Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/0815(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0064/2012

Testi mressqa :

A7-0064/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0124

Testi adottati
PDF 204kWORD 39k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2012 - Strasburgu
L-Abbozz ta' Protokoll dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż rigward it-Trattat ta' Lisbona (Konsultazzjoni) *
P7_TA(2012)0124A7-0064/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar l-abbozz ta' protokoll dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż rigward it-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 48(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea) (00092/2011 – C7-0387/2011 – 2011/0815(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, fid-19 ta' Ġunju 2009, dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta' Lisbona (Anness 1 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza);

–   wara li kkunsidra l-ittra mill-Gvern Irlandiż lill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2011, mibgħuta skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-proposta għaż-żieda ta' abbozz ta' protokoll dwar il-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż rigward it-Trattat ta' Lisbona (“l-abbozz ta' protokoll”) għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sottomissjoni tal-proposta tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2011 dwar dik il-proposta lill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0387/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0064/2012),

A.  billi fl-2008 il-Gvern Irlandiż iddeċieda li jsejjaħ referendum dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona;

B.  billi, minħabba r-riżultat negattiv tar-referendum tat-12 ta' Ġunju 2008, l-Irlanda ma kinitx f'pożizzjoni li tirratifika t-Trattat ta' Lisbona;

C.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu bejn il-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, u fuq talba tal-Gvern Irlandiż qabel li kellha tittieħed deċiżjoni sabiex il-Kummissjoni tibqa' tinkludi ċittadin wieħed minn kull Stat Membru wara l-2014;

D.  billi, minħabba r-rekwiżit ta' unanimità għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Gvern Irlandiż kien mistenni jsib soluzzjoni għas-sitwazzjoni li seħħet minħabba d-deċiżjoni li jinżamm referendum u r-rifjut sussegwenti tiegħu;

E.  billi l-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tul il-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2009, qablu li jieħdu deċiżjoni sabiex jagħtu l-“garanziji legali meħtieġa” li jirrispondu għall-preokkupazzjonijiet tal-poplu Irlandiż fir-rigward tad-dritt għall-ħajja, il-familja u l-edukazzjoni, it-tassazzjoni, is-sigurtà u d-difiża, u qablu li kellhom, waqt il-konklużjoni tat-Trattat ta' adeżjoni li jmiss, u skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, jistipulaw id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni fi protokoll li kellu jiġi mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala kjarifika għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona rigward it-tħassib Irlandiż;

F.  billi l-Artikolu 1 tal-abbozz ta' protokoll li jistipula li ma hemm xejn fit-Trattat ta' Lisbona li jaffettwa l-ambitu u l-applikabilità tal-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja, il-protezzjoni tal-familja u l-protezzjoni tad-drittijiet fir-rigward tal-edukazzjoni kif stipulat mill-Kostituzzjoni tal-Irlanda, jirreferi għal kwistjonijiet li ma jikkostitwux oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikoli 4 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 2 sa 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li dwarhom l-Unjoni għandha biss rwol kumplimentari (Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

G.  billi l-Artikolu 2 tal-abbozz ta' protokoll, fir-rigward tat-tassazzjoni, ifittex li jistabbilixxi li “l-ebda dispożizzjoni fit-Trattat ta' Lisbona ma tbiddel bl-ebda mod, għall-ebda Stat Membru, il-kamp ta' applikazzjoni jew l-operat tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea” u ma jipprevjenix milli jsir progress ulterjuri lejn koordinament ekonomiku msaħħaħ fl-Unjoni;

H.  billi l-Artikolu 3 tal-abbozz ta' protokoll jiġġustifika d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar is-sikurezza u d-difiża (Artikoli 42 sa 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), u jagħmilha ċara li l-politika ta' sikurezza u ta' difiża komuni tal-Unjoni ma tippreġudikax il-politika ta' sikurezza u ta' difiża tal-Istat Irlandiż jew l-obbligi tiegħu, u li jinkludi obbligu ta' għajnuna u assistenza u ta' azzjoni konġunta fi spirtu ta' solidarjetà, jekk Stat Membru jisfa vittma ta' aggressjoni armata fit-territorju tiegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rispettivament;

I.  billi jenħtieġ li jiġu rispettati l-ftehimiet politiċi preċedenti bejn il-gvernijiet u billi l-kontenut tal-abbozz ta' protokoll jirreferi biss għas-sitwazzjoni tal-Irlanda;

1.  Jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew favur eżami tal-emendi proposti lit-Trattati;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza