Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2245(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0061/2012

Testi mressqa :

A7-0061/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2012 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0113

Testi adottati
PDF 239kWORD 76k
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu 2012 - Brussell
Il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED)
P7_TA(2012)0113A7-0061/2012

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED) (2011/2245(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Alexander Graf Lambsdorff, f'isem il-Grupp ALDE, dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (B7-0391/2011),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 8 u 21 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(2) u b'mod partikolari l-paragrafu 10 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant(3) u dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja fl-2009 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (EIDHR)(7),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija inklużi fihom,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2009 dwar l-appoġġ għall-governanza demokratika: lejn titjib tal-qafas tal-UE,

–  wara li kkunsidra t-tliet settijiet ta' konklużjonijiet tal-Kunsill: dawk tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-appoġġ għad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, tat-13 ta' Diċembru 2010 dwar ir-rapport tal-progress 2010 u lista ta' pajjiżi pilota u dawk tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Mejju 2011 “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0200),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati fl-20 ta' Ġunju 2011, fit-3101 laqgħa tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar id-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija adottati fl-1 ta' Diċembru 2011, fit-3130 laqgħa tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti tematiċi u ġeografiċi finanzjarji tal-Kummissjoni rigward id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem (bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), eċċ.),

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' appoġġ għall-istabbiliment tal-EED mibgħuta lill-President tal-PE Jerzy Buzek u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Catherine Ashton, bid-data tal-25 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 121(3) u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0061/2012),

A.  billi t-Trattati tal-Unjoni jħaddnu d-drittijiet universali tal-bniedem u d-demokrazija bħala valuri fundaturi tal-Unjoni u bħala prinċipji u objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

B.  billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jiddikjara li l-Unjoni għandha fl-azzjonijiet kollha tagħha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa;

C.  billi fl-Aġenda ta' Azzjoni għall-Appoġġ tad-Demokrazija fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, il-Kunsill afferma r-rieda tiegħu li jtejjeb il-koerenza u l-effikaċja tal-appoġġ tiegħu, iżda billi sar progress limitat f'dan is-sens;

D.  billi l-Parlament laqa' l-inizjattiva tal-istabbiliment tal-Fond Ewropew għad-Demokratizzazzjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-Demokratizzazzjoni;

E.  billi l-istabbiliment tal-EED kien appoġġat fl-ittra mibgħuta lill-President tal-PE Jerzy Buzek u lir-RGħ/VP Catherine Ashton minn bosta difensuri magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem inklużi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi u Alaksandr Milinkievic;

F.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom ma ttraduċewx f'azzjoni approċċ verament koerenti u strateġiku għall-kwistjonijiet ta' demokratizzazzjoni li jirrikonoxxi l-appoġġ għad-demokrazija bħala kwistjoni importanti fiha nfisha;

G.  billi n-nisa għandhom rwol ewlieni fil-proċessi ta' demokratizzazzjoni u fis-suċċess ta' movimenti soċjali;

H.  billi l-avvenimenti tar-“Rebbiegħa Għarbija” wrew il-ħtieġa ta' impenn strateġiku urġenti min-naħa tal-UE ma' pajjiżi awtoritarji u ma' dawk li qed iħabirku għar-riformi demokratiċi, ibbażat fuq approċċ ġdid u differenti sabiex terġa' tkun stabbilita l-kredibilità u tingħata assistenza f'waqtha lill-proċess ta' tranżizzjoni għad-demokrazija; billi l-istabbiliment tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija jista' jkun wieħed mill-aktar risponsi tanġibbli mill-UE għall-isfidi tad-demokratizzazzjoni, fil-viċinat tagħna u lil hinn;

I.  billi l-avvenimenti reċenti fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani wrew li n-nisa huma atturi determinanti għall-bidla demokratika u li d-drittijiet tan-nisa jinkisru ta' sikwit, bin-nisa jitqiegħdu f'riskju akbar ta' faqar u ta' marġinalizzazzjoni fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika ta' pajjiżhom;

J.  billi l-irvelli fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani jenfasizzaw l-urġenza li tkun indirizzata l-instabilità u r-reġimi mhux demokratiċi fil-viċinat tal-UE bħala rilevanti għas-sigurtà u l-istabilità proprja tal-Ewropa;

K.  billi l-approċċ imsaħħaħ għall-appoġġ tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem żviluppa fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-Aġenda tal-UE għall-Bidla jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn kapaċità ikbar għal reazzjoni kemm rapida u kemm konsistenti għall-iżviluppi li jikkonċernaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

L.  billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) jiffoka fuq miżuri urġenti fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fil-periklu, inklużi ġurnalisti u figuri tal-oppożizzjoni, u fuq miżuri maħsuba għal perjodu ta' żmien itwal li jikkomplementaw l-istrumenti ġeografiċi eżistenti tal-UE;

M.  billi l-partiti politiċi, il-personalitajiet politiċi eminenti (bħad-dissidenti, il-figuri tal-oppożizzjoni, il-mexxejja ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ), il-movimenti soċjali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-qasam kulturali u l-midja (eż: ġurnalisti, bloggers, attivisti tal-midja soċjali u artisti) b'aġenda ċara bl-għan tat-titjib tad-demokrazija għad għandhom rwol ċentrali f'kull demokrazija u proċess ta' demokratizzazzjoni; billi, minħabba nuqqas ta' riżorsi, mandat ristrett u proċeduri twal tal-EIDHR, l-appoġġ għal dawn l-atturi fil-passat kien limitat;

N.  billi l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin appoġġa l-inizjattiva li tinħoloq Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED); billi l-ħidma miexja b'pass mgħaġġel lejn l-istabbiliment tagħha u hemm il-bżonn urġenti li jintlaħaq ftehim dwar l-aspetti operazzjonali;

