Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2888(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0129/2012

Testi mressqa :

B7-0129/2012

Dibattiti :

PV 14/03/2012 - 7
CRE 14/03/2012 - 7

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2012 - 9.12
CRE 14/03/2012 - 9.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0085

Testi adottati
PDF 341kWORD 104k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Rapport dwar it-tkabbir għall-Bosnja-Ħerzegovina
P7_TA(2012)0085B7-0129/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress 2011 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina (2011/2888(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' Stabbilizzazzjoni (SAA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda u l-Bosnja-Ħerzegovina min-naħa l-oħra, iffirmat fis-16 ta' Ġunju 2008 u rrattifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Bosnja-Ħerzegovina,

  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/211/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/55/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/426/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bosnja-Ħerzegovina tal-21 ta' Marzu 2011, tal-10 ta' Ottubru 2011 u tal-5 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012” (COM(2011)0666) u r-Rapport ta' progress 2011 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina, adottat fit-12 ta' Ottubru 2011(SEC(2011)1206),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-17 ta' Ġunju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13-il laqgħa Interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Bosnja-Ħerzegovina, li saret fi Brussell fid-19-20 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bil-qawwi favur Bosnja-Ħerzegovina (BĦ) sovrana u magħquda; billi wieħed mill-objettivi bażiċi tal-politika tal-UE huwa li jaċċelera l-progress tal-pajjiż lejn is-sħubija tal-UE u b'hekk jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha; billi dan it-titjib jirrikjedi istituzzjonijiet funzjonali fil-livelli kollha u impenn mill-mexxejja politiċi tal-pajjiż;

B.  billi l-futur tal-BĦ jinsab fl-Unjoni Ewropea u billi l-prospettiva ta' sħubija fl-UE kienet wieħed mill-fatturi li l-iktar għaqqdu n-nies tal-pajjiż,

C.  billi r-responsabilità primarja għall-proċess tal-adeżjoni mal-UE ta' suċċess taqa' fuq il-pajjiż kandidat potenzjali u t-tħejjijiet għandhom isiru primarjament minn dawk li huma eletti miċ-ċittadini u responsabbli għalihom u skont viżjoni komuni kondiviża dwar il-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali urġenti tal-pajjiż; billi l-BĦ biss bħala pajjiż wieħed għandha l-prospettiva ta' sħubija tal-UE, u l-imminar ta' istituzzjonijiet tal-Istat iċaħħad liċ-ċittadini kollha milli jiksbu l-benefiċċji tal-integrazzjoni fl-UE,

D.  billi l-mexxejja tal-partiti politiċi rnexxielhom jaqblu fil-prinċipju dwar gvern ġdid tal-Istat, li sadattant ġie kkostitwit, wara li s-sitwazzjoni politika weħlet f'punt fejn id-diskussjonijiet ma setgħux jitkomplew għal madwar ħmistax-il xahar,

E.  billi n-nuqqas li jintlaħaq ftehim politiku u istituzzjonali żamm lill-pajjiż milli jkompli bir-riformi tant meħtieġa, intiżi biex iressqu l-pajjiż eqreb lejn l-UE, b'mod partikulari f'oqsma fundamentali bħall-bini ta' stat, governanza, l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt u l-approssimazzjoni ta' standards tal-UE, billi n-nuqqas ta' gvern tal-Istat affettwa wkoll il-kapaċità li jkunu adottati politiki ekonomiċi u fiskali koerenti,

F.  billi r-riforma kostituzzjonali tibqa' r-riforma ewlenija għat-trasformazzjoni tal-BĦ fi stat effikaċi u li jaħdem tajjeb;

G.  billi f'pajjiż b'livelli differenti ta' governanza huma meħtieġa koordinazzjoni b'saħħitha bejn id-diversi atturi u kooperazzjoni sinċiera biex tittejjeb il-kapaċità tiegħu li jitkellem b'vuċi waħda; billi, madankollu, l-ebda mekkaniżmu ta' koordinazzjoni ma' jista' jissostitwixxi r-rieda politika tant meħtieġa; billi l-kooperazzjoni tista' twassal għal riżultati tanġibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, kif intwera bil-liberalizzazzjoni tal-viża, għalkemm f'ħafna każi hija nieqsa l-koordinazzjoni neċessarja,

H.  billi l-objettivi tal-politika tar-Rappreżentant Speċjali (EUSR) u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE(HoD) fil-kariga msaħħa tiegħu huma li joffri pariri min-naħa tal-UE u jiffaċilita l-proċess politiku, jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni,

I.  billi l-istruttura kumplessa tas-sistema ġudizzjarja bin-nuqqas ta' Qorti Suprema fil-livell ta' Stat, in-nuqqas ta' armonizzazzjoni fost l-erba' ġurisdizzjonijiet interni, l-interferenza politika fis-sistema ġudizzjarja u l-kontestazzjonijiet għall-kompetenzi tal-aġenziji ġudizzjarji fil-livell ta' Stat jimminaw il-funzjonament tal-ġudikatura u jxekklu l-isforzi ta' riforma,

J.  billi l-Missjoni tal-Pulizija tal-UE, stabbilita fl-2003, ġiet estiża sat-30 ta' Ġunju 2012 fil-perspettiva ta' tranżizzjoni ta' attivitajiet futuri għal strumenti Komunitarji u l-istabbiliment ta' kapaċità konsultattiva strateġika fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali fl-uffiċċji tal-EUSR,

K.  billi l-BĦ qiegħda tipprovdi għajnuna fil-proċessi u l-appelli li għaddejjin dwar delitti tal-gwerra, u qiegħda tikkoopera rigward il-kawżi trasferiti,

L.  billi l-korruzzjoni għadha problema kbira għall-iżvilupp soċjoekonomiku u politiku tal-pajjiż,

M.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa delitt serju u vjolazzjoni grassa tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-BĦ hija pajjiż ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment tan-nisa u l-bniet,

N.  billi n-nuqqas ta' prospettivi ta' impjiegi, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ, qiegħed ixekkel il-progress tal-pajjiż u jżid l-iskuntentizza soċjali;

O.  billi l-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra fir-reġjun hija prerekwiżit għal paċi dewwiema u r-rikonċiljazzjoni fil-BĦ u l-Balkani tal-Punent,

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-formazzjoni ta' gvern ġdid tal-Istat, wara ftehim bejn il-mexxejja tal-patiti politiċi dwar firxa ta' kwsitjonijiet importanti; jitlob l-impimentazzjoni sħiħa ta' dan il-ftehim billi jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti, inklużi l-adozzjoni tal-baġit tal-Istat tal-2012 u l-ħatriet tad-Diretturi tal-aġenzjiji tal-Istat; jistieden lill-elite politika biex tibni fuq dan l-iżvilupp pożittiv, li jista' jagħti impetu ulterjuri għall-proċess ta' integrazzjoni tal-UE, u terġa' timpenja ruħha fi djalogu kostruttiv dwar riformi importanti oħra wkoll;

2.  Huwa mħasseb dwar il-progress limitat li kisbet il-BĦ bħala pajjiż kandidat potenzjali għas-sħubija fl-UE fi triqitha lejn l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku; huwa tal-fehma, madankollu, li huwa possibbli l-progress lejn l-integrazzjoni mal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-BĦ sakemm id-determinazzjoni, ir-responsabbiltà politika, kultura ta' kompromess u viżjoni komuni dwar il-futur tal-pajjiż jikkostitwixxu l-prinċipji ta' gwida għal azzjonijiet ulterjuri; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-BĦ jieħdu passi konkreti oħra biex jerġgħu jqiegħdu lill-pajjiż lura fi triqtu lejn l-UE b'mod sod;

3.  Ifakkar lill-parteċipanti politiċi kollha fil-Bosnja-Ħerzegovina li r-riformi fit-triq lejn l-integrazzjoni mal-UE huma ta' benefiċċju għall-poplu tal-BĦ u li hi r-responsabilità tagħhom vis-à-vis ċ-ċittadini li jaslu għall-kompromessi, jikkoordinaw effettivament, u jaqblu dwar ir-riformi u jimplimentawhom; ifakkar li Stat li jiffunzjona kif ukoll gvern u amministrazzjoni tal-Istat li jiffunzjonaw huma wkoll kundizzjonijiet biex applikazzjoni għal sħubija fl-UE tkun ta' suċċess; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jwettqu l-bidliet kostituzzjonali meħtieġa u jaħdmu favur riformi fundamentali oħra, kif ukoll jiffukaw fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tal-FSA; jenfasizza li s-sjieda lokali u l-impenn politiku huma prerekwiżiti għas-suċċess ta' kwalunkwe għajnuna finanzjarja mill-UE; għal dan il-għan, jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiż jistabbilixxu l-istruttura neċessarja tal-ġestjoni deċentralizzata (DIS) tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA); jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni dwar l-ipprogrammar ta' assistenza finanzjarja futura tal-UE, partikolarment fil-qafas tal-programm IPA;

4.  Jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-Istat ċentrali ma jfissirx li jiddgħajfu l-Entitajiet iżda li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal amministrazzjoni ċentrali effettiva li tkun kapaċi tipprepara l-pajjiż kollu għall-adeżjoni mal-UE, b'kollaborazzjoni mill-qrib bejn livelli differenti ta' governanza; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha tal-governanza li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-UE kif ukoll il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet rispettivi fl-ipprogrammar tal-għajnuna finanzjarja tal-UE fis-setturi kollha relevanti għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

5.  Jikkundanna l-użu ta' lingwaġġ u azzjonijiet inflammatorji, li jimminaw il-proċess ta' rikonċiljazzjoni interetnika u l-funzjonament tal-istrutturi tal-Istat;

Preżenza msaħħa tal-UE

6.  Jilqa' l-istrateġija globali tal-UE lejn il-BĦ li tinkludi t-tisħiħ tal-preżenza tal-UE fil-BĦ permezz tal-introduzzjoni ta' rappreżentant tal-UE b'kariga msaħħa li jaġixxi b'mandat doppju ta' EUSR u HoD; ifaħħar lill-EUSR/HoD talli appoġġa lill-BĦ fi kwistjonijiet marbuta mal-UE u talli ffaċilita proċess ta' integrazzjoni mal-UE li huwa mmexxi lokalment; jappoġġa bis-sħiħ lill-EUSR/HoD fl-ambizzjoni tiegħu li jgħin lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jankraw l-aġenda tal-UE fil-qalba tal-proċess politiku billi jiżgura l-konsistenza, il-koordinazzjoni u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha, f'dan ir-rigward, biex jaħdmu fi sħubija mill-qrib mal-EUSR; ifakkar fil-ħtieġa li l-preżenza msaħħa tal-UE tkun implimentata minn strateġiji ċari u komprensivi dwar il-problemi varji u fl-istess ħin minn appoġġ sod u koerenti mill-Istati Membri kollha għall-EUSR/HoD; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha talloka fondi biżżejjed, inkluż fil-persunal biex tippermetti l-preżenza fil-pajjiż kollu, sabiex tgħin lill-EUSR/HoD jiksbu l-objettivi meħtieġa;

7.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tikkunsidra l-ħtieġa u ssib soluzzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 5+2 tal-Bord ta' Tmexxija tal-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi biex tħejji t-triq għax-xoljiment tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) sabiex ikun jista' jkun hemm iktar sjieda u responsabilità lokali għall-affarijiet proprji tal-BĦ, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha li kwalunkwe pass bħal dan m'għandux ikollu impatt negattiv fuq l-istabilità tal-pajjiż jew ir-ritmu u l-eżitu ta' riformi tant meħtieġa; ifakkar li l-awtoritajiet tal-BĦ għandhom, f'dan il-kuntest, isolvu l-kwistjonijiet pendenti tal-proprjetà tal-istat u l-proprjetà tad-difiża;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni sinifikanti tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE (EUPM) u l-Operazzjoni Althea tal-EUFOR għall-istabilità u s-sigurtà tal-BĦ u jqishom elementi importanti fl-istrateġija globali msaħħa tal-UE għall-BĦ; ifaħħar il-kisbiet tal-EUPM fil-kontribut tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura tal-BĦ; jinnota l-ftehim li tingħalaq l-EUPM sal-aħħar ta' Ġunju 2012; ifakkar fil-ħtieġa ta' tranżizzjoni mingħajr xkiel mill-ħidma tal-EUPM għal proġetti ta' għajnuna ffinanzjati mill-IPA kif ukoll favur kapaċità konsultattiva strateġika fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali fl-uffiċċju tal-EUSR; jilqa' r-rwol militari eżekuttiv tal-operazzjoni Althea b'appoġġ għall-isforzi tal-BĦ fiż-żamma ta' ambjent sikur u fiż-żgur taħt il-mandat imġedded tan-NU; jenfasizza l-bżonn li jkomplu jissaħħu l-ħiliet u l-professjonaliżmu tal-forzi tas-sigurtà tal-BĦ bl-għan li jissaħħu s-sjieda u l-kapaċità lokali;

Kriterji politiċi

9.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istat għandu jkollu biżżejjed setgħat leġiżlattivi, baġitarji, eżekuttivi u ġudizzjarji sabiex ikun kapaċi jissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni mal-UE;

10.  Jilqa' l-inizjattiva dwar il-Forum ta' Koordinazzjoni Parlamentari li tittratta kwestjonijiet leġiżlattivi ta' integrazzjoni mal-UE f'livelli differenti ta' governanza u li għandha tikkontribwixxi biex l-aġenda Ewropea ssir aġenda nazzjonali; għalkemm għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar emendi kostituzzjonali konkreti, iqis il-ħidma tal-Kumitat Konġunt Temporanju bħala pass sinifikanti “l quddiem għaliex għall-ewwel darba l-politiċi tal-BĦ stabbilixxew mod istituzzjonalizzat ta' kif jiddiskutu emendi kostituzzjonali mingħajr il-preżenza tal-komunità internazzjonali, u bl-involviment tas-soċjetà ċivili u b'mod miftuħ u trasparenti għall-pubbliku;

11.  Huwa mħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha fortuwita; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-BĦ kemm fil-livell ta' entitajiet kif ukoll dawk statali, jsaħħu l-kapaċità amministrattiva għall-kooperazzjoni mal-NGOs u jipprovdu aktar appoġġ għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili billi jkunu iktar ambizzjużi fl-istabbiliment ta' djalogu soċjali mas-sħab rilevanti; jenfasizza li r-regoli għar-rikonoxximent u r-reġistrazzjoni tas-sħab soċjali għandhom jiġu ċċarati u l-liġi fil-livell tal-Istat dwar ir-rappreżentattività tas-sħab soċjali jeħtieġ li tiġi adottata;

12.  Jinnota li r-riforma kostituzzjonali għadha r-riforma ewlenija għat-trasformazzjoni tal-BĦ fi stat effikaċi u funzjonali għalkollox; jistieden lill-kumitat parlamentari jagħmel proposti konkreti f'dan ir-rigward;

13.  Itenni s-sejħa tiegħu biex jintlaħaq ftehim u għal konformità sħiħa mad-deċiżjoni tal-QEDB fil-kawża Sejdić-Finci u l-Artikolu 2 tal-FSA li jirrikjedi rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li minbarra s-sentenza Sejdić-Finci hemm ukoll ħtieġa ġenerali li tiġi mmodifikata l-kostituzzjoni b'mod li jippermetti stil ta' governanza u struttura statali aktar pluralistiċi, demokratiċi u effiċjenti;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti kollha jiffaċilitaw ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rispettiva u jiżguraw l-istabbiliment ta' sistema ġuridika indipendenti, imparzjali u effettiva konformi mal-istandards tal-UE u internazzjonali sabiex jissaħħaħ l-istat tad-dritt għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha; jilqa' ċertu progress, permezz tad-djalogu strutturat dwar il-ġudikatura, li sar fir-rigward tal-ħolqien ta' bilanċ bejn il-kompetenzi ġudizzjarji fuq livell ta' Stat u ta' Entità; iħeġġeġ lill-Gvern, madankollu, jimplimenta effettivament l-Istrateġija ta' Riforma tal-Qasam tal-Ġustizzja u jipprevjeni tentattivi biex jiddgħajfu l-istituzzjonijiet ġudizzjarji fil-livell tal-Istat, bħall-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli (HJPC);

15.  Itenni l-appell tiegħu li t-twaqqif possibbli ta' Qorti Suprema, u kwistjonijiet strateġiċi u strutturali oħra relatati mal-armonizzazzjoni tal-erba' sistemi legali differenti tal-BĦ, jiġu indirizzati b'mod konsistenti waqt id-dibattitu li għaddej fil-qafas tad-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja; kif indikat ukoll fl-Istrateġija għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja, dawn il-kwistjonijiet strateġiċi għandhom jiġu diskussi fi sjieda sħiħa tal-kuntest ta' proċess ta' riforma kostituzzjonali;

16.  Jilqa' l-progress fit-tħejjijiet għat-tmiem tas-superviżjoni internazzjonali tad-Distrett ta' Brcko;

17.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar iċ-Ċensiment miż-żewġ Kmamar tal-Assemblea Parlamentari tal-BĦ, wara l-ftehim politiku bejn il-mexxejja tal-partiti; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jwettqu t-tħejjijiet tekniċi meħtieġa bħala kwestjoni ta' urġenza peress li din mhix biss hi prekundizzjoni ċara għall-prospettiva ta' sħubija fl-UE iżda wkoll essenzjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż;

18.  Itenni f'dan ir-rigward l-obbligu li jiġi implimentat l-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton biex jiġu żgurati soluzzjonijiet ta' ritorn sostenibbli, ġusti, komprensivi u dewwiema għall-persuni spustati internament, għar-rifuġjati u għal persuni oħra affettwati mill-kunflitt;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jinvestigaw b'mod effettiv każijiet ta' korruzzjoni u jressquhom quddiem il-qrati u jżidu n-numru tal-persuni li jinstabu ħatja; jilqa' l-ambizzjonijiet għat-tnedija ta' pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-servizz ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien tal-pubbliku rigward il-leġiżlazzjoni u l-prattiki kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-ħtieġa li tiġi implimentata sistema li tippermetti liċ-ċittadini jirrapportaw każijiet ta' korruzzjoni; iħeġġeġ ukoll lill-gvern, jekk ikun meħtieġ bl-għajnuna tal-UE, jiżviluppa u jimplimenta programmi ta' taħriġ speċjali għall-forzi tal-pulizija, għall-prosekuturi, għall-imħallfin u għal awtoritajiet rilevanti oħra li jgħinuhom isiru jafu aħjar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki kontra l-korruzzjoni u jkunu aktar konxji tagħhom;

20.  Jilqa' l-ħatra tad-diretturi tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkunu pprovduti r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex ikun żgurat li din l-Aġenzija ssir operattiva għalkollox; jinkoraġġixxi li jsiru l-isforzi kollha għall-iffirmar ta' ftehim operattiv mal-EUROPOL malajr kemm jista' jkun;

