Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma tissejjaħx Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati fir-rigward taż-żieda ta' Protokoll dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta' Lisbona, għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (00092/2011 – C7-0388/2011 – 2011/0816(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, fid-19 ta' Ġunju 2009, dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta' Lisbona (Anness 1 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza);
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Gvern Irlandiż lill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2011, mibgħuta skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-proposta għaż-żieda ta' abbozz ta' protokoll dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż rigward it-Trattat ta' Lisbona (“l-abbozz ta' protokoll”) għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra s-sottomissjoni ta' dik il-proposta mill-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2011 dwar dik il-proposta lill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-President tal-Kunsill Ewropew lill-President tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011, rigward l-abbozz ta' protokoll,
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni biex ma tissejjaħx Konvenzjoni mressqa mill-Kunsill Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0388/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 74a u 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0065/2012),
A. billi fid-19 ta' Ġunju 2009, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tul il-Kunsill Ewropew qablu li jieħdu deċiżjoni sabiex jagħtu serħan il-moħħ u jwieġbu għall-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta' Lisbona rigward id-dritt għall-ħajja, il-familja u l-edukazzjoni;
B. billi l-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas-27 Stat Membru ddikjaraw ukoll li d-deċiżjoni kienet legalment vinkolanti u kellha tidħol fis-seħħ sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;
C. billi ddikjaraw ukoll, waqt il-konklużjoni tat-Trattat ta' adeżjoni li jmiss, u skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, li kellhom jistipulaw id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni fi protokoll li kellu jiġi mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
D. billi, tabilħaqq il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern fil-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2009, kienu diġà qablu dwar is-sustanza tad-dispożizzjonijiet proposti fl-abbozz ta' protokoll, sabiex b'hekk diġà nstabet soluzzjoni politika għall-kwistjoni u għalhekk is-sejħa ta' Konvenzjoni ma tidhirx li hi ġustifikata;
1. Japprova l-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma tissejjaħx Konvenzjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.