Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2186(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0058/2012

Testi mressqa :

A7-0058/2012

Dibattiti :

PV 29/03/2012 - 4
CRE 29/03/2012 - 4

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2012 - 9.16
CRE 29/03/2012 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0119

Testi adottati
PDF 415kWORD 146k
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu 2012 - Brussell
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
P7_TA(2012)0119A7-0058/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2010 (2011/2186(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2010 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208-209, 271, 308-309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti “l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tat-Tmien, id-Disa' u l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2009(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2009(2),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2011-2013, kif approvat mill-Bord tad-Diretturi tiegħu fl-14 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2010 tal-Kumitat ta' Verifika tal-BEI lill-Bord tal-Gvernaturi tas-6 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 bl-isem “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-UE 2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0058/2012),

A.  billi l-BEI ġie stabbilit mit-Trattat ta' Ruma u l-għan prinċipali tiegħu hu li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq uniku u għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp ta' diversi reġjuni,

B.  billi l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiffokaw fuq sitt prijoritajiet ta' politika: l-iżgurar tal-koeżjoni u l-konverġenza ekonomiċi u soċjali; l-implimentazzjoni tal-ekonomija tal-għarfien; l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej ta' trasport u aċċess; l-appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs); il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent u l-promozzjoni ta' komunitajiet sostenibbli; u l-appoġġ ta' enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura,

C.  billi l-BEI jibqa' l-“Bank Ewropew” u jirrappreżenta l-istrument li permezz tiegħu jinkisbu l-objettivi tal-UE,

D.  billi l-iżborżament tas-self tal-UE tal-grupp tal-BEI laħaq EUR 52 biljun fl-2010,

E.  billi l-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-Unjoni Ewropea jitwettqu primarjament biex jappoġġjaw il-politiki ta' azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

F.  billi l-iżborżament tal-grupp tal-BEI fuq is-self barra mill-UE laħaq EUR 6 biljun fl-2010,

G.  billi, skont l-Istatut tiegħu, wara r-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona, il-BEI hu awtorizzat li jkollu self u garanziji massimi ekwivalenti għal darbtejn u nofs tal-kapital sottoskritt u r-riservi tiegħu, tal-ammonti mhux allokati u tal-eċċess fil-kont tal-qligħ u t-telf,

H.  billi l-estensjoni tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn sovran lil hinn mill-2010 u l-credit crunch relatata żiedu l-ħtiġijiet finanzjarji,

I.  billi huwa l-kompitu tal-BEI li jgħin l-ekonomija Ewropea, permezz tas-swieq tal-kapital kif ukoll tal-fondi tiegħu stess,

J.  billi l-klassifika ta' kreditu AAA tal-BEI hija kruċjali għall-funzjonament tal-bank,

K.  billi l-Kumitat tal-Verifiki ġie stabbilit taħt l-istatut tal-BEI bħala kumitat indipendenti responsabbli għall-verifika tal-kontijiet tal-BEI u biex jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jkunu konformi mal-aqwa prattika bankarja, billi l-Kumitat tal-Verifiki ddikjara fir-rapport tiegħu tas-6 ta' April 2011, li “fl-2010 l-Kumitat tal-Verifiki rċieva mill-Bank l-appoġġ mistenni biex ikun jista” jwettaq b'mod adegwat ir-responsabbiltajiet tiegħu“;

L.  billi l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020 bħall-investiment fl-infrastruttura, it-teknoloġiji ekoloġiċi, l-innovazzjoni u l-SMEs, ma jistgħux jinkisbu mingħajr finanzjament xieraq;

M.  billi t-tkabbir sostenibbli jrid jiġi garantit fl-Unjoni anke permezz ta' riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet tal-Baġit tal-UE mhux użati lil programmi konġunti li għandhom fil-mira t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg, u permezz tal-isfruttament tas-self tal-BEI u l-istabbiliment ta' suq tal-bonds għall-proġetti effiċjenti;

Il-Qafas tar-rapport Annwali 2010

1.  Jilqa' r-Rapport Annwali 2010 u jinkoraġġixxi lill-BEI jkompli l-attivitajiet tiegħu sabiex jappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u jrawwem it-tkabbir, jistimula l-impjieg u jippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali b'enfasi speċjali fuq proġetti għal reġjuni anqas żviluppati; jappoġġja lill-bank fl-intenzjoni tiegħu li jindirizza operazzjonijiet fejn il-finanzjament tiegħu x'aktarx ikollu l-akbar impatt fuq it-tkabbir ekonomiku; jinnota li l-BEI għandu juża r-riżorsi u l-istrumenti tiegħu fl-aħjar mod possibbli biex jikkombatti l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali;

2.  Iqis li l-Grupp tal-BEI(6) għandu jibqa' jirrapporta annwalment lill-Parlament dwar l-attivitajiet ta' self tiegħu kemm fi ħdan l-UE, fir-rigward tal-promozzjoni tal-objettivi tal-UE u tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll barra l-UE, fir-rigward tal-mandat tiegħu u l-koerenza politika ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE; huwa tal-fehma li l-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) għandhom jiffukaw ukoll fuq it-tisħiħ tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni tagħhom f'pajjiżi terzi, sabiex itejbu l-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom u jevitaw id-duplikazzjoni tal-ħidma tagħhom(7), filwaqt li jiġi żgurat użu aktar effikaċi tar-riżorsi; ifakkar ukoll li l-Kunsill u l-Parlament ftiehmu li wasal iż-żmien biex tiġi studjata r-razzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi Ewropej, mingħajr ma tiġi eskluża xi għażla;

3.  Jinnota li l-Grupp tal-BEI għandu jkompli jirrapporta annwalment lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet ta' finanzjament tiegħu relatati mal-baġit tal-UE, speċifikament fir-rigward tal-finanzjament tal-UE u l-finanzjament estern; jistieden lill-bank jagħmel ir-rapport annwali tiegħu iktar aċċessibbli u komprensibbli għall-pubbliku aktar wiesa“;

4.  Jilqa' l-pjan operattiv tal-Korporazzjoni tal-2011-2013 li jagħti tliet dimensjonijiet ewlenin lill-attivitajiet tal-bank fis-snin li ġejjin: li jimplimenta l-istrateġija “Ewropa 2020”, li jiġġieled kontra t-tibdil fil-klima u li jappoġġja l-politika esterna tal-UE;

5.  Jappoġġja l-Bank fl-impenn tiegħu li jiffoka fuq it-“trijangolu tal-għarfien” li jorbot l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-innovazzjoni;

6.  Jirrakkomanda li l-BEI jippubblika fuq il-websajt tiegħu r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapporti Annwali – flimkien mal-mistoqsijiet tal-MEPs u r-risposti bil-miktub mogħtija mill-BEI – flimkien mar-rapporti tiegħu;

Attivitajiet ta' finanzjament tal-UE mill-BEI

7.  Jirrikonoxxi ż-żieda fil-volum tas-self tal-programmi strutturali (SPLs) fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja; jenfasizza r-rwol importanti ta' dan is-self għall-irkupru u t-tkabbir fl-appoġġ tal-investimenti tas-settur pubbliku f'xi Stati Membri; jinkoraġixxi lill-BEI sabiex ikompli joffri strumenti simili mhux biss għal pajjiżi li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji, iżda wkoll biex jinkoraġġixxi l-pajjiżi b'dixxiplina finanzjarja tajba u r-reġjuni ta' konverġenza;