21.  Huwa mħasseb dwar il-progress fqir fil-qasam tal-ħasil tal-flus; iħeġġeġ lill-Parlament jadotta l-emendi leġiżlattivi meħtieġa li inter alia jtejbu r-rappurtar ta' tranżazzjonijiet bankarji suspettużi, iżidu r-rati ta' sekwestru tal-beni ggwadanjati b'mod kriminali u jtejbu l-effiċjenza tal-awtoritajiet rilevanti; jitlob li jissaħħaħ id-Dipartiment tat-Tagħrif Sigriet Finanzjarju billi jiżdiedu l-kapaċitajiet investigattivi tiegħu; jenfasizza l-importanza li jitwaqqfu strutturi għall-ġestjoni u l-manteniment tal-beni ssekwestrati;

22.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-viżi ma wasslitx għal żieda fit-talbiet għal asil minn ċittadini tal-Bosnja-Ħerzegovina fiż-Żona ta' Schengen u fil-Bulgarija u r-Rumanija; ifaħħar lill-awtoritajiet talli stabbilixxew mekkaniżmi fil-livelli bilaterali u multilaterali għal każijiet fejn Stati Membri individwali esperjenzaw żieda temporanja fit-talbiet għal asil;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jipproteġu u jippromwovu b'mod attiv id-drittijiet tal-gruppi u –individwi kollha, li għandhom jiġu protetti mid-diskriminazzjoni diretta jew indiretta u mill-vjolenza; jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni għadha dgħajfa u li d-dispożizzjonijiet legali fihom nuqqasijiet; iħeġġeġ lill-gvern u lill-parlament tal-BĦ jġibu l-qafas legali u istituzzjonali tal-pajjiż konformi mal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali dwar id-drittijiet tal-persuni LGBT; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jsaħħu u jinvolvu attivament lis-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar id-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jinnota l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tar-Roma u l-pjanijiet ta' azzjoni dwar id-djar u l-impjiegi; jitlob iżjed sforzi f'dawn l-oqsma, waqt li l-popolazzjoni tar-Roma għadha tiffaċċja diskriminazzjoni u kundizzjonijiet tal-ħajja diffiċli;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi miġġieled b'mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin b'kooperazzjoni mal-komunità internazjonali, biex iressqu lil min jikkommetti dawn ir-reati quddiem il-ġustizzja, biex jipprovdu protezzjoni u kumpens lill-vittmi u biex iqajmu kuxjenza ħalli tiġi evitata r-rivittimizzazzjoni mill-awtoritajiet u mis-soċjetà; jitlob kooperazzjoni u sħubija msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti mal-oqsma varji tal-politika u l-NGOs mill-pajjiż u r-reġjuni; jitlob li tiżdied il-kuxjenza tal-forzi tal-pulizija tal-BĦ rigward it-traffikar tal-bnedmin permezz tal-iżvilupp ta' korsijiet ta' taħriġ speċjali; jinkoraġġixxi l-appoġġ kontinwu mill-UE fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin u jitlob kooperazzjoni mill-qrib rigward din il-kwistjoni bejn id-DĠ ELARG, DĠ HOME u l-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar;

26.  Jirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet legali li jiggarantixxu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma fis-seħħ, iżda huwa mħasseb li sar biss progress limitat f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-gvern tal-BĦ jagħmel ħiltu biex ikun hemm żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa kemm fix-xena politika kif ukoll fis-suq tax-xogħol; jinkoraġġixxi lill-gvern, barra minn hekk, iżid l-appoġġ għal attivitajiet u inizjattivi li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra drawwiet, tradizzjonijiet u sterjotipi diskriminatorji li jdgħajfu d-drittijiet bażiċi tan-nisa;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jikkumbattu l-estremiżmu, il-mibegħda u l-vjolenza tar-reliġjon b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunità internazzjonali; huwa mħasseb dwar l-estremiżmu ta' Wahhabites flimkien ma' tendenzi estremi oħra fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jsaħħu midja indipendenti u varji ħielsa mill-indħil politiku u jippermettu lill-midja jirrapportaw liberament mill-inħawi kollha tal-pajjiż; jiddispjaċih li għad hemm pressjoni politika fuq il-midja tal-pajjiż kif ukoll theddid kontra l-ġurnalisti; iħeġġeġ, barra minn hekk, sabiex tkun indirizzata l-frammentazzjoni politika u etnika kbira u l-polarizzazzjoni tal-midja;

It-trattament tad-delitti tal-gwerra

29.  Ifaħħar lill-awtoritajiet tal-BĦ, kemm fil-livell ta' Stat u kemm fil-livell ta' Entità, talli rrispondew fil-pront u b'mod adegwat għat-talbiet mill-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY);

30.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti kollha jsaħħu l-kapaċità tal-Uffiċċji tal-Prosekuturi u tal-Qrati fil-BĦ kollha li jittrattaw id-delitti tal-gwerra, inaqqsu l-ammont kbir ta' kawżi ta' delitti tal-gwerra li għadhom ma ġewx ittrattati, jindirizzaw l-applikabilità ta' kodiċi kriminali differenti, li tirriżulta f'kundanni inkonsistenti, u jħaffu l-progress fil-protezzjoni tax-xhieda u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Delitti tal-Gwerra; jenfasizza li l-proċess għar-rinviju tal-kawżi ta' delitti tal-gwerra mill-ġudikatura tal-livell Statali għal istanzi kompetenti oħra għandu jkun garantit permezz tal-applikazzjoni ta' kriterji oġġettivi u trasparenti; jikkundanna kull attakk motivat politikament fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-BĦ f'każijiet ta' delitti tal-gwerra; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jħaffu l-proċedimenti f'każijiet ta' delitti sesswali tul il-gwerra kif ukoll jiżguraw il-ġustizzja u l-kumpens xierqa għall-vittmi;

31.  Jilqa' l-iżvilupp ta' strateġija mmirata lejn il-vittmi ta' delitti tal-gwerra u ta' vjolenza sesswali li tagħti lill-vittmi kumpens adegwat, appoġġ ekonomiku, soċjali u psikoloġiku b'mod dirett, inkluż l-ogħla livell possibbli ta' servizzi ta' appoġġ ta' saħħa mentali u fiżika; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jiżviluppaw programmi u jallokaw riżorsi adegwati għall-ħarsien tax-xhieda; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa tat-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-korpi ġudizzjarji differenti u li t-tħaffif tal-proċeduri ta' prosekuzzjoni f'każi ta' delitti tal-gwerra ta' natura sesswali li jkunu saru matul il-gwerra; jistieden lill-Kummissjoni u lil donaturi internazzjonali oħra sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-BĦ f'dan l-isforz tagħhom permezz ta' riżorsi finanzjarji u għarfien espert maħsuba għall-vittmi ta' delitti tal-gwerra u ta' vjolenza sesswali; jinnota li l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u tar-Refuġjati tal-BĦ, appoġġjat mill-UNFPA, ingħata l-inkarigu li jiżviluppa l-istrateġija msemmija hawn fuq billi jwaqqaf grupp ta' ħidma ta' esperti; jinnota li r-Republika Srpska (RS) kienet mistiedna tinnomina rappreżentanti mill-ministri kompetenti tagħha biex jipparteċipaw, imma s'issa dan għadha ma wettqitux; jistieden lill-awtoritajiet tar-RS biex jimpenjaw lilhom infushom b'mod attiv f'dan l-isforz kruċjali billi jadottaw u jimplimentaw l-istrateġija;

32.  Huwa mħasseb minħabba li l-BĦ għad m'għandhiex faċilità ta' detenzjoni fil-livell tal-Istat fejn tista' tqiegħed priġunieri kkundannati għal reati serji, inklużi delitti relatati mal-gwerra; jilqa' l-arrest ta' Radovan Stanković, li kien ħarab mill-ħabs ta' Foča wara li kien ġie kkundannat mill-Qorti tal-Istat tal-Bosnja-Ħerzegovina u ngħata s-sentenza ta' 20 sena ħabs għal delitti kontra l-umanità, inklużi stupri, skjavitù u tortura;

33.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jippromwovu u jlestu r-ritorn sostenibbli tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom kif ukoll jadottaw strateġija rilevanti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jiżguraw li jkun hemm l-infrastuttura għal ritorn b'suċċess; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-BĦ jagħmlu sforzi ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo dwar ir-refuġjati billi jindirizzaw l-isfidi fundamentali bħall-provvista ta' kura tas-saħħa, impjiegi u servizzi soċjali;

34.  Ifakkar f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija dwar il-Ġlieda kontra l-Mini; jenfasizza l-ħtieġa ta' liġi futura dwar azzjonijiet kontra l-mini li tindirizza b'mod adegwat ir-responsabilitajiet ta' ġbir ta' fondi, il-kapaċità amministrattiva u ta' ġestjoni u l-koordinazzjoni tal-miżuri għat-tneħħija tal-mini, kif enfasizzat mill-Kummissjoni;

35.  Jinnota s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina dwar il-fatt li l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tikser il-Kostituzzjoni; itenni t-talba tal-Qorti Kostituzzjonali lill-Assemblea Parlamentari biex temenda l-liġi fi żmien sitt xhur; jitlob għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti bħala kwistjoni ta' urġenza;

Edukazzjoni

36.  Waqt li jinnota ċertu progress fit-titjib tal-qafas ġenerali għall-edukazzjoni, jistieden lill-Gvern il-ġdid, inter alia, itejjeb il-koordinazzjoni fost it-13-il ministeru tal-edukazzjoni u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni fid-distrett ta' Brcko, inaqqas il-frammentazzjoni tas-sistema edukattiva u jagħmel l-iskejjel aktar inklużivi;

37.  B'kunsiderazzjoni għar-rwol vitali tal-edukazzjoni fil-ħolqien ta' soċjetà multietnika tolleranti, iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha fil-BĦ jippromwovu sistema edukattiva inklużiva, mhux diskriminatorja, u jeliminaw is-segregazzjoni tal-gruppi etniċi differenti (żewġ skejjel taħt saqaf wieħed) billi jiżviluppaw programmi edukattivi komuni u klassijiet integrati fil-pajjiż kollu; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk appoġġ immirat tal-UE jistax jgħin biex jingħata tmiem għas-sistema segregata tal-edukazzjoni;

38.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid u lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell ta' entità, distretti awtonomi u tad-Distrett ta' Brcko jintensifikaw il-pjan ta' azzjoni għall-ħtiġijiet edukattivi tar-Rom u jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jsibu mezzi għar-reġistrazzjoni tat-twelid tat-tfal Rom kollha sabiex dawn kollha jkunu jistgħu jinkitbu fi skola;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni b'mod li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jindirizzaw in-nuqqasijiet ta' taħriġ vokazzjonali sabiex jattiraw investiment dirett barrani kif ukoll jiżguraw, ukoll minħabba n-neċessità ekonomika, li tibda l-akkreditazzjoni ta' istituzzjonijiet edukattivi u li l-aġenziji li jittrattaw ir-rikonoxximent ta' lawrji u diplomi jsiru kompletament operattivi;

40.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-partijiet interessati rilevanti fil-BĦ fl-aħħar jieħdu l-opportunità li jipparteċipaw fil-programmi ta' mobilità fl-edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea, li ilhom miftuħa għalihom mill-2007;

41.  Jistieden lill-awtoritajiet jitfgħu dawl fuq il-qafas legali għall-istituzzjonijiet kulturali bħall-Mużew Nazzjonali, il-Bibljoteka Nazzjonali u l-Mużew tal-Istorja u jiżguraw li dawn l-istituzzjonijiet jiġu ppreservati;

Kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali

42.  Jinnota li l-istandard tal-għajxien qed imur għall-agħar kawża tal-qgħad li qed jiżdied, b'mod partikulari fost iż-żgħażagħ ta' bejn it-18 u l-24 sena; jemmen bis-sħiħ li l-prosperità ekonomika u l-prospett ta' impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, huma kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-pajjiż; jistieden lill-Gvern il-ġdid jaċċelera t-tkabbir ekonomiku li kien imxekkel mill-istruttura ineffiċjenti li tirregolah, burokraziji tal-gvern kbar u għaljin iżżejjed, u problemi li ilhom jeżistu bil-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

43.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-istat u tan-negozju jagħmlu kull sforz biex jerġgħu jiksbu l-fiduċja tal-investituri u joħolqu ambjent li jiffaċilita n-negozju peress li l-BĦ niżlet fl-aħħar post fir-reġjun inkwantu klima ta' investiment;

44.  Jilqa' l-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u l-isforzi tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Entitajiet ħalli jipprovdu miżuri ta' appoġġ finanzjarju għall-impriżi żgħar u medji (SMEs); barra minn hekk, jenfasizza l-bżonn tal-introduzzjoni immedjata ta' reġistru fil-livell tal-Istat għall-produzzjoni ta' statistika dwar in-negozji u sistema unika ta' reġistrazzjoni tal-SMEs għall-pajjiż kollu li tiffaċilita l-proliferazzjoni tal-SMEs;

45.  Iħeġġeġ lill-Gvern il-ġdid u l-gvernijiet tal-entitajiet jindirizzaw b'mod koordinat l-impatt tal-kriżi ekonomika, isostnu politiki fiskali sodi kif ukoll jadottaw il-baġit statali 2012 u l-Qafas Globali għall-Politiki Fiskali 2012 u -2014; iqis li huwa importanti li jitħaffef il-pass tar-ristrutturar ekonomiku b'mod partikolari fil-Federazzjoni; jistieden lill-gvern jiżgura baġit xieraq għall-elezzjonijiet muniċipali li jmiss fl-2012;

46.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jiffoka l-isforzi tiegħu fuq ir-riformi neċessarji għall-adeżjoni tal-BĦ mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sabiex jippromwovi klima ta' negozju anke aktar pożittiva milli hi u investiment barrani;

47.  Itenni l-istedina tiegħu lill-atturi kollha involuti biex jaħdmu għat-tlestija taż-żona ekonomika unika madwar il-pajjiż kollu billi jsaħħu l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bejn il-gvernijiet tal-entitajiet, ineħħu l-ostakoli għal qafas legali suffiċjenti u jiġġeneraw il-kompetizzjoni fil-pajjiż kollu;

48.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Għajnuna miż-żewġ Kmamar tal-Assemblea Parlamentari tal-BĦ; jinnota li din il-liġi hija waħda mir-rekwiżiti li tippermetti lill-FSA jidħol fis-seħħ; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw ir-regoli ta' implimentazzjoni ta' din il-liġi b'konformità mal-acquis;

49.  Jistieden lill-Gvern il-ġdid jiżviluppa sistema effiċjenti u sostenibbli ta' protezzjoni soċjali kif ukoll iqassam il-benefiċċji soċjali aħjar; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jieħdu impenn aktar sod fil-politiki tax-xogħol, tal-koeżjoni soċjali u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; iqis li t-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-edukazzjoni u s-setturi tas-suq tax-xogħol huwa essenzjali sabiex ikunu sodisfatti aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

50.  Jistieden lill-Gvernijiet Statali u tal-Entitajiet ineħħu l-ostakoli li jikkontribwixxu għall-mobilità tax-xogħol baxxa fil-pajjiż billi jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet dwar ix-xogħol u s-sistemi tal-pensjonijiet u s-sigurtà soċjali differenti bejn l-Entitajiet u wkoll bejn id-distretti awtonomi, u b'hekk jinkoraġġixxu iktar mobilità u trasferibilità tal-benefiċċji madwar il-pajjiż;

51.  Jenfasizza li l-BĦ rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kif ukoll il-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali Ewropea; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u tal-għaqdiet tal-ħaddiema għadhom limitati u jistieden lill-gvern tal-BĦ jsaħħaħ ulterjorment dawn id-drittijiet u jaħdem għall-armonizzazzjoni tal-qafas legali f'dan ir-rigward madwar il-pajjiż kollu;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan direzzjonali dettaljat għat-tisħiħ tal-mobilità tal-istudenti, l-apprendisti u l-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u l-aċċess tagħhom għalih u għas-servizzi edukattivi fiż-Żona Ekonomika Ewropea, inklużi programmi ta' migrazzjoni ċirkulari għax-xogħol;

Kooperazzjoni reġjonali

53.  Ifaħħar lill-BĦ għar-rwol proattiv tagħha fil-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo kif ukoll fl-addozzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-BĦ, is-Serbja, il-Kroazja u l-Montenegro dwar it-tmiem tar-risistemazzjoni u l-provvediment ta' soluzzjonijiet dewwiema għar-rifuġjati u l-persuni spostati internament li huma persuni vulnerabbli;

54.  Ifaħħar l-isforzi għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li ilhom għaddejjin bejn il-BĦ, is-Serbja u l-Kroazja, u l-intensifikazzjoni ta' dawn l-isforzi f'dawn l-aħħar xhur; iħeġġeġ lill-partijiet kollha, inklużi l-awtoritajiet tal-BĦ jagħtu attenzjoni partikulari lill-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali fil-qasam tal-ġustizzja u s-sigurtà;

55.  Waqt li jinnota li l-BĦ u s-Serbja stabbilixxew relazzjonijiet ta' ġirien tajbin, jistieden lill-BĦ ma tipposponix l-iffirmar tal-protokoll dwar l-iskambju ta' evidenza f'kawżi ta' delitti tal-gwerra u tistabbilixxi kooperazzjoni iktar mill-qrib f'dan il-qasam sensittiv; jilqa“, madankollu, il-ftehim bilaterali bejn il-BĦ u s-Serbja dwar il-kooperazzjoni li jikkonċerna l-iskambju ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' droga u ta' organi umani, il-migrazzjoni illegali u t-terroriżmu;

56.  Jistieden lill-gvern tal-BĦ jagħmel dak kollu possibbli biex isolvi l-kunflitti transkonfinali mal-ġirien tiegħu, jew permezz ta' ftehimiet bilaterali, jew permezz ta' mezzi oħra; jenfasizza li l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu solvuti mill-partijiet ikkonċernati, b'determinazzjoni, fi spirtu tajjeb ta' viċinat u b'kunsiderazzjoni tal-interessi globali tal-UE;

57.  B'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE se jkollha wkoll implikazzjonijiet bilaterali, jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni relevanti tal-BĦ fil-livelli rispettivi tal-gvern mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-veterinarja, tal-fitosanità u tas-sikurezza tal-ikel kif ukoll itejbu jew jibnu l-infrastruttura meħtieġa f'numru ta' punti ta' qsim tal-fruntiera mal-Kroazja, biex jiffaċilitaw il-kontrolli tal-fruntieri mitluba mill-UE;

58.  Huwa mħasseb li l-BĦ hija l-uniku pajjiż fir-reġjun li ma jippermettix id-dħul ta' ċittadini tal-Kosovo fil-BĦ; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-BĦ jaċċettaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa ta' ċittadini tal-Kosovo biex jidħlu fil-pajjiż, kif sar mis-Serbja u minn pajjiżi oħra;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin l-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-entitajiet tagħha.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 18.
(2) ĠU L 188, 19.7.2011, p. 30.
(3) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 113.

Avviż legali - Politika tal-privatezza