Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 71kWORD 33k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
L-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea
P7_TA(2012)0097P7_DCL(2011)0050

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 6 tiegħu, jistipula li l-isport huwa fost l-oqsma li “fihom l-Unjoni għandu jkollha kompetenzi li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri”;

B.  billi ċ-ċess huwa logħba aċċessibbli għat-tfal minn kull grupp soċjali u jista' jgħin għall-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxi għall-ilħiq ta' objettivi tal-politika bħalma huma l-integrazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, it-tnaqqis tar-rati tal-kriminalità u anke l-ġlieda kontra diversi dipendenzi;

C.  billi irrispettivament mill-età tat-tfal, iċ-ċess jista' jtejjeb il-konċentrazzjoni, il-paċenzja u l-persistenza tagħhom u jista' jiżviluppa s-sens ta' kreattività, l-intuwizzjoni, il-memorja, u l-ħiliet tal-analiżi u t-teħid ta' deċiżjonijiet; billi ċ-ċess jgħallem ukoll id-determinazzjoni, il-motivazzjoni u l-ispirtu sportiv;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-introduzzjoni tal-programm “Ċess fl-Iskola” fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kommunikazzjoni tagħha li ġejja, biex tagħti l-attenzjoni neċessarja lill-programm “Ċess fl-Iskola” u biex tiżgura finanzjament suffiċjenti għal dan il-programm mill-2012 “il quddiem;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis ir-riżultati ta' kwalunkwe studju dwar l-effetti ta' dan il-programm fuq l-iżvilupp tat-tfal;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 3 għall-Minuti tal-15 ta' Marzu 2012 (P7_PV(2012)03-15(ANN3).

Avviż legali - Politika tal-privatezza