Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2571(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0171/2012

Dibattiti :

PV 15/03/2012 - 16.3
CRE 15/03/2012 - 16.3

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 17.3

Testi adottati :

P7_TA(2012)0094

Testi adottati
PDF 226kWORD 61k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn
P7_TA(2012)0094RC-B7-0171/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn (2012/2571(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Jemen u fil-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq(1) , u tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(3) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta' April 2011 mill-President tiegħu, dwar il-mewta ta' żewġ attivisti ċivili mill-Baħrejn, u tat-28 ta' April 2011 fejn ikkundanna s-sentenzi ta' qtil fir-rigward ta' erba' persuni mill-Baħrejn talli pparteċipaw fi protesti paċifiċi favur id-demokrazija,

–  wara li kkunsidra s-Seduta ta' Smigħ tat-3 ta' Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) dwar il-Baħrejn tal-2011 u b'mod partikolari dik tal-24 ta' Novembru 2011 dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn, id-Dikjarazzjoni mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-anniversarju tal-ferment fil-Baħrejn tat-13 ta' Frar 2012, u d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta' Ottubru 2011 mill-VP/HR dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn tal-21 ta' Marzu, it-12 ta' April u t-23 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju u tat-30 ta' Settembru 2011 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sentenzi twal imposti fuq 21 attivista politiku, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u mexxejja tal-oppożizzjoni Baħrejni, inkluż f'ċerti każijiet sentenzi ta' għomor il-ħabs, u d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali dwar il-Baħrejn tal-15 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Settembru 2011 tas-66 Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Baħrejn,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-istampa maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Baħrejn fil-5 ta' Ottubru 2011 u d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa tal-Baħrejn dwar is-sentenzi fir-rigward ta' tobba, infirmiera u mediċi fit-30 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ottubru 2011 mill-Prosekutur Pubbliku Baħrejni rigward ir-riproċessar ta' tobba li kienu ġew preċedentement sentenzjati permezz ta' proċessi militari,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn tat-23 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Torturi u Trattamenti jew Kastigi Oħrajn li huma Krudili, Inumani jew Degradanti, u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għalihom kollha il-Baħrejn huwa firmatarju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19(d) tal-Kostituzzjoni tal-Baħrejn,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-28 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-14 ta' Frar 2012 kien l-ewwel anniversarju tal-moviment popolari paċifiku li talab ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali u riformi demokratiċi; billi l-awtoritajiet tal-gvern arrestaw u pprevjenew protesti paċifiċi milli jseħħu; billi l-forzi tal-gvern laqtu lill-protestanti b'mod vjolenti; billi intużaw il-gass tad-dmugħ, “stun grenades” u ċ-ċomb f'żoni residenzjali, u hemm rapporti li l-pulizija daħlet f'bosta djar;

B.  billi l-protesti għadhom qed jiġu ripressi b'mod vjolenti; billi l-persekuzzjoni, iż-żamma u t-tortura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, għalliema, ħaddiema tal-kura tas-saħħa u bloggers li ħadu sehem fil-protesti paċifiċi favur id-demokrazija għadhom għaddejjin; billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, “il fuq minn 100 ċittadin tqegħdu l-ħabs b'mod arbitrarju tul l-aħħar xahrejn;

C.  billi l-ekonomija bbażata fuq il-banek u t-turiżmu, li diġà kienet dgħajfa minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija, qed ikollha problemi biex tirkupra;

D.  billi fid-29 ta' Jannar 2012, madwar 250 priġunier politiku bdew strajk mifrux tal-ġuħ minħabba li 14-il attivist politiku u tad-drittijiet tal-bniedem magħrufa kienu tqegħdu l-ħabs b'mod arbitrarju minn Marzu 2011;

E.  billi sa mill-bidu tal-2012, l-awtoritajiet tal-Baħrejn irrifjutaw id-dħul fil-pajjiż lil organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti, u rrestrinġew iż-żjajjar min-naħa tagħhom, li jikkostitwixxi impediment serju lill-kapaċità tagħhom li jwettqu xogħolhom;

F.  billi r-rapport tal-BICI (Kumitat ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn), mitlub mir-Re f'Ġunju li għadda u ppubblikat f'Novembru 2011, sab li 35 persuna kienu mietu fil-kunflitti tas-sena li għaddiet, inkluż ħames membri tal-persunal tas-sigurtà u ħames ħabsin ittorturati sal-mewt waqt li kienu miżmuma fil-ħabs; billi r-rapport tal-BICI ikkonkluda li kienet intużat forza eċċessiva kontra protestanti paċifiċi, attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, li t-tortura kienet intużat b'mod mifrux u li ħafna persuni kienu qed jiġu proċessati jew kienu ġew sentenzjati għall-ħabs minħabba li kienu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea; billi fir-rapport, il-BICI esprima l-fehma li l-proċessi ma kienux konformi mal-istandards internazzjonali ta' proċess ġust, u lanqas mal-Kodiċi Kriminali tal-Baħrejn stess;

G.  billi r-Re tal-Baħrejn aċċetta s-sejbiet tar-rapport u ħatar Kumitat Nazzjonali ta' 19-il persuna biex jissorvelja l-proċess ta' implimentazzjoni; billi l-Kumitat Nazzjonali huwa skedat li joħroġ il-konklużjonijiet tiegħu fl-20 ta' Marzu 2012 fejn se jkopri l-ġestjoni tad-dipartimenti tal-pulizija, il-ġudikatura, l-edukazzjoni u l-midja; billi r-Re Hamad Ben Issa Al Khalifa tal-Baħrejn ħa impenn pubblikament li jwettaq riformi biex tinkiseb rikonċiljazzjoni nazzjonali;

H.  billi wara r-rakkomandazzjonijiet tal-BICI, il-Baħrejn ikkumpleta t-twaqqif ta' unità investigattiva speċjali fi ħdan id-dipartiment tal-prosekuzzjoni pubblika, bl-għan li jinstabu r-resposabilitajiet ta' dawk li jkunu wettqu atti illegali jew ta' negliġenza li rriżultaw f'mewt, tortura u trattament ħażin ta' ċivili matul is-sena li għaddiet;

I.  billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-BICI għadha miexja bil-mogħod; billi inbeda proċess ta' djalogu nazzjonali għar-rikonċiljazzjoni;

J.  billi skont il-bosta rapporti tal-NGO, proċessi inġusti quddiem qrati militari u ċivili għadhom jikkostitwixxu element ċentrali tar-ripressjoni tal-moviment tal-protesta favur id-demokrazija fil-Baħrejn; billi waħda mir-rakkomandazzjonijiet mill-BICI kienet li l-każijiet taċ-ċittadini kollha pproċessati minn qrati militari għandhom jerġgħu jiġu eżaminati minn qrati ordinarji, iżda dan għadu ma ġiex implimentat fil-każijiet kollha;

K.  billi l-awtoritajiet tal-Baħrejn iddikjaraw ripetutament l-impenn tagħhom li jwettqu riformi tad-drittijiet tal-bniedem u li jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi kien hemm bosta sejħiet biex il-Gvern tal-Baħrejn jestendi invitazzjoni permanenti lill-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

M.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-torturi u trattamenti jew kastigi oħrajn li huma krudili, inumani jew degradanti, Juan Mendez, kellu jagħmel żjara fil-Baħrejn mit-8 sas-17 ta' Marzu 2012 iżda ntalab b'mod formali mill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jipposponi ż-żjara tiegħu sa wara Lulju 2012;

N.  billi kien hemm rapporti li “l fuq minn 4000 persuna ġew imkeċċija mill-impjiegi tagħhom jew mill-università minħabba li pparteċipaw fil-protesti; billi skont it-trejdunjins tal-Baħrejn, ”il fuq minn 1000 fost dawn għadhom ma reġgħux kisbu posthom u billi għexieren ta' studenti universitarji għadhom qed jistennew li jitħallew ikomplu l-istudji tagħhom; billi ħafna minn dawk li ngħataw posthom lura ġew imġiegħla jiffirmaw dikjarazzjonijiet li fihom jieħdu l-impenn li ma jipparteċipawx f'attivitajiet relatati ma' trejdunjins u fejn jaċċettaw li jieħdu impjiegi differenti minn dawk li kellhom qabel ma tkeċċew;

O.  billi, fuq il-bażi ta' avvenimenti li seħħew is-sena li għaddiet, Reporters Without Borders identifikat lill-Baħrejn bħala “għadu tal-Internet”;

1.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-BICI u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn biex jieħu l-passi meħtieġa biex jimplimenta bis-sħiħ u malajr ir-rakkomandazzjonijiet sabiex jindirizza l-iktar kwistjonijiet importanti, itemm l-impunità, jerġa' jikseb kunsens soċjali, itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jimplimenta riformi ewlenin;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha tar-ripressjoni u mal-familji tagħhom;

3.  Jikkundanna l-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn u lill-forzi tas-sigurtà biex itemmu l-użu eċċessiv tal-vjolenza, inkluż l-użu eċċessiv tal-gass tad-dmugħ, ir-ripressjoni, l-atti ta' tortura, iż-żamma illegali u l-prosekuzzjoni ta' protestanti paċifiċi u biex jeżerċitaw l-ikbar trażżin meta jkunu qed jippruvaw jikkontrollaw il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaġixxu bi qbil strett mal-leġiżlazzjoni tagħhom u mal-obbligi internazzjonali; jenfasizza d-dritt għal proċess ġust li l-Baħrejn huwa firmatarju tiegħu;

4.  Itenni t-talba tiegħu għal liberazzjoni immedjata u inkondizzjonata tal-protestanti paċifiċi kollha, l-attivitsi politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-tobba u l-paramediċi, il-bloggers u l-ġurnalisti, b'mod partikolari Abdulhadi al-Khawaja, President taċ-Ċentru Baħrejni għad-Drittijiet tal-Bniedem, u Mahdi Abu Dheeb, President tal-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Baħrejn, li tqiegħdu l-ħabs jew ġew sentenzjati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika jew talli wettqu l-obbligi professjonali tagħhom;

5.  Jenfasizza li l-protestanti esprimew l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jiksbu l-proċess ta' rikonċiljazzjoni f'kuntest ta' djalogu inklużiv u kostruttiv, li huwa essenzjali għall-istabilità demokratika tas-soċjetà diversifikata tal-Baħrejn, li fiha d-drittijiet ta' kull ċittadin għandhom ikunu garantiti b'mod ekwu kemm bil-liġi kif ukoll fil-prattika;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex iwettqu investigazzjonijiet fil-fond, imparzjali u indipendenti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà, u bħala riżultat tal-preżenza militari fil-Baħrejn matul u wara l-protesti favur id-demokrazija, fuq protestanti u ċittadini paċifiċi, biex jiġi żgurat teħid tar-responsabbiltà u tiġi evitata l-impunità għal dawk li huma responsabbli, indipendentement mill-pożizzjoni, u biex jiġu adottati miżuri li jipprevjenu ksur futur tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jitlob lill-Gvern Baħrejni jwaqqa' l-akkużi kollha u s-sentenzi kollha sa minn Frar 2011 fil-Qrati Nazzjonali ta' Sigurtà jew qrati ċivili bbażati fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika, u s-sentenzi kollha bbażati unikament fuq it-twemmin reliġjuż;

8.  Jitlob lill-awtoriatjiet tal-Baħrejn biex jiżguraw li l-awtoritajiet jipprovdu lill-konvenuti kriminali kollha b'aċċess malajr u sħiħ għal għajnuna legali, kif preskritt mid-dritt tal-Baħrejn u internazzjonali, inkluż b'rabta mal-interrogazzjonijiet u bi tħejjija għall-proċess, biex jinvestigaw allegazzjonijiet kredibbli ta' tortura u ta' trattament ħażin matul l-interrogatorju u biex iġibu quddiem il-ġustizzja kull uffiċjal li ma ssodisfax ir-rekwiżiti li jiżgura proċess ġust;

9.  Jitlob lill-VP/RGħ biex tobbliga lill-Gvern tal-Baħrejn iżomm l-impenji tiegħu ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, jimplimenta r-riformi meħtieġa, jibda investigazzjonijiet indipendenti ġodda dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jiżgura li l-persuni responsabbli jiġu trattati ta' tali, kif ukoll biex tħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn iwaqqa' l-akkużi kollha kontra tobba u persunal mediku u biex jeħles lill-ħabsin kollha miżmuma minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti paċifiċi favur id-demokrazija;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jirrestawrar u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, kemm onlajn kif ukoll offlajn, il-libertà tal-assemblea, il-libertà tat-twemmin reliġjuż, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jtemmu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha għall-aċċess għall-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni; jitlob lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jeliminaw kull restrizzjoni ta' dħul għall-ġurnalisti barranin u organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jippermettu l-monitoraġġ tal-investigazzjonijiet indipendenti mħabbra fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni tar-riforma mħabbra;

11.  Jilqa' l-ħolqien ta' Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp Soċjali fil-Baħrejn u jitlob lill-Ministeru jaġixxi skont l-obbligi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-intrapriżi Ewropej involuti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li tkeċċew mill-impjieg tagħhom jerġgħu jiksbuh minnufih;

13.  Jilqa' s-sospensjoni mill-Istati Uniti tal-esportazzjoni tal-armi u ta' għodda oħra li tista' tintuża għal ripressjoni vjolenti taċ-ċittadini u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod simili jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li jkunu konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Ewropew li tiddefinixxi regoli komuni li jiggvernaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari;

14.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jiddikjaraw moratorja immedjata;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0333.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0475.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0109.

Avviż legali - Politika tal-privatezza