8.  Jinnota li f'termini ta' volum ta' self, il-proġetti ta' Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPPs) irrappreżentaw, fl-2010, 32 % tas-self għat-Trasport Trans-Ewropew iffinanzjat mill-BEI; jilqa' t-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew ta' Esperti ta' PPP b'netwerk ta' membri li issa, flimkien mal-BEI u l-Kummissjoni Ewropea, jinkludi 30 pajjiż tal-UE u pajjiżi assoċjati kif ukoll ħafna reġjuni;

9.  Jistieden lill-BEI jħeġġeġ l-iżvelar pubbliku ta' obbligi ta' ħlasijiet pubbliċi kumulattivi fir-rigward tal-PPPs li qed jiġu ffinanzjati flimkien mal-informazzjoni dwar is-sors ta' ħlasijiet fil-ġejjieni;

10.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jippubblika lista annwali tal-benefiċjarji finali kollha ta' self u strumenti finanzjarji oħra bl-istess mod bħalma l-Kummissjoni hi marbuta li tippubblika tali lista ta' benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE;

11.  Iħeġġeġ lill-BEI sabiex iżid l-appoġġ tiegħu għan-netwerks tal-infrastruttura fl-Istati Membri l-ġodda, li għadu relattivament baxx meta mqabbel mal-UE bi 15-il Stat Membru; jitlob li din il-parteċipazzjoni għall-finanzjament tan-netwerks infrastrutturali tkun waħda iktar importanti għall-interkonnessjonijiet mal-fruntieri tal-Istati Membri;

12.  Jappoġġja b'mod wiesa' l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji innovattivi fil-promozzjoni tal-objettivi tal-istrateġija “Ewropa 2020” kif ukoll azzjoni biex tiġi inċentivata l-ekonomija milquta mill-kriżi u ħtiġijiet ta' azzjoni favur il-klima; jirrikonoxxi l-esperjenza pożittiva preċedenti tal-użu ta' dawn l-għodod – inkluż mekkaniżmi li jikkombinaw l-għotjiet u s-self u mekkaniżmi ta' qsim tar-riskju;

13.  Jappoġġja b'mod speċjali l-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF), inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank li tipprovdi għal self għal proġetti b'riskju ogħla u benefiċċju akbar. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp (PCRD), huwa jinsab sorpriż li l-firem tas-self tal-RSFF laħqu biss EUR 1,8 biljun fl-2010, jiġifieri tnaqqis ta' EUR 1 biljun meta mqabbla mal-2009; iqis li r-raġuni għal dan it-tnaqqis mogħtija mill-BEI fir-rapport tiegħu tal- 2010 – jiġifieri li l-pressjoni ta' kreditu qiegħda tbatti għall-kumpaniji li daru lejn il-BEI fl-ogħla punt tal-kriżi – mhijiex biżżejjed, u jitlob aktar spjegazzjonijiet min-naħa tal-BEI u l-Kummissjoni Ewropea;

14.  Huwa mħasseb dwar sistemi ta' kontrolli u verifika interni tal-BEI u jħeġġeġ il-KE u l-BEI jiffinalizzaw ftehim qafas finanzjarju u amministrattiv komprensiv sa Novembru 2012, anki fid-dawl tal-espansjoni mistennija ta' strumenti finanzjarji innovattivi ġestiti mill-grupp tal-BEI; jistenna li l-BEI jirrapporta lura lill-Parlament dwar il-progress magħmul sa Diċembru 2012;

L-appoġġ tal-BEI għall-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs)

15.  Jilqa' l-kisba, sena sħiħa qabel ma kienet skedata, tal-mira ta' EUR 30 biljun f'self lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) stabbilit mill-Kunsill tal-ECOFIN ta' Diċembru 2008; jappoġġja l-prodott ta' self ġdid għal intrapriżi Mid-Cap u jenfasizza l-importanza tagħha li tagħti spinta lill-irkupru ekonomiku Ewropew; jistieden lill-BEI jipprovdi pariri lill-SMEs u benefiċjarji oħra, fejn xieraq, sabiex jiżgura l-kwalità u l-effikaċja tal-proġetti;

16.  Itenni rakkomandazzjonijiet kontinwi preċedenti tal-PE sabiex itejjeb it-trasparenza fl-għażla ta' intermedjarji finanzjarji mill-BEI u l-mod kif jiġi allokat “self globali”, u jinsisti dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex dawn jiddaħħlu fis-seħħ; jenfasizza l-ħtieġa għal kondizzjonijiet aktar ċari u kriterji aktar stretti ta' effettività ta' self; iħeġġeġ lill-BEI jelabora mingħajr dewmien strumenti ġodda, koerenti u effettivi għal sorveljanza aħjar tal-intermedjarji finanzjarji li qed jikkollaboraw mal-BEI fl-appoġġ ta' SMEs fl-Ewropa qabel l-aħħar tal-2012;

17.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-BEI sabiex jirrapporta r-riżultati miksuba, inkluża data komprensiva dwar il-benefiċjarji finali, rapporti sommarji dwar il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-proċeduri interni tiegħu u l-kisbiet ta' objettivi fil-mira; jitlob li devjazzjonijiet mill-miri jiġu indikati u spjegati, u biex jingħataw dettalji tar-responsabbiltà għal dawn id-devjazzjonijiet; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' kriterji ta' referenza u rati ta' penetrazzjoni ċari, li bħala konsegwenza tagħhom, l-effettività tas-self tibqa' mhux ċara;

18.  Jirrikonoxxi l-fatt li 115000 SME rċevew appoġġ mill-Grupp tal-BEI u l-kontribuzzjoni tal-BEI tammonta għal EUR 10,0 biljun f'linji ta' kreditu għal self lil SMEs, filwaqt li l-Fond għall-Investiment Ewropew (EIF) ipprovda garanziji favur l-SMEs u kapital tar-riskju li jammonta għal EUR 2,8 biljun fl-2010; jinkoraġġixxi l-isforzi tal-BEI sabiex jiġi żgurat appoġġ akbar għall-SMEs;

19.  Jilqa' d-deċiżjoni mill-BEI biex jissieħeb fil-BERŻ u l-Grupp tal-Bank Dinji fil-pjan ta' azzjoni konġunta mill-istituzzjonijiet finanzjarji biex iżidu fl-appoġġ għall-SMEs fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant matul il-perjodu 2009-2010; jinnota li billi ssodisfa l-impenji tiegħu taħt dan il-pjan (bl-irduppjar tar-riżorsi li normalment ikunu disponibbli għall-SMEs f'dan ir-reġjun), il-BEI laħaq il-mira tiegħu ferm qabel kien mistenni u kienet reġistrata żieda ta' 25 %, li tikkorrispondi għal EUR 14-il biljun, fl-attivita' ta' self mill-BEI fi tmiem l-2010; jistieden lill-BEI jkompli bil-kooperazzjoni tiegħu mill-qrib mal-banek f'dan ir-reġjun fl-appoġġ lill-SMEs;

20.  Jilqa' l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress stabbilita f'Marzu 2010 mill-Kummissjoni u mill-BEI; jenfasizza l-ħtieġa għal żvelar pubbliku tar-riżultati ta' din il-faċilità sal-lum; jitlob li jiġu stabbiliti malajr kemm jista' jkun kriterji ċari għall-għażla tal-intermedjarji li qed jipparteċipaw fl-inizjattiva u biex dawn jiġu magħmula pubbliċi;

21.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 4/2011 dwar il-Verifika tal-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs, u jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-faċilità tal-SMEG; huwa mħasseb dwar dak li rriżulta lill-Qorti, fis-sens li l-Faċilità tipprovdi rekords insuffiċjenti li jiġġustifikaw il-parametri ta' ftehim bejn l-FEI u l-intermedjarji finanzjarji, tagħti indikaturi mhux ċari dwar il-prestazzjoni u hija nieqsa minn valuri ta' mira għall-indikaturi; jistieden lill-BEI jirrimedja dawn in-nuqqasijiet b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

22.  Jistieden lill-BEI jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet tal-QEA;

23.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-FEI fl-appoġġ ta' SMEs; jenfasizza li l-FEI għandu jkompli l-attivitajiet tiegħu relatati mal-finanzjament u garanziji għal tranżazzjonijiet tal-SMEs; jinkoraġġixxi lill-FEI jkompli bl-isforzi tiegħu fl-appoġġ tal-irkupru tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-SMEs li għadu dgħajjef;

Attivitajiet tal-BEI barra mill-UE

24.  Jilqa' l-fatt li l-garanzija tal-UE provduta lill-BEI, għall-perjodu 2007-2013, kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Unjoni, mingħajr dubju taqa' taħt l-iskrutinju tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri(8);

25.  Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipprovdi rapport speċjali lill-Parlament Ewropew, dwar l-operazzjonijiet finanzjarji mwettqa taħt dik id-Deċiżjoni b'valutazzjoni tal-impatt fil-livell tal-proġett, is-settur, il-pajjiż u dak reġjonali, li juri l-effettività tal-kontribuzzjoni tal-BEI lill-objettivi ta' politika esterna tal-UE;

26.  Huwa tal-fehma li l-istrument ta' garanzija tal-Unjoni Ewropea provdut mill-mandat estern għandu valur miżjud u effett ta' ingranaġġ għoli; madankollu jinkoraġġixxi lill-BEI jsegwi faċilitajiet għar-riskju proprju kull meta jkun possibbli, filwaqt li jippreserva l-klassifika AAA tal-BEI, u waqt li jiżgura l-koordinazzjoni effettiva ta' attivitajiet ta' assistenza mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, il-BEI u sħab oħra internazzjonali u lokali, sabiex tiżdied il-konsistenza u l-kumplimentarjetà tal-azzjonijiet;

27.  Huwa tal-fehma li l-BEI u l-BERŻ għandhom jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom f'pajjiżi terzi, sabiex jittejbu l-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom u sabiex jiġi evitat li l-attivitajiet tagħhom ikunu ddupplikati(9);

28.  Jistieden lill-BEI jinforma lill-Parlament Ewropew dwar it-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu fir-reġjun tal-Mediterran, appoġġjati mill-mandat tas-self estern, sabiex jintwerew l-impatti tal-iżvilupp tas-self tiegħu u sabiex jipprovdi rapport lill-Parlament Ewropew qabel tmiem l-2012;

29.  Jenfasizza r-rwol tal-finanzjament tal-BEI għal proġetti ta' Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPP) prinċipalment fi ħdan l-UE, u josserva l-intenzjoni tal-BEI li jesplora l-potenzjal għal PPPs fil-pajjiżi tal-Mediterran;

30.  Jistieden lill-BEI, flimkien mal-Kummissjoni u bi djalogu mill-qrib mal-pajjiżi benefiċjarji, biex ifassal b'urġenza proposta dwar faċilità bankarja ħafna aktar effettiva mill-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (FEMIP), sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tar-rwol li l-BEI jwettaq fil-pajjiżi tal-Mediterran fis-settur tas-SMEs, il-mikrokrediti, eċċ;

31.  Huwa kkonċernat dwar ir-riskji li joħolqu l-iskemi tal-PPP, bħall-valur baxx għall-ispejjeż magħmula u dejn pubbliku li parzjalment ma jidhirx fuq il-karta tal-bilanċ; jinkoraġġixxi lill-BEI jqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tar-rapport intern tiegħu “Reviżjoni ta' Lezzjonijiet minn Proġetti Mitmuma tal-PPP Iffinanzjati mill-BEI”, b'mod partikolari billi:

   a) jadotta definizzjonijiet, kwalità tad-data u konsistenza aktar ċari fil-BEI fir-rigward tal-proġetti tal-PPP,
   b) ixerred il-lezzjonijiet ta' prijorità li jkun tgħallem lil promoturi pubbliċi potenzjali,
   c) joħloq unità ċentralizzata tal-PPP fi ħdan l-BEI li tkopri kwistjonijiet kemm ta' kreditu kif ukoll ta' riskju tal-proġett fi ħdan tim komuni u speċjalizzat;

32.  Jinkoraġġixxi lill-BEI jillimita kwalunkwe appoġġ għal intermedjarji finanzjarji barra mill-UE lil istituzzjonijiet lokali li mhumiex qed joperaw f'ċentri finanzjarji offshore biss, li għandhom sjieda lokali sostanzjali u li huma mgħammra sabiex jimplimentaw approċċ favur l-iżvilupp li jappoġġja l-ispeċifiċità ta' SMEs lokali f'kull pajjiż; jitlob lill-BEI jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni fl-2012;

33.  Jilqa' r-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-mandat estern tal-BEI 2007-2013 “Rapport u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija ta' persuni għorrief” minn Frar 2010;

34.  Jilqa' l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE li tagħti garanzija tal-UE lill-BEI kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Unjoni; jenfasizza li l-mandat estern tal-BEI għandu jkun koerenti mal-Artikolu 208 TFUE, li jiddikjara li l-għan ewlieni tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni hu t-tnaqqis, u eventwalment il-qerda, tal-faqar;

35.  Huwa kkonċernat dwar in-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet tal-politika esterna; jenfasizza n-nuqqas ta' rekwiżiti għal intermedjarji finanzjarji sabiex jibagħtu riżultati ex-post dwar operazzjonijiet individwali; jitlob, għalhekk, lill-bank biex jagħmel dan ir-rappurtaġġ ex-post obbligatorju; jilqa“, madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' rappurtaġġ ġodda fid-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE;

36.  Billi l-attività tal-BEI barra mill-UE żviluppat primarjament f'pajjiżi bi dħul medju, b'riżorsi limitati ta' persunal b'mod partikolari għal xogħol upstream u għall-monitoraġġ ta' proġetti, kif ukoll bi preżenża lokali limitata meta mqabbla mal-livell u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-iffinanzjar barra mill-UE;

37.  Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-proġetti matul l-implimentazzjoni kif ukoll mat-tlestija;

38.  Jinnota li, mit-total ta' EUR 72 biljun li sellef il-BEI fl-2010, EUR 8,511-il biljun kienu mislufa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (li minnhom EUR 1,2 biljun lill-Asja u lill-Amerika Latina (ALA), EUR 1 biljun lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) (973 miljun) u l-Afrika t'Isfel (50 miljun), EUR 2,55 biljun lill-pajjiżi tal-Mediterran u EUR 328 miljun lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali), inklużi EUR 657 miljun għal proġetti fl-oqsma tal-ilma u tas-sanità, is-saħħa u l-edukazzjoni;

39.  Jinnota li l-evalwazzjoni indipendenti tal-mandat estern tal-BEI turi li l-isforzi tal-BEI biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-proġetti u jiżgura li jkun hemm preżenza lokali u jkunu segwiti l-aspetti ambjentali u soċjali għadhom jidhru li mhumiex biżżejjed, filwaqt li l-kapaċità tal-BEI li jissodisfa r-rekwiżiti tal-mandat tiegħu rigward l-aspetti tal-iżvilupp hija biss indiretta;

40.  Ifakkar li enfasi stretta fuq tkabbir abbażi tal-GDP ma jwassalx b'mod awtomatiku għal żvilupp inklużiv u sostenibbli u għat-tnaqqis tal-inugwaljanza; f'dan il-kuntest, għaldaqstant, huwa tal-fehma li riżorsi finanzjarji u ta' staff b'konċessjonijiet adegwati huma meħtieġa biex jippermettu lill-BEI jappoġġja b'mod aktar effettiv l-obbjettivi għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE;

41.  Jistieden lill-BEI jappoġġja b'mod attiv proġetti favur l-inklużjoni finanzjarja, jiġifieri l-iffaċilitar ta' aċċess ekwu għal servizzi finanzjarji bħal skemi ta' self u ta' tfaddil u ta' assigurazzjoni, pereżempju b'appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament;

42.  Jitlob li tingħata definizzjoni ta' “indikaturi ta' prestazzjoni” biex il-valur miżjud u l-impatt tal-operazzjonijiet tal-BEI jiġu segwiti aħjar, kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetenza esperta tal-persunal fi żvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet soċjali/tal-ġeneru;

43.  Jilqa' l-impenji tal-BEI, u l-politika li żviluppa, rigward ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; madanakollu, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza fl-allokazzjoni u l-monitoraġġ ta' “self globali” f'termini ta' governanza tat-taxxa; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura li l-benefiċjarji tas-self tiegħu ma jinqdewx b'rifuġji fiskali jew jużaw prattiki fiskali ta' ħsara oħra bħalma huwa l-ipprezzar tat-trasferimenti abbużiv, li jista' jwassal għall-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa; f'dan il-kuntest, jistieden lill-BEI jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji juru b'mod pubbliku kull użu li jagħmlu mis-self globali li jirċievu, inkluż rapport dwar l-attivitajiet tagħhom f'kull pajjiż individwali li joperaw fih;

44.  B'dispjaċir jinnota li l-BEI mhux qed jagħti prijorità lill-investiment f'kumpaniji lokali fil-pajjiżi AKP; iqis li l-monitoraġġ tas-self globali jew tas-self lill-SMEs għandu jitjieb, biex ikun żgurat li l-intermedjarji finanzjarji jimplimentaw b'mod xieraq ir-rekwiżiti tal-BEI, biex ikunu żgurati r-responsabbiltà, it-trasparenza u s-sostennibbiltà ambjentali fl-użu ta' fondi għad-dispożizzjoni tal-SMEs lokali; huwa tal-fehma li d-definizzjoni tal-SMEs użata f'kull reġjun estern għandha tkun iċċarata, b'kunsiderazzjoni għall-istruttura tal-ekonomiji lokali;

45.  Jitlob li l-konformità mal-istandards tal-UE/internazzjonali miftiehma fir-rigward tal-politiki ambjentali u soċjali għandha tkun kundizzjoni sistematika tal-aċċess għall-finanzjament tal-BEI, waqt li kumpaniji jew impriżi li jiksru dawn il-prinċipji u/jew huma rreġistrati f'rifuġji fiskali għandhom ikunu effetivament esklużi;

46.  Jilqa' l-inzjattiva tal-konklużjoni ta' Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament ikun involut mill-qrib fil-proċess ta' diskussjoni għat-twaqqif ta' “Pjattaforma tal-UE għall-Kooperazzjoni Esterna u l-Iżvilupp” u biex jiggarantixxi trasparenza fil-proċess.

47.  Jinnota l-importanza ta' titjib u ottimizzazzjoni ta' operazzjonijiet finanzjarji tal-UE u l-Istati Membri fl-appoġġ tal-kooperazzjoni esterna; jappoġġja l-proposta tal-“persuni għorrief” sabiex jiġu kkonsolidati l-attivitajiet esterni kollha f'entità separata sabiex tinkiseb ġestjoni aktar iffokata; itenni l-proposta tal-PE li jesplora għażliet possibbli sabiex tiġi stabbilita “Pjattaforma tal-UE għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp”;

48.  Jirrakkomanda l-organizzazzjoni aħjar tal-attivitajiet tal-BEI billi jinżamm l-għan ewlieni tal-BEI bħala l-“Bank Ewropew”;

49.  Jistieden lill-Bank jidħol biss f'operazzjonijiet ta' self barra l-Unjoni wara li jkollu l-assigurazzjoni li r-regoli tal-kummerċ bejn il-pajjiż li fih isir is-self u l-Unjoni jkunu jinkludu l-prinċipju tar-reċiproċità fl-applikazzjoni tal-istandards soċjali, ambjentali u tas-saħħa;

Mekkaniżmi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-BEI

50.  Ifakkar fin-neċessità ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza prudenzjali li fil-qafas tagħha l-BEI għandu jiġi soġġett għall-istess regoli prudenzjali bħalma huma soġġetti l-istabbilimenti ta' kreditu; dan il-kontroll prudenzjali għandu jissorvelja l-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-BEI u jiżgura li r-riżultati tiegħu jitkejlu b'mod preċiż u li jitħarsu r-regoli ta' mġiba tajba tal-professjoni; itenni l-istedina tal-PE li l-BEI ikun soġġett għal sorveljanza regolatorja prudenzjali;

51.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi lill-Parlament b'analiżi legali tal-għażliet possibbli għal superviżjoni prudenzjali tal-BEI; jirrikonoxxi l-eżistenza ta' diffikultajiet istituzzjonali b'rabta mar-rwol possibbli tal-Bank Ċentrali Ewropew fis-superviżjoni prudenzjali tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tesplora, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-possibbiltajiet kollha tas-superviżjoni prudenzjali tal-BEI;

52.  Jipproponi li din is-superviżjoni regolatorja:

   i) tkun eżerċitata mill-Bank Ċentrali Ewropew abbażi tal-Artikolu 127(6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jew
   ii) fin-nuqqas ta' dan, u abbażi ta' approċċ volontarju mill-BEI, imwettaq mill-Awtorità Bankarja Ewropea, bil-parteċipazzjoni ta' wieħed jew diversi regolaturi nazzjonali jew mingħajrha, jew minn awditur indipendenti;

53.  Madanakollu, iħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI jibqa' jimplimenta l-aħjar prassi tal-ibbankjar prudenzjali sabiex iżomm il-pożizzjoni kapitali b'saħħitha ħafna tiegħu u jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija reali; jistieden, għalhekk, lill-BEI biex jgħaddi minn “stress test” sabiex jivverifika l-kapaċità ta' reżistenza tal-portafoll tiegħu;

54.  Jilqa' l-fatt li l-BEI jikkonforma volontarjament mar-rekwiżiti kapitali tal-Basel II, u jħeġġeġ lill-BEI jissodisfa wkoll l-obbligi futuri tal-Basel III;

55.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-ikklassifikar tal-kreditu tal-BEI; iħeġġeġ lill-BEI jelabora u jimplimenta strateġija sabiex iżomm il-klassifika AAA tiegħu li hija s-sinsla tal-attività tal-bank u hi essenzjali għall-operazzjonijiet tal-bank; jinnota li l-bank jiġi eskluż minn ċerti kategoriji ta' investituri jekk ma tinżammx il-klassifika AAA;

56.  Minħabba l-ħtiġijiet ta' investiment tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-kapital insuffiċjenti pprovdut mis-swieq, jistieden lill-Gvernaturi tal-BEI jaqblu dwar żieda sinifikanti fil-kapital għall-BEI;

57.  Jinnota li l-livell globali tar-riskju ta' kreditu fil-portafoll tas-self tal-Bank żdied bħala riżultat kemm tal-pressjonijiet li dejjem qed jiżdiedu fuq l-affidabbiltà ta' kontropartijiet eżistenti, immexxija mill-effetti kontinwi tal-kriżi ekonomika, u parzjalment minħabba r-riskju ta' kreditu ogħla integrat f'operazzjonijiet ġodda; jirrakkomanda li l-BEI jieħu l-miżuri xierqa sabiex jevita deterjorazzjoni tal-portafoll tas-self tiegħu;

58.  Jirrimarka li l-UE għandha bżonn it-tkabbir ekonomiku li jista' jiġi stimolat b'mod effettiv permezz tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u billi titrawwem il-kostruzzjoni ta' netwerks trans-Ewropej, u li f'dan il-kuntest l-attività tal-BEI tista' tikkontribwixxi biex ittejjeb il-prospetti ekonomiċi attwali;

59.  Iqis li l-BEI għandu jimplimenta mekkaniżmi li jiggarantixxu r-rispett, fl-operazzjonijiet finanzjarji kollha tiegħu, għall-valuri ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u għall-istandards tagħha tat-trasparenza u tal-akkwist; jistieden lill-BEI itejjeb aktar it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji, u jaġixxi sabiex jipprevjeni l-użu tar-rifuġji fiskali, l-ipprezzar tat-trasferimenti u l-evitar tat-taxxa;

60.  Jistieden lill-BEI iressaq lill-Parlament, fuq bażi formali u trasparenti, rapport annwali li jkun fih dejta rilevanti dwar l-adegwatezza kapitali, l-obbligazzjonijiet kontinġenti, l-operazzjonijiet permezz ta' intermedjarji finanzjarji, it-teħid ta' riskji, il-fattur ta' ingranaġġ fil-finanzjament tiegħu tas-settur privat, u l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-FEI;

61.  Jistieden lill-Grupp tal-BEI ikompli jimplimenta l-aħjar prassi bankarji prudenzjali sabiex iżomm il-pożizzjoni kapitali ferm b'saħħitha tiegħu u jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija reali; għalhekk, jitlob lilll-BEI jibqa' soġġett għal superviżjoni regolatorja prudenzjali stretta sabiex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tiegħu, tiġi mmonitorjata l-kwalità tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u tiġi żgurata l-portata preċiża tar-riżultati u tal-konformità tiegħu mar-regoli tal-prassi professjonali tajba; iqis li l-BEI jista' jsirlu wkoll stress test biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tiegħu;

62.  Jistieden lill-Grupp tal-BEI biex ikollu disponibbli fuq is-sit elettroniku tiegħu, fejn xieraq u qabel l-approvazzjoni tal-proġetti, informazzjoni relevanti dwar il-benefiċjarji ta' self u garanziji fit-tul, dwar l-intermedjarji finanzjarji tiegħu, il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-proġetti u s-self ta' kapital tar-riskju lill-SMEs, filwaqt li jispeċifika b'mod partikolari l-ammonti żborżjati, in-numru ta' għotjiet b'self mogħtija, u r-reġjun u s-settur industrijali konċernati; jirrakkomanda li r-rwol tal-BEI jkun aktar iffukat, selettiv, effettiv u orjentat lejn il-ksib tar-riżultati; jitlob ukoll li jsiru evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali, soċjali u makroekonomiku tal-proġetti appoġġjati;

63.  Huwa tal-fehma li, sabiex jintlaħqu l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, il-BEI għandu jistabbilixxi b'mod partikolari sħubijiet fuq livell ogħla ma' intermedjarji finanzjarji trasparenti u responsabbli marbuta mal-ekonomija lokali;

64.  Jistieden lill-BEI jibqa' għaddej bl-isforzi tiegħu biex jiżgura li s-self jiġi trażmess b'mod effettiv lill-SMEs permezz ta' intermedjarji finanzjarji;

65.  Jistieden lill-BEI jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu dwar l-hekk imsejħa Bonds tal-Proġetti tal-UE jew strumenti finanzjarji innovattivi oħra bbażati fuq il-kofinanzjament bejn il-baġits tal-UE u tal-BEI; jemmen li l-Kummissjoni għandha ddaħħal Bonds tal-Proġetti tal-UE li għandhom jibdew joperaw kemm jista' jkun malajr, preferibbilment qabel il-perjodu baġitarju 2014-2020; jistieden lill-BEI jieħu sehem attiv fit-twettiq ta' inizjattivi bħal dawn; iqis li l-implimentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Bonds tal-Proġetti tal-UE 2020 tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-industriji sostenibbli u l-infrastruttura fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-proċeduri stabbiliti għal dak il-għan għandhom ikunu stabbiliti b'mod espliċitu f'qafas ta' eliġibbiltà ta' proġetti, soġġett għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jikkunsidra li r-rekwiżiti dwar l-istandards ambjentali, soċjali, tad-drittijiet ċivili u tat-trasparenza għandhom jiġu rrispettati fl-istrumenti ta' finanzjament innovattivi kollha;

66.  Jemmen li l-BEI għandu jqis is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Istati Membri meta jiddeċiedi f'liema infrastrutturi l-fażi pilota tal-bonds tal-proġetti għandha tiġi implimentata; din il-fażi pilota għandha tagħti prijorità lil proġetti fi Stati Membri bi problemi ta' tkabbir baxx u ta' likwidità fis-swieq finanzjarji;

67.  Jistieden lill-BEI jivvaluta, u jekk ikun xieraq jeżamina jew iżid, l-attivitajiet tiegħu fil-pajjiżi fejn jopera fin-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex iħeġġeġ l-investiment fis-setturi li huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, il-funzjonament tas-suq, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, u biex iqis il-proċess demokratiku u l-istat tad-dritt f'dawk il-pajjiżi; jinnota ż-żieda reċenti ta' biljun euro fil-mandat ta' self tal-BEI għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u jqis li l-BEI għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-impatt fuq l-iżvilupp tal-operazzjonijiet attwali tiegħu fir-reġjun;

68.  Jilqa' r-rwol akbar tas-self għall-programmi strutturali (SPLs) tal-BEI fl-għajnuna lill-Istati Membri biex jiffinanzjaw il-kontribuzzjonijiet għall-programmi appoġġjati mill-Fondi Strutturali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-BEI biex tiżgura li l-investiment fil-proġetti tal-infrastruttura ma jkunx pospost b'riżultat tad-diffikultajiet ekonomiċi affaċċjati mill-Istati Membri;

69.  Jemmen li l-BEI għandu jwettaq l-evalwazzjoni indipendenti tiegħu tal-ġurisdizzjonijiet li jkun qed jopera fihom, sabiex jiġġieled il-flussi illeċiti ta' kapital u jiżgura li ma jkunx involut f'ċentri finanzjarji offshore;

70.  Jistieden lill-BEI itejjeb l-attivitajiet tiegħu f'dawk l-Istati Membri tal-UE b'defiċits kbar u persistenti fil-kontijiet kurrenti, bl-għan li titrawwem il-konverġenza soċjali u ekonomika u li jkun hemm aktar sostenibbiltà finanzjarja u politika tal-unjoni monetarja;

71.  Jitlob lill-BEI jiċċara u jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu rigward it-trasformazzjoni tal-FEMIP f'bank Ewro-Mediterranju;

72.  Jitlob li ssir reviżjoni tad-dokument tal-politika tal-enerġija tal-BEI mill-2007 biex issir konsistenti mal-objettivi u l-pjanijiet direzzjonali tal-UE għall-2050;

73.  Jinnota li fl-2010 l-BEI ipprovda EUR 25,9 biljun għal dawk ir-reġjuni tal-UE li ntlaqtu l-aktar ħażin mill-kriżi ekonomika;

74.  Jemmen li, fil-kuntest tad-diffikultajiet affaċċjati mill-SMEs fl-aċċess għall-kreditu, il-BEI għandu jissieħeb ma' intermedjarji finanzjarji trasparenti u responsabbli marbuta mal-ekonomija lokali, u għandu jippubblika regolarment informazzjoni fir-rigward tal-ammonti żborżjati, il-benefiċjarji ta' dawk l-ammonti, u r-reġjuni u s-setturi industrijali li għalihom saru l-iżborżamenti;

75.  Jisħaq fuq l-importanza tal-programmi JASPERS, JESSICA, JEREMIE u JASMINE għall-konverġenza u l-koeżjoni reġjonali fl-Ewropa u għall-appoġġ għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, u jisħaq fuq il-bżonn ta' finanzjament adegwat, anke matul il-perjodu ġdid ta' programmazzjoni (2014-2020); jilqa' l-parteċipazzjoni tal-BEI fil-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress; jisħaq fuq l-importanza tal-konverġenza reġjonali tas-self tal-BEI fil-forma ta' finanzjament għall-proġetti strutturali;

76.  Jinnota t-tnaqqis fis-self lill-BEI għal EUR 60 biljun fl-2012 minn EUR 75 biljun fl-2011 taħt il-Programm Operattiv il-ġdid għall-2012-2014, kif indikat fil-programm annwali adottat mill-Bord tad-Diretturi;

77.  Jilqa' l-għajnuna mogħtija mill-BEI, b'kooperazzjoni mal-Fondi Strutturali tal-UE, lil pajjiżi li qed jaffaċċjaw diffikultajiet finanazjarji, inkluż self li jkopri parti mill-kontribuzzjoni nazzjonali għal proġetti sostenuti minn dawk il-fondi; jilqa l-ħolqien ta' Fond ta' Garanzija fil-Greċja ffinanzjat mill-Qafas ta' Referenza Strateġika Nazzjonali (NSRF) bl-għajnuna u l-assistenza tal-BEI, li huwa mistenni li jgħin il-faċilitazzjoni tat-twettiq tal-investimenti pubbliċi.

78.  Jilqa' l-mekkaniżmu tal-ilmenti l-ġdid tal-BEI; josserva madankollu li fl-2010 dan il-mekkaniżmu ma kienx operattiv għal kollox; jieħu nota tat-tkabbir sostanzjali ta' numri ta' ilmenti prinċipalment fil-qasam tal-aspetti tal-akkwist, tal-ambjent, dawk soċjali u tal-iżvilupp ta' proġetti li ġew iffinanzjati; jitlob lill-BEI jipprovdi lill-PE bl-informazzjoni rilevanti dwar is-segwitu tal-ilmenti sottomessi sal-aħħar ta' Settembru 2012; jilqa' l-adozzjoni tal-Proċeduri ta' Operat ta' Mekkaniżmu tal-Ilmenti (CMOP), approvati mill-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Bank f'Novembru 2011;

79.  Jistieden lill-BEI isaħħaħ id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-aspetti soċjali (inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem) f'ħidmietu fiċ-ċiklu ta' proġett, permezz ta' analizi ex ante u speċjalment permezz tal-monitoraġġ tul l-implimentazzjoni u t-tlestija ta' proġett;

80.  Jitlob li l-konformità mal-istandards tal-UE dwar il-politiki ambjentali u soċjali għandha tkun kundizzjoni sistematika tal-aċċess għall-finanzjament tal-BEI, waqt li l-kumpaniji jew l-impriżi li jiksru dawn il-prinċipji u huma reġistrati f'Ġurisdizzjonijiet Mhux Konformi għandhom ikunu effetivament esklużi;

81.  Jistieden lill-BEI jistabbilixxi “indikaturi dwar il-prestazzjoni” ċari biex isegwi aħjar il-valur miżjud ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament u sabiex tissaħħaħ il-kompetenza esperta tal-persunal fi żvilupp sostenibbli, drittijiet tal-bniedem, u kwistjonijiet soċjali/ta' ġeneru;

82.  Jitlob li l-garanziji finanzjarji maħruġa mill-UE għall-BEI jitħallsu lura bir-rata medja għall-ħlas lura ta' garanziji komparabbli rikonoxxuti fis-suq finanzjarju. Il-ħlas lura kif ikkalkulat jista' jkun soġġett għal deċiżjoni ta' sussidju mill-UE fir-rigward tal-BEI b'konformità mal-proċeduri normali jekk in-nuqqas ta' dan il-ħlas lura ta' din il-garanzija jkun parti minn mudell ekonomiku skont l-objettivi tal-Unjoni, b'mod partikolari għal attivitajiet barra mill-Unjoni, u skont ir-regoli tas-suq intern biex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mas-settur privat;

83.  Jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni – bil-ħsieb li jtejjeb l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi ta' kontroll, ta' monitoraġġ u ta' superviżjoni u l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-istrumenti u l-mekkaniżmi – ifasslu gwida għall-aħjar prassi li tidentifika u tinkludi wkoll prattiki ħżiena, meta dawn irriżultaw, sabiex wieħed jitgħallem mill-iżbalji li saru fil-passat;

84.  Jiddispjaċih, fejn għandha x'taqsam trasparenza, li fil-kapitolu bit-titolu “il-kapital tal-BEI u l-operazzjonijiet ta' self għall-2010”, ir-rapport tal-BEI għall-2010 ma jippreżentax u ma jevalwax ir-riskju assoċjat mal-mekkaniżmu BEI nnifsu, riskju bbażat fuq kapital sostanzjali ħafna u sottoskritt, li ma ġiex rilaxxat mill-azzjonisti uniċi, jiġifieri l-Istati Membri, li r-rata ta' klassifikazzjoni tagħhom iddeterjorat gradwalment minn mindu bdiet il-kriżi fil-Ħarifa tal-2008;

85.  Jipproponi li l-Istati Membri involuti fil-BEI jadottaw pjan, jiġifieri għall-perjodu tal-UE 2020, għar-rilaxx tas-sehem mill-kapital sottoskritt li ma tħallasx, li fil-31 ta' Diċembru 2010 kien jammonta għal madwar EUR 190 biljun;

