll dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tas-suq tal-midja Islandiż u r-rwol tas-servizz tax-xandir tal-istat Islandiż fis-suq tar-reklamar;
10. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Islandiża dwar il-Midja Moderna, u qed jistenna bil-ħerqa t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi u l-prattika ġudizzjarja, li tippermetti kemm lill-Islanda u kemm lill-UE jieħdu pożizzjoni b'saħħitha fir-rigward tal-protezzjoni legali tal-libertajiet ta' espressjoni u ta' informazzjoni;
11. Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Islandiżi biex jarmonizzaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tad-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali fl-Islanda;
12. Jieħu nota tad-diviżjoni politika fi ħdan il-gvern kif ukoll fi ħdan l-Althingi u l-forzi politiċi Islandiżi prinċipali rigward l-adeżjoni mal-UE; jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' strateġiji komprensivi għall-adeżjoni mal-UE f'ċerti oqsma, b'mod partikulari f'dawk li mhumiex koperti miż-ŻEE;
13. Jinnota bi pjaċir li għadd sinifikanti ta' Islandiżi huma favur it-tkomplija tan-negozjati tal-adeżjoni; jilqa' l-appoġġ tal-gvern għal dibattitu infurmat tajjeb u bilanċjat dwar il-proċess tal-adeżjoni u l-involviment tas-soċjetà Islandiża fid-diskussjonijiet pubbliċi rigward l-adeżjoni mal-UE; iqis li l-ftuħ ta' Ċentri ta' Informazzjoni tal-UE fl-Islanda huwa opportunità għall-UE biex tipprovdi liċ-ċittadini Islandiżi t-tagħrif kollu possibbli rigward l-effetti kollha tas-sħubija tal-UE għall-pajjiż u l-UE nnifisha;
14. Iqis li hu essenzjali li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva bbażata fuq il-fatti dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni tal-Islanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi għal dan il-għan, u jikkunsidra li hu ugwalment importanti li l-preokkupazzjonijiet u l-mistoqsijiet taċ-ċittadini jinstemgħu u jiġu indirizzati kif ukoll li jitqiesu l-fehmiet u l-interessi tagħhom;
Kriterji ekonomiċi
15. Jilqa' r-rabtiet ekonomiċi mill-qrib mal-Islanda u l-livell ġeneralment sodisfaċenti li laħqet l-Islanda fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha taż-ŻEE u fil-ħila tagħha li tirreżisti għall-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE fuq perjodu ta' żmien medju, sakemm tkompli tindirizza d-dgħufijiet attwali permezz ta' politiki makroekonomiċi xierqa u riformi strutturali; ifakkar, madankollu, fil-ħtieġa li jkunu indirizzati bis-sħiħ l-obbligi taż-ŻEE eżistenti kif identifikati mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA;
16. Jistieden lill-awtoritajiet Islandiżi jindirizzaw l-intervent tal-istat li għadu sinifikanti fis-settur bankarju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jirriformaw u jiftħu gradwalment l-industriji bħal dawk tal-enerġija, tat-trasport, tal-ajru u tas-sajd, li għadhom protetti mill-kompetizzjoni barranija, bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-isforzi biex isiru magħrufa aħjar il-kawżi tal-kollass tas-sistema ekonomika u finanzjarja tal-Islanda; jenfasizza li t-tneħħija tal-protezzjoniżmu hija prerekwiżit għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;
17. Ifaħħar lill-Islanda talli temmet b'suċċess il-Programm ta' rkupru ekonomiku mal-FMI, bl-għan tal-konsolidazzjoni fiskali u ekonomika;
18. Jinnota bi pjaċir il-progress ekonomiku tajjeb li sar diġà u r-ristrutturar estensiv u r-riformi li għaddejjin fis-settur finanzjarju; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Islandiżi jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jitnaqqas il-livell tal-qgħad u b'mod partikulari l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
19. Jilqa' l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Politika 2020 tal-Islanda u jinkoraġġixxi lill-gvern jagħti spinta lill-impriżi żgħar u medji (SMEs) fil-pajjiż billi jiffaċilita l-preżenza tagħhom fis-suq internazzjonali u billi jipprovdi aċċess adegwat għar-riżorsi finanzjarji;
20. Jieħu nota tal-approvazzjoni mill-Althingi tal-istrateġija riveduta għat-tneħħija tal-kontrolli fuq il-kapital, imħejjija mill-awtoritajiet Islandiżi fuq konsultazzjoni mal-FMI, u tad-djalogu kostruttiv li sar bejn l-Islanda u l-UE f'dan il-qasam; ifakkar li t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-kapital huwa rekwiżit importanti għall-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE;
21. Ifakkar li l-kontroversja dwar l-Icesave għadha ma ssolvietx f'dan l-istadju; jenfasizza li l-kwistjoni Icesave għandha tkun solvuta apparti min-negozjati tal-adeżjoni u m'għandhiex tkun ta' ostaklu fil-proċess tal-adeżjoni tal-Islanda; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA li tirreferi l-każ “Icesave” lill-Qorti taż-ŻEE u tas-sentenza tal-Qorti Suprema Islandiża li jinżamm l-Att ta' Emerġenza tas-6 ta' Ottubru 2008; japprezza l-impenn kontinwu tal-awtoritajiet Islandiżi biex isolvu din il-kontroversja u jilqa' l-ewwel ħlasijiet parzjali lill-kredituri ta' prijorità fl-għeluq tal-Landsbanki Íslands hf, stmati li kienu ta' madwar terz tal-klejms ta' prijorità rikonoxxuti;
Kapaċità li tadotta l-obbligi tas-sħubija
22. Jistieden lill-Islanda ttejjeb il-preparazzjonijiet għall-allinjament mal-acquis tal-UE, b'mod partikulari fl-oqsma li mhumiex koperti miż-ŻEE, u tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu sad-data tal-adeżjoni;
23. Jieħu nota tar-riżultati tal-proċess ta' screening; jilqa' l-ambizzjoni ddikjarata mill-Islanda li tiftaħ il-kapitoli tan-negozjati kollha matul il-presidenza Daniża; jittama li n-negozjati ta' adeżjoni se jimxu b'suċċess matul il-Presidenza attwali, filwaqt li jenfasizza l-bżonn li jiġu ssodisfati l-parametri ta' referenza tal-bidu fil-Kapitolu 11 - Agrikultura u Żvilupp Rurali u fil-Kapitolu 22 - Politika Reġjonali u Koordinazzjoni tal-Istrumenti Strutturali u l-kriterji ta' referenza għall-għeluq tal-Kapitolu 5 – Akkwist Pubbliku, Kapitolu 10 - Is-Soċjetà Informatika u l-Midja u l-Kapitolu 33 - Dispożizzjonijiet Finanzjarji u Baġitarji;
24. Jilqa' l-konsolidazzjoni attwali tal-ministeri, jirrikonoxxi l-effiċjenza u l-professjonalità tal-amministrazzjoni Islandiża u jappoġġa l-għan ġenerali tat-titjib tal-kapaċità amministrattiva u ta' koordinazzjoni tal-ministeri Islandiżi;
25. Jilqa' l-isforzi ulterjuri biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet istituzzjonali fis-settur finanzjarju u l-progress għat-tisħiħ tal-prattiki regolatorji u superviżorji tal-banek;
26. Filwaqt li jikkunsidra l-fatt li kemm il-Politika Komuni tas-Sajd u kemm il-politika tas-sajd Islandiża attwalment qegħdin jiġu riveduti, jistieden lill-Islanda u lill-UE jittrattaw dan il-kapitolu tan-negozjati b'mod kostruttiv bil-għan li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti reċiproka għall-ġestjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fi ħdan l-acquis applikabbli;
27. Jikkunsidra li huwa importanti li jsiru tħejjijiet sabiex l-istrutturi amministrattivi meħtieġa jkunu adattati adegwatament għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-Islanda fil-PAK mill-ġurnata tal-adeżjoni, filwaqt li jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura Islandiża fir-rigward, b'mod partikolari tal-awtosuffiċjenza attwali f'termini ta' ikel tal-pajjiż u l-proċess ta' riforma li għaddej tal-Politika Agrikola Komuni;
28. Jiddispjaċih li l-laqgħa riċenti tal-erba' stati kostali, l-Islanda, l-UE, in-Norveġja u l-Gżejjer Faeroe, dwar il-ġestjoni tas-sajd għall-kavalli fl-Atlantiku tal-Grigal fl-2012, spiċċat mingħajr ma ntlaħaq ftehim, u jinkoraġġixxi lill-istati kostali kollha biex jagħmlu sforz imġedded biex ikomplu bin-negozjati bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kontroversja dwar il-kavalli, ibbażata fuq proposti realistiċi konsistenti mad-drittijiet storiċi u l-parir tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar, li jissalvagwardjaw il-ġejjieni tal-istokk, jipproteġu u jżommu l-impjiegi fis-sajd pelaġiku u jiżguraw sajd fit-tul u sostenibbli; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tressaq miżuri kummerċjali biex tiġġieled kontra prattiki mhux sostenibbli tas-sajd;
29. Jemmen li l-Islanda, li tikseb kważi l-enerġija stazzjonarja tagħha kollha minn sorsi rinnovabbli, tista' tagħti kontribut prezzjuż lill-politiki tal-UE minħabba l-esperjenza tagħha fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikulari fir-rigward tal-użu tal-enerġija ġeotermali, il-ħarsien tal-ambjent u l-miżuri li jindirizzaw it-tibdil fil-klima; huwa wkoll konvint li kooperazzjoni aktar mill-qrib jista' jkollha impatt pożittiv fuq l-investiment u għalhekk fuq is-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjiegi fl-Islanda u fl-UE;
30. Jinnota madankollu, li għad fadal diverġenzi bejn l-UE u l-Islanda dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-ħajja tal-baħar, partikularment il-kaċċa tal-balieni; jindika li l-projbizzjoni tal-kaċċa tal-balieni hija parti mill-acquis tal-UE u jitlob diskussjonijiet usa' dwar il-kwistjoni tal-qerda tal-kaċċa tal-balieni u l-kummerċ tal-prodotti tal-balieni;
31. Jilqa' l-appoġġ kontinwu tal-Islanda għall-operazzjonijiet ċivili tal-PSDK u l-allinjament tagħha mal-maġġoranza tad-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK; jenfasizza li bħala parti mill-proċess ta' qabel l-adeżjoni, l-Islanda mistennija tikkoordina l-pożizzjonijiet tagħha mal-UE fil-fora internazzjonali kollha, inkluża d-WTO;
Kooperazzjoni reġjonali
32. Iqis li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE se ssaħħaħ b'mod sinifikanti l-prospetti tal-Unjoni li jkollha rwol aktar attiv u kostruttiv fit-Tramuntana tal-Ewropa u fl-Artiku billi tikkontribwixxi għall-governanza multilaterali u s-soluzzjonijiet politiki sostenibbli fir-reġjun, billi l-isfidi tal-ambjent Artiku huma ta' interess komuni; jemmen li l-Islanda tista' ssir pont strateġiku fir-reġjun u li l-adeżjoni tagħha mal-UE tikkonsolida ulterjorment il-preżenza Ewropea fil-Kunsill tal-Artiku;
33. Iqis b'mod pożittiv il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-Kunsill Nordiku u fil-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), kif ukoll fil-Politika tal-UE dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana, fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents, fil-Kunsill Artiku kif ukoll fil-kooperazzjoni Nordika-Baltika (NB8); jikkunsidra li l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar Politika Islandiża dwar it-Tramuntana Estrema, adottata mill-Althingi f'Marzu 2011, reġgħet saħħet l-impenn tal-Islanda li jkollha parti attiva fir-reġjun tal-Artiku b'mod ġenerali;
34. Jenfasizza l-ħtieġa ta' politika tal-Unjoni Ewropea aktar effikaċi u koordinata dwar l-Artiku u jesprimi l-opinjoni li l-adeżjoni tal-Islanda fl-UE ssaħħaħ kemm il-vuċi tal-UE fl-Artiku u kemm id-dimensjoni tat-Tramuntana tal-Atlantiku tal-politiki esterni tal-Unjoni;
o o o
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Althingi u lill-Gvern tal-Islanda.