1.  Jindirizza din ir-rakkomandazzjoni li ġejja lill-Kunsill, u jħeġġu biex:

   (a) jiżgura li l-EED tiġġenera approċċ tal-UE iktar strateġiku u politiku min-naħa tal-UE għall-appoġġ għad-demokrazija, billi tipprovdi għajnuna speċifika għall-kuntest, flessibbli, f'waqtha u minn isfel għal fuq bi programazzjoni rapida fejn din tkun meħtieġa biex tiffaċilita t-transizzjoni demokratika fil-pajjiżi sħab;
   (b) juri li, sabiex jinkisbu l-objettivi spjegati hawn fuq, il-ħolqien ta' Fond ġdid hu aktar adegwat u aktar effikaċi minn rieżami tal-istrumenti eżistenti, u b'mod partikulari l-EIDHR;
   (c) jiċċara l-missjoni u l-valuri tal-EED sabiex ikun żgurat li jkun hemm kriterji ċari għall-għażla tal-benefiċjarji, b'mod partikolari rigward il-metodoloġija tal-proċess ta' għażla;
   (d) jenfasizza l-koerenza u l-effettività tal-appoġġ tad-demokrazija tal-UE kif stipulat fl-Aġenda ta' Azzjoni għall-Appoġġ tad-Demokrazija fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE u jagħti mandat u jorganizza l-EED f'dan l-ispirtu;
   (e) jitlob li l-EED tiggarantixxi l-prinċipju ta' sjieda nazzjonali ta' proċessi demokratiċi u li l-bini tad-demokrazija jitwettaq permezz tat-tisħiħ tal-bażijiet tas-soċjetà , sal-ogħla organi tal-gvern;
   (f) jiżgura li l-EED, waqt li tħeġġeġ “demokrazija fonda u sostenibbli” f'pajjiżi f'fażi ta' qabel it-transizzjoni, ta' transizzjoni u ta' wara t-transizzjoni, bl-attenzjoni ewlenija, għalkemm mhux esklużiva, tagħha ffukata fuq il-Viċinat Ewropew, tirċievi mandat iffukat, li jippermettilha tikkomplementa l-miżuri ta' appoġġ għad-demokrazija minn strumenti oħra u li jenfasizza l-valur miżjud tal-entità l-ġdida;
   (g) jikseb esperjenzi ta' valur permezz ta' attenzjoni inizjali (għalkemm mhux esklużiva) fuq il-Viċinat Ewropew;
   (h) jiggarantixxi li l-EED jkollha rwol sinerġetiku u komplementari għax-xogħol imwettaq mill-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri tal-UE, l-aġenziji tagħhom u l-fondazzjonijiet li jiffinanzjaw, waqt li taħdem mill-qrib magħhom, toħloq sħubiji u tevita d-duplikazzjoni; ifittex il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni mill-qrib mal-Fondazzjoni Anna Lindh, partikolarment sabiex tkun promossa d-demokrazija fil-Mediterran;
   (i) jiżgura li l-EED tipprovdi valur miżjud billi tikkomplementa u ma tidduplikax ma jew tillimita l-attivitajiet ta' strumenti eżistenti ta' finanzjament, partikolarment l-EIDHR u l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS); jinnota li l-EED tista' tniedi proġetti li iktar tard jistgħu jitkomplew mill-EIDHR jew mill-istrumenti ġeografiċi, u b'hekk jinħoloq kamp ta' azzjoni komuni ta' programmazzjoni li jiżgura l-koerenza u s-sostenibbiltà fuq perjodu ta' żmien itwal;
   (j) jiddefinixxi metodoloġija preċiża sabiex ikun evitat kull irduppjar bejn l-istrumenti finanzjarji, ix-xibka kumplessa tal-istrutturi Komunitarji u parlamentari (OPPD, ECG, eċċ.) responsabbli mid-drittijiet tal-bniedem, u l-EED qabel ma jinbeda kwalunkwe xogħol fuq il-proġett;
   (k) jiżgura fil-livell ta' ppjanar strateġiku li l-EED tikkoopera mal-istrumenti u l-istrutturi l-oħra tal-UE impenjati fil-ħidma għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, speċjalment l-EIDHR, l-IfS, is-CSF u l-istrumenti ġeografiċi; jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u trasparenti u spejjeż amministrattivi u ta' transazzjonijiet baxxi; iżomm f'moħħu l-importanza tal-metodu Komunitarju, bil-Kummissjoni tiġi mistiedna teżamina malajr kemm jista' jkun kif l-istrumenti tal-UE fil-futur jistgħu jipprovdu mekkaniżmi ta' reazzjoni iktar rapidi u kif u meta jista' jitwaqqaf fond fiduċjarju tal-UE jekk il-bażi legali xierqa tiġi stabbilita fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jiżgura li jekk il-baġit tal-UE jikkontribwixxi għall-iffinanzjar tal-EED, dan ma jsirx a spejjeż tar-riżorsi diġà limitati tal-EIDHR;
   (l) iqiegħed lill-EED f'pożizzjoni li tkun tista' taġixxi fi tliet stadji: il-fażijiet ta' qabel, matul u wara transizzjoni, u li tniedi proġetti u soluzzjonijiet u ideat innovattivi fil-post li s'issa ma setgħux ikunu appoġġati mill-UE għal raġunijiet ta' limiti proċedurali jew mitigazzjoni tar-riskju; jimmudella l-EED, barra minn hekk, b'tali mod li tkun inqas avversa għar-riskju waqt li tirrispetta r-Regolament Finanzjarju tal-UE;
   (m) jitlob li tkun żgurata l-imparzjalità tal-Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni Elettorali, u għaldaqstant iqis li l-EED ma għandhiex tinkludi dawn il-missjonijiet fost l-attvitajiet għall-promozzjoni tad-demokrazija tagħha;
   (n) jindirizza, fl-istadji bikrija ta' finanzjament għall-pajjiż speċifiku, grupp wiesa' ta' benefiċjarji potenzjali, inklużi atturi politiċi favur id-demokrazija ewlenin (eż: atturi politiċi emerġenti, movimenti qrib iċ-ċittadini u NGOs mhux irreġistrati, u trejdjunjins), gruppi li jgħassu d-drittijiet taċ-ċittadini, informaturi, attivisti politiċi individwali, atturi ġodda fil-midja (bloggers u oħrajn), organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-minoranzi u think tanks, sabiex jippermetti l-EED tappoġġa firxa wiesgħa ta' atturi lokali li jkunu qed jaħdmu għar-riformi demokratiċi; jipprovdi appoġġ għall-atturi politiċi u movimenti msemmija hawn fuq b'mod pluralista;
   (o) jiżgura li l-EED tagħti attenzjoni speċjali lill-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' riforma demokratika, billi jappoġġa l-organizzazzjonijiet u l-proġetti tan-nisa f'oqsma sensittivi għall-ġeneru bħall-ġlieda kontra l-vjolenza, il-ġenerazzjoni tal-impjieg, il-parteċipazzjoni politika, l-estensjoni tal-aċċess indaqs għall-ġustizzja u l-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet, u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tan-nisa jew it-tmiem tal-ksur eżistenti;
   (p) iqis essenzjali li l-EED tagħti appoġġ multipartitiku lil assoċjazzjonijiet f'pajjiżi fi transizzjoni, b'kunsiderazzjoni għar-rwol tagħhom bħala atturi ewlenin fid-demokrazija u sabiex ikunu jistgħu jgħinu fil-kisba ta' kunsens nazzjonali;
   (q) jagħti lill-EED is-setgħa li tagħti direttament lill-benefiċjarji l-għotjiet li jkunu intiżi għalihom, b'mod mhux diskriminatorju u b'konsultazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE fil-post, u, possibilment, permezz ta' fondazzjonijiet politiċi u NGOs b'rekord bil-provi ta' ħidma b'suċċess fil-qasam tal-appoġġ għad-demokrazija; partikolarment fil-bidu, jiżgura li l-għoti mill-ġdid ta' riżorsi jkun mekkaniżmu effettiv biex l-EED taħdem ma' sieħba fil-post li jkollhom l-għarfien u l-infrastruttura lokali meħtieġa u jgawdu l-fiduċja tan-nies lokali; jinnota li l-għoti mill-ġdid ta' riżorsi, sakemm ikunu jirrispetta l-pluralità politika fil-livell tal-UE u jopera permezz ta' benefiċjarji ewlenin, inaqqas kemm il-piż amministrattiv fuq l-EED u kemm ir-riskji potenzjali;
   (r) jiżgura li l-UE teżerċita influwenza politika proporzjonali għall-kontribut baġitarju tagħha; jistabbilixxi struttura ta' governanza sempliċi, trasparenti u politikament rappreżentattiva, li tipprovdi taħlita bbilanċjata u kosteffikaċi bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, u esperti indipendenti u prattikanti; isib bilanċ ċar bejn l-awtonomija u l-indipendenza tal-EED u r-responsabilità tagħha lejn min jiffinanzjaha, u jiżgura l-ogħla grad possibbli ta' integrità finanzjarja fil-kontabilità, b'attenzjoni speċjali biex ikun żgurat li l-fondi ma jintilfux minħabba l-korruzzjoni u li l-ebda fondi ma jitħallsu lil kwalunkwe persuna jew entità bi kwalunkwe rabta ma' organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi;
   (s) jibni fl-EED mezzi xierqa għall-kooperazzjoni u koordinazzjoni strutturati mal-atturi bbażati fi Brussell u fil-kamp; jipprovdi għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kumitat Eżekuttiv u l-persunal tal-EED futuri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u l-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-istrateġiji, l-objettivi u l-inizjattivi tal-istrumenti rispettivi tal-UE, kif ukoll għal djalogu strutturat mad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri fil-post;
   (t) jiżgura li l-EED jkollha rabtiet b'saħħithom mal-gruppi benefiċjarji u tikkonsulta magħhom regolarment, iżda mingħajr ma jkollha uffiċċji reġjonali, minflok għandha toqgħodt fuq organizzazzjonijiet lokali jew esperti u prattikanti indipendenti li jkunu ġew eżaminati bir-reqqa biex ikun żgurat li ma jkollhom l-ebda rabtiet ma' organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi;