Ir-responsabbiltajiet u r-rwol futur tal-BEI

86.  Jinnota d-diverġenza allarmanti fost l-ekonomiji Ewropej f'termini ta' kompetittività u innovazzjoni;

87.  Jilqa' l-fatt li fl-2010, il-BEI żied il-finanzjament disponibbli għal proġetti relatati mal-klima f'oqsma bħall-effiċjenza tal-enerġija, sorsi ta' enerġija rinnovabbli, it-trasport, il-forestazzjoni, l-innovazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, għal EUR 19 biljun (30 % tas-self totali li ngħata fi ħdan l-UE), li żdied minn EUR 16 biljun għas-sena preċedenti;

88.  Jilqa' l-enfasi tal-BEI rigward it-tibdil fil-klima, partikolarment dak dwar l-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-BEI jqis l-aċċess universali għall-enerġija bħala parti importanti mill-ħidma tiegħu fis-settur tal-enerġija, billi jappoġġja d-deċentralizzazzjoni ta' proġetti ta' skala żgħira jew barra mill-grid, partikolarment f'żoni rurali; jistieden lill-BEI jibda jagħlaq gradwalment il-proġetti li x'aktarx għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent, bħal pereżempju digi kbar, teknoloġiji tas-CCS u tal-fjuwils fossili, biex ikun evitat li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom jużaw dawn it-tipi ta' enerġija biss;

89.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jiffinanzja proġetti li jissodisfaw rekwiżiti ambjentali stretti, u b'hekk jippromwovu tkabbir sostenibbli u l-eliminazzjoni gradwali tal-finanzjament li huwa ta' ħsara għall-ambjent;

90.  Jistieden lill-BEI jagħti kontribut aktar ambizzjuż favur id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-BEI għandu jagħti prijorità lil proġetti li jnaqqsu d-domanda għat-trasport u li jiżviluppaw trasport pubbliku u kkombinat;

91.  Jistieden lill-BEI jagħmel “grey list” – għal skopijiet ta' studju – ta' proġetti li jinvolvu teknoloġiji li, għalkemm jafu jissodisfaw l-istandards minimi Ewropej, ma rnexxilhomx jissodisfaw l-istandards ambjentali Ewropej medji;

92.  Jilqa' s-sostenn mogħti mill-EIB għas-settur tal-enerġija rinnovabbli (settur ta' importanza strateġika biex jintlaħqu l-miri tal-klima tal-UE), li żdied sostanzjalment matul dawn l-aħħar snin (EUR 6 biljun fl-2010, meta mqabbel ma' EUR 500 miljun fl-2006);

93.  Japprezza l-fatt li l-BEI tejjeb ukoll il-kapaċità teknika interna tiegħu billi żied l-għadd ta' esperti tal-proġetti li jaħdmu primarjament fuq proġetti ta' effiċjenza enerġetika/enerġija rinnovabbli minn 40 % (2007) għal 64 % (2011);

94.  Jitlob li l-BEI jkompli japplika kundizzjonijiet aktar stretti għal proġetti li jużaw il-fjuwils fossili li sfortunatament għadhom jirrappreżentaw 10 % tal-finanzjament tal-Bank; jisħaq fuq l-importanza li jiġu applikati dawk il-kundizzjonijiet bil-għan li jitneħħa b'mod gradwali s-sotenn tal-BEI għall-produzzjoni tal-enerġija li tinvolvi emissjonijiet kbar ta' karbonju, hekk kif titfaċċa l-opportunità;

95.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-benefiċċji tal-proġetti ffinanzjati mill-BEI f'pajjiżi li qed jiżviluppaw japplikaw ukoll għal komunitajiet lokali, li, fejn ikun xieraq, għandhom jiġu kkonsultati dwar proġetti tal-investiment li għandhom possibilità kbira li jkollhom impatt fuq iż-żona tagħhom; huwa tal-fehma li l-proġetti għandhom jiġu kkontrollati għall-integrità ambjentali u għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-karbonju;

96.  Jistieden lill-BEI, b'referenza għall-bijodiversità, biex jibbaża l-azzjoni tiegħu fuq il-prinċipju ta' “l-ebda telf nett”; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, dwar l-istandards żviluppati mill-Programm ta' Kumpens għan-Negozju u l-Bijodiversità (BBOP);

97.  Iħeġġeġ lill-BEI iżid il-finanzjament għall-proġetti relatati mal-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma, filwaqt li ssir enfasi partikolari fuq il-pajjiżi Ewropej fiż-żona tan-Nofsinhar tal-Mediterran partikolarment fir-rigward tas-sostenibilità tal-provvista;

98.  Jiġbed l-attenzjoni tal-BEI dwar in-nuqqas dejjem jikber ta' materja prima; jistieden lill-EIB jinvestiga kif jista' jgħin biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tal-materja prima fl-UE;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Grupp BEI ifasslu strumenti ta' finanzjament innovattivi u ta' baġit konġunt għal investimenti li jappoġġjaw il-bijodiversità, u jistieden lill-Grupp BEI jipprovdi servizzi tekniċi relatati u servizzi ta' konsulenza finanzjarja li huma konsistenti mal-istandards ta' prestazzjoni ambjentali tal-Bank;

100.  Jistieden lill-BEI jappoġġja proġetti mfassla biex jippromwovu l-bijodiversità u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, u jimpenja ruħu li ma jiffinanzjax proġetti li jinvolvu tibdil sinifikanti f'ħabitats naturali kbar jew il-produzzjoni ta' sustanzi projbiti, proġetti ta' kostruzzjoni ta' digi kbar li ma jirrispettawx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi, jew proġetti ta' estrazzjoni (żejt mhux maħdum, gass u minerali) li jkollhom effetti ambjentali u soċjali devastanti u li ma jirrispettawx ir-rakkomandazzjonijiet espressi fl-Extractive Industries Review tal-Bank Dinji;

101.  Jitlob lill-BEI jkompli japplika kundizzjonijiet stretti għal proġetti dwar il-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-faħam u l-linjite li jibqgħu eliġibbli għas-sostenn tal-BEI skont l-objettivi tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista, u jenfasizza kemm huwa importanti li dawn il-kundizzjonijiet jiġu applikati mill-aktar fis possibbli, bil-ħsieb li jitneħħa gradwalment is-sostenn min-naħa tal-BEI għall-produzzjoni tal-enerġija li tinvolvi livelli għoljin tal-karbonju;

102.  Itenni wkoll l-istedina tiegħu, li l-BEI għandu jġib l-operazzjonijiet tiegħu kompletament konformi mal-objettiv tal-UE ta' tranżizzjoni rapida għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u li jadotta pjan għall-eliminazzjoni tas-self ta' karburanti fossili, inkluż self min-naħa tiegħu għall-impjanti kollha tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, u għall-irduppjar tal-isforzi sabiex jiżdied it-trasferiment ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

103.  Iħeġġeġ lill-BEI biex itejjeb is-sistema tiegħu tal-evalwazzjoni u l-għażla tal-proġett u sabiex jevita l-appoġġ ta' proġetti b'impatt negattiv fuq il-klima filwaqt li jsaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġett; ir-riżultati miksuba bl-investimenti tal-Bank f'termini tal-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu rrapportati fuq bażi annwali;

104.  Jipproponi li l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-BEI (minħabba l-kwalità tar-riżorsi umani tal-BEI u l-esperjenza tiegħu fil-finanzjament ta' infrastrutturi kbar), timpenja ruħha fi proċess ta' analiżi strateġika tal-finanzjament ta' investimenti, mingħajr ma teskludi l-ebda xenarju, inklużi s-sussidji, ir-rilaxx ta' fondi sottoskritti mill-Istati Membri għall-kapital tal-BEI, sottoskrizzjonijiet tal-UE għall-kapital tal-BEI, għotjiet b'self, l-istrumenti innovattivi, l-inġinerija finanzjarja adattata għall-proġetti fit-tul li mhumiex bi profitt immedjatament, l-iżvilupp ta' sistemi ta' garanziji, il-ħolqien ta' sezzjoni ta' investiment fi ħdan il-baġit tal-Unjoni, il-konsorzji finanzjarji bejn awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali, sħubiji pubbliċi-privati, eċċ;

105.  Ifakkar ukoll li l-istrateġija Ewropa 2020 tkun kredibbli biss jekk tkun appoġġjata minn riżorsi finanzjarji adegwati, u għalhekk jappoġġja r-rwol aktar prominenti tal-BEI fit-titjib tar-rwol katalitiku u l-funzjoni ta' ingranaġġ tal-fondi strutturali u fl-iżvilupp ulterjuri u l-użu aħjar tal-strumenti ta' finanzjament innovattivi, li jinvolvu b'mod partikolari l-EIB u l-EIF u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra fuq il-bażi ta' reċiproċità (pereżempju, it-taħlit ta' għotjiet u self, strumenti għal kapitali ta' riskju, forom ġodda għall-kondiviżjoni tar-riskju u ta' garanziji);

106.  Jistieden lill-korpi governattiv tal-BEI jikkunsidraw il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea ssir azzjonista fil-Bank, flimkien mal-Istati Membri, peress li dan, fil-fehma tiegħu, isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-Kummissjoni;

107.  Jistieden lill-BEI jappoġġja l-isforzi għall-bini tal-fiduċja f'dawk l-Istati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro, billi jipparteċipa fi proġetti ta' investiment f'dawn il-pajjiżi u billi jipprovdi garanziji li jtaffu r-riskju akbar tal-pajjiż partikolari;

108.  Huwa tal-fehma li, wara l-bidliet li saru minħabba t-Trattat ta' Lisbona u r-rwol akbar tal-BEI għall-iżvilupp bilanċjat u kostanti tas-suq intern, il-BEI għandu jsir aktar responsabbli għaċ-ċittadini tal-UE, jiġifieri jkun soġġett għal proċedura ta' kwittanza mill-Parlament Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni ta' fondi pubbliċi magħmula mill-baġit tal-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u ġestiti mill-BEI;

109.  Jilqa' l-impenn tal-BEI biex jiżviluppa qafas ġdid għall-kejl tal-impatti tal-iżvilupp (Qafas għall-Kejl tar-Riżultat, REM) għall-evalwazzjoni ta' proġetti kemm ex-ante kif ukoll ex-post minn Jannar 2012, u jħeġġeġ lill-BEI jtejjeb it-trasparenza fl-applikazzjoni ta' dan il-qafas billi jiżvela l-lista sħiħa ta' indikaturi, u jippubblika r-rapporti ta' monitoraġġ u l-miżuri meħuda; jitlob li jinżamm infurmat dwar it-titjib fil-monitoraġġ tar-riżultat, miksub mill-Qafas għall-Kejl tar-Riżultat (REM);

110.  Jilqa' l-fatt li l-monitoraġġ finanzjarju u kuntrattwali tal-proġetti ġie rinfurzat mill-ħolqien ta' grupp ta' ħidma ta' monitoraġġ ġdid; jitlob li jiġi infurmat dwar ir-riżultati u t-titjib miksuba mill-grupp ta' ħidma ta' monitoraġġ ġdid;

111.  Jistieden lill-BEI jipparteċipa fil-finanzjament ta' proġetti tal-investiment li għandhom l-għan li jappoġġjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'dawn il-pajjiżi u reġjuni li f'każ ta' impatti ekonomiċi esterni asimmetriċi jiġu milquta sproporzjonalment;

112.  Jistieden lill-BEI jorbot il-proġetti ta' finanzjament tiegħu mal-isforzi tiegħu biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, id-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-prinċipji ta' impjieg deċenti u tal-ambjent u l-governanza tajba, permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

113.  Jilqa' l-Inizjattiva ta' ħruġ ta' Bonds għal Proġetti “tal-Ewropa 2020”, bħala mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju bejn il-KE u l-BEI, li tipprovdi sostenn b'limitu massimu mill-baġit tal-UE, li għandu jservi ta' ingranaġġ għall-fondi tal-UE u jattira finanzjament addizzjonali fis-settur privat għal proġetti individwali ta' infrastruttura f'konformità mal-objettivi “Ewropa 2020”; iħeġġeġ lill-BEI sabiex iwettaq fażi pilota tal-inizjattiva qabel it-tmiem tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 sabiex jivvaluta l-effettività tas-sistema;

114.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-BEI fl-istabbiliment ta' proċeduri ċari vis-à-vis il-Ġurisdizzjonijiet Mhux Konformi; isostni l-Bank fil-politika tiegħu li ma jipparteċipax fl-ebda operazzjoni implimentata permezz ta' ġurisdizzjoni mhux kooperattiva; jistieden lill-BEI jevalwa l-implimentazzjoni u l-funzjonament “tal-Politika tiegħu lejn ġurisdizzjonijiet ftit li xejn regolati, mhux trasparenti u li ma jikkooperawx” (hekk imsejħa Politika NCJ ), u jirrapporta lill-Parlament Ewropew qabel tmiem l-2012; iħeġġeġ lill-BEI jirrivedi u jaġġorna regolarment il-Politika NCJ tiegħu biex jiżgura li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI ma jikkontribwixxu għal ebda forma ta' evażjoni tat-taxxa, ħasil ta' flus jew finanzjament ta' terroriżmu;

o
o   o

115.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 250, 27.9.2011, p. 111.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0156.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0266.
(4). Testi adottati, P7_TA(2011)0331.
(5). ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 30.
(6) Il-Grupp tal-BEI jinkludi l-BEI u l-FEI.
(7) Il-Parlament talab dan fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-rapporti annwali tal-BEI u tal-BERŻ għall-2007. Barra minn hekk, il-Parlament adotta wkoll din il-pożizzjoni bħala parti mill-votazzjoni tiegħu dwar ir-rapport Bowles dwar is-sottoskrizzjoni għall-ishma addizzjonali fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp ***I.
(8). Art. 15 tad-Decision Nru 1080/2011/EU
(9). Il-Parlament talab dan fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-rapporti annwali tal-BEI u tal-BERŻ għall-2007. Fid-deċiżjoni dwar is-sottoskrizzjoni tal-UE għal ishma addizzjonali fil-kapital tal-BERŻ b'riżultat tad-deċiżjoni biex dak il-kapital jiżdied, il-Parlament u l-Kunsill talbu wkoll lill-Gvernatur tal-BERŻ għall-Unjoni biex jirrapporta annwalment lill-Parlament dwar il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-BERŻ barra l-Unjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza