Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 19 ta' Jannar 2012 - Strasburgu
Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi ***I
 Ftehim UE-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ***
 L-adeżjoni tal-Unjoni mar-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti ***
 Is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u s-sorsi tad-dawl minn dijodu li jemmetti d-dawl (LED) ***
 Ftehim UE/Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru ***
 Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ***
 Skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku ***II
 It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali ***II
 Il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli
 Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
 Lejn strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea
 Kif nevitaw il-ħela ta' ikel
 Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-alga
 L-istabbiliment tal-Patt tal-Gżejjer bħala inizjattiva Ewropea uffiċjali

Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi ***I
PDF 288kWORD 35k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (COM(2011)0516 – C7-0226/2011 – 2011/0223(COD))
P7_TA(2012)0003A7-0441/2011

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0516),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0226/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-12 ta' Diċembru 2011, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0441/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Jannar 2012 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

P7_TC1-COD(2011)0223


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 154/2012.)


Ftehim UE-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ***
PDF 199kWORD 31k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (09737/2011 – C7-0202/2011 – 2011/0090(NLE))
P7_TA(2012)0004A7-0450/2011

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09737/2011),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (09738/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) u l-Artikolu 218(7), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0202/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7–0450/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.


L-adeżjoni tal-Unjoni mar-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti ***
PDF 200kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mar-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta' vettura kummerċjali (13894/2011 – C7-0303/2011 – 2011/0191(NLE))
P7_TA(2012)0005A7-0005/2012

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13894/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, tad-Deċiżjoni 97/836/KE tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jkunu iffittjati ma' u/jew ikunu wżati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”)(1) (C7-0303/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0005/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.


Is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u s-sorsi tad-dawl minn dijodu li jemmetti d-dawl (LED) ***
PDF 203kWORD 33k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) (13895/2011 – C7-0302/2011 – 2011/0188(NLE))
P7_TA(2012)0006A7-0004/2012

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (13895/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu ikunu ffittjati ma' u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet għal rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet (“Ftehim Rivedut tal-1958”)(1) (C7-0302/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0004/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.


Ftehim UE/Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru ***
PDF 196kWORD 30k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (13238/2011 – C7-0242/2011 – 2010/0132(NLE))
P7_TA(2012)0007A7-0448/2011

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13238/2011),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (10843/3/2010),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0242/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0448/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indoneżja.


Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ***
PDF 198kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, u li jistupula l-arranġamenti proċedurali relatati miegħu (09138/2011 – C7-0163/2011 – 2011/0050(NLE))
P7_TA(2012)0008A7-0391/2011

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09138/2011),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (07702/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), l-Artikolu 218(7) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0163/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0391/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.


Skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku ***II
PDF 297kWORD 87k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (Riformulazzjoni) (07906/2/2011 – C7-0250/2011 – 2008/0241(COD))
P7_TA(2012)0009A7-0334/2011

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (07906/2/2011 – C7-0250/2011),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2009(1),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta' Diċembru 2009(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2008)0810),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Diċembru 2011, li japprova l-pożizzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(8)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0334/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova l-istqarrija tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tal-istqarrijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fid-19 ta' Jannar 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

P7_TC2-COD(2008)0241


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2012/19/UE.)

Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva

Stqarrija tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' atti ta' implimentazzjoni

Il-Parlament Ewropew jiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva rigward l-atti ddelegati u l-atti ta' implimentazzjoni huma r-riżultat ta' kompromess delikat, li f'xi każijiet jitbiegħed mill-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari. Biex jintlaħaq ftehim fit-tieni qari, il-Parlament Ewropew għalhekk aċċetta atti ta' implimentazzjoni minflok atti ddelegati f'ċerti każijiet speċifiċi. Jenfasizza, madankollu, li dawk id-dispożizzjonijiet mhux se jitqiesu jew jintużaw bħala preċedent għar-regolamentazzjoni ta' sitwazzjonijiet simili f'atti leġiżlattivi futuri.

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-Disinn tal-Prodotti

(Artikolu 4 tal-WEEE)

Il-miżuri tal-ekodisinn jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri tad-Direttiva dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku bi qbil mal-Pjan Direzzjonali dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi (COM(2011)0571). Il-Kummissjoni, jekk u meta tintroduċi miżuri ta' implimentazzjoni ġodda jew tirrevedi dawk adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE dwar prodotti koperti wkoll mid-Direttiva WEEE, tikkunsidra l-parametri għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ kif stipulat fl-Anness 1, parti 1 tad-Direttiva 2009/125/KE, u tivvaluta l-fattibilità tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti dwar il-possibilità ta' użu mill-ġdid, iż-żarmar faċli u l-possibilità ta' riċiklaġġ ta' dawn il-prodotti.

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar derogi speċifiċi mill-miri tal-ġbir

(Artikolu 7 tal-WEEE)

Id-Direttiva WEEE l-ġdida, fl-Artikolu 7(4), toħloq il-possibilità ta' arranġamenti tranżizzjonali biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet iffaċċjati mill-Istati Membri fl-ilħuq tal-miri tal-ġbir ta' dak l-Artikolu, konsegwenza ta' ċirkostanzi speċifiċi. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-miri ambizzjużi ta' ġbir tal-WEEE huma importanti għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u li l-arranġamenti tranżizzjonali jistgħu jiġu applikati biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Id-diffikultajiet iffaċċjati u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fuqhom ikunu bbażati għandhom ikunu oġġettivi, iddokumentati sew u verifikabbli.“

(1) ĠU C 306, 16.12.2009, p. 39.
(2) ĠU C 141, 29.5.2010, p. 55.
(3) Testi adottati, 3.2.2011, P7_TA(2011)0037.


It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali ***II
PDF 292kWORD 82k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (05032/2/2011 – C7-0251/2011 – 2009/0076(COD))
P7_TA(2012)0010A7-0336/2011

(Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05032/2/2011 – C7-0251/2011),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Frar 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0267),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Novembru 2011, li japprova l-pożizzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(8)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0336/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova l-istqarrija tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fid-19 ta' Jannar 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

P7_TC2-COD(2009)0076


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 528/2012.)

Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva

Stqarrija tal-Parlament Ewropew dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

Il-Parlament Ewropew jiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament rigward l-atti ddelegati u l-atti ta' implimentazzjoni huma r-riżultat ta' kompromess delikat, li f'xi każijiet jitbiegħed mill-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari. Biex jintlaħaq ftehim fit-tieni qari, il-Parlament Ewropew għalhekk aċċetta atti ta' implimentazzjoni minflok atti ddelegati f'ċerti każijiet speċifiċi. Jenfasizza, madankollu, li dawk id-dispożizzjonijiet mhux se jitqiesu jew jintużaw bħala preċedent għar-regolamentazzjoni ta' sitwazzjonijiet simili f'atti leġiżlattivi futuri.

(1) ĠU C 347, 18.12.2010, p. 62.
(2) Testi adottati 22.9.2010, P7_TA(2010)0333.


Il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli
PDF 344kWORD 103k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli: struttura u implikazzjonijiet (2011/2114(INI))
P7_TA(2012)0011A7-0421/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 bl-isem ta' “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”(1),

–  wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni għal problema li ilha teżisti? (4)

–  wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-OECD ta' Mejju 2011 dwar “Strateġija Ambjentali ta' Tkabbir għall-Ikel u l-Agrikoltura”(5),

–  wara li kkunsidra d-data tal-Eurostat dwar l-indiċi tal-prezzijiet dwar il-mezzi ta' produzzjoni agrikola (spejjeż tal-fatturi ta' produzzjoni) u indiċi ta' prezzijiet għall-prodotti agrikoli (prezzijiet tal-produzzjoni)(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 TFUE, li jistabbilixxi reġim speċifiku għar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

–  wara li kkunsidra it-tielet Eżerċizzju ta' Tbassir KPRA tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA) tal-Kummissjoni Ewropea dwar “il-Konsum sostenibbli tal-ikel u l-produzzjoni f'dinja b'riżorsi limitati” (Frar 2011)(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-“Rapport Globali – L-Agrikoltura f'Salib it-Toroq” mill-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tal-JRC dwar “Sistemi ta' biedja b'rata baxxa ta' fatturi tal-produzzjoni: opportunità għal żvilupp agrikolu sostenibbli”(8)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-2007 dwar “Il-konsegwenzi, l-opportunitajiet u l-isfidi tal-bijoteknoloġija moderna fl-Ewropa”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-2010 dwar “Kompendju ta' metodi ta' referenza għall-analiżi tal-OĠM”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-2010 dwar “L-impatti tal-mira tal-UE għall-bijofjuwils fuq is-swieq agrikoli u l-użu tal-art: valutazzjoni kumparattiva tal-mudelli”,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja għall-ilħiq ta' użu sostenibbli tal-pestiċidi(9),

–  wara li kkunsidra l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PAK ippreżentati fit-12 ta' Ottubru 2011 (COM(2011)0625/3, COM(2011)0627/3, COM(2011)0628/3, COM(2011)0629, COM(2011)0630/3, COM(2011)0631/3) u l-proposta għal Regolament Uniku OKS,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0421/2011),

A.  billi l-volatilità għolja tal-prodotti agrikoli bażiċi u tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni tal-azjendi tal-biedja żiedet l-inċertezza fid-dħul mill-biedja u fl-investimenti fit-tul mill-bdiewa, speċjalment għar-reġjuni iżolati, ir-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni gżejjer u l-aktar reġjuni mbiegħda, li għalihom il-fatturi tad-distanza u l-iżolament ifissru spejjeż addizzjonali għolja, li għandhom impatt negattiv fuq id-dħul tal-bdiewa ta' dawn ir-reġjuni;

B.  billi, skont il-Eurostat, l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni globali għall-bdiewa tal-UE żdiedu b'medja ta' kważi 40 % bejn l-2000 u l-2010, filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti meta jħallu l-azjendi tal-biedja żdiedu b'medja ta' anqas minn 25 %; billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni għall-enerġija u l-lubrifikanti tul dak id-deċennju laħqet is-60 %, kważi 80 % għall-fertilizzanti sintetiċi u għas-sustanzi li jtejbu l-ħamrija, aktar minn 30 % għall-għalf, madwar 36 % għall-makkinarju u tagħmir ieħor, kważi 30 % għaż-żrieragħ u l-friegħi għat-tħawwil u kważi 13 % għal prodotti u pestiċidi għall-protezzjoni tal-pjanti, xi ħaġa li tenfasizza l-ħtieġa li jiġi faċilitat l-aċċess għal fatturi tal-produzzjoni orħos għall-bdiewa, b'mod partikolari mis-suq dinji;

C.  billi prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jirriżultaw fi dħul ogħla għall-bdiewa, primarjament minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż tal-fatturi ta' produzzjoni tal-azjendi tal-biedja u minħabba d-diverġenza li dejjem qed tiżdied bejn l-ispejjeż tal-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur;

D.  billi spejjeż ogħla ta' produzzjoni u diffikultajiet sabiex dawn jgħaddu “l isfel fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel jistgħu fuq perjodu qasir ta' żmien jipperikolaw is-sopravivenza ta' ċerti impriżi filwaqt li jdgħajfu l-istruttura produttiva f'ċerti Stati Membri, u b'hekk iġibu għall-agħar il-bilanċ kummerċjali f'termini ta' importazzjoni u dipendenza fuq swieq esterni volatili;

E.  billi l-konsumatur bħalissa qed jiġi żvantaġġat ukoll fis-sens li l-produtturi ma jistgħux jgħaddu ż-żieda esponenzjali fl-ispiża tal-fatturi tal-produzzjoni lill-bejjiegħa l-kbar bl-imnut, li fil-każ tagħhom jgħaddu dik iż-żieda lill-konsumatur, u b'hekk jiksbu marġni kbar ta' profitt;

F.  billi l-pressjoni “l fuq fuq il-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni hi mistennija tiżdied aktar minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi, it-talba dejjem akbar f'ekonomiji emerġenti u politiki li jagħmluha aktar diffiċli għall-bdiewa tal-UE li jiksbu aċċess għal għalf orħos disponibbli fis-suq dinji;

G.  billi l-produzzjoni tal-ikel tista' tiddgħajjef regolarment minħabba firxa ta' fatturi li jinkludu l-impatt ta' organiżmi ta' ħsara u mard, id-disponibilità ta' riżorsi naturali u d-diżastri naturali;

H.  billi bħalissa l-agrikoltura tal-UE tiddependi b'mod qawwi fuq importazzjonijiet tal-fatturi tal-produzzjoni – b'mod speċjali l-karburanti fossili, iżda ukoll l-għalf u l-iskarsezza ta' minerali għat-titjib tal-ħamrija bħall-fosfat – u għalhekk hi aktar vulnerabbli għal żidiet qawwija fil-prezzijiet; billi dan qajjem tħassib kbir dwar il-kompetittività tal-bdiewa tal-UE, speċjalment fis-settur tat-trobbija tal-annimali;

I.  billi l-volatilità attwali fil-prezzijiet għandha dimensjoni Ewropea u dinjija, u huwa għalhekk neċessarju li tinstab soluzzjoni speċifika fil-livell Komunitarju għall-katina agroalimentari, minħabba r-rwol strateġiku tagħha fl-Unjoni, filwaqt li hija meħtieġa diġà azzjoni miftehma fil-livell tal-G-20;

J.  billi l-UE hija dejjem aktar dipendenti fuq il-fatturi tal-produzzjoni li jinħtieġu sabiex l-agrikoltura tiġi ppreservata fl-Ewropa; billi huwa għalhekk neċessarju li tintalab azzjoni rapida biex titnaqqas dik id-dipendenza, permezz tal-investimenti u deċiżjonijiet f'livell purament politiku, biex tiġi żgurata awtosuffiċjenza akbar fl-ikel għall-UE;

K.  billi l-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili: billi ż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi hija ċentrali għall-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi;

L.  billi l-produzzjoni agrikola fl-UE hija fil-parti l-kbira tagħha dipendenti fuq iż-żejt u l-katina tal-provvista tal-ikel tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-prezz tiegħu; billi l-produzzjoni globali taż-żejt hija mistennija tibda tonqos b'medja ta' 2-3 % fis-sena;

M.  billi ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum huma marbuta b'mod inseparabbli maż-żidiet fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni agrikoli, ħaġa li twassal għal prezzijiet ogħla tal-enerġija, tal-għalf u tal-fertilizzanti, li min-naħa tagħha għandha impatt fuq il-produzzjoni globali tal-ikel;

N.  billi l-manifattura tal-fertilizzanti tal-azjendi tal-biedja hija għalkollox dipendenti fuq il-provvista fil-pront ta' fosfat naturali; billi l-prezz tiegħu żdied bi 800 % fl-2007/2008 u l-provvista tiegħu tista' tilħaq l-ogħla livell tagħha sal-2033-2035, filwaqt li wara din id-data jsir dejjem aktar skars;

O.  billi, l-ispejjeż qegħdin jiżdiedu wkoll minħabba rekwiżiti fitosanitarji, iġjeniċi u ta' sikurezza tal-ikel, speċjalment fis-settur tat-trobbija tal-annimali, li minħabba fihom il-kompetittività tal-produtturi Ewropej se tkompli tonqos meta mqabbla ma' dik ta' dawk f'pajjiżi terzi, li m'għandhomx għalfejn jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti stretti;

P.  billi l-UE stabbiliet livell għoli ta' standards fis-sikurezza tal-ikel, fil-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent, ħaġa li tinvolvi konsegwenzi għaż-żmien u għall-kost tal-iżvilupp ta' prattiki u għodod ġodda upstream u downstream fil-katina tal-ikel;