   (u) jibni l-EED bħala struttura amministrattivament ħafifa, flessibbli u effiċjenti, ibbażata fi Brussell, b'mekkaniżmi ta' għoti ta' finanzjament mingħajr komplikazzjonijiet; l-applikanti m'għandux ikollhom jgħaddu minn proċeduri twal u ineffiċjenti ta' talbiet għall-offerti; il-kofinanzjament mill-benefiċjarji m'għandux ikun prerekwiżit għall-finanzjament; l-għoti ta' finanzjament għandu, madankollu, jiddependi fuq il-konformità ma' kriterji stretti u ċari, u l-lista ta' benefiċjarji għandha tkun pubblika sakemm ma tkunx ta' periklu għas-sigurtà tagħhom; salvagwardji xierqa għandhom ikunu implimentati sabiex ikunu evitati l-frodi u l-użu ħażin tal-fondi:
   (v) jiżgura li tkun stabbilita sistema ta' monitoraġġ adegwata biex tevalwa l-effettività tal-finanzjament mogħti;
   (w) iqis, madankollu, li għandha tingħata prijorità għat-twaqqif tal-EED bħala strument ta' finanzjament estern tal-UE fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, sabiex ikun żgurat li l-Parlament ikun jista' jeżerċita s-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tiegħu b'rabta tal-kontribut u l-attivitajiet ta' programmazzjoni tal-UE:
   (x) iggarantixxi li l-kontribut tal-UE għall-baġit tal-EED jingħata f'konformità sħiħa mal-prinċipji ta' prattiki finanzjarji tajba, u jkun amministrat minn persunal imħarreġ tajjeb fl-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju b'rabta mal-baġit tal-UE, u li l-Parlament ikun jisa jeżerċita kontroll leġiżlattiv u baġitarju sħiħ, inkluża l-possibilità ta' monitoraġġ u skrutinju mill-awtorità baġitarja fuq il-mod kif jintużaw dawn il-fondi;
   (y) jiggarantixxi li l-Parlament ikun jista' jeżerċita rwol ta' superviżjoni politika ġenerali fuq l-attivitajiet u l-programmazzjoni tal-EED u jiżgura li l-implimentazzjoni tal-miżuri li tieħu tkun immonitorjata u evalwata minn parti terza indipendenti, inter alia billi jiżgura li l-Parlament jinżamm infurmat permezz tar-rapporti annwali tal-EED; jippermetti lill-Parlament biżżejjed spazju biex jippermettilu jikkontribwixxi tul il-fażi ta' programmazzjoni, jistabbilixxi prijoritajiet u linji ta' azzjoni strateġika, jaqsam is-setgħa kreattiva u l-esperjenza transnazzjonali tiegħu miksuba mill-Istati Membri b'appoġġ għall-proċessi ta' demokratizzazzjoni lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa;
   (z) jiżgura li l-Parlament ikun involut u kkonsultat matul il-proċess kollu tal-attivazzjoni u l-implimentazzjoni tal-EED, inter alia, permezz ta' selezzjoni ta' numru ta' MPE politikament bilanċjati fuq il-Bord tal-Gvernaturi u l-Kumitat Eżekuttiv tagħha, jeżamina mill-ġdid il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi u jiżgura li l-Istati Membri jkunu rrappreżentati permezz tal-Kunsill, u jżid il-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-bord ta' tmexxija ta' dan l-istrument, sabiex tkun garantita l-influwenza xierqa f'konformità mar-responsabilità tal-Parlament bħala wieħed mid-dirgħajn tal-awtorità baġitarja tal-UE; jippermetti lill-Parlament jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu għad-definizzjoni tal-linji gwida politiċi u strateġiċi, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija u l-allokazzjonijiet finanzjarji li se jkunu l-pedament tal-attivitajiet tad-dotazzjoni b'mod sinifikattiv u sistematiku;
   (aa) iżomm dejjem taħt eżami l-impatt u r-rendiment tal-EED u l-valur miżjud tagħha vis-à-vis l-istrumenti tal-UE u s-sostenibbilità tal-azzjonijiet iffinanzjati; jiġbed konklużjonijiet xierqa u, jekk ikun meħtieġ, jaġġusta l-qies, l-istruttura, il-mekkaniżmu ta' finanzjament u l-eżekuttiv tagħha konsegwentement; jiżgura li r-riżultati ta' evalwazzjonijiet bħal dawn jintbagħtu lill-Parlament;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0334.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0576.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0153.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0154.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.
(6) ĠU C 131 E, 5.6.2003, p. 147.
(7) ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza