Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0158/2012

Dibattiti :

PV 15/03/2012 - 16.1
CRE 15/03/2012 - 16.1

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 17.1

Testi adottati :

P7_TA(2012)0092

Testi adottati
PDF 218kWORD 51k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
It-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj, b'mod partikolari fil-każ ta' Solomon W.
P7_TA(2012)0092RC-B7-0158/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar it-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj, b'mod partikolari fil-każ ta' Solomon W. (2012/2569(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Refuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi fis-Sinaj(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, partikolarment l-Artikolu 3 tagħha (Kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna), l-Artikolu 4, li jipprojbixxi l-kummerċ tal-iskjavi fil-forom kollha tiegħu, u l-Artikolu 5 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Konferenza tan-Netwerk Ewro-Mediterranju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret fil-Kajr fis-26 u s-27 ta' Jannar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Palermo tan-NU ta' l-2000 għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, sabiex tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzata, speċjalment l-Artikoli 6 u 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kummerċ fil-Bnedmin adottata fl-20 ta' Settembru 2002,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 6.1, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 17 (Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra interferenzi u attakki bħal dawn) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 Rigward l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 ta' magħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2010 li għamlet Catherine Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, dwar il-priġunieri politiċi fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi eluf ta' persuni li qed ifittxu l-ażil u migranti jitilfu ħajjithom u jisparixxu fis-Sinaj kull sena, filwaqt li oħrajn, inklużi ħafna nisa u tfal, jinsterqu u jinżammu ostaġġi għal somma flus minn traffikanti tal-bnedmin; billi l-vittmi tat-traffikanti tal-bnedmin jiġu abbużati bl-iktar modi inumani u jiġu soġġetti għal vjolenza u torturi sistematiċi, stupru u abbuż sesswali u xogħol furzat;

B.   billi f'Diċembru 2011, bosta individwi insterqu barra l-kamp tar-refuġjati tan-NU fis-Sudan minn traffikanti tal-bnedmin tat-tribù Rashaida; billi 27 minnhom, inklużi erba' bniet u mara b'tarbija, kienu Eritrej u ddaħlu f'Rafah fis-Sinaj Mahadya fl-Eġittu;

C.   billi fi ħdan il-grupp, in-nisa b'mod partikolari kienu msawta u trattati b'mod ħażin u xi wħud minnhom inqatlu u ġisimhom intefa' fid-deżert, u kien biss Solomon, raġel mill-Eritrea ta' 25 sena, li rnexxielu jaħrab minn idejn il-ħallelin;

D.   billi Solomon ġie salvat milli jġib l-ilma għal 125 priġunier mill-Eritrea, mis-Sudan u mill-Etjopja li kienu qed jinżamu fi djar u stalel fir-raħal ta' Al Mahdya, u Solomon jaf fejn qed jinżammu l-priġunieri u kien ukoll xhieda tal-qtil, it-torturi u l-istupri;

E.   billi ż-żgħażugħ mill-Eritrea żvela li wieħed mill-irġiel li kienu qed iżommu l-ħabsin wrieh borża tal-plastik li kien fiha orgni umani ta' refuġjat li ma ħallasx għall-ħelsien tiegħu innfisu;

F.   billi ħajjet Solomon tinsab f'periklu, peress li t-traffikanti tal-orgni umani qed jiġru warajh u saħansitra qiegħdu premju ta' $50,000 fuq mewtu u, għalissa, Solomon huwa protett mill-Bedwini Salafiti tax-Sheikh Mohamed;

G.  billi ġie rappurtat li madwar 2 000 persuna jidħlu fl-Iżrael mis-Sinaj kull xahar, u bosta minnhom għamlu dan bl-għajnuna ta' kutrabandisti li stabbilixxew newtwerk imdaqqas f'din iż-żona; billi, skont l-istimi tal-gvern Iżraeljan, madwar 50,000 Afrikan daħlu illegalment fl-Iżrael mis-Sinaj mill-2005;

H.   billi l-pulizija arrestat mijiet ta' immigranti illegali, qabel kollox mill-Eritrea, l-Etjopja u mis-Sudan, u żammithom f'għases tal-pulizija u f'ħabsijiet fis-Sinaj u fl-Eġittu ta' Fuq mingħajr aċċess għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, u b'hekk ma ċaħdithom mid-dritt li jagħmlu talba għall-ażil;

I.   billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li ma jħallsux il-prezz għall-ħelsien tagħhom jinqatlu, u l-orgni tagħhom jitneħħew u jinbiegħu; billi hemm rapporti ta' oqbra tal-massa ta' refuġjati maqtula;

J.  billi l-UE ripetutament stiednet lill-Eġittu u lill-Iżrael biex jiżviluppaw u jtejbu l-kwalità tal-għajnuna u l-protezzjoni li joffru lill-persuni li jfittxu l-ażil u lir-refuġjati li jgħixu fi jew jgħaddu mit-territorju tagħhom;

K.  billi l-Protokoll tan-NU għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tt-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, jiddefinixxi t-traffikar tal-persuni bħala “traffikar tal-bnedmin” tfisser ir-reklutaġġ, trasportazzjoni, trasferiment, ħabi jew riċeviment ta' persuni, permezz tat-theddida ta' jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' sfurzar, ħtif, frodi, qerq, abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew tal-għoti jew riċeviment ta' ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament;

L.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa negozju li jagħmel ħafna qligħ għall-kriminalità organizzata;

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jintervjenu malajr sabiex jipprovdu protezzjoni effettiva u jqiegħdu lil Solomon fis-sikur, peress li t-traffikanti tal-orgni qed ifittxuh bir-reqqa u stabbilixxew premju ta' $50,000 fuq mewtu, minħabba l-fatt li jaf eżattament fejn qed jinżammu l-priġunieri;

2.  Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jipproteġu lil Solomon bħala vittma tat-traffikar tl-persuni, u lill-vittmi kollha tat-traffikar tal-persuni, speċjalment lin-nisa u lit-tfal, milli jsiru vittmi għal darb'oħra;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jinvestigaw dan il-każ mimli qtil, torturi u stupri, fejn nisa ġew imsawta u trattati ħażin, u xi wħud minnhom inqatlu u ġisimhom intefa' fid-deżert, billi japplikaw id-dritt nazzjonali u internazzjonali kontra dan it-tip ta' kriminalità organizzata fir-rigward tat-traffikar tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jintervjenu mingħajr dewmien biex jiżguraw li dawn ir-refuġjati jinħelsu, u biex jittieħdu miżuri adegwati biex jiġu arrestati u sentenzjati l-membri tas-sindakati tat-traffikar;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jimplimentaw bis-sħiħ, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-prinċipji tal-Konvenzjonijiet li għalihom huwa firmatarju l-Eġittu, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-NU tl-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (u l-Protokoll Fakultattiv tagħha tal-1967), il-Konvenzjoni tal-OAU tal-1969 li Tiggverna l-Aspetti Speċifiċi tal-Problemi tar-Refuġjati fl-Afrika u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Migranti Ħaddiema kollha u l-Membri tal-Familji tagħhom, li ġiet ratifikata fl-1993 u li mbagħad daħlet fis-seħħ fl-2003;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex itemmu t-tortura, l-estorsjoni u t-traffikar tal-bnedmin tar-refuġjati mill-Eritrea u refuġjati ta' pajjiżi oħra, u biex iġibu quddiem il-ġustizzja dawk il-persuni kollha li jippruvaw jiksru d-drittijiet tal-bniedem tar-refuġjati u li jipprattikaw kwalunkwe forma ta' skjavitù, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa u tat-tfal;

7.  Ifaħħar l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tl-bniedem Eġizzjani u Iżraeljani, li jipprovdu għajnuna u trattament mediku lill-bittmi tat-traffikar tal-bniedem fis-Sinaj, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex jappoġġaw ix-xogħol ta' dawn l-organizzazzjonijiet;

8.  Jirrikonoxxi li l-migranti irregolari fis-Sinaj iġibu magħhom riskju ta' sigurtà għall-Eġittu u għall-Iżrael; madankollu jerġa' jħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà Eġizzjani u Iżraeljani jevitaw li jużaw forza qattiela kontra l-migranti illegali;

9.  Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet eġizzjani u Iżraeljani li jwaqqfu lit-traffikanti tal-bnedmin fis-Sinaj kif ukoll li jipproteġu lill-vittmi; jilqa' l-isforzi tal-gvernijiet Ewġizzjan u Iżraeljan f'dan ir-rigward; jitlob madankollu li tingħata iktar għajnuna u appoġġ lill-vittmi, b'attenzjoni partikolari lin-nisa u t-tfal;

10.  Jilqa' l-isforzi tal-Eġittu fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, speċjalment it-twaqqif tal-Kumitat Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin fl-2007, u jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jimplimentaw il-liġi tal-2010 kontra t-traffikar u jieħdu miżuri bħar-riċerka, l-informazzjoni u l-kampanji tal-mass midja u inizjattivi soċjali u ekonomiċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda tat-traffikar tal-bnedmin;

11.  Jinkoraġġixxi lill-Eġittu, lil Iżrael u lill-komunità internazzjonali jkomplu u jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra d-dħul bil-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj;

12.  Jitlob għal aċċess sħiħ tal-aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'żoni affettwati mill-kutrabandu u t-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj;

13.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni biex iqiegħdu dan is-suġġett fuq l-aġenda tad-djalogu politiku mal-Eġittu bħala kwistjoni ta' urġenza kbira, u biex iħeġġu lill-gvern ta' dan il-pajjiż biex jiġġieled kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tar-refuġjati, bl-għan li jippromwovi kooperazzjoni internazzjonali fit-teħid ta' azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet Eġizzjan u Iżraeljan, lill-PArlament Eġizzjan u lill-Knesset Iżraeljan, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0496.

Avviż legali - Politika tal-privatezza