Q.  billi l-konsumaturi, iffaċċjati bi tnaqqis fil-poter tagħhom ta' akkwist, qegħdin dejjem aktar jagħżlu prodotti li l-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza tagħhom huma aktar baxxi minn dawk ta' prodotti li joriġinaw mill-UE, u li mhumiex traċċabbli, speċjalment fil-każ tal-laħam;

R.  billi medja ta' 42 % tal-provvista totali tal-ilma fl-Ewropa tintuża mill-agrikoltura (88 % fil-Greċja, 72 % fi Spanja, 59 % fil-Portugall) u billi l-ispejjeż ta' irrigazzjoni u drenaġġ żdiedu biex it-teknoloġiji tal-irrigazzjoni jsiru aktar effiċjenti, u billi ftit mill-ilma użat mill-agrikoltura jerġa' lura fiċ-ċiklu naturali tal-ilma;

S.  billi l-prezz tal-art għall-biedja u l-kost tal-kiri tal-art għandhom impatt dirett fuq il-vijabbiltà tal-biedja u fuq il-kapaċità ta' dawk iż-żgħażagħ imħajra għall-biedja li jistabbilixxu ruħhom fiha;

T.  billi l-konċentrazzjoni tas-suq tal-fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni tal-biedja hi għolja ħafna, b'sitt kumpaniji jikkontrollaw kważi 75 % tas-suq tal-prodotti agrokimiċi u tliet kumpaniji li jikkontrollaw aktar minn 45 % tas-suq taż-żrieragħ; billi din il-konċentrazzjoni tikkontribwixxi għaż-żamma ta' prezzijiet taż-żrieragħ għolja u għandha impatt negattiv sostanzjali fuq id-diversità tal-koltivazzjoni, u billi l-involviment tal-bdiewa fl-iżvilupp tax-xejriet tal-prezzijiet huwa limitat; billi hemm konċentrazzjoni għolja tas-suq mhux biss upstream iżda wkoll fin-negozju (tal-bejgħ bl-imnut) tal-ikel, ħaġa li tqiegħed lill-biedja taħt pressjoni addizzjonali f'termini ta' kostijiet;

U.  Billi l-vijabbiltà u l-kompetittività tal-produzzjoni fuq skala żgħira (għelejjel minuri) huma affettwati b'mod sproporzjonat minn tibdiliet leġiżlattivi u strutturali fl-industriji tal-fatturi tal-produzzjoni, u billi jeħtieġ li jkun hemm aktar għarfien dwar l-impatt ta' dawn it-tibdiliet;

V.  billi żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, tal-fertilizzanti u tal-għalf jirrappreżentaw iż-żieda ewlenija fl-ispejjeż taż-żerriegħa għall-bdiewa;

W.  billi, fid-dawl tal-fluttwazzjonijiet estremi tal-prezzijiet agrikoli tul il-katina alimentari u l-ispekulazzjoni finanzjarja relatata, it-trasparenza tal-industrija “l fuq mill-katina tal-ikel hi essenzjali ukoll biex titjieb il-kompetizzjoni u r-reżistenza għall-volatilità tal-prezzijiet;

X.  billi jinħtieġu investimenti fit-tul fil-ġestjoni tal-fatturi tal-produzzjoni u fil-ġestjoni tar-riżorsi, inklużi l-enerġija, il-ħamrija u n-nutrijenti, it-teknoloġija tal-ilma, iż-żrieragħ u l-agrokimiki, biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ekonomiċi u ambjentali l-ġodda, inkluż fi ħdan il-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi s-servizzi ta' estensjoni u t-titjib u l-innovazzjonijiet istituzzjonali li jaffettwaw l-użu tal-fatturi tal-produzzjoni u l-attitudnijiet u l-ħiliet tal-bdiewa huma kritikament importanti biex jiġu adottati sistemi ta' biedja aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, aktar sostenibbli u innovattivi;

Y.  billi l-fermentazzjoni tad-demel likwidu hija ta' benefiċċju f'termini tal-kultivazzjoni tal-pjanti u l-ambjent, filwaqt li huwa neċessarju wkoll li jinħolqu inċentivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa, miżura li se, barra minn hekk, tikkontribwixxi għal biedja sostenibbli.

Z.  billi l-biedja għandha potenzjal konsiderevoli biex tiffranka l-enerġija u l-ispejjeż permezz tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika li tista' tittejjeb aktar permezz tal-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli (speċjalment ir-riħ, ix-xemx, il-bijomassa, il-bijogass, il-bijofjuwils, l-użu ta' prodotti tal-iskart eċċ.);

AA.  billi n-newb tal-għelejjel jista' jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jipprovdi għall-użu sostenibbli ta' fertilizzanti sintetiċi u pestiċidi;

AB.  billi l-produzzjoni ta' għelejjel ta' proteina leguminuża fl-UE kif ukoll it-titjib ta' sistemi ta' produzzjoni bbażati fuq il-ħaxix għandhom inaqqsu d-defiċit ta' proteini tal-UE u d-dipendenza tal-UE fuq importazzjoni tal-għalf u jistgħu jħallu benefiċċji ekonomiċi ewlenin għall-bdiewa, iżda mhux se jkunu soluzzjoni standard għall-ħafna żbilanċi li jeżistu fil-katina tal-provvista tal-fatturi tal-produzzjoni għall-azjendi tal-biedja u jwasslu ukoll għal tnaqqis fil-produzzjoni ta' uċuħ oħra tar-raba' li jużaw ir-riżorsi b'mod aktar effiċjenti;

AC.  billi ż-żrieragħ merfugħa mill-azjendi tal-biedja jistgħu joffru, f'ċerti ċirkostanzi u għal varjetajiet speċifiċi, alternattiva għall- żrieragħ kummerċjali;

AD.  billi kundizzjonijet mhux adattati ta' ħżin u trasport iwasslu sabiex kwantitajiet sinifikanti ta' prodotti bażiċi agrikoli jitħassru u jkollhom jintremew u ma jkunux aktar disponibbli bħala ikel jew għalf (FAO, Global Food Losses And Food Waste, 2011);

Soluzzjonijiet ġenerali

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni fil-programm ta' ħidma tagħha sabiex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni tal-azjendi tal-biedja u tiggarantixxi li r-regoli tal-kompetizzjoni japplikaw u jiġu infurzati fil-katina kollha upstream u downstream tas-suq tal-ikel;

2.  Jitlob li jkun hemm skrutinju akbar u analiżi aħjar fil-livell tal-UE u f'dak globali tal-elementi fundamentali ekonomiċi li jispjegaw iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, l-aktar l-interazzjonijiet bejn il-fluttwazzjonijiet fil-provvista u fid-domanda, kif ukoll iż-żieda fl-interazzjoni bejn il-movimenti fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-fatturi tal-produzzjoni u tal-prodotti bażiċi tal-ikel;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirfina l-analiżi tagħha dwar il-kawżi tal-fluttwazzjonijiet estremi fis-suq u tikkjarifika aktar l-interazzjonijiet bejn l-ispekulazzjoni u s-swieq agrikoli, kif ukoll is-swieq tal-enerġija u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ikel; jenfasizza li dan għandu jkun parti mill-isforzi biex wieħed jirregola aħjar, biex tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tal-informazzjoni dwar is-swieq finanzjarji fil-livell globali u dak tal-UE, inkluż fir-rieżami imminenti tad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (MAD);

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ prattiki agronomiċi aktar efficjenti u ġestjoni tar-riżorsi agrikoli sostenibbli u mtejba, bil-għan li tiġi prodotta agrikoltura stabbli u produttiva, fejn jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni u l-ħela ta' nutrijenti u jiżdiedu l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-effikaċja tar-riżorsi u s-sostenibilità fi ħdan is-sistemi tal-biedja; huwa konvint li dan jista' jsir fil-qafas tas-Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni li tħabbret għall-produttività u s-sostenibilità agrikola; Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approċċ integrat għall-bdiewa li jilħaq bilanċ fl-oqsma kollha tal-biedja (produzzjoni, ambjent, profittabilità, dimensjoni soċjali).

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa agrikoltura sostenibbli u produttiva, biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ambjentali u tal-ikel, kif ukoll tiżgura li tibqa' tagħmel profitt u tibqa' kompetittiva fis-suq dinji;

6.  Jilqa' l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel imwaqqaf mill-Eurostat u t-twaqqif tal-Forum ta' Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel, li għandhom jinkludu s-settur tal-fatturi tal-produzzjoni li jopera upstream u li għandhom iwettqu trasparenza akbar tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni u jikkontribwixxu għal titjib fil-prezzijiet tal-prodotti meta jħallu l-azjendi tal-biedja; Jinsisti li r-rappurtar regolari tal-progress u proposti konkreti għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u diskussi miegħu;

7.  Iqis li l-produtturi primarji ma jistgħux jibbenefikaw għalkollox minn żidiet fil-prezzijiet tal-outputs peress li qed “jitgħaffġu” bejn, min-naħa, prezzijiet baxxi tal-prodotti meta jħallu l-azjendi tal-biedja minħabba l-pożizzjoni b'saħħitha tal-proċessuri u tal-bejjiegħa bl-imnut u, min-naħa l-oħra, prezzijiet għolja tal-fatturi tal-produzzjoni minħabba ż-żieda fil-konċentrazzjoni tal-kumpaniji tal-fatturi tal-produzzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aħjar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea' jemmen li, b'mod parrtikolari, għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-ispejjeż biex il-leġiżlazzjoni u l-impatt li għandha fuq id-disponibbiltà tal-fatturi tal-produzzjoni kif ukoll fuq il-prezzijiet ta' dawk l-fatturi tal-produzzjoni;

9.  Jitlob lill-awtoritajiet għall-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropej jindirizzaw bis-sod l-abbużi tal-pożizzjoni dominanti tal-kummerċjanti agroalimentari u tal-kumpaniji tal-fatturi tal-produzzjoni, b'mod partikolari fis-settur tal-fertilizzanti fejn il-bdiewa jaffaċċjaw diffikultajiet tremendi biex jixtru bil-quddiem fertilizzanti essenzjali għall-produzzjoni tagħhom; Iqis li l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni (id-DĠ Kompetizzjoni, eċċ) għandhom għalhekk iwettqu inkjesta bis-sħiħ fuq is-settur li tistfida l-prassi kollha kontra l-kompetizzjoni;

10.  Jenfasizza li l-azzjoni kollha f'dan il-qasam tirrikjedi minn qabel definizzjoni oġġettiva u rigoruża, fil-livell konċettwali, tal-prattiki abużivi, inġusti u li jmorru kontra l-kompetizzjoni, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-forom speċifiċi ta' regolamentazzjoni u monitoraġġ;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod urġenti, sabiex twettaq studju bir-reqqa dwar id-differenzi fl-approċċ bejn is-27 awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u bejn il-politiki nazzjonali f'dan il-qasam u biex tħeġġeġ soluzzjonijiet li jinvolvu lis-sħab kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel li li jipprevjenu pożizzjonijiet dominanti ta' xi parti waħda jew ta' xi ftit partijiet tal-katina tal-fatturi tal-produzzjoni u output, li sikwit iseħħu askapitu tal-produttur agrikolu;

12.  Jemmen li jeħtieġ li tiġi introdotta sistema għall-kontroll effettiv ta' dawn il-prattiki, b'mezzi amministrattivi jew legali, u biex jinħoloq mekkaniżmu biex il-Kummissjoni tivvaluta u timmoniterja l-Istati Membri, filwaqt li jiġu introdotti sanzjonijiet li jkunu ta' natura dissważiva u opportuna biżżejjed;

13.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal sistema mifruxa mal-UE kollha għall-iskambju ta' informazzjoni dwar prattiki tajba fin-nutrijenti, fl-enerġija u fir-riżorsi naturali u fl-immaniġġjar tal-fatturi tal-produzzjoni oħrajn sabiex tinkiseb effettività u effiċjenza akbar tal-fatturi tal-produzzjoni;

14.  Jappella biex il-PAK il-ġdida tinkludi miżuri ta' appoġġ speċifiċi għall-ġestjoni aħjar u aktar effiċjenti tar-riżorsi u għall-prattiki sostenibbli li jnaqqsu l-ispejjeż u l-użu ta' fatturi tal-produzzjoni u jtejbu l-kapaċità tal-bdiewa li jadattaw għall-volatilità tal-prezzijiet, inklużi miżuri ta' appoġġ għall-katini qosra ta' fatturi tal-produzzjoni u tal-ikel;

15.  Jilqa' l-fokus miżjud tal-Kummissjoni fuq il-bijoekonomija Ewropea; jitlob li parti sostanzjali mill-programm qafas ta' riċerka li jmiss tiġi allokata għar-R&Ż fil-ġestjoni tal-fatturi tal-produzzjoni tal-azjendi tal-biedja u għat-titjib tal-effiċjenza agronomika; jenfasizza li r-riżultati tar-riċerka jridu jiġu tradotti fit-titjib prattiku tal-produzzjoni agrikola permezz ta' taħriġ u l-bini ta' kapaċità għall-bdiewa; jenfasizza l-ħtieġa għal kollaborazzjoni aħjar bejn is-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll bejn l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, f'dan ir-rigward, biex b'hekk ikun hemm applikazzjonijiet aktar prattiċi fir-realtà li jistgħu jtejbu u jimmodernizzaw l-industrija;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw aktar r-rwol li l-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi jista' jkollhom fl-organizzazzjoni ta' akkwisti kollettivi tal-fatturi tal-produzzjoni tal-farms, bil-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjati tal-bdiewa vis-à-vis l-industrija fornitriċi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma aħjar lill-bdiewa u lill-konsumaturi dwar il-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-enerġija, l-ilma, ir-riżorsi naturali tul il-katina tal-ikel, sabiex tnaqqas b'mod sinifikanti l-ħela tar-riżorsi u tal-ikel;

18.  Jagħraf li t-tkabbir sostenibbli huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili tesponina għal xokkijiet f'dawn is-swieq; itenni l-ħtieġa li din id-dipendenza fuq riżorsi li jispiċċaw tiġi sostitwita b'alternattivi robusti biżżejjed, filwaqt li jżomm f'moħħu l-bilanċ bejn iż-żamma tal-produzzjoni tal-ikel u l-promozzjoni tal-ħolqien tal-enerġija;

Enerġija

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu investimenti fl-iffrankar tal-enerġija u fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-farms jew fi proġetti ta' sħubija lokali (riħ, xemx, bijogass, ġeotermiku eċċ.) b'enfasi speċjali fuq l-użu tal-iskart u tal-prodotti sekondarji;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-ipproċessar tad-demel, li mhux biss jipprovdi enerġija li tiġġedded iżda jnaqqas ukoll il-pressjoni fuq l-ambjent u huwa sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fil-forma ta' konċentrati minerali; jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li d-demel jiġi kkunsidrat bħala sors tal-enerġija, tirrikonoxxi d-demel proċessat bħala sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fid-Direttiva dwar in-Nitrati;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta' appoġġ pubbliku għall-bijomassa u l-agrofjuwils – inkluż il-bijogass – ma jikkontribwixxux għall-kompetizzjoni mhux sostenibbli għar-riżorsi bejn il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija, li għandha tiġi organizzata b'mod sostenibbli;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu fil-ħolqien ta' dħul ġdid għall-bdiewa billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-enerġija u tas-sħana prodotti minn sorsi rinnovabbli tal-biedja fis-sistemi u n-netwerks tal-enerġija privati u pubbliċi;

23.  Iqis li l-miżuri effikaċi għall-iffrankar u l-ġestjoni tal-enerġija fil-farms u dik lokali għandhom ikunu disponibbli fl-UE kollha permezz tal-programmi ta' żvilupp rurali u l-miżuri fakultattivi ta' “tħaddir” tal-futur tal-PAK;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-ispejjeż tal-enerġija f'sistemi differenti tal-biedja attwali u l-fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni assoċjati, l-industrija tal-ipproċessar u s-sistemi ta' distribuzzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-produttività u mal-output, b'kunsiderazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta' sorsi sostenibbli tal-enerġija biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda;

Prodotti għat-titjib tal-ħamrija u għall-protezzjoni tal-pjanti

25.  Jitlob għal miżuri effiċjenti u inċentivi bħad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba, inklużi tħawwil ta' legumi u newba tal-uċuħ adattati għall-kundizzjonijiet lokali, fir-riforma tal-PAK wara l-2013, minħabba l-effett pożittiv li għandhom fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-ħamrija u l-ilma u l-kapaċità tal-bdiewa li jnaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni tagħhom;

26.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu l-investimenti f'biedja ta' preċiżjoni f'lista fakultattiva mifruxa mal-UE kollha ta' miżuri ta' “tħaddir” li għandhom jiġu ppremjati fi ħdan il-PAK peress li dawn il-prattiki innovattivi (bħas-sorveljanza tal-ħamrija bbażata fuq il-GPS) għandhom effetti pożittivi simili fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fuq il-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma u fuq il-finanzi tal-bdiewa (bi tnaqqis sinifikanti fl-użu ta' fertilizzanti, prodotti għat-titjib tal-ħamrija, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-pestiċidi li għandhom inaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni għall-bdiewa);

27.  Jenfasizza li l-produzzjoni agrikola tal-UE tiddependi fuq l-importazzjoni tal-fosforit għall-manifattura tal-fertilizzanti, li, fil-parti l-kbira tiegħu, jiġi mill-minjieri ta' ħames pajjiżi madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu – soġġett għal investigazzjoni bir-reqqa tal-użu possibbli tagħhom, it-trattament adegwat ta' sustanzi potenzjalment ta' ħsara u kontrolli stretti - ir-riċiklaġġ tan-nutrijenti (speċjalment il-fosfat u n-nitroġenu) mill-flussi tal-iskart u, b'mod partikolari, ir-riċiklaġġ tal-iskart bħala parti minn proċess kaskata wara li jintuża għall-produzzjoni ta' enerġija termika; jenfasizza li d-demel likwidu li jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalità imposti bil-liġi fuq il-fertilizzanti u li jkun maħsub għall-ipproċessar għal dak il-fini mhuwiex prodott ta' skart, anki jekk qabel kien ġie ffermentat f'impjant tal-bijogass agrikolu;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aħjar l-impatt tat-telf tal-prodtti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-kompetittività u s-sostenibilità tal-agrikultura Ewropea, b'kunsiderazzjoni partikulari fuq l-adegwatezza tal-prodotti li għadhom disponibbli u l-impatt fuq il-prezzijiet minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta' prodotti li jikkompetu fis-suq;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi biex tiggarantixxi l-vijabbiltà fil-ġejjieni tal-għelejjel minuri tar-raba' u ta' użu minuri, filwaqt li tiżgura l-kompatibbiltà u l-koerenza totali mal-politika agrikola komuni u bl-involviment ta' dawk kollha li għandhom x'jaqsmu mal-katina tal-provvista tal-ikel;

Għalf

31.  Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tressaq minnufih rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-possibilitajiet u l-għażliet għaż-żieda fil-produzzjoni interna ta' għelejjel ta' proteina fl-UE; jenfasizza li filwaqt li ż-żieda tal-produzzjoni interna tal-għelejjel tal-proteina jkollha xi benefiċċji, x'aktarx ma jkollhiex impatt sinifikanti fuq l-importazzjoni tal-għalf minn barra l-UE; jemmen, għaldaqstant, li għandhom jiġu studjati toroq oħra fiż-żmien qasir biex jiġi indirizzat id-defiċit ta' proteina fl-UE, u jirrimarka speċifikament ir-rwol fundamentali tal-importazzjonijiet tas-soja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel żgur li dawn il-miżuri ma jipperikolawx l-għan ewlieni tal-UE tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel f'termini tal-livelli tal-produttività u tal-outputs;

32.  Jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri u strumenti adatti fil-PAK il-ġdida biex tingħata għajnuna lil dawk il-bdiewa li jikkoltivaw għelejjel ta' proteina, biex b'hekk jitnaqqas potenzjalment id-defiċit ta' għelejjel ta' proteina tal-UE u l-volatilità tal-prezzijiet filwaqt li jitjiebu wkoll il-prattiki agrikoli u l-fertilità tal-ħamrija;

Żrieragħ

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tar-reviżjoni li ġejja tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet Komunitarji għall-varjetajiet tal-pjanti, iżommu l-possibbiltà għall-bdiewa li jużaw żerriegħa pproċessata u prodotta fl-irziezet kif stipulat fl-Artikolu 14(1) u (2) ta' dan ir-Regolament, minħabba l-benefiċċji ekonomiċi, kulturali u ambjentali u l-kontribut għall-agro-bijodiversità li din il-prattika tista' ġġib; jitlob f'dan il-kuntest għal eżami ġust u bilanċjat kemm tad-drittijiet għat-tkabbir tal-pjanti kif ukoll tar-restrizzjonijiet attwali dwar l-użu taż-żrieragħ miġbura mill-irziezet bl-għan li jittejjeb u jiġi simplifikat il-qafas legali u biex jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn il-ħtieġa għall-innovazzjoni u l-preservazzjoni u t-tisħiħ tad-diversità tal-ħsad kif ukoll it-titjib tal-għajxien tal-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju;

34.  Jinnota l-importanza ta' proġetti tar-riċerka li jistudjaw it-trobbija tal-varjetajiet tal-pjanti li jżommu l-karatteristiċi tagħhom fit-tul u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw proġetti bħal dawn u jippromwovu miżuri li jħeggu t-tkabbir ta' għelejjel ta' għalf lokali, bħall-qanneb, it-tritkali u s-spring vetch (Vicia Lathyroides), eċċ;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra twaqqaf bank Ewropew għaż-żerriegħa sabiex taħżen u tippreserva l-varjetà ġenetika tal-pjanti, tiġġieled it-telf tal-bijodiversità, u torbot id-diversità tal-għelejjel mal-wirt kulturali tal-Istati Membri;

36.  Jappella, fid-dawl tal-konferenza globali Rio+20 li jmiss, għal inizjattiva ġdida tal-UE dwar il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-kummerċjalizzazzjoni ta' kwalità għall-agrobijodiversità, sabiex jiżdied il-valur miżjud għall-biedja;

Prezzijiet tal-art u kera tal-art

37.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt li l-kera tal-art u ż-żieda fl-ispejjeż għall-akkwist u l-kera tal-art qed ikollhom fuq is-setturi tal-biedja fl-Istati Membri tal-UE;

38.  Jenfasizza li d-drittijiet għall-Ħlas Uniku lill-Impriżi Agrikoli, meta dawn ikunu bbażati fuq valuri storiċi jew meta jkunu kummerċjalizzati mingħajr art, jistgħu jinxtraw bi prezzijiet għoljin minn investituri jew spekulaturi għall-finijiet ta' introjtu kostanti minflok għall-biedja attiva; jinnota li t-tgħawwiġ maħluq jaġixxi bħala spiża sostanzjali tal-fatturi tal-produzzjoni u jservi bħala barriera għad-dħul ta' bdiewa ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri u r-reġjuni jiżguraw li r-riforma tal-PAK tindirizza kif xieraq dawn il-problemi, u li d-drittijiet għall-ħlas ikunu disponibbli għall-bdiewa kollha għall-finijiet tal-produzzjoni attiva;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-impatt tal-użu tal-art għall-iżvilupp tal-infrastruttura, djar u żoni ta' lqugħ fuq l-ispejjeż tal-impriżi agrikoli;

Ilma

40.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem, bħala parti mir-riforma tal-PAK u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, lejn sistemi tal-irrigazzjoni u tal-iskular u tal-ħżin tal-ilma għall-agrikoltura li jużaw l-ilma b'mod aktar effiċjenti u li jinkludu titjib fil-kapaċitajiet ta' ħżin tal-ilma fil-ħamrija, il-ġbir tal-ilma f'żoni nexfin u skular tal-ilma f'inħawi mxarrba, bħala mezz biex jitnaqqas l-użu tal-ilma ħelu kif ukoll bħala prekawzjoni kontra l-bidliet fit-tendenzi ta' xita minħabba t-tibdil fil-klima;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur soluzzjonijiet għall-problemi tal-iskular tal-ilma li jqisu fatturi bħal xita qawwija, art baxxa u ilma qiegħed;

42.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, għall-effett pożittiv li l-biedja ta' preċiżjoni għandha fuq l-użu tal-ilma (permezz tal-monitoraġġ tal-istat tal-ħamrija permezz tal-GPS u tat-tbassir tat-temp) u jitlob li l-investimenti f'dawn is-soluzzjonijiet u f'soluzzjonijiet innovattivi oħra li jnaqqsu l-użu ta' fatturi tal-produzzjoni bħall-ilma, il-fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkunu jistgħu jiġu koperti bl-alternattivi ta' “Tħaddir” tal-PAK futura;

43.  Jistieden lill-Kummissjon u lill-Istati Membri jtejbu l-ġestjoni u l-allokazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tal-ilma u biex isaħħu l-agroekosistemi u l-agroforesti multifunzjonali;

44.  Jitlob għal appoġġ akbar għat-taħriġ tal-bdiewa fil-ġestjoni effiċjenti tal-ilma u l-irrigazzjoni, inkluż strumenti prattiċi għall-ħżin tal-ilma u miżuri għall-prevenzjoni tat-telf ta' nutrijenti jew tas-salinizzazzjoni, kif ukoll titjib fl-ipprezzar tal-ilma u fl-iskemi ta' amministrazzjoni tal-ilma fil-livell lokali u reġjonali sabiex tingħata għajnuna biex jiġi evitat li jinħela l-ilma u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni fit-tul, il-verifika tal-pajpijiet tal-ilma għandu wkoll ikun inkoraġġit biex jiżgura li l-tnixxija tal-ilma ma jkollux impatt sinifikanti fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni u kwalità tal-prodott;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(2) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0006.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0084.
(5) http://www.oecd.org/dataoecd/38/10/48224529.pdf.
(6) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database.
(7) http://ec.europa.eu/research/agriculture/conference/pdf/feg3-report-web-version.pdf.
(8) http://agrienv.jrc.ec.europa.eu/publications/pdfs/LIFS_final.pdf.
(9) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.


Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
PDF 233kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
P7_TA(2012)0012RC-B7-0006/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1), tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel(2), tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali(3), u tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu, “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009)0591), u d-diversi dokumenti ta' ħidma mehmuża magħha, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar Dħul ġust għall-Bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(5) u tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali(7),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel(8),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari tas-17 ta' Marzu 2009 u l-konklużjonijiet tad-29 ta' Marzu 2010 dwar funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-data tal-Eurostat dwar l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-mezzi tal-produzzjoni agrikola (kostijiet tal-inputs) u l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli (prezzijiet tal-outputs)(9),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea(10), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2008 taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka bit-titolu “Sistemi ta' biedja b'rata baxxa ta' fatturi tal-produzzjoni: opportunità għal żvilupp agrikolu sostenibbli”(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Agribusiness and the right to food”, tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar katina tal-provvista alimentari li taħdem aħjar (COM(2009)0591) identifikat żbilanċi sinifikanti fis-saħħa tan-negozjar, li jissarrfu fi prattiki kummerċjali inġusti bħal ħlasijiet tard, modifiki kuntrattwali unilaterali, termini kuntrattwali inġusti, aċċess ristrett għas-suq, nuqqas ta' informazzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet, distribuzzjoni inugwali tal-marġnijiet tal-qligħ fil-katina tal-ikel kollha, abbużi tal-poter tas-suq minn fornituri jew xerrejja, bħal kartelli u ż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, u alleanzi tax-xiri, fost oħrajn;

B.  billi l-livell ta' konċentrazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut kbar ħafna fl-Unjoni Ewropea qed jaffettwa ħażin lill-produtturi u lil fornituri oħra, għaliex qed jirriżulta fi żbilanċi li jikbru tal-poter bejn il-partijiet kontraenti; billi l-produtturi u l-proċessuri agrikoli qed iġarrbu telf progressiv tas-saħħa ta' negozjar vis-à-vis l-livelli tal-prezzijiet tul il-katina tal-valur - mill-produzzjoni primarja, għall-ipproċessar sal-konsumatur aħħari; billi konċentrazzjoni eċċessiva qed twassal għal tnaqqis tad-diversità tal-prodotti, tal-wirt kulturali, tal-ħwienet, tal-impjiegi u tal-mezzi tas-sussistenza;

C.  billi l-problemi ta' introjtu tal-bdiewa qed jibqgħu jmorru għall-agħar u l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi għall-prodotti mhuwiex rifless fil-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa għall-produzzjoni tagħhom, u dan qed idgħajjef il-kapaċità tal-bdiewa li jinvestu u jiżviluppaw u jista' jwassal biex ħafna minnhom ma jibqgħux jaħdmu f'dan is-settur;

D.  billi t-telf tas-saħħa ta' negozjar, iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u l-impossibilità li dawk il-kostijiet jiġu rkuprati tul il-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel jistgħu jipperikolaw is-sopravivenza tal-azjendi agrikoli, u għalhekk potenzjalment idgħajfu l-potenzjal produttiv fit-tul fl-Istati Membri u jkabbru d-dipendenza tagħhom fuq is-swieq esterni;

E.  billi relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati mhux biss itejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, imma jkunu wkoll ta' benefiċċju għall-bdiewa, permezz ta' żieda fil-kompetittività, u fl-aħħar mill-aħħar ikunu wkoll ta' benefiċċju għall-konsumaturi;

F.  billi l-volatilità reċenti tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista tal-ikel Ewropej u dinjija u żiedet l-insigurtà tal-introjtu tal-farms u fl-investimenti fit-tul mill-bdiewa;

G.  billi lanqas il-konsumaturi mhuma qed jibbenefikaw minn prezzijiet baxxi mal-ħruġ mill-farms minħabba t-telf progressiv ta' saħħa ta' negozjar tal-bdiewa fil-katina tal-ikel, partikolarment billi r-rekwiżiti tal-kawlità, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards ambjentali u tal-benessri tal-annimali - li l-bdiewa Ewropej iridu jirrispetaw - spiss mhumiex applikati bl-istess mod għal prodotti agrikoli importati;

H.  billi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'għadd ta' Stati Membri sabu li hemm erba' oqsma ewlenin fejn l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel huma partikolarment problematiċi: l-impożizzjoni unilaterali ta' termini kuntrattwali; il-prattiki ta' għoti ta' skont; il-penali; u t-termini ta' ħlas;

1.  Jenfasizza li l-problema tal-iżbilanċi fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel għandha dimensjoni Ewropea ċara, li teħtieġ soluzzjoni Ewropea speċifika, minħabba l-importanza strateġika tal-katina agroalimentari għall-Unjoni Ewropea; jirrimarka li l-katina tal-provvista tal-ikel, l-agrikoltura, l-industrija agroalimentari u d-distribuzzjoni tal-ikel jirrappreżentaw 7% tal-impjieg totali fl-UE b'valur ta' EUR 1400 biljun fis-sena - ċifra akbar minn dik fi kwalunkwe settur ieħor tal-manifattura fl-UE - u li s-sehem tal-valur miżjud agrikolu mill-katina tal-provvista tal-ikel naqas minn 31% fl-1995 għal 24% fl-2005 fl-UE-25;

2.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħidma li qed issir fil-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel, b'mod partikolari l-pjattaforma tiegħu Minn Negozju Għal Negozju; jitlob li jiġi infurmat formalment u regolarment dwar il-progress tal-ħidma u d-deċiżjonijiet meħuda;

3.  Jappoġġja l-ħidma tajba tal-Pjattaforma tal-Esperti dwar il-prattiki kuntrattwali B2B tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel, b'mod partikolari fid-definizzjoni, l-elenkar u l-valutazzjoni ta' x'jikkostitwixxi prattika kummerċjali inġusta, abbażi ta' data u eżempji konkreti; jitlob appoġġ qawwi għal inizjattivi biex jitħeġġeġ id-djalogu bejn il-partijiet dwar din il-kwistjoni; jilqa' favorevolment il-fatt li l-partijiet interessati ftiehmu dwar prinċipji li jirregolaw il-prattiki tajbin, kif ippreżentati lill-Forum ta' Livell Għoli fid-29 ta' Novembru 2011, u jħeġġiġhom jieħdu miżuri implimentattivi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE robusta - meta jkun meħtieġ u mingħajr distorsjoni tal-funzjonament xieraq tas-swieq - biex tiggarantixxi relazzjonijiet ġusti u trasparenti bejn il-produtturi, il-fornituri u d-distributuri ta' prodotti tal-ikel, u biex timplimenta b'mod xieraq ir-regoli diġà fis-seħħ, anke għaliex l-aħħar ċifri dwar l-introjtu agrikolu mill-Eurostat juru li, mill-2009, kien hemm tnaqqis ta' 11,6% fl-introjtu tal-bdiewa fil-livell tal-UE, filwaqt li l-kostijiet totali tal-inputs għall-bdiewa tal-UE żdiedu b'medja ta' kważi 40% bejn l-2000 u l-2010;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jittrattaw il-problema tad-distribuzzjoni inġusta tal-profitti fil-katina tal-ikel b'urġenza, speċjalment fir-rigward tal-introjtu adegwat għall-bdiewa; jirrikonoxxi l-fatt li sabiex jiġu stimulati sistemi ta' produzzjoni sostenibbli l-bdiewa jeħtieġ li jkunu kkumpensati għall-investimenti u l-impenji tagħhom f'dawn l-oqsma; jenfasizza li l-ġlieda għall-poter għandha tkun sostitwita b'relazzjonijiet ta' kooperazzjoni;

6 Jirrimarka li l-politika agrikola trid tippermetti lill-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, fosthom dawk li jitmexxew minn familji, ikollhom introjtu raġonevoli, jipproduċu biżżejjed ikel ta' kwalità tajba bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd, joħolqu l-impjiegi, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jiżguraw il-ħarsien u s-sostenibbiltà ambjentali;

7.  Jinsisti li l-Istati Membri għandu jkollhom rwol attiv fl-appoġġ ta' fora ta' konsultazzjoni eżistenti u fl-istabbiliment ta' fora ta' konsultazzjoni ġodda, b'rappreżentanza xierqa tal-atturi tul il-katina tal-ikel, sabiex jippromwovu d-djalogu u jistabbilixxu linji gwida favur relazzjonijiet aktar ġusti u bilanċati; jirrimarka li konsultazzjonijiet uffiċjali bħal dawn jgħinu biex il-produtturi u l-fornituri jiġu protetti u biex jiġu evitati miżuri ta' ritaljazzjoni mis-settur tad-distribuzzjoni;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropej u lil awtoritajiet regolatorji oħra involuti fil-produzzjoni u l-kummerċ biex jieħdu azzjoni kontra prattiki abużivi tax-xerrejja min-naħa ta' bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut dominanti li sistematikament iqiegħdu lill-bdiewa f'pożizzjoni ta' negozjar estremament inugwali;

9.  Jitlob li tiġi stabbilita definizzjoni ċara, rigoruża u oġġettiva ta' prattiki abużivi u inġusti, inklużi definizzjonijiet aktar stretti ta' kunċetti u delimitazzjoni aktar ċara, skont il-mandat maħruġ lill-Kummissjoni mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust, sabiex tali prattiki jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni speċifika, superviżjoni u sanzjonijiet oġġettivi;

10.  Jenfasizza l-lista li ġejja bħala lista mhux eżawrjenti ta' prattiki li dwarhom il-produtturi wrew tħassib fir-rigward tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel:

   I) Aċċess għall-bejjiegħa bl-imnut:
   i) Ħlas minn qabel għall-aċċess għan-negozjati
   ii) Miżati għall-inklużjoni fil-listi
   iii) Miżati ta' dħul
   iv) Iffissar tal-prezzijiet għal spazju fuq l-ixkafef
   v) Impożizzjoni ta' promozzjonijiet
   vi) Dewmien fil-ħlasijiet
   vii) Iffissar tal-prezzijiet
   viii) Klawżola tal-klijent l-aktar ivvantaġġat
   II) Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti jew bidliet unilaterali għat-termini kuntrattwali:
   i) Bidliet unilaterali u retrospettivi għall-kundizzjonijiet kuntrattwali
   ii) Ksur unilaterali tal-kuntratt
   iii) Klawżoli/miżati ta' esklussività
   iv) Impożizzjoni ta' kontribuzzjoni “obbligatorja” għal ditti privati
   v) Impożizzjoni ta' mudelli kuntrattwali standard
   vi) Prattiki ta' ritaljazzjoni
   vii) Ftehimiet kuntrattwali mhux miktuba
   viii) Irkupru tal-marġnijiet
   ix) Skontijiet globali
   x) Dewmien fil-ħlasijiet
   xi) Impożizzjoni ta' ħlas għall-ipproċessar/għat-tneħħija tal-iskart
   xii) Xiri minn gruppi/negozjati konġunti
   xiii) Irkantijiet invertiti
   xiv) Termini ta' konsenja mhux realistiċi
   xv) Impożizzjoni tal-użu ta' fornitur (speċifiku) ta' imballaġġ jew ta' materjal ta' imballaġġ
   xvi) Impożizzjoni tal-użu ta' pjattaforma loġistika (speċifika) jew ta' operatur (speċifiku)
   xvii) Ħlas biex jiġu koperti promozzjonijiet (mhux miftiehma minn qabel)
   xviii) Ordnijiet eċċessivi ta' prodott maħsub għall-promozzjoni
   xix) Ħlas talli ma jintlaħqux ċerti livelli ta' bejgħ
   xx) Impożizzjoni fuq il-fornituri ta' skont extra għal bejgħ li jaqbeż ċertu livell
   xxi) Irtirar unilaterali ta' prodotti mill-ixkafef tal-ħwienet
   xxii) Impożizzjoni ta' ritorn inkundizzjonat ta' merkanzija (mhux mibjugħa)
   xxiii) Impożizzjoni fuq il-fornituri ta' kostijiet marbuta mal-kontrazzjoni jew mas-serq ta' prodotti
   xxiv) Impożizzjoni fuq il-fornituri ta' kostijiet mhux raġonevoli marbuta ma' lmenti tal-klijenti;

11.  Jitlob l-istabbiliment ta' qafas biex dawn il-prattiki jiġu kkontrollati b'mod effikaċi, l-ewwel bit-tnedija ta' inkjesta fis-settur kollu, permezz ta' mezzi amministrattivi jew ġuridiċi, imbagħad bl-introduzzjoni ta' sistema ta' evalwazzjoni u monitoraġġ imħaddma mill-Istati Membri u kkoordinata mill-Kummissjoni, b'sanzjonijiet dissważivi applikati b'mod effikaċi u fi żmien xieraq;

12.  Jitlob, fir-rigward tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-prattiki kummerċjali abużivi, li jiddaħħlu mezzi aħjar biex ikun żgurat li l-iskadenzi għall-ħlasijiet jiġu rispettati, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard, u li jitqiegħdu fis-seħħ strumenti ġodda biex jitnaqqas kemm jista' jkun u biex jiġi armonizzat fuq livell Ewropew it-tul ta' żmien bejn il-konsenja u meta l-ħlas fil-fatt jasal għand il-fornituri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jinħtieġu urġentement soluzzjonijiet għall-problemi speċifiċi li jaffaċċjaw il-produtturi ta' prodotti li jiħżienu, bi żminijiet qosra li matulhom jistgħu jibqgħu fil-ħwienet, li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar ta' likwidità;

13.  Jinnota l-miżuri fl-abbozz ta' proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAKli l-għan tagħhom huwa li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-organizzazzjonijiet intersettorjali u billi jippromwovu katini qosra bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bħas-swieq għall-prodotti lokali; jemmen li t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa permezz ta' organizzazzjoni interna aħjar u approċċ aktar professjonali jgħin biex ikun żgurat li jirċievu sehem aktar ġust tal-valur miżjud;

14.  Jilqa' favorevolment ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri rigward skambji tal-aħjar prattiki dwar in-notifika ta' prattiki kuntrattwali, u t-tħejjija ta' kuntratti standard;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-Istrument Ewropew ta' Monitoraġġ tal-Prezzijiet u tiżviluppa interfaċċja trasparenti, multilingwi u faċli biex tintuża li tippemetti lill-konsumaturi u lill-partijiet interessati jqabblu l-prezzijiet ta' prodotti tal-ikel bażiċi fi Stat Membru partikolari u bejn Stati Membri differenti f'kull stadju fil-katina tal-provvista tal-ikel u li tqis ukoll id-differenzi fl-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-agrikoltura, bil-għan li lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet intersettorjali tagħhom jingħatawlhom l-għodod li jippermettulhom itejbu l-pożizzjoni ta' negozjar tagħhom; jitlob li ssir valutazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u li jsir tibdil fiha, bil-għan li jkun żgurat li jitqiesu aktar l-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni vertikali fuq il-katina kollha tal-provvista tal-ikel, minflok ma ssir enfasi limitata fuq il-pożizzjonijiet relattivi ta' diversi kumpaniji fis-suq u minflok ma d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jitqiesu biss abbażi tal-effett negattiv tagħhom fuq il-konsumaturi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar il-ħidma tad-diversi servizzi tagħha, sabiex ikun jista' jkollha rwol aktar effikaċi fil-monitoraġġ tal-prezzijiet fil-katina tal-ikel kollha u fil-monitoraġġ tad-dinamika tal-provvista bl-imnut u tal-ishma tas-suq relattivi fl-UE kollha; jitlob li jinħoloq Ombudsman għall-Kummerċ tal-Ikel biex jikkomunika mal-awtoritajiet kummerċjali u tal-kompetizzjoni rilevanti u ma' Ombudsmen nazzjonali għall-kummerċ tal-ikel f'kull Stat Membru, sabiex jikkoordinaw u jaqsmu informazzjoni; iqis, barra minn hekk, li l-Ombudsman Ewropew u d-diversi Ombudsmen nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw l-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u biex jirrakkomandaw sanzjonijiet xierqa u f'waqthom;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju profond tad-differenzi fl-approċċ bejn is-27 awtorità u politika nazzjonali tal-kompetizzjoni u tħeġġeġ soluzzjonijiet li jinvolvu l-imsieħba kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel u li jipprevjenu abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti f'parti waħda jew f'għadd limitat ta' partijiet tal-katina tal-inputs jew tal-outputs, li spiss iseħħu askapitu tal-produttur agrikolu;

19.  Jemmen li għandha tingħata prijorità lil kampanja ta' informazzjoni fl-UE kollha li tinforma lill-bdiewa dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom u dwar il-prattiki kuntrattwali u kummerċjali illegali, inġusti u abużivi l-aktar komuni, kif ukoll dwar il-mezzi disponibbli biex jirrapportaw l-abbużi;

20.  Iqis li s-soluzzjoni biex jiġu ttrattati l-iżbilanċi fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel tinkludi l-awtoregolamentazzjoni iżda teħtieġ ukoll regolamentazzjoni u aġġustamenti tal-liġi tal-kompetizzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-iżvilupp tal-aħjar prattiki u/jew kodiċijiet tal-imġiba fi sħubija mal-partijiet interessati kollha, bl-involviment tal-produtturi, l-industrija, il-fornituri, il-bejjiegħa bl-imnut u r-rappreżentanti tal-konsumatur, u filwaqt li s-sinerġiji eżistenti jintużaw bl-aħjar mod possibbli;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 103.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0006.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0307.
(5) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0011.
(7) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.
(8) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 4.
(9) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database.
(10) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23..
(11) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 180.
(12) http://agrienv.jrc.ec.europa.eu/publications/pdfs/LIFS_final.pdf


Lejn strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea
PDF 342kWORD 104k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini (2011/2148(INI)
P7_TA(2012)0013A7-0431/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-titolu XIX, l-Artikolu 189, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-politika tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-politika spazjali u li jsemmi b'mod partikolari t-tħejjija ta' politika spazjali Ewropea sabiex jitħeġġu l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-Ewropa 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali” (COM(2010)0614),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 bl-isem “Lejn strateġija tal-ispazju għall-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini” (COM(2011)0152),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2011 bl-isem “Lejn strateġija spazjali għall-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini”,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2003 bl-isem “L-Ispazju: fruntiera ġdida għal Unjoni li qiegħda tikber: Pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Ispazju” (COM(2003)0673),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2004/578/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni bl-isem “Eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita” (COM(2011)0005),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-analiżi f'nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta' finanzjament(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-iffinanzjar tal-programm Ewropew ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (Galileo) fi ħdan il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u l-programm ta' qafas finanzjarju pluriennali 2007–2013(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-29 ta' Ġunju 2011 bl-isem “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500),

–  wara li kkunsidra Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (MGAS): Għal Qalbna Dinja iżjed Protetta” (COM(2008)0748),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (MGAS): L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali” (COM(2009)0589),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tat- 22 ta' Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)” (COM(2010)0308),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0431/2011),

A.  billi l-Artikolu 189 tat-TFUE jagħti lill-Unjoni Ewropea rwol espliċitu fit-tħejjija ta' politika spazjali sabiex jitħeġġu l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politika tagħha;

B.  billi l-politika spazjali hija element essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tagħmel parti integrali mill-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali;

C.  billi s-servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita diġà qegħdin għas-servizz tal-gvernijiet u ċ-ċittadini tal-UE;

D.  billi din tappoġġa l-objettivi ta' ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva filwaqt toħloq impjiegi kwalifikati ħafna, billi toffri swieq kummerċjali, tistimula l-innovazzjoni u ttejjeb il-benessri taċ-ċittadini;

E.  billi l-ispazju huwa ta' importanza strateġika għall-Ewropa u element ewlieni għat-teħid ta' deċiżjonijiet u ta' azzjonijiet indipendenti tagħha;

F.  billi l-industrija spazjali Ewropea tiġġenera ċifra ta' negozju konsolidata ta' 5,4 biljun euro u timpjega iktar min 31,000 persuna bi kwalifiki għolja;

G.  billi s-settur Ewropew ta' komunikazzjoni bis-satellita huwa element fundamentali biex jappoġġa industrija Ewropea tal-ispazju b'saħħitha, billi aktar minn nofs il-fatturat tal-industrija Ewropea joriġina mill-produzzjoni jew l-illanċjar ta' satelliti tat-telekomunikazzjoni,

H.  billi l-Parlament Ewropew dejjem appoġġa bis-sħiħ l-GNSS Ewropea, implimentata permezz tal-programmi Galileo u EGNOS, intiża sabiex ittejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, biex tiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tal-Ewropa, u biex tikseb parti sinifikanti tas-suq dinji tat-teknoloġija avvanzata marbuta man-navigazzjoni bis-satellita,

I.  billi attwalment l-UE hija dipendenti fuq is-Sistema Amerikana ta' Lokalizzazzjoni bis-Satellita (GPS), b'attivitajiet li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 7 % tal-PDG li jiddependu minn din is-sistema, u billi Galileo huwa mistenni li joffri vantaġġi ċari meta mqabbel mas-sistema Amerikana tal-GPS, bħat-titjib fil-preċiżjoni, l-integrità globali, l-awtentikazzjoni u l-garanzija ta' servizz, kif ukoll l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea, billi jieħu nota tal-importanza li Galileo jista' jkollu sabiex jittejbu l-kompetittività u l-kwalità ta' bosta servizzi fl-Ewropa,

J.  billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-programm, minħabba, fost oħrajn, l-ineżattezza tal-previżjonijiet tan-nefqa u tal-istrateġiji ta' ġestjoni tan-nefqa, tfisser li l-baġit attwali jista' jiffinanzja biss l-użu tal-Kapaċità Operattiva Inizjali,

K.  billi l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal finanzjament tal-Galileo għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020, imma billi l-qafas ma jinkludix il-finanzjament tal-Programm ta' Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà, li għalhekk jipperikola serjament il-futur ta' dan il-programm,

L.  billi l-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni preċiża u dettaljata tal-għażliet tekniċi kollha possibbli u tal-ispejjeż u l-vantaġġi relatati kemm għal Galileo kif ukoll għall-programm GMES, qabel ma tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar iż-żieda tal-impenn finanzjarju tal-baġit tal-Unjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss,

M.  billi l-GMES huwa wkoll programm ewlieni mmexxi mill-Ewropa għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej, li jipprovdi informazzjoni ġeospazjali biex tgħin lill-istituzzjonijiet pubbliċi fl-implimentazzjoni ta' politiki inklużi l-ġestjoni ambjentali, il-ġestjoni tar-riskju u l-protezzjoni taċ-ċittadini; billi l-kontinwità ta' aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent u s-sigurtà, ibbażata fuq osservazzjoni spazjali permanenti u infrastrutturi in situ, filwaqt li jsir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi disponibbli fl-Ewropa, għandha tkun garantita mill-Programm ta' Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà;

N.  billi l-eżistenza kontinwa ta' industrija spazjali kompettitiva u b'teknoloġija avvanzata appoġġata minn programm ambizzjuż ta' riċerka u żvilupp u attivitajiet addizzjonali, l-esplorazzjoni tal-ispazju, is-sigurtà tal-infrastruttura spazjali u l-kooperazzjoni internazzjonali jikkostitwixxu setturi ewlenin għal politika spazjali b'suċċess;

O.  billi, kif innutat il-Kummissjoni, l-aċċess indipendenti għall-ispazju għandu jkun żgurat sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-politika Ewropea dwar l-ispazju;

P.  billi l-kompetenza industrijali Ewropea hija ta' importanza ewlenija għal politika spazjali b'suċċess u l-programmi Ewropej ewlenin għandhom rwol kruċjali fl-integrazzjoni u l-kompetittività Ewropej,

L-objettivi ta' strateġija spazjali Ewropea

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini” bħala l-ewwel pass lejn politika spazjali tal-Unjoni Ewropea komprensiva u li tqis il-ħtiġijiet tal-utenti li taqdi l-interessi taċ-ċittadini tagħha, il-politiki tagħha u d-diplomazija tagħha; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka l-isforzi tagħha fuq l-iżvilupp ta' servizzi spazjali downstream għall-benefiċċju taċ-ċittadini u bl-għan li jittejbu t-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni tagħha; iqis li użu adegwat tal-programmi spazjali bħall-Galileo u l-GMES iwassal għal tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż fis-setturi kkonċernati, u benefiċċji aktar “l isfel għar-reġjuni u l-komunitajiet lokali;

2.  Iqis li hi ħaġa importanti li l-politika spazjali tkun politika realista li jkollha l-għan li ttejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, tippermetti tkabbir ekonomiku ġdid, tħeġġeġ il-potenzjal ta' innovazzjoni u tappoġġa l-progress xjentifiku ta' livell dinji; jenfasizza l-fatt li s-soluzzjonijiet spazjali (li jiddependu mit-teknoloġiji l-aktar avvanzati u minn bażi industrijali Ewropea kompetittiva) huma indispensabbli biex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar tas-soċjetà tal-lum bħad-diżastri naturali, ir-riżorsi u l-monitoraġġ tal-klima, biex jiġi żviluppat is-settur tat-telekomunikazzjonijiet u biex jiġu mħeġġa l-applikazzjonijiet relevanti fil-qasam tal-plitiki tat-tibdil klimatiku, l-ippjanar tal-użu tal-art, il-ġestjoni tal-ambjent, l-agrikoltura, is-sigurtà marittima, is-sajd u t-trasport;

3.  Jinnota r-rwol importanti tan-netwerks tas-satelliti biex sal-2012 tinkiseb kopertura totali tal-UE bl-internet broadband, bħala għajnuna biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda Diġitali tal-UE;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħejji politika spazjali mfassla speċifikament għas-sottosetturi tal-industrija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li din il-politika għandha tkun ikkoordinata mhux biss mal-ESA u l-Istati Membri, iżda anke mal-Parlament Ewropew;

5.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha r-responsabilità li tikkoordina u tikkonsolida l-politiki u l-programmi spazjali nazzjonali biex jiġi stabbilit approċċ Ewropew koerenti b'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha; jenfasizza li approċċ bħal dan għandu jimmira li jappoġġa bażi industrijali Ewropea soda, kompetittiva u indipendenti u jikkonsolida politika industrijali li tkun kapaċi toħloq, tiżviluppa, tibda u tisfrutta sistemi spazjali għal perjodu ta' żmien medju u twil, inklużi mekkaniżmi finanzjarji u leġiżlattivi;

6.  Jilqa' l-objettivi tal-istrateġija biex issaħħaħ l-infrastruttura spazjali tal-Ewropa u l-appoġġ għar-riċerka bil-għan li żżid l-indipendenza teknoloġika tal-bażi industrijali Ewropea, tinkoraġġixxi l-fertilizzazzjoni reċiproka bejn is-settur spazjali u setturi industrijali oħra u tistimula l-innovazzjoni bħala mutur tal-kompetittività Ewropea;

7.  Jinnota, madankollu, li l-azzjonjiet prijoritarji, għalkemm, huma identifikati tajjeb mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għadhom parzjalment vagi; jenfasizza li dawn għandhom ikunu speċifikati u għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-għażliet tekniċi kollha u tal-ispejjeż, ir-riskji u l-vantaġġi relatati, u tal-implikazzjonijiet soċjali, inklużi l-impatti kollha possibbli fuq il-bażi industrijali tal-Unjoni Ewropea u l-politika industrijali Ewropea; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li programm spazjali Ewropew għandu jiffoka fuq oqsma ta' valur miżjud Ewropew u jevita t-tixrid tal-isforzi jew duplikazzjonijiet ta' attivitajiet imwettqa mill-ESA;

8.  Jenfasizza l-bżonn ta' governanza ċara dwar il-politika spazjali, filwaqt li jintużaw bl-aħjar mod possibbli l-ħiliet disponibbli fl-Ewropa, b'mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' koordinazzjoni effikaċi biex ikunu armonizzati l-prijoritajiet u tkun żgurata l-ġestjoni solida tar-riżorsi li jiġu mill-fondi nazzjonali u minn dawk tal-Unjoni Ewropea, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea u u aġenziji Ewropej oħra marbuta mal-ispazju u ta' sinifikat għall-UE, bħall-Aġenzija Ewropea tad-Difiża;

9.  Jinnota li sal-lum is-seba' Kunsilli tal-Ispazju għamlu referenza inċidentali waħda biss għat-trasport fl-Ewropa u ma ngħatatx kunsiderazzjoni dettaljata lis-sinifikat tal-politika spazjali għat-trasport fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsilli tal-Ispazju kif rifless fl-eżiti tax-xogħlijiet tagħhom;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim akbar tad-dipendenza fuq l-ispazju ta' setturi essenzjali u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-importanza tal-ispazju;

11.  Ifakkar li s-settur tat-trasport għandu rwol ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE 20–20–20 dwar l-emissjonijiet tad-CO2 u tal-konsum tal-enerġija kif ukoll l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u li ma jistax jinkiseb tkabbir sostenibbli mingħajr ma jkun hemm settur tat-trasport effiċenti;

12.  Iqis li hemm bżonn ta' strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea biex tiżgura li t-teknoloġija spazjali tikkontribwixxi b'mod sħiħ għal ġestjoni tat-traffiku iktar sikura u effiċenti u l-kontroll tat-traffiku fil-modi kollha tat-trasport;

13.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-Ewropa trid iżżomm l-aċċess indipendenti għall-ispazju biex tkun tista' tilħaq l-objettivi stabbiliti tagħha fit-twettiq tal-politika spazjali tagħha u trid tibqa' tibbenefika mill-ispin-offs mill-applikazzjonijiet spazjali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tressaq proposti speċifiċi fil-qasam strateġiku tal-lanċaturi, b'mod partikolari billi tagħtihom attenzjoni partikolari fil-kuntest tal-politika industrijali fis-settur spazjali;

14.  Jisħaq b'mod partikolari fuq l-importanza tal-illanċjar spazjali fil-kuntest tal-politika spazjali u jenfasizza l-ħtieġa għal impetu politiku Ewropew ġdid f'dan ir-rigward, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja kritika li qed jiffaċċja s-settur tal-illanċjar fid-dinja kollha;

Il-proġetti ewlenin Galileo u GMES

15.  Iqis li Galileo huwa programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea u huwa l-ewwel sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita mfassla bi skopijiet ċivili li tista' tagħmel possibbli l-indipendenza tal-Unjoni f'qasam strateġiku;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tlesti b'mod xieraq il-qafas leġiżlattiv u finanzjarju, partikolarment fid-dawl tal-istabbiliment ta' qafas finanzjarju bejn l-2014 u l-2020, ta' approċċ dwar governanza effettiva, tas-servizzi Galileo u tar-regoli dwar ir-responsabilità; jenfasizza, f'dan ir-rigward u sabiex Galileo jsir operattiv u sabiex inkunu lesti għall-użu sħiħ tiegħu, il-bżonn li:

   jiġu definiti l-prinċipji dwar il-ġestjoni tal-attivitajiet futuri ta' Galileo,
   tiġi razzjonalizzata globalment l-istruttura organizzattiva tal-programm;

17.  Jemmen li IOC li tkun kapaċi tipprovdi servizzi inizjali għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-2014 sabiex jiġi żgurat li Galileo tabilħaqq isir it-tieni kostellazzjoni ta' referenza għall-GNSS, partikolarmnet għall-produtturi tar-riċevituri; jilqa' pożittivament l-illanċjar fl-21 ta' Ottubru 2011, mill-Port Spazjali Ewropew f'Kourou, ta' żewġ satelliti ta' validazzjoni operattiva fl-orbita;

18.  Huwa konvint li l-iskop ta' Kapaċità Operattiva Sħiħa (Full Operating Capacity, FOC), ibbażata fuq kostellazzjoni ta' 27 satellita flimkien ma' numru adegwat ta' satelliti sper u infrastruttura tajba hija prerekwiżit sabiex jinkiseb il-valur miżjud ta' Galileo f'termini ta' awtentikazzjoni, preċiżjoni kbira u servizz mhux interrott u għalhekk sabiex jittieħdu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali; jibża' li Galileo se jitlef il-progress tiegħu jekk is-sistema ma titlestiex fil-ħin u jekk il-kummerċjalizzazzjoni u l-internalizzazzjoni tas-servizzi ma jitwettqux b'mod xieraq; jemmen li hemm bżonn ta' appoġġ ċar u mhux ambigwu mill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha għall-ilħiq tal-kapaċità operattiva sħiħa sabiex l-utenti u l-investituri jkunu konvinti mill-impenn fit-tul tal-Unjoni Ewropea;

19.  Iqis li l-pjan finanzjarju li se jiġi adottat għal Galileo għandu jitfassal b'tali mod li jiżgura l-eżiġenzi għaż-żmien twil u tal-kontinwità li jinvolvu l-ispejjeż tal-esplorazzjoni, tal-manutenzjoni u tas-sostituzzjoni;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Awtorità tal-GNSS tal-UE (GSA) jagħmlu sforz wisq akbar biex ikabbru l-għarfien tal-GNSS fost l-utenti u l-investituri potenzjali, jippromwovu l-użu ta' servizzi bbażati fuq il-GNSS, kif ukoll jidentifikaw u jikkonċentraw id-domanda għal dawn is-servizzi fl-Ewropa;

21.  Huwa konvint sew li l-finanzjament addizzjonali tal-GNSS jista' jkun żgurat biss jekk l-għarfien tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-ekonomija u għas-soċjetà tal-Unjoni li jirriżultaw mill-GNSS jikber b'mod konsiderevoli fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali; jilqa' l-implimentazzjoni ta' inizjattivi konkreti bħall-kompetizzjoni għall-ideat Galileo Masters;

22.  Ifakkar li l-EGNOS huwa programm reali u operattiv; hu konvint li hemm bżonn li dan il-programm jiġi valorizzat bis-sħiħ u li l-applikazzjonijiet tiegħu jiġu sfruttati b'mod konkret; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li s-sistema EGNOS tkopri l-UE kollha, bl-għan li jiġi kkonsolidat is-suq komuni, u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm espansjoni f'dik is-sistema lejn in-Nofsinhar, il-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa, ir-reġjun tal-Mediterran, l-Afrika u l-Arktiku;

23.  Jenfasizza li l-Galileo u l-EGNOS huma strumentali fil-ħolqien ta' Ajru Uniku Ewropew u għall-iżvilupp ulterjuri tal-ġestjoni sikura u kosteffikaċi tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, u għaldaqstant jitlob biex jitwaqqaf kalendarju ambizzjuż u rigoruż, flimkien ma' finanzjament stabbli għar-riċerka u l-innovazzjoni, li jiżguraw progress teknoloġiku u tkabbir tal-kapaċità industrijali u wkoll għall-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, bil-ħsieb li jiġu implimentati ż-żewġ programmi bħala prekundizzjoni għal tnedija f'waqtha tal-Ajru Uniku Ewropew, b'dan tal-aħħar ikun pass strateġiku indispensabbli lejn it-titjib tal-integrazzjoni Ewropea u t-tisħiħ tas-suq komuni Ewropew;

24.  Iqis li l-promozzjoni tal-użu tal-EGNOS u tal-Galileo fl-avjazzjoni ċivili hija rekwiżit strateġiku għall-implimentazzjoni tas-SESAR, speċjalment fir-rigward tal-użu tagħha għall-proċeduri ta' nżul u f'ajruporti żgħar;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-proġetti spazjali tal-UE, bħas-SESAR, li se tkun ta' importanza vitali għat-tkabbir fil-futur u għall-impjiegi fil-ġejjieni f'diversi setturi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-trasparenza fil-finanzjament u l-kooperazzjoni bejn l-istrateġiji tal-użu militari u ċivili tal-ispazju;

27.  Jenfasizza li l-Galileo u l-EGNOS huma indispensabbli għall-ġestjoni tat-traffiku fit-toroq b'mod effiċjenti u sostenibbli għall-ambjent, sistemi tal-ġbir tal-ħlas tad-drittijiet għall-użu tat-toroq, eCall u sistemi ta' traċċar f'ħin reali u takografi diġitali futuri;

28.  Jenfasizza li l-istħarriġ tat-trasport ta' prodotti perikolużi u li jniġġsu għandu jkun prijorità fis-sistemi ta' osservazzjoni u navigazzjoni bbażati fuq is-satelliti;

29.  Iqis li l-GMES huwa wkoll programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea li għandu rwol fundamentali għall-osservazzjoni tad-dinja; jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-GMES għall-ksib tal-objettivi tal-Ewropa 2020 u u għall-appoġġ tat-tkabbir u tal-ekonomija ambjentali, kif ukoll b'investimenti fit-tul fit-teknoloġija u l-infrastruttura; jerġa' jafferma l-importanza tal-GMES bħala strument essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degrad ambjentali; josserva li, permezz tal-ksib u tal-analiżi tal-informazzjoni f'livell nazzjonali, reġjonali u globali, il-GMES se jippermetti l-estrapolazzjoni ta' data preċiża u utli għal dawn l-oqsma: il-monitoraġġ atmosferiku, tal-baħar u tal-art, il-protezzjoni ċivili, il-prevenzjoni tar-riskju, sistemi ta' twissija bikrija, il-ġestjoni tal-emerġenzi u operazzjonijiet ta' rkupru wara katastrofijiet ambjentali, naturali jew ikkawżati mill-bniedem, is-sorveljanza tal-baħar u tal-kosti, l-iżvilupp agrikolu, il-ġestjoni tal-ilma u tal-ħamrija u l-ippjanar reġjonali permezz ta' attivitajiet innovattivi ta' valutazzjoni u ta' rappurtar ambjentali kapaċi jgħaqqad id-data spazjali mad-data in situ;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-qafas leġiżlattiv u tressaq proposta għal governanza effettiva għal-livelli differenti ta' żvilupp u ġestjoni tal-programm billi tislet mill-għarfien espert li għandhom il-korpi pubbliċi fl-UE, inklużi l-aġenziji tal-UE, u s-settur privat, għall-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' servizzi li jqisu l-ħtiġijiet tal-utenti; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma proponietx l-inklużjoni tal-finazjament għall-GMES fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020; itenni li l-inklużjoni tal-finanzjament GMES fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali għandu jevita li jaħli l-investiment sal-lum fis-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka fil-qasam tas-servizzi u tal-informazzjoni; jirrimarka, għaldaqstant, li n-nuqqas ta' pjan finanzjarju ta' appoġġ ekonomiku fit-tul jagħmel l-investimenti li saru s'issa inutli; jemmen li jekk l-Istati Membri jintalbu jkomplu jkopru l-ispejjeż għat-tnedija u ż-żamma annwali ta' dan il-programm, dan se jwassal għal spejjeż akbar fit-tul, disparità tal-aċċess għall-informazzjoni u għall-vantaġġi riżultanti għaċ-ċittadini Ewropej, sospensjoni temporanja probabbli tal-programm stess, interruzzjoni sussegwenti fil-forniment tad-data u fl-aħħar nett dipendenza fuq infrastruttura spazjali mhux Ewropea u b'hekk l-industriji marbuta mas-settur jitpoġġew f'sitwazzjoni ekonomika prekarja;

31.  Jenfasizza li l-ispejjeż ta' GMES diġà kienu koperti sal-2013 (li jammontaw għal kost totali tas-satelliti ta' EUR 2.3 biljun, barra mill-kost relatat mas-servizzi li jammonta għal EUR 700 miljun) għal total ta' EUR 3 biljun u li l-istimi tal-ispejjeż operattivi tal-programm mill-2014 sal-2020 jipprevedu medja annwali ta' EUR 850 miljun; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-sħubija pubblika u privata u tattira aktar kapital mis-settur privat;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta' governanza u finanzjarju għaż-żmien twil, fuq il-bażi tal-eżami tal-għażliet kollha possibbli u tistabbilixxi organizzazzjoni operattiva li tiżgura l-ġestjoni xierqa tal-programm u l-forniment tad-data mis-servizzi, sabiex tipperpetwa s-suċċess kurrenti tal-programm u biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu li jkun operattiv bis-sħiħ mill-2014 “il quddiem; hu tal-fehma li dan għandu jingħaqad ma' politika Ewropea komuni dwar id-data biex jiġu żgurati aċċess u disponibbiltà miftuħa ta' data eżistenti; iqisha bħala ħaġa importanti li jiġu definiti l-ftehimiet li għandhom jiġu applikati mal-aġenziji nazzjonali sabiex jiġu massimizzati l-interoperabilità, il-kontinwità u l-governanza tas-sistema; iqis neċessarju li jkun żgurat li jsiru distinzjonijiet minn naħa waħda bejn l-użu xjentifiku u l-użu kummerċjali u min-naħa l-oħra bejn l-attivitajiet ta' żvilupp tal-ESA u l-attivitajiet tal-użu, l-operat u l-iżvilupp tas-sistemi li jirrikjedu strutturi Ewropej u kompetenzi speċifiċi;

33.  Jirrikonoxxi li l-benefiċċji soċjali għall-utenti tas-servizzi tal-GMES, li għalihom il-kontinwità u s-sostenibilità huma essenzjali jekk iridu jiksbu l-akbar vantaġġ mill-osservazzjoni tal-infrastrutturi offruti mill-programm;

Sigurtà fl-ispazju għas-servizz tal-objettivi ta' sigurtà u difiża

34.  Jappoġġa r-riflessjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-komponent dwar “is-sigurtà” tal-Programm GMES għas-sorveljanza tal-fruntieri, l-appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, is-sorveljanza marittima, l-urġenzi kumplessi, l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili eċċ., b'kunsiderazzjoni tas-sensittività tad-data proċessata u tal-ħtieġa tal-protezzjoni tal-privatezza u ta' drittijiet oħra taċ-ċittadini;

35.  Jemmen li l-politika spazjali għandha tinkludi wkoll politiki dwar is-sigurtà ta' infrastruttura spazjali Ewropea kritika u dwar l-irkupru sikur ta' tagħmir li ma ntużax; jagħraf id-dipendenza li qed tiżdied tal-ekonomija, il-politiki u s-soċjetà Ewropej fuq l-infrastruttura spazjali u jenfasizza li l-infrastruttura spazjali bħala infrastruttura kritika hija essenzjali għat-tisħiħ tal-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet Ewropew; iqis li l-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza tas-sitwazzjoni fl-ispazju (Space Situation Awareness) jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-infrastrutturi spazjali kritika Ewropea kontra r-riskji ta' kolliżjonijiet bejn vetturi spazjali jew ma' fdalijiet minn oġġetti mkissra fl-ispazju jew oġġetti qrib id-dinja, minbarra r-riskji marbuta mal-meteoroloġija spazjali; hu tal-fehma li l-ħolqien tal-programmi Ewropej ġodda kollha għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċitajiet, fuq il-ħiliet u fuq l-infrastrutturi eżistenti li talbu investimenti min-naħa ta' kull wieħed mill-Istati Membri u għandu jiżviluppa l-kapaċitajiet attwali difettużi;

36.  Iqis li l-użu massimu tas-servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita jappoġġa direttament il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-manifattura, iħeġġeġ il-bażi industrijali fl-Ewropa u jservi bħala reazzjoni għall-objettivi politiċi ewlenin li ġejjin:

   il-kisba ta' kopertura totali tal-UE bl-internet broadband, anke għas-servizzi tal-ġenerazzjoni li jmiss, billi n-netwerks satellitari huma komponent essenzjali tat-taħlita ta' teknoloġiji meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda Diġitali tal-UE;
   l-implimentazzjoni ta' trasport stradali, bil-baħar u bl-ajru li jkun sostenibbli, sikur u intelliġenti;
   il-massimizzazzjoni tal-kontribut tal-UE għal programmi ta' żvilupp ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;
   l-iżgurar ta' rwol xieraq tal-UE fir-reazzjoni għal diżastri futuri fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha;

L-istimolu tar-riċerka u l-innovazzjoni

37.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn ta' bażi soda ta' teknoloġija u ta' għarfien biex tuża bl-aħjar mod possibbli l-applikazzjonijiet marbuta mal-ispazju għas-servizz taċ-ċittadini tagħha, jekk trid taġixxi b'mod awtonomu u trid li jkollha industrija tal-ispazju kompetittiva li tista' tikkompeti f'kundizzjonijiet ġusti ma' industriji mhux Ewropej; jenfasizza li qafas leġiżlattiv, amministrattiv u finanzjarju huwa fundamentali għall-investimenti tal-industrija fir-riċerka u l-innovazzjoni; jemmen li l-UE trid tinvesti biex tiżgura aċċess Ewropew garantit għall-infrastruttura spazjali u orbitali;

38.  Jenfasizza l-importanza ta' strateġija dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-politika spazjali li tiżgura progress teknoloġiku, żvilupp industrijali u kompetittività tal-UE u toħloq l-impjiegi fl-UE; iqis li politika Ewropea dwar ir-riċerka u l-iżvilupp għall-ispazju trid tiżgura d-disponibbiltà ta' teknoloġiji meħtieġa u bil-maturità xierqa, il-livell meħtieġ ta' nondipendenza, u b'kundizzjonijiet kompetittivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kalendarju strateġiku sabiex tiżgura l-koerenza bejn l-isforzi provduti mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u dawk li jsiru mill-Aġenzija Spazjali Ewropea u mill-Istati Membri rigward it-teknoloġiji, il-ħiliet u s-sorsi doppji kollha meħtieġa biex tinkiseb il-kompetittività, l-indipendenza Ewropea, l-aċċess għas-swieq internazzjonali u t-tnaqqis tar-riskji għall-programmi Ewropej;

39.  Iqis neċessarju li jiġu stabbiliti mekkaniżmi u programmi biex ikun stimulat is-suq għall-applikazzjonijiet u s-servizzi li jirriżultaw mill-Programmi Galileo/EGNOS u GMES, kif ukoll għas-settur tat-telekomunikazzjonjiet u għas-servizzi li jipprevedu użu konġunt tas-servizzi spazjali differenti biex b'hekk jirrissodisfaw b'mod effikaċi l-eżiġenzi taċ-ċittadini;

40.  Iqis ukoll li sabiex jissaħħu l-indipendenza u l-kompetittività Ewropej, li tinżamm l-awtonomija fl-aċċess għall-ispazju, b'kundizzjonijiet li wieħed jiflaħ għalihom, hemm bżonn li tinżamm l-awtonomija f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-ispazju, billi jkun preferut l-użu ta' lanċaturi u trasportaturi Ewropej u billi tkun verifikata r-relevanza tal-organizzazzjoni operattiva u industrija fir-rigward tal-eżiġenzi komuni, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel proposti konkreti għas-sottosettur strateġiku tal-lanċaturi, inter alia billi tagħtih attenzjoni partikolari fil-politika dwar l-industrija spazjali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod xieraq fuq l-eżiġenzi finanzjarji u prattiki fil-programmi oqfsa futuri tar-riċerka; iqis, b'mod partikolari, li r-riċerka u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet marbuta mal-ispazju għandhom ikunu integrati bħala teknoloġiji ewlenin utli għall-oqsma ta' riċerka settorjali differenti bħat-tibdil fil-klima, l-ambjent, it-trasport, l-agrikoltura, eċċ., pjuttost milli jkunu limitati għas-settur spazjali biss;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea għażliet għall-esplorazzjoni tal-ispazju billi tindika l-ispejjeż u l-benefiċċju potenzjali; iqis, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija konġunta mas-sħab internazzjonali permezz ta' ftehim ta' kooperazzjoni bbażat fuq il-kunsens ġenerali tal-partijiet interessati kollha u b'kontributi raġonevoli mill-Unjoni Ewropea;

Il-kooperazzjoni internazzjonali

43.  Itenni li l-kooperazzjoni internazzjonali għal raġunijiet ta' paċi hija valur bażiku tal-Unjoni Ewropea u hija fiċ-ċentru tal-politiki tagħha; Iqis li l-kooperazzjoni internazzjonali għandha tippromwovi t-teknoloġija, l-infrastruttura u s-servizzi Ewropej, l-eċċellenza xjentifika, teknika u industijali, l-aċċess ottimu għad-data għall-utenti Ewropej, il-qsim tal-għarfien u l-iżvilupp interoperabbli tal-applikazzjonijiet utli biex jiġu affrontati l-isfidi kbar tas-soċjetà li l-Ewropa u d-dinja qed jaffaċċjaw bħalissa; jirrimarka li l-Unjoni Ewropea għandha tkun minn ta' quddiem fil-qasam spazjali u għandha żżomm rwol strateġiku sostanzjali fil-livell dinji, partikolarment fin-negozjati internazzjonali dwar is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Ispazju u l-esplorazzjoni tal-ispazju; jenfasizza li l-isforzi fis-settur tal-politika spazjali jistgħu jitwettqu b'mod iktar effikaċi permezz tal-kollaborazzjoni industrijali u l-kondiviżjoni tal-investimenti fuq il-programmi l-kbar, bħall-Istazzjoni Spazjali Internazzjonali;

44.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat rwol xieraq tal-UE fir-reazzjoni għal diżastri futuri fl-UE u lil hinn minnha;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija internazzjonali ta' kooperazzjoni b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-Aġenzija Spazjali Ewropea sabiex issaħħaħ id-djalogu fil-qasam tal-politika spazjali mal-imsieħba strateġiċi (l-Istati Uniti, il-Federazzjoni tar-Russja u l-Ġappun) u tesplora l-possibilità li jiġi stabbilit djalogu simili ma' poteri oħra emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil;

46.  Ifakkar lil min ifassal il-politika tal-Unjoni Ewropea li l-biċċa l-kbira tas-swieq istituzzjonali tad-dinja sfortunatament mhumiex miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali u li l-kompetizzjoni internazzjonali prevista trid tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet li jagħmlu l-kummerċ ġust possibbli;

47.  Jirrimarka li l-kooperazzjoni internazzjonali, għalkemm mixtieqa, partikolarment rigward ir-riċerka, għandha tkun reċiproka u ta' benefiċċju reċiproku; jiddispjaċih li s-swieq istituzzjonali tal-kompetituri spazjali ewlenin tagħna huma magħluqin għall-industriji barranin, inklużi l-industriji Ewropej;

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Spazjali Ewropea

48.  Ifakkar li skont l-Artikolu 189 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi kwalunkwe rabta utli mal-Aġenzija Spazjali Ewropea sabiex jiġu definiti r-responsabilitajiet reċiproċi mingħajr iddupplikar tar-rwoli u tal-investimenti;

49.  Iqis li l-indħil dejjem jikber tal-Unjoni fl-ispazju jeżiġi definizzjoni ġdida tar-relazzjonijiet tagħha mal-Aġenzija Spazjali Ewropa u mal-aġenziji nazzjonali, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-kompetenzi tekniċi u ta' programmazzjoni żviluppati mill-Aġenzija Spazjali Ewropea u mill-aġenziji nazzjonali huma fundamentali għaż-żamma tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u tal-kompetittività tal-industrija Ewropea fl-livell għoli, u li l-Unjoni Ewropea tista' tikkonċentra fuq l-operazzjonijiet, l-iżvilupp u l-kontinwità tas-sistemi spazjali li teħtieġ, kif ukoll fuq l-espansjoni internazzjonali tas-swieq u fuq it-talbiet tal-utenti;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq ir-rwol tagħha ta' superviżjoni u tmexxija politika fir-rigward tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu f'isimha;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0093.
(3) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 63.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0265.
(5) ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 226.
(6) ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.
(7) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.
(8) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.


Kif nevitaw il-ħela ta' ikel
PDF 260kWORD 90k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE (2011/2175(INI)
P7_TA(2012)0014A7-0430/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament u l-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-Iskart u li tħassar ċerti Direttivi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 rigward il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju preparatorju dwar l-iskart tal-ikel fost l-UE 27 – DĠ Ambjent, Kummissjoni Ewropea (2010),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FAO (2011) dwar it-telf tal-ikel globali u l-ħela tal-ikel (“Global food losses and food waste”),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0430/2011),

A.  billi kull sena fl-Ewropa ammont dejjem ikbar ta' ikel tajjeb għas-saħħa u li jista' jittiekel – skont xi kalkoli, sal-50% minn dan – jintilef tul il-proċessi tal-katina tal-ikel, f'ċerti każijiet mal-katina sħiħa sal-konsumatur, u jsir skart;

B.  billi studju li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni jikkalkula li l-ġenerazzjoni annwali ta' skart mill-ikel fis-27 Stati Membru hija ta' madwar 89 miljun tunnellata, jiġifieri 179 kg għal kull persuna, b'varjabbiltà għolja bejn il-pajjiżi individwali u bejn is-setturi differenti, mingħajr ma jiffoka fuq il-ħela li sseħħ waqt il-produzzjoni fil-qasam agrikolu jew il-qabdiet tal-ħut li jitwaddab lura fil-baħar; billi sal-2020 il-ħela tal-ikel totali se tkun żdiedet għal bejn wieħed u ieħor 126 miljun tunnellata (żieda ta' 40%), sakemm ma jittiħdux azzjonijiet jew miżuri preventivi addizzjonali;

C.  billi fl-Unjoni Ewropea għad hemm 79 miljun persuna jgħixu taħt il-livell tal-faqar, li jfisser li aktar minn 15% taċ-ċittadini tal-UE għandhom dħul nett ta' inqas minn 60% tad-dħul medju tal-pajjiż ta' residenza tagħhom; billi, minn dawn, 16-il miljun persuna ngħataw għajnuna għall-ikel mingħand entitajiet tal-karità;

D.  billi ċ-ċifri allarmanti li ġew żvelati mill-FAO, li skonthom bħalissa 925 miljun persuna fid-dinja jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni, u billi dawn iċ-ċifri juru li qed isir dejjem aktar diffiċli li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li għandhom il-mira li jnaqqsu l-faqar u l-ġuħ bin-nofs sal-2015;

E.  billi, skont studji mwettqa mill-FAO, iż-żieda mistennija fil-popolazzjoni dinjija minn 7 sa 9 biljun persuna se tfisser żieda ta' mill-inqas 70% fil-provvista tal-ikel sal-2050;

F.  billi l-produzzjoni dinjija tal-qamħ żdiedet minn 824 miljun tunnellata fl-1960 għal madwar 2,2 biljun tunnellata fl-2010, b'27 miljun tunnellata miżjuda mal-produzzjoni kull sena; billi, jekk il-produzzjoni agrikola globali tkompli b'din ix-xejra, sal-2050 iż-żieda fil-produzzjoni tal-qamħ meta mqabbla maċ-ċifri ta' llum għandha tkun biżżejjed biex titma' l-popolazzjoni tad-dinja; billi, sadanittant, it-telf wara l-ħsad jammonta għal madwar 14% tal-produzzjoni totali, filwaqt li 15% oħra jintilef fid-distribuzzjoni u fil-ħela fid-djar, tlieta minn kull ħamsa taż-żieda totali tal-provvista li se jkun hemm bżonn fl-2050 jistgħu jinġabru sempliċiment jekk nieqfu naħlu l-ikel;

G.  billi t-tnaqqis fil-ħela mill-ikel huwa pass preliminari sinjifikanti fil-ġlieda kontra l-ġuħ fid-dinja, iwieġeb għaż-żieda fid-domanda mbassra mill-FAO kif ukoll biex jitjieb il-livell ta' nutrizzjoni tal-popolazzjoni;

H.  billi anqas ħela tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-art, immaniġġjar aħjar tar-riżorsi tal-ilma, u riperkussjonijiet pożittivi għas-settur agrikolu sħiħ mad-dinja kollha, kif ukoll it-tħeġġiġ tal-ġlieda kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

I.  billi l-ħela tal-ikel toħloq konsegwenzi mhux biss etiċi, ekonomiċi, soċjali u nutrittivi iżda wkoll dawk tas-saħħa u ambjentali, ladarba l-muntanji ta' ikel mhux ikkunsmat iwasslu għal aktar tisħin globali u l-ħela tal-ikel tipproduċi l-metanu, li bħala gass b'effett ta' serra huwa 21 darba aktar b'saħħtu mid-dijossidu tal-karbonju;

J.  billi l-ħela tal-ikel mill-konsumaturi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw hija minima; u billi kwalunkwe ħela tal-ikel f'dawk il-pajjiżi hija prinċipalment dovuta għal limitazzjonijiet finanzjarji u tekniċi tul il-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-ikel;

K.  billi fl-Ewropa u fl-Amerika ta' Fuq, fid-deċennji preċedenti, meta l-produzzjoni tal-ikel kienet abbundanti, il-ħela tal-ikel ma kinitx prijorità politika, u dan wassal għal żieda ġenerali fil-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista tal-ikel; billi fl-Ewropa u fl-Amerika ta' Fuq l-ħela tal-ikel hija marbuta fil-biċċa l-kbira tagħha mal-istadju tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-produzzjoni, il-ħsad, l-ipproċessar u t-trasport huma l-istadji fejn it-telf huwa l-aktar komuni;

L.  billi, skont l-istudji riċenti, għal kull kilogramma ta' ikel prodott 4.5kg ta' CO jiġu rilaxxati fl-atmosfera; billi fl-Ewropa il-madwar 89Mt ta' ikel moħli jipproduċi 170Mt CO ekwi./fis-sena, maqsum kif ġej: l-industrija tal-ikel 59 Mt CO ekwi./fis-sena, konsum domestiku 78 Mt CO ekwi./fis-sena, oħrajn 33 Mt CO ekwi./fis-sena; billi l-produzzjoni tat-30% tal-ikel li jispiċċa ma jittikilx hija responsabbli għal 50% addizzjonali ta' użu tar-riżorsi tal-ilma għall-irrigazzjoni, filwaqt li l-produzzjoni ta' kilogramma ċanga teħtieġ 5-10 tunnellati ilma;

M.  billi t-theddida għas-sigurtà tal-ikel hija akkumpanjata minn flaġelli opposti fil-pajjiżi sinjuri bħall-obeżità, il-mard kardjovaskulari u l-kanċers li jirriżultaw minn dieta li fiha wisq xaħmijiet u proteini, bir-riżultat li l-għadd ta' persuni fid-dinja li jieklu żżejjed hu daqs l-għadd ta' dawk li ma jiklux biżżejjed u għandhom nutrizzjoni ħażina;

N.  billi t-tnaqqis reċenti fil-fatturi ta' produzzjoni jmur kontra l-bżonn li tiżdied il-provvista tal-ikel fl-UE;

O.  billi l-appoġġ li jingħata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-effiċjenza tal-katini tal-provvista tal-ikel tagħhom jista' jkun ta' benefiċċju dirett għall-ekonomiji lokali u għat-tkabbir sostenibbli ta' dawn it-territorji u, b'mod indirett, jgħin il-bilanċ tal-kummerċ dinji tal-prodotti agrikoli u r-ridistribuzzjoni tar-riżorsi naturali;

P.  billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livelli Ewropew u internazzjonali, kif ukoll l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ta' importanza ewlenija fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel mad-dinja kollha;

Q.  billi għadd li kulma jmur dejjem jikber ta' Stati Membri qed jieħdu inizjattivi biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-ħela tal-ikel, kif ukoll dwar kif din tista' titnaqqas u dwar il-promozzjoni ta' kultura xjentifika u ċivili ggwidata mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà;

R.  billi l-ħela tal-ikel isseħħ mal-katina tal-provvista tal-ikel kollha – mill-istadju tal-produzzjoni agrikola, għall-istadji tal-ħżin, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il-ġestjoni u l-konsum;

S.  billi r-responsabbiltà primarja għas-sigurtà tal-ikel u għall-indirizzar tal-ħela tal-ikel li tista' tiġi evitata hi tal-atturi tal-katina tal-provvista tal-ikel;

T.  billi ċerti Stati Membri jipprojbixxu l-ikel milli jinbiegħ bi prezz aktar baxx mill-prezz ta' kemm iqum, li jtellef l-opportunità lill-bejjiegħa li jbiegħu ikel frisk mhux mibjugħ bi prezz aktar baxx lil konsumaturi lejn l-aħħar tal-ġurnata u b'hekk jikkontribwixxu aktar għall-ħela fil-katina tal-provvista tal-ikel;

U.  billi r-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi li ġie adottat reċentement jistabbilixxi b'mod ċar li l-ikel li jkollu data “uża sa” jrid jitqies bħala mhux sikur wara l-iskadenza tad-data msemmija;

V.  billi l-Forum ta' Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa li Tiffunzjona Aħjar u r-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli qed jaħdmu favur it-titjib tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel;

1.  Jemmen li s-sigurtà tal-ikel hija dritt bażiku tal-bniedem li jista' jitwettaq permezz tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-użu u l-istabbiltà temporali ta' dieta tajba, suffiċjenti, xierqa u nutrittiva; jenfasizza li l-produzzjoni tal-ikel mad-dinja hija kkundizzjonata minn numru ta' fatturi, inkluża n-natura limitata tar-riżorsi naturali vis-à-vis l-popolazzjoni globali dejjem tikber u l-aċċess limitat għall-ikel mill-klassijiet l-aktar vulnerabbli;

2.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u l-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jindirizzaw b'mod urġenti l-problema tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista u tal-konsum u biex jitfasslu linji gwida u mezzi ta' appoġġ biex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel settur b'settur u jħeġġiġhom sabiex dan isir prijorità fl-aġenda politika Ewropea; f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza tal-ħidma li għaddejja kemm fil-Forum ta' Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa li Taħdem Aħjar kif ukoll ir-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli, fosthom rigward ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi ttrattata l-ħela tal-ikel;

3.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ammont konsiderevoli ta' ikel jintrema kuljum, minkejja li jkun perfettament tajjeb biex jittiekel u li l-ħela tal-ikel twassal għal problemi ambjentali u etiċi u prezz ekonomiku u soċjali, li joħolqu sfidi għas-suq intern għan-negozji u għall-konsumaturi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kawżi u l-konsegwenzi tar-rimi, il-ħela u r-rimi f'landfills kull sena fl-Ewropa ta' madwar 50% tal-ikel li jiġi prodott, u sabiex tiżgura li din l-analiżi tkun tinkludi analiżi preċiża tal-ħela kif ukoll valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, ambjentali, nutrittivi u soċjali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex barra minn hekk tiżviluppa miżuri prattiċi biex sal-2025 il-ħela tal-ikel titnaqqas b'nofs u biex fl-istess ħin tiġi evitata l-produzzjoni tal-bijoskart;

4.  Jinnota li l-ħela tal-ikel għandha numru ta' kawżi: produzzjoni żejda, immirar ħażin tal-prodotti (daqs jew forma mhux adattati), deterjorament tal-prodott jew tal-imballaġġ tiegħu, regoli tal-kummerċjalizzazzjoni (problemi ta' apparenza jew imballaġġ difettuż), u l-ġestjoni tal-istokk jew strateġiji tas-suq mhux adegwati;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' politika ta' infurzar fir-rigward tal-ħela tal-ikel; jispera li l-politika ta' infurzar tat-trattament tal-iskart tul il-katina tal-ikel se tkun adottata billi jiġi applikat il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”;

6.  Iqis li, sabiex tonqos kemm jista' jkun il-ħela tal-ikel, huwa meħtieġ li jkunu involuti l-parteċipanti kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jidħlu fil-mira l-kawżi varji tal-ħela settur b'settur; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi tal-katina tal-provvista kollha biex tidentifika liema setturi tal-ikel għandhom l-ikbar ammont ta' ħela tal-ikel u x'soluzzjonijiet jistgħu jinstabu biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-FAO biex tistabbilixxi miri komuni fir-rigward tat-tnaqqis dinji fil-ħela tal-ikel;

8.  Jinnota li l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel għandha tiġi indirizzata mill-perspettiva tal-effiċjenza tar-riżorsi u jappella lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi speċifiċi ffukati fuq il-ħela tal-ikel taħt l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza” biex tiżgura li din il-kwistjoni tingħata l-attenzjoni u l-ħolqien ta' kuxjenza daqs il-kwistjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, minħabba li dawn huma importanti bl-istess mod għall-ambjent u għall-futur tagħna;

9.  Jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-iskart mill-ikel għall-Istati Membri, bħala parti mill-miri għall-prevenzjoni tal-iskart għall-Istati Membri sal-2014, kif rakkomandat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-2008;

10.  Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-ħela tal-ikel titnaqqas tul il-katina tal-ikel, mill-għalqa sal-mejda tal-konsumatur; jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija koordinata segwita minn azzjonijiet konkreti, inkluż skambju tal-aħjar prattiki, f'livell Ewropew u nazzjonali, bil-għan li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri ħalli tiġi evitata l-ħela tal-ikel u biex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel; jemmen li dan jista' jinkiseb billi jiġu promossi relazzjonijiet diretti bejn il-produtturi u l-konsumaturi u billi tiqsar il-katina tal-provvista tal-ikel, kif ukoll billi jsir appell lill-partijiet konċernati kollha biex jieħdu responsabbiltà kondiviża akbar u jinkoraġġihom isaħħu l-koordinazzjoni sabiex itejbu aktar il-loġistika, it-trasport, il-ġestjoni tal-istokk u l-imballaġġ;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki, billi jinġabar it-tagħrif minn fora u pjattaformi relevanti bħall-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut tal-UE dwar is-Sostenibbiltà, ir-Roundtable Ewropea għall-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli tal-Ikel, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, in-Netwerk Informali tal-Istati Membri “Friends of Sustainable Food”, il-Forum tal-Prodotti tal-Konsumatur, eċċ.;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex waqt it-tfassil tal-politiki ta' żvilupp tappoġġja azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-ħela tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn il-metodi tal-produzzjoni, il-ġestjoni wara l-ħsad, l-infrastrutturi u l-proċessi tal-ipproċessar u tal-imballaġġ huma problematiċi u inadegwati; jissuġġerixxi t-tħeġġiġ tal-modernizzazzjoni tat-tagħmir u l-infrastruttura agrikoli sabiex jitnaqqas it-telf ta' wara l-ħsad u jiġi estiż iż-żmien li l-prodott jibqa' tajjeb għall-ikel; barra minn hekk jemmen li titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel jista' jgħin lill-pajjiżi kkonċernati biex jilħqu l-awtosuffiċjenza tal-ikel;

13.  Jitlob biex il-miżuri ta' appoġġ jiġu mmirati mill-ġdid fil-livell tal-UE rigward id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għaċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati tal-Unjoni, l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għat-tfal tal-iskola, u l-programm għat-tħeġġiġ tal-konsum ta' frott fl-iskejjel bil-għan li tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

14.  Jinnota li teżisti konfużjoni dwar id-definizzjoni tal-espressjonijiet “ħela tal-ikel” u “bijoskart”; jikkunsidra li, skont it-tifsira komuni tiegħu, “ħela tal-ikel” tfisser l-ikel li jintrema mill-katina tal-provvista tal-ikel għal raġunijiet ekonomiċi jew estetiċi jew minħabba li d-data “uża sa” tkun qorbot, iżda li xorta waħda jkun perfettament tajjeb biex jittiekel u jiġi kkunsmat mill-bniedem u li, fin-nuqqas ta' użu alternattiv, jitneħħa u jintrema bir-riżultat li joħloq esternalitajiet negattivi mil-lat ambjentali, spejjeż ekonomiċi u ta' telf ta' qligħ għan-negozji;

15.  Jinnota li fl-Ewropa ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata għall-ħela tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva li tiddefinixxi l-“ħela tal-ikel” u f'dan il-kuntest biex tistabbilixxi wkoll definizzjoni separata ta' residwi tal-ikel għall-bijofjuwils jew bijoskart, li huma differenti minn ħela tal-ikel ordinarju għax jerġgħu jintużaw għal skopijiet enerġetiċi;

16.  Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jagħmluha possibbli għall-bejjiegħa bl-imnut li jnaqqsu b'mod sostanzjali l-prezz tal-ikel frisk b'mod li jkun irħas mill-ispiża tal-produzzjoni meta toqrob id-data tal-iskadenza tiegħu, sabiex jonqos l-ammont ta' ikel mhux mibjugħ li jintrema u joffri possibbiltà lill-konsumaturi b'introjtu disponibbli aktar baxx biex jixtru ikel ta' kwalità tajba bi prezzijiet irħas;

17.  Jixtieq jenfasizza li minħabba l-karatteristiċi tagħha l-agrikoltura hija effiċjenti f'sens ta' riżorsi u jista' jkollha rwol importanti u minn ta' quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar l-agrikoltura, il-kummerċ u d-distribuzzjoni tal-ikel tinkludi miżuri ambizzjużi f'din id-direzzjoni; jittama li jsir investiment konġunt fir-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-edukazzjoni, pariri u innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura biex titnaqqas il-ħela tal-ikel kif ukoll biex il-konsumaturi jiġu edukati u mħeġġa biex jadottaw imġiba aktar responsabbli u konxja li tipprevjeni l-ħela tal-ikel;

18.  Huwa tal-opinjoni li r-rekwiżiti tal-kwalità relatati mal-apparenza, sew jekk huma imposti minn leġiżlazzjoni Ewropea jew nazzjonali u sew jekk huma imposti minn regoli interni tal-kumpaniji, li jistipolaw b'mod partikolari d-daqs u l-għamla tal-frott u l-ħaxix frisk, huma l-kawża ta' ħafna rimi bla bżonn, li jżid l-ammont ta' ikel moħli; jitlob lill-partijiet konċernati jirrikonoxxu u jispjegaw il-valur nutrittiv tal-prodotti agrikoli b'għamla jew qies mhux perfetti sabiex jitnaqqas il-volum ta' prodotti mormija;

19.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE) li tiddefinixxi l-prodotti sekondarji, minħabba li n-nuqqas ta' ċarezza legali taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-distinzjoni bejn dak li hu skart u dak li mhux, jista' jxekkel l-użu effiċjenti tal-prodotti sekondarji;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, lill-proċessuri u lill-bejjiegħa bl-imnut biex jiżviluppaw linji gwida ħalli jindirizzaw il-ħela tal-ikel li tista' tiġi evitata u biex jimplimentaw effiċjenza tar-riżorsi akbar fis-sezzjoni tagħhom tal-katina tal-provvista tal-ikel, biex kontinwament jaħdmu ħalli jtejbu l-ipproċessar, l-imballaġġ u t-trasport ħalli tonqos il-ħela tal-ikel bla bżonn;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki u jippromwovu kampanji li jqajmu l-kuxjenza pubblika biex jinformaw lill-pubbliku dwar il-valur tal-ikel u l-prodotti agrikoli, il-kawżi u l-konsegwenzi tal-ħela tal-ikel u dwar kif din tista' titnaqqas, u b'hekk irawmu kultura xjentifika u ċivili ggwidata mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà; jappella lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' edukazzjoni tal-ikel, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inklużi l-kulleġġi, li jispjegaw, pereżempju, kif wieħed jaħżen, isajjar u jarmi l-ikel, u b'hekk tiġi mħeġġa imġiba aħjar; jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi muniċipali, flinkien mal-bejjiegħa bl-imnut u l-midja, fl-għoti ta' informazzjoni u appoġġ liċ-ċittadini rigward il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

22.  Jilqa' l-inizjattivi li diġà ġew żviluppati f'diversi Stati Membri u li għandhom l-għan li jirkupraw, fuq livell lokali, prodotti mhux mibjugħa u mormija tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel biex jiddistribwuhom mill-ġdid għall-benefiċċju taċ-ċittadini li d-dħul tagħhom huwa inqas mil-limitu minimu u li għaldaqstant m'għandhomx poter tal-akkwist; jisħaq fuq l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward bejn l-Istati Membri, kif ukoll tal-inizjattivi fil-livell lokali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-kontribut siewi, minn naħa waħda, ta' voluntiera fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta' prodotti u, min-naħa l-oħra, dak ta' kumpaniji professjonali li jiżviluppaw sistemi u azzjonijiet li jipprevjenu l-ħela;

23.  Jitlob lill-bejjiegħa bl-imnut biex jimpenjaw ruħhom għall-programmi ta' ridistribuzzjoni tal-ikel għaċ-ċittadini li huma nieqsa mill-poter tal-akkwist u biex jimplimentaw miżuri li jippermettu li prodotti li jkunu qed joqorbu lejn id-data tal-iskadenza jiġu mraħħsa;

24.  Jilqa' l-ħidma tal-kumpaniji u s-sħubiji professjonali fis-setturi pubbliku, privat, akkademiku u komunitarju ħalli jitfasslu u jiġu implimentati, fil-livell Ewropew, programmi ta' azzjoni kkoordinati biex jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel;

25.  Iqis li l-investiment f'metodi li jwasslu għal tnaqqis fil-ħela tal-ikel jaf jirriżulta fi tnaqqis fit-telf li jkollhom l-impriżi agroalimentari u, konsegwentement, tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, filwaqt li jitjieb l-aċċess għall-ikel ta' gruppi ifqar tal-popolazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tidentifika l-mezzi biex tiġi stimolata parteċipazzjoni akbar fil-prattiki kontra l-ħela min-naħa tal-impriżi agroalimentari, tas-swieq bl-ingrossa, tal-ħwienet, tal-katini ta' distribuzzjoni, tal-caterers pubbliċi u privati; tar-ristoranti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-NGOs; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-użu tal-internet u ta' teknoloġiji ġodda; jinnota, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-istabbiliment tal-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni (KIC) għall-ikel b'attenzjoni partikolari fuq, inter alia, il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel; jappella lill-Kummissjoni titlob lis-settur agroalimentari u lill-partijiet konċernati jerfgħu il-parti tagħhom tar-responsabbiltà għall-problema tal-ħela tal-ikel, b'mod partikolari billi jipprovdu porzjonijiet ta' diversi daqsijiet u b'hekk jevalwaw x'benefiċċji joffru l-prodotti tal-ikel bi kwantitajiet kbar u jqisu aħjar lill-persuni li jgħixu weħidhom biex titnaqqas il-ħela tal-ikel u l-marka tal-karbonju tal-konsumaturi;

26.  Jitlob lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi ekonomiċi ħalli tiġi limitata l-ħela tal-ikel;

27.  Jenfasizza li l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra marbuta mal-produzzjoni, l-imballaġġ u t-trasport tal-ikel li jintrema huma emissjonijiet bla bżonn addizzjonali; jinnota li titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel u eliminata l-ħela tal-ikel li jista' jittiekel, huwa pass ewlieni favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

28.  Jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra bidliet possibbli fir-regoli li jirregolaw l-appalt pubbliku għal servizzi tal-catering u tal-ospitalità sabiex fejn il-kundizzjonijiet l-oħra kollha jkunu l-istess, tingħata prijorità fl-għoti tal-kuntratti lill-impriżi li jiggarantixxu li jiddistribwixxu mill-ġdid bla ħlas kwalunkwe prodotti li ma jinbigħux lil kategoriji ta' ċittadini li ma jkollhomx poter tal-akkwist, u li jippromwovu attivitajiet speċifiċi biex titnaqqis il-ħela upstream, bħal pereżempju billi tingħata preferenza lill-prodotti agrikoli u tal-ikel manifatturati kemm jista' jkun viċin tal-post tal-konsum;

29.  Jappella lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju billi tindirizza l-ħela tal-ikel fl-istituzzjonijiet tal-UE, u biex tieħu l-miżuri neċessarji u ta' urġenza biex tonqos il-kwantità partikolarment kbira ta' ikel mormi kuljum fil-canteens tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE;

30.  Jappella lill-Kummissjoni tevalwa u tinkoraġġixxi miżuri biex titnaqqas il-ħela tal-ikel upstream, bħal pereżempju l-ittikkettar b'żewġ dati (“biegħ sa” u “uża sa”) u l-bejgħ bi prezz imraħħas tal-prodotti li jkunu qorbu biex jiskadu jew li jkollhom xi tip ta' ħsara; jinnota li l-ottimizzazzjoni u l-użu effiċjenti tal-imballaġġ jaf ikollu rwol importanti għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel billi jitnaqqas l-impatt ambjentali globali tal-prodott, mhux l-inqas permezz ta' disinni ekoloġiċi industrijali, li jinkludu miżuri bħall-varjetà ta' daqsijiet tal-pakketti biex tgħin lill-konsumaturi jixtru l-ammont it-tajjeb għal għoti ta' pariri dwar kif għandhom jinħażnu u jintużaw il-prodotti, u d-disinn tal-imballaġġ b'tali mod li jiżdied it-tul tal-ħajja tal-prodotti u jibqgħu friski, filwaqt li jkun żgurat li jintużaw il-materjali xierqa li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa jew għad-durabbiltà tal-prodotti għall-imballaġġ u l-preservazzjoni tal-ikel;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex toħroġ rakkomandazzjonijiet rigward it-temperaturi ta' tkessiħ, abbażi tal-evidenza li temperatura mhux ideali jew ħażina twassal biex l-ikel, qabel ma jiskadi, ma jibqax tajjeb biex jittiekel u tikkawża ħela bla bżonn; jenfasizza l-fatt li l-livelli armonizzati tat-temperatura fil-katina tal-provvista jtejbu l-konservazzjoni tal-prodotti u jnaqqsu l-ħela tal-ikel għal prodotti ttrasportati u kkumerċjalizzati b'mod transkonfinali;

32.  Ifakkar fir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni (L-għoti ta' kapaċità lill-konsumaturi fl-UE - SEC(2011)0469), skont liema stħarriġ 18% taċ-ċittadini Ewropej ma jifhmux it-tikketta “preferibbilment uża qabel” (“best before”); għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċċaraw it-tifsira tat-tikketti tad-dati (“preferibbilment uża qabel (best before)”, “data ta' skadenza (expiry date)” u “uża sa (use by)”) sabiex inaqqsu l-inċertezza tal-konsumaturi dwar jekk l-ikel ikunx għadu tajjeb biex jittiekel u jagħtu informazzjoni eżatta lill-pubbliku, b'mod partikolari li d-data tad-durabbiltà minima “preferibbilment uża qabel” li tirreferi għall-kwalità, filwaqt li l-frażi “uża sa” hija marbuta mas-sikurezza tal-prodott, ħalli tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet informati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika manwal faċli għall-utent dwar l-użu ta' ikel qrib id-data ta' skadenza tiegħu, filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza tad-donazzjonijiet u l-għalf tal-annimali, u tibni fuq l-aħjar prattiki mill-partijiet konċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex, pereżempju, tlaqqa' l-provvista u d-domanda aktar malajr u b'mod aktar effettiv;

33.  Jappella lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jappoġġjaw inizjattivi maħsuba biex jippromwovu l-produzzjoni sostenibbli fuq skala żgħira u medja marbuta mas-swieq u mal-konsum lokali u reġjonali; jagħraf li s-swieq lokali huma sostenibbli mill-perspettiva ambjentali u li dawn jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-settur primarju; jitlob li l-politika agrikola komuni tal-ġejjieni tiżgura finanzjament xieraq għall-promozzjoni tal-istabbiltà fis-settur primarju, pereżempju permezz tal-bejgħ dirett, is-swieq lokali u l-mezzi kollha ta' promozzjoni ta' ikel prodott fl-istess post fejn se jiġi kkonsmat, jew qribu;

34.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-produtturi lokali żgħar u l-gruppi ta' produtturi lokali jkunu jistgħu jieħdu sehem f'proċeduri tal-appalt pubbliku għall-implimentazzjoni ta' programmi speċifiċi li jħeġġu b'mod partikolari l-konsum tal-frott u tal-prodotti tal-ħalib fl-iskejjel;

35.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex is-sena 2014, nominata bħala s-Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel, isservi bħala sors importanti ta' informazzjoni u promozzjoni biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej u biex l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali tinġibed lejn din il-kwistjoni importanti bl-għan li jiġu allokati fondi adegwati għall-isfidi li għandhom jiġu ffaċċjati fil-futur qarib;

36.  Jitlob lill-President tiegħu jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 312, 23.11.2008, p. 3.
(2) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 48.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0006.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0307.


Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-alga
PDF 69kWORD 32k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-alga
P7_TA(2012)0015P7_DCL(2011)0041

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha tikkontribwixxi għas-s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem,

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-kosti Ewropej kollha (il-Kanal Ingliż, l-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baltiku, il-Mediterran) hemm fenomeni ta' proliferazzjoni tal-alga marbuta mal-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet kostali jew estwarji,

B.  billi dawn il-fenomeni jagħmlu ħsara kbira lill-istat ekoloġiku tajjeb tal-ilmijiet, lis-saħħa pubblika u lid-dinamiżmu ekonomiku tat-territorji kkonċernati,

C.  billi jaqbel li tinstab soluzzjoni Ewropea għal dawn il-fenomeni li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Istati individwali,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni Ewropew kontra l-proliferazzjoni tal-alga fil-qafas tad-Direttiva 2000/60/KE, ibbażat fuq l-iskambju ta' prattiki tajba u l-kooperazzjoni tal-atturi kkonċernati minn dawn il-fenomeni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tad-19 ta' Jannar 2012 (P7_PV(2012)01-19(ANN1)).


L-istabbiliment tal-Patt tal-Gżejjer bħala inizjattiva Ewropea uffiċjali
PDF 73kWORD 32k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-istabbiliment tal-Patt tal-Gżejjer bħala inizjattiva Ewropea uffiċjali
P7_TA(2012)0016P7_DCL(2011)0037

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-gżejjer jiddependu ħafna fuq fjuwils fossili impurtati, bi spejjeż ogħla tal-fjuwil, iżda huma wkoll opportunità għar-riċerka, id-demostrazzjoni u l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u azzjonijiet effiċjenti tal-enerġija,

B.  billi l-gżejjer huma vulnerabbli għall-bidla fil-klima minħabba l-livelli għolja tal-bijodiversità u l-ekosistemi fraġli,

C.  billi l-enerġiji rinnovabbli huma abbundanti u l-iżvilupp tagħhom jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-iżvantaġġi strutturali permanenti tal-gżejjer, li joffru benefiċċji soċjoekonomiċi lill-abitanti tagħhom,

1.  Jawgura lill-komunitajiet u lir-reġjuni periferali li ffirmaw il-Patt bl-għan li jmorru lil hinn mill-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020, li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fit-territorji rispettivi tagħhom b'tal-inqas 20%;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tipprovdi l-appoġġ tagħha lill-komunitajiet tal-gżejjer Ewropej bl-għan li jiksbu l-objettivi għas-sostennibiltà tal-UE;

3.  Jinsisti fuq il-preżenza ta' referenzi distinti u espliċiti għal sostennibiltà insulari fil-programmi tal-qafas tal-UE u testi tal-politiki biex tkun konformi mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jinsisti li l-inċentivi huma maħluqa għall-gżejjer kollha biex jaderixxu għall-Patt u jipparteċipaw fin-netwerking tal-gżejjer;

5.  Jenfasizza l-bżonn tal-immobilizzar tar-riżorsi finanzjarji xierqa biex jappoġġaw il-funzjonament tal-proċess tal-Patt, ibbażat fuq il-mudell tal-Patt tas-Sindki, il-Bliet Intelliġenti (Smart Cities) u inizjattivi oħra simili tal-UE;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 2 għall-Minuti tad-19 ta' Jannar 2012 (P7_PV(2012)01-19(ANN2)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza