Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2554(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0152/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0087

Testi adottati
PDF 210kWORD 50k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet
P7_TA(2012)0087RC-B7-0152/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 2, 3, 4, 9, 10, 18, 19, 20, 21, 26, 45, 49, 56, 67, 83 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva  2000/43/KE tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew l-etniċità(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Frar 2012 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Vivianne Reding dwar is-sit tal-Partit għal-Libertà Olandiż (PVV)(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-bidu ta' Frar 2012, il-PPV nieda hotline fuq l-internet “Meldpunt Midden en Oost Europeanen”, fejn talab lin-nies jirrapportaw ilmenti li joriġinaw mill-“migrazzjoni massiva ta' ħaddiema” ta' “ċittadini mill-Ewropa Ċentrali jew tal-Lvant”, b'mod partikolari ta' Pollakki, Rumeni u Bulgari; billi n-nies qed jiġu mistoqsija, b'mod partikolari, jekk esperjenzawx xi problemi f'termini ta' mġiba antisoċjali u jekk tilfux l-impjiegi tagħhom minħabba wieħed minn dawk iċ-ċittadini;

B.  billi l-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 21 tat-TFUE, u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 45 tat-TFUE;

C.  billi d-dritt għall-protezzjoni mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità huwa minqux fl-Artikolu 18 tat-TFUE, u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika hija minquxa fl-Artikolu 10 tat-TFUE;

D.  billi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb huwa minqux fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 11 tiegħu;

E.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE, u fuq ir-rispett inekwivoku għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB;

F.  billi l-Istati Membri għandhom obbligu fil-konfront taċ-ċittadini kollha tal-UE li jiżguraw li ma jiġux iddiskriminati jew stigmatizzati meta jgħixu u jaħdmu madwar l-Ewropa;

G.  billi l-hotline tal-PVV tinċita apertament għad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u qed toħloq firdiet bejn komunitajiet fis-soċjetà Olandiża;

H.  billi s-sit tal-PVV jimmina l-moviment liberu tal-persuni u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38/KE u l-Artikoli tat-Trattat rilevanti;

I.  billi l-Gvern Olandiż iffirma ftehim ta' appoġġ parlamentari mal-PVV u għalhekk jista' jkollu maġġoranza fil-Parlament Olandiż;

J.  billi sal-lum il-Gvern Olandiż ma kkundannax formalment il-hotline tal-PVV;

K.  billi t-tnedija ta' din il-hotline qajmet dibattitu feroċi fil-Pajjiżi l-Baxxi, u ħafna partiti politiċi, il-mezzi tax-xandir, intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u mexxejja oħra tal-kumpaniji, mexxejja tas-soċjetà ċivili u ċittadini individwali kkundannaw l-inizjattiva tal-PVV; billi tnedew ħafna kontrainizjattivi, bħal websajt li tirrapporta dwar esperjenzi pożittivi mal-persuni Pollakki;

L.  billi l-ambaxxaturi ta' għaxar pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-Pajjiżi l-Baxxi oġġezzjonaw bis-saħħa għall-websajt, filwaqt li ddijaraw li din tħeġġeġ il-perċezzjoni negattiva ta' grupp partikolari ta' ċittadini tal-UE fi ħdan is-soċjetà Olandiża;

M.  billi skont l-aħħar studji mwettqa mill-Università Erasmus f'Rotterdam(5), il-ħaddiema migranti mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant qed jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija Olandiża u għas-suq tax-xogħol Olandiż;

N.  billi l-impenn tal-politika tal-Gvern Olandiż favur l-integrazzjoni Ewropea naqas b'mod sinifikanti matul l-aħħar snin, kif intwera mill-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż kurrenti dwar kwistjonijiet bħat-tkabbir taż-żona ta' Schengen u l-moviment liberu tal-ħaddiema;

O.  billi hemm riskju reali li jiġu mnedija hotlines simili fi Stati Membri oħra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sit imniedi mill-PVV, billi jmur kontra l-valuri fundamentali Ewropej tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jista' jeqred il-bażi tal-Unjoni, li hija l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-libertà tal-moviment;

2.  Iqis il-hotline tal-PVV bħala inizjattiva malintenzjonata bl-għan li toħloq firdiet fis-soċjetà u li jinkiseb vantaġġ politiku għad-detriment ta' ħaddiema mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

3.  Jistieden bis-saħħa lill-Prim Ministru Mark Rutte biex, f'isem il-Gvern Olandiż, jikkundanna din l-inizjattiva deplorabbli u jiddistanzja ruħu minnha; jenfasizza, barra minn hekk, l-obbligu tal-gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxu d-drittijiet tal-moviment liberu u tan-nondiskriminazzjoni u jitlob, għalhekk, lill-Kunsill Ewropew jikkundanna formalment il-hotline tal-PVV peress li din tagħmel ħsara lil dawk id-drittijiet u hija affront għall-valuri u l-prinċipji Ewropej;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Olandiż biex ma jinjorax il-politiki tal-PVV li jmorru kontra l-valuri fundamentali tal-UE;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Olandiżi jinvestigaw jekk din l-inizjattiva rriżultatx fl-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni;

6.  Jenfasizza li l-ħaddiema mill-pajjiżi li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u l-2007 kellhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-Istati Membri u ma kkaġunawx tfixkil serju fis-swieq tax-xogħol tagħhom, imma taw kontribut sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE;

7.  Jistieden lill-Gvern Olandiż jagħti tweġiba immedjata lill-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni prevista li tista' tikser id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u biex jagħti segwitu għat-talbiet li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iwaqqfu t-tixrid ta' attitudnijiet ksenofobiċi bħal dawk espressi f'din il-websajt u biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri kollha;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(2) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(3) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(4) http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/multimedia/news/2012/02/20120211_en.htm
(5) Arbeidsmigranten uit Polen, Roemenie en Bulgarije in Den Haag. Sociale leefsituatie, arbeidpositie en toekomstperspectief, Prof. Godfried Engbersen, Diviżjoni tas-Soċjoloġija, l-Università ta' Rotterdam.

Avviż legali - Politika tal-privatezza