– wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu tal-15 ta' Lulju 2009(1) u tal-14 ta' Diċembru 2011(2) dwar is-saħħa numerika tal-kumitati permanenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 183 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Iddeċieda li jemenda n-numru ta' membri tal-kumitati parlamentari kif ġej:
Kumitat għall-Affarijiet Barranin: 76 membru
Kumitat għall-Iżvilupp: 30 membru
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali: 31 membru
Kumitat għall-Baġits: 43 membru
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit: 30 membru
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji: 48 membru
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali: 49 membru
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel: 69 membru
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija: 61 membru
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur: 41 membru
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu: 47 membru
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali: 50 membru
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali: 44 membru
Kumitat għas-Sajd: 25 membru
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni: 31 membru
Kumitat għall-Affarijiet Legali: 25 membru
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern: 60 membru
Kumitati għall-Affarijiet Kostituzzjonali: 24 membru
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: 35 membru
Kumitat għall-Petizzjonijiet: 35 membru,
u li jemenda n-numru ta' membri tas-sottokumitati parlamentari kif ġej:
Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem: 31 membru
Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża: 31 membru;
2.
Iddeċieda, b'referenza għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tad-9 ta' Lulju 2009 dwar il-kompożizzjoni tal-Bureaux tal-Kumitati, li l-Bureaux tal-Kumitati jista' jkollhom sa erba' viċi-presidenti;
3.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali
212k
41k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2012 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali ((2011/2546(RSP))
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-Żona tal-Euro fis-9 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra s-“Six Pack” u ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni dwar aktar tisħiħ tad-dixxiplina fiskali(1),
– wara li kkunsidra s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar l-abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar unjoni ekonomika msaħħa,
– wara li kkunsidra s-sottomissjoni li saret f'isem il-Parlament mir-rappreżentanti tiegħu dwar il-grupp ta' ħidma ad hoc,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jesprimi dubji rigward il-ħtieġa ta' tali ftehim intergovernattiv, li l-biċċa l-kbira tal-objettivi prinċipali tiegħu jistgħu jintlaħqu aħjar u b'mod aktar effikaċi permezz ta' miżuri skont id-dritt tal-UE, bil-għan li tiġi pprovduta reazzjoni soda, urġenti u sostenibbli għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u l-kriżi soċjali li hemm bħalissa f'ħafna Stati Membri tal-UE; madankollu, jibqa' lest li jaħdem lejn soluzzjonijiet kostruttivi;
2. Jafferma l-appoġġ tiegħu għas-sottomissjoni magħmula lill-grupp ta' ħidma ad hoc mill-Membri maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti biex jirrappreżentaw lill-Parlament; jiddispjaċih mill-fatt li sa issa l-abbozz ta' ftehim internazzjonali tal-10 ta' Jannar 2012 ma jirriflettix il-proposti tal-Parlament; jinnota l-appoġġ min-naħa ta' ħafna Stati Membri għal xi wħud mill-proposti li għamel il-Parlament fil-laqgħa tat-12 ta' Jannar 2012; se jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ladarba jkun irċieva l-abbozz finali mistenni fit-18 ta' Jannar 2012;
3. Jinsab konvint għalkollox li huwa biss permezz tal-użu tal-metodu tal-Komunità li l-Unjoni Monetarja tista' tevolvi f'unjoni ekonomika u fiskali ġenwina; ifakkar li l-UE hija proġett politiku ibbażat fuq valuri komuni u istituzzjonijiet komuni b'saħħithom u fuq l-osservanza ta' regoli komuni;
4. Jinsisti wkoll, b'mod partikolari, li:
–
il-ftehim il-ġdid għandu jagħraf b'mod espliċitu l-primat tad-dritt tal-UE fuq id-dispożizzjoni tiegħu;
–
il-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tal-ftehim għandhom jittieħdu skont il-proċeduri relevanti li hemm dispożizzjoni għalihom fit-Trattati tal-UE;
–
il-ftehim irid ikun konformi mat-termini tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċifri li jinsabu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u jekk Partijiet Kontraenti jixtiequ jimpenjaw ruħhom għal miri li ma jaqblux mad-dritt tal-UE, dan irid isir permezz tal-proċeduri legali applikabbli tal-UE u m'għandhomx jagħtu lok għal standards doppji;
–
il-partijiet kontraenti kollha tal-ftehim, il-membri attwali u futuri tal-euro, għandu jkollhom l-istess dritt li jipparteċipaw fil-laqgħat għolja dwar l-Euro;
–
l-obbligu demokratiku tal-għoti ta' rendikont irid jiġi ggarantit billi jiġi msaħħaħ l-involviment kemm tal-Parlament Ewropew u kemm tal-parlamenti nazzjonali, fil-livelli rispettivi tagħhom, fl-aspetti kollha tal-koordinazzjoni u l-governanza ekonomiċi Ewropej;
–
il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew trid isseħħ b'mod li jkun konsistenti mat-Trattati tal-UE, skont it-termini tal-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattati;
–
il-ftehim il-ġdid irid ikollu mnaqqax fih, f'sura vinkolanti, impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li s-sustanza tal-ftehim jiġi inkorporat fit-Trattati fi żmien ta' mhux aktar minn ħames snin;
5. Itenni t-talba tiegħu għal Unjoni kemm ta' stabbiltà u kemm ta' tkabbir sostenibbli; jemmen li d-dixxiplina fiskali, għalkemm hija l-bażi għat-tkabbir sostenibbli, weħidha mhijiex se ġġib fis-seħħ l-irkupru u li l-ftehim irid jibgħat messaġġ ċar li l-mexxejja Ewropej se jieħdu azzjoni vigoruża bl-istess qawwa fuq iż-żewġ fronti; jinsisti, għalhekk, li l-ftehim irid jinkludi impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti lejn miżuri li jippromwovu konverġenza aktar mill-qrib u kompetittività aktar qawwija, flimkien ma' proposti għal fond ta' redenzjoni, bonds ta' proġetti, Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji skont il-liġi tal-UE u, filwaqt li jiżguraw id-dixxiplina fiskali, pjan direzzjonali għal bonds ta' stabbiltà;
6. Jenfasizza li l-istess argumenti istituzzjonali, legali u politiċi japplikaw għal ftehimiet multilaterali oħra li jittrattaw il-kriżi finanzjarja, bħalma hu l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew; għalhekk jitlob li jkun involut f'dawk in-negozjati bl-istess mod;
7. Jirriżerva d-dritt li juża l-istrumenti politiċi u legali kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiddefendi d-dritt tal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari jekk elementi tal-ftehim finali ma jkunux kompatibbli mat-termini tad-dritt tal-EU;
8. Ifakkar lill-Kummissjoni li għandha d-dmir li teżerċita għalkollox ir-rwol istituzzjonali tagħha bħala gwardjana tat-Trattati;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Grupp tal-euro, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.
Regolament dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri COM(2011)0819, u Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, COM(2011)0821.