Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar il-Bini ta' Kapaċitajiet Xjentifiċi fl-Afrika: il-promozzjoni ta' sħubijiet Ewropej-Afrikani dwar ir-radjuastronomija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta EU-Afrika, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-koopreazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn l-UE u l-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Għanjiet ta' Żvilupp tal-Millenju, li jidentifikaw ir-rwol essenzjali tax-xjenza u t-teknoloġija għal trasformazzjoni soċjoekonomika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi jagħraf il-valur tal-infrastrutturi tar-riċerka biex tiffaċilita l-kooperazzjoni mal-Afrika, tippromwovi l-iżvilupp tal-kapital uman u tindirizza l-isfidi tas-soċjetà, kif imsemmi fl-Unjoni għall-Innovazzjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020,
B. billi jirrikonoxxi l-vantaġġ kompetittiv uniku tal-Afrika fl-istudju tar-radjuastronomija, rifless fil-proġetti estensivi eżistenti tar-radjoastronomija li għaddejjin fl-Afrika (PAPER, in-netwerk VLBI, MeerKAT, eċċ.),
C. billi jirrikonoxxi li involviment ulterjuri mill-Ewropa fir-radjuastronomija Afrikana jista' jagħti impetu kbir għal tkabbir soċjoekonomiku fl-Afrika u joħloq firxa ġdida ta' opportunitajiet tas-suq għaż żewġ kontinenti,
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri:
(a) jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet xjentifiċi fl-Afrika permezz ta' investiment ikbar fl-infrastrutturi tar-riċerka, b'attenzjoni partikolari għall-proġetti tar-radjuastronomija,
(b)
jippromwovu x-xjenza tar-radjuastronomija u l-potenzjal ta' inizjattivi tar-radjuastronomija għall-innovazzjoni u r-riċerka fi sħubijiet futuri bejn l-Afrika u l-UE,
(c)
jimmobilizzaw mekkaniżmi ta' finanzjament fl-UE, inklużi l-Programmi Qafas u l-Istrument għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp, biex isostnu dawn l-objettivi;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.