Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2195(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0084/2012

Testi mressqa :

A7-0084/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0125

Testi adottati
PDF 339kWORD 105k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2012 - Strasburgu
Ir-rwol tal-Politika ta' Koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020
P7_TA(2012)0125A7-0084/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020 (2011/2195(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 355 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jagħti status speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi, u l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE rigward is-sistema ta' għajnuna mill-Istat għal dawn ir-reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE li jassenjaw objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dan jintlaħaq,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2004 bit-titolu “Sħubija msaħħa għar-reġjuni l-aktar imbiegħda” (COM(2004)0343),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar sħubija msaħħa għar-reġjuni l-iktar imbiegħda(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2007 bit-titolu “Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni” (COM(2007)0507), u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, tat-12 ta' Settembru 2007, li jakkumpanja din il-komunikazzjoni, bit-titolu “Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni” (SEC(2007)1112),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu “Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa” (COM(2008)0642),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum Konġunt tar-reġjuni ultraperiferiċi, tal-14 ta' Ottubru 2009, dwar “Ir-reġjuni ultraperiferiċi fuq ix-xefaq tal-2020”,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Spanja, ta' Franza, tal-Portugall u tar-reġjuni ultraperiferiċi, tas-7 ta' Mejju 2010, dwar “Viżjoni mġedda tal-istrateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3 022 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-14 ta' Ġunju 2010(3),

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-24 ta' Settembru 2010, dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006 (COM(2010)0501),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Settembru 2010, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni (COM(2010)0498),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta' Ġunju 2011, bit-titolu “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500 - Partijiet 1 u 2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill, tad-29 ta' Ġunju 2011, li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fis-suq uniku: l-influwenza tal-UE fid-dinja”, tat-12 ta' Ottubru 2011, għall-membru tal-Kummissjoni Ewropea s-Sur Michel Barnier, ippreżentat mis-Sur Pedro Solbes Mira,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, tat-18 ta' Ottubru 2010, bit-titolu “Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 355(6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-inizjattiva tal-Gvern Franċiż għall-emenda tal-istatus ta' Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni” (COM(2010)0559), u d-Deċiżjoni 2010/718/UE tal-Kunsill, tad-29 ta' Ottubru 2010, li timmodifika l-istatus tal-gżira ta' Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-XVII-il Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, tat-3 u l-4 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, tal-15 ta' Jannar 2010, għall-konsultazzjoni pubblika marbuta mad-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni – Konsultazzjoni dwar l-istrateġija futura “UE 2020” (COM(2009)0647),

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni konġunta tar-reġjuni ultraperiferiċi, tat-28 ta' Jannar 2011, fir-rigward tal-Ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, tat-28 ta' Frar 2011, bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (COM(2010)0608 tas-27 ta' Ottubru 2010),

–  wara li kkunsidra l-pjattaforma komuni, tas-6 ta' Lulju 2010, indirizzata lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, mill-Konferenza tal-Membri Ewropej tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0084/2012),

A.  billi fl-Artikolu 349, it-Trattat jipprevedi bażi ġuridika speċifika bbażata fuq il-leġiżlazzjoni primarja, li fuqha ġew ikkonsolidati statut ġuridiku speċifiku u politiki komuni għall-benefiċċju tal-ultraperiferija;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tkun allinjata mal-istrateġija Ewropa 2020 u billi din tipprevedi li l-inizjattivi politiċi jiġu organizzati madwar tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u tintegra l-elementi tagħha, filwaqt li tippromwovi ekonomija b'livell għoli ta' impjiegi li tiffavorixxi l-koeżjoni soċjali u territorjali, u għandha tikkunsidra d-dimensjoni ultraperiferika b'mod xieraq; billi l-kundizzjonijiet inizjali biex reġjun ultraperiferiku jilħaq dawn l-objettivi huma aktar diffiċli minn dawk għal ċerti reġjuni, u billi r-reġjuni ultraperiferiċi huma lesti jikkoperaw biex jiġu kkonkretizzati l-ħames objettivi li għandhom jintlaħqu sal-2020 fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-klima u l-enerġija u billi l-ħtieġa li l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 jiġu indirizzati lejn l-isfruttament tal-potenzjal tagħhom u lejn it-tkabbir tas-setturi ta' eċċellenza ma tippermettix li jiġu injorati la l-ostakli strutturali li jaffrontaw dawn ir-reġjuni u lanqas ir-rwol fundamentali ta' żvilupp li jiżvolġu s-setturi tradizzjonali;

C.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-azzjoni Ewropea għat-tnaqqis tal-inugwaljanza fir-reġjuni Ewropej b'mod ġenerali u fir-reġjuni ultraperiferiċi b'mod partikulari, biex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-suq intern u affermati fl-ispazju ġeografiku rispettiv tagħhom, għall-promozzjoni tal-iżvilupp u tal-konverġenza ekonomika ta' dawn ir-reġjuni mal-UE kontinentali, kif ukoll għall-insegwiment tal-objettivi tal-istrateġija “Ewropa 2020”, peress li l-fondi Ewropej jikkostitwixxu strumenti kruċjali, imma din il-politika Ewropea ma tistax issolvi waħedha id-diffikultajiet li jaffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi;

D.  billi l-isfida l-kbira għall-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi hija t-tibdil tal-limiti tagħhom f'potenzjalitajiet u possibilitajiet ta' tkabbir, bl-għajnuna ta' strumenti li jippermettu t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-oqsma taċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' persuni u prodotti, ta' kapital u servizzi, u billi l-isfidi, bħall-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, tal-baħar u agrikoli, il-preżervazzjoni tal-bijodiversità, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqas u l-pressjonijiet demografiċi, jirrikjedu l-koordinament tal-politiki u l-istrumenti kollha tal-Unjoni;

E.  billi d-deterjorament tal-qagħda ekonomika mqanqal mill-kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja laqat b'mod partikulari lir-reġjuni ultraperiferiċi u evidenzja d-dgħufijiet strutturali tal-ekonomiji tagħhom u tad-dipendenza tagħhom fuq id-dinja esterna;

F.  billi l-investimenti Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi m'humiex biss politika ta' rkupru tad-dewmien u ta' kumpens għal-limitazzjonijiet, iżda huma wkoll investimenti mwettqa għall-benefiċċju u għall-vantaġġ tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

Trattament differenzjat u olistiku għar-reġjuni ultraperiferiċi

1.  Jinsisti fuq il-fatt li skont it-TFUE, ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom dritt għal trattament differenzjat u olistiku, li jippermettilhom li jibbenefikaw minn livell massimu ta' għajnuna, indipendentement mil-livell ta' żvilupp tagħhom, sabiex il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jitqiesu u jitħarsu biżżejjed;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, tiġi estiża l-flessibbiltà tal-istrumenti tal-Politika ta' Koeżjoni, b'tali mod li jkun possibbli li jsiru investimenti li kapaċi jiżguraw livelli ta' tkabbir u ta' żvilupp konformi mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, anke fil-preżenza ta' kundizzjonijiet ġeografiċi u demografiċi partikolari;

3.  Jikkondividi l-ħsieb li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jimmiraw biex jilħqu l-objettivi ewlenin definiti fl-istrateġija Ewropa 2020, imma jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn jiġu mmodulati skont ir-realitajiet proprji tagħhom, waqt li jitqiesu d-diversità reġjonali, il-qagħda strutturali u l-vantaġġi potenzjali tagħhom, waqt li jenfasizza li l-Artikolu 349 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi maħsuba biex itaffu l-impatt tal-karatteristiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, għandu jintuża aktar u jingħata l-effett ġuridiku, istituzzjonali u politika meħtieġ biex tiġi żgurata integrazzjoni ġusta għar-reġjuni ultraperiferiċi u jitħallew jiżviluppaw ekonomikament u soċjalment fi ħdan is-suq intern u, fuq skala akbar, fi ħdan l-Unjoni, bl-istess mod li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fuq livell indaqs mar-reġjuni l-oħra fil-programmi relevanti kollha tal-Unjoni;

4.  Jemmen li, fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi, għandha tiġi llaxkata l-konċentrazzjoni fuq it-tliet għanijiet tematiċi ewlenin previsti fil-proposti għal regolamenti godda mill-2014 “il quddiem, biex ikun evitat li jitrażżnu b'mod eċċessiv il-possibilitajiet ta' diversifikazzjoni u ta' żvilupp tal-potenzjal eżistenti, kif ukoll il-possibilitajiet biex jintużaw il-benefiċċji komparattivi u kompetittivi tagħhom;

5.  Jitlob li jintużaw kriterji oħra biex jiddeterminaw l-eliġibbiltà tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-allokazzjoni tal-fondi strutturali, billi l-kriterju tal-PDG “per capita” ma jirriflettix ir-realtajiet speċifiċi tagħhom u huwa kuntrarju għall-ispirtu tal-istatus ta' reġjun ultraperiferiku u tat-Trattat innifsu; jitlob f'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni ta' kriterju partikolari, li jelenka lir-reġjuni ultraperiferiċi mar-reġjuni l-inqas żviluppati, indipendentement mil-livell ta' PDG tagħhom billi dan l-approċċ huwa l-iktar wieħed adattat għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom; jinsisti li, barra minn hekk, ir-rati ta' kofinanzjament għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu ta' 85 % għall-istrumenti kollha ta' għajnuna għal dawn ir-reġjuni; jitlob estensjoni għaż-żmien ta' implimentazzjoni tal-fondi fir-reġjuni ultraperiferiċi bl-iskop ta' implimentazzjoni aħjar;

6.  Imaqdar, fil-kuntest tal-allokazzjoni addizzjonali għall-FEŻR, il-proposta għal tnaqqis drastiku tal-ammonti allokati lir-reġjuni ultraperiferiċi u lir-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni baxxa għall-perjodu finanzjarju 2014–2020 u jitħasseb mill-fatt li n-natura ta' din l-allokazzjoni, li kienet inizjalment maħsuba sabiex tikkumpensa l-effetti tal-limitazzjonijiet strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġuni b'popolazzjoni baxxa, inbidlet minħabba li madwar 50% tagħha ġiet indirizzata lejn objettivi differenti; jitlob sabiex din l-allokazzjoni tiżdied għal rata ta' kofinanzjament ta' 85 %, fuq il-mudell tal-FEŻR mainstream; jitlob f'dan ir-rigward li l-isforz finanzjarju tal-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 tinvolvi l-aċċess għal għajnuna Ewropea tal-inqas identika f'termini reali għal dik tal-qafas finanzjarju attwali biex l-istrateġija Ewropa 2020 tkun tista' tiġi implimentata b'mod koerenti u effikaċi;

7.  Jiddispjaċih li sar tnaqqis f'oqsma oħra tal-politika ta' koeżjoni, u b'mod partikulari, li l-Kummissjoni qed tipproponi tnaqqis globali għall-miżuri ta' finanzjament tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta' 5,1 % fi prezzijiet kostanti tal-2011 għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, inkluż tnaqqis ta' 20,2 % fil-finanzjament tal-miżuri għar-reġjuni ta' konverġenza (esklużi r-reġjuni ta' tranżizzjoni), tnaqqis ta' 5,6 % fil-finanzjament għar-reġjuni tal-kompetittività u tnaqqis ta' 2,9 % fl-allokazzjonijiet tal-Fond ta' Koeżjoni;

8.  Jilqa' bi pjaċir il-pjan tal-Kummissjoni li tinkludi linja baġitarja għar-“Reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni b'densità baxxa ħafna ta' popolazzjoni” fil-qafas finanzjarju multiannwali 2014 - 2020, peress li tippermetti li tiġi stabbilita korrelazzjoni aktar ċara bejn il-fondi allokati għal dawk ir-reġjuni u l-objettivi tagħhom;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-proposta ta' regolament tal-FSE li jmiss, is-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi reġgħet ma ssemmitx, meta jitqiesu mhux biss il-karatteristiċi strutturali msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE iżda anke s-sitwazzjoni ekonomika partikolari tagħhom li tpoġġihom fost ir-reġjuni bir-rati ta' qgħad l-aktar għolja tal-UE;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki finanzjarji u doganali Ewropej jiġu adattati sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomiji ultraperiferiċi, kif ukoll l-importanza suprema tal-eżistenza tal-mekkaniżmi fiskali u doganali adegwati fid-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika u fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini tar-reġjuni ultraperiferiċi jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mis-suq intern bl-istess mod bħaċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni u jitlob li jiġu adottati miżuri f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Rapport Solbes; jitlob li tiġi eżaminata l-possibilità li jitfassal qafas għall-għajnuniet mill-Istat speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi, u jiddefendi ż-żamma tal-livell attwali ta' intensità tal-għajnuna għall-investiment lill-intrapriżi kbar, medji u żgħar u l-possibilità li tingħata għajnuna għall-funzjonament li ma tkunx rigressiva u limitata biż-żmien, f'qafas regolatorju flessibbli, billi din l-għajnuna wriet li ma tagħmel l-ebda ħsara lill-kompetizzjoni u li serviet ta' assistenza għar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari fir-rigward tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-ambjent; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li għandhom is-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari fis-setturi tat-trasport bl-ajru u marittimu, tal-posta, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni;

12.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju permezz tal-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni, bl-għan li jiġi żviluppat it-tessut produttiv tar-reġjuni ultraperiferiċi u bħala mezz ta' promozzjoni tal-ħiliet tal-ħaddiema, biex b'hekk jissaħħu l-prodotti speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni u l-ekonomija lokali;

13.  Iqis li l-interventi tal-Unjoni għandu jkollhom l-objettiv li jiżvolġu rwol kruċjali u jagħtu spinta lill-ispirtu ta' inizjattiva biex jiġu żviluppati, inizjalment fir-reġjuni ultraperiferiċi, ċentri ta' eċċellenza bl-appoġġ tas-setturi li jisfruttaw il-vantaġġi u l-għarfien tagħhom, bħal pereżempju l-ġestjoni tal-iskart, l-enerġiji rinnovabbli, l-awtosuffiċjenza fil-qasam tal-enerġija, il-bijodiversità, il-mobilità tal-istudenti, ir-riċerka fil-klima jew anke l-ġestjoni tal-kriżijiet; iqis li, anke jekk il-miżuri meħuda fil-livell u abbażi tal-karatteristiċi ġenerali tal-kontinent Ewropew ma jkunux dejjem effikaċi fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-miżuri sperimentali awtorizzati mill-Artikolu 349 tat-Trattat li jkollhom suċċess reali, jistgħu jiġu estiżi għall-bqija tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza dawn l-iskemi f'dawn ir-reġjuni bil-għan li jkun hemm tkabbir innovattiv, sostenibbli u bbażat fuq is-solidarjetà;

Qafas proprju u speċifiku għall-politiki Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi

14.  Jitlob it-tisħiħ tal-miżuri ta' għajnuna għall-agrikoltura tar-reġim POSEI, bħala reazzjoni għall-kompetizzjoni minn produtturi li jibbenefikaw minn spejjeż ta' produzzjoni aktar baxxi, u jappella għaż-żamma tal-miżuri speċifiċi maħsuba għal dawk ir-reġjuni bħala parti mill-PAK;

15.  Jiddefendi l-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tal-impatt preliminari tal-proġetti ta' regolamentazzjoni Ewropea fil-livell tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-miżuri ta' ġestjoni sostenibbli u ta' protezzjoni tar-riżorsi tal-baħar, li progressivament jitrażżan l-aċċess għaż-żoni marittimi identifikati bħala bijoġeografikament sensittivi għall-flotot reġjonali biss u li jintuża tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li tiġi żviluppata l-akkwakultura, li tiġi introdotta mill-ġdid il-possibilità li tingħata għajnuna għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' sigurtà u ta' iġjene u l-implimentazzjoni ta' prattika tajba, u jitlob li jissaħħaħ il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali fir-reġim POSEI tas-Sajd; Jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm approċċ adattat aħjar għar-realitajiet ta' kull reġjun abbażi tal-mudelli ta' żvilupp għas-settur imfassla minn atturi lokali;

17.  Jiddispjaċih li l-proposta ta' riforma tal-politika komuni tas-sajd ma qisitx biżżejjed is-sitwazzjoni u r-realitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi; jisħaq fuq id-dimensjoni marittima tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-importanza tal-attività tas-sajd fl-ippjanar tat-territorju u għall-impjieg tal-popolazzjonijiet lokali, minħabba ż-żona ekonomika esklussiva ta' dawn ir-reġjuni, li l-potenzjal tagħhom għandu jiġi tradott f'miżuri konkreti u koerenti għal ekonomija marittima ta' vera u li għandhom jitqiesu kif xieraq fil-programm tal-politika marittima integrata Ewropea; ifakkar fl-interess ekonomiku li qed jikber, imqanqal mill-ġid bijoġenetiku u minerali immens tal-qiegħ tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi, u l-importanza li dan jitqies f'“l-istrateġija Ewropea ġdida għar-reġjuni ultraperiferiċi”, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' ekonomija ta' tkabbir ibbażata fuq il-baħar; jargumenta f'dan il-kuntest li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu fil-qalba tal-politika marittima tal-Unjoni, waqt li jinsisti fuq ir-rwol tagħhom fil-qasam tal-isfruttament sostenibbli tal-baħar u l-inħawi kostali, kif ukoll f'termini ta' governanza marittima internazzjonali, u li r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Atlantiku għandhom jieħdu sehem fl-istrateġija għall-Atlantiku li qed titfassal bħalissa;

18.  Ifakkar fl-importanza tas-settur turistiku u jistieden lill-Kummissjoni tħaffef it-twettiq tal-pjan ta' azzjoni Ewropew u tiggarantixxi koordinament akbar tal-linji ta' finanzjament eżistenti, waqt li tingħata attenzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi;

19.  Jinsisti fuq il-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi bi ħsiebhom jiffokaw fuq strateġija ta' riċerka u innovazzjoni u fuq it-tkabbir tal-istruttura kummerċjali tagħhom, speċjalment permezz tal-inkoraġġiment tal-ispirtu tal-imprenditorjat fost iż-żgħażagħ sabiex l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jevolvu u jiġi evitat il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li jinħolqu infrastrutturi teknoloġiċi u ċentri ta' innovazzjoni fuq livell Ewropew, li jiġu żviluppati proġetti u sħubijiet ma' entitajiet tas-sistema xjentifika u teknoloġika u li jiġu skambjati ideat u prattiki tajbin, permezz tan-netwerks Ewropej ta' għajnuna għall-innovazzjoni u ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, bħall-pjattaforma S3, u ta' investimenti fit-tul għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qafas tal-finanzjament għall-koeżjoni u għall-garanzija tal-parteċipazzjoni attiva fil-proġetti emblematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020; jitlob li l-isforzi li saru s'issa maħsuba għar-reġjuni ultraperiferiċi jkomplu jsiru sabiex tikber l-implimentazzjoni ta' faċilitajiet lokali ta' riċerka bl-ogħla potenzjal min-naħa l-waħda u li jkun iffaċilitat u mgħejjun l-iżvilupp ta' universitajiet attraenti, effikaċi u b'riżorsi ta' vera u li jkunu fuq l-istess livell tal-universitajiet attwali fi mkejjen oħra fit-territorju tal-Unjoni min-naħa l-oħra;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata s-sinerġija bejn il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u jitrażżan in-nuqqas ta' utilizzazzjoni tal-fondi maħsuba għar-riċerka;

21.  Jenfasizza li żona unika Ewropea tat-trasport għandha tikkontribwixxi għat-tkabbir inklussiv tar-reġjuni ultraperiferiċi, għat-tnaqqis fid-distakk tagħhom fl-aċċessibbiltà u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob li jinħoloq qafas speċifiku għall-għajnuniet għat-trasport fir-reġjuni ultraperiferiċi speċifikament għall-promozzjoni tat-trasport komuni u għall-iżvilupp tat-trasport marittimu bejn il-gżejjer; jitlob ukoll li jinħolqu pjattaformi loġistiċi u jappella għall-implimentazzjoni ta' proġetti bħall-awtostradi fil-baħar; jenfasizza l-potenzjalitajiet tal-Programm Marco Polo għar-reġjuni ultraperiferiċi; jiistieden lill-Kummissjoni tagħmlu aktar flessibbli u testendih għal wara l-2013 u jitlob li “l-mekkaniżmu għall-interkonnessjoni fl-Ewropa” jagħmel referenza speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi; jinsisti fuq l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fit-TEN-T tal-istrument il-ġdid intiż sabiex jiffaċilita l-interkonnessjonijet fl-Ewropa;

22.  Ifakkar li d-dipendenza tar-reġjuni ultraperiferiċi fir-rigward tal-fjuwils fossili impurtati tinvolvi spejjeż addizzjonali sinifikanti; jinnota wkoll li l-investimenti tal-politika reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma relattivament dgħajfa; jipproponi li s-settur tal-enerġiji rinnovabbli u l-effikaċja tal-enerġija jissaħħu, permezz ta' inizjattivi bħall-“Patt tal-Gżejjer”, maħsub għat-tfassil ta' pjanijiet ta' azzjoni lokali għall-enerġiji rinnovabbli u proġetti li jrendu sabiex jintlaħaq tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' mill-inqas 20 % sal-2020, permezz tal-ħolqien ta' programm speċifiku intenzjonat għal proġetti ta' riċerka fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u tad-diversifikazzjoni tal-bażi enerġetika reġjonali, u b'mod aktar partikulari, fil-qasam tal-enerġija ġeotermika, tal-enerġija tal-mareat u tal-idroġenu u għall-ħolqien ta' programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija biex titnaqqas l-ispiża tat-tbegħid, tal-infrastrutturi u tas-servizzi pprovduti, sabiex jitħeġġu politiki ambizzjużi li adottaw ir-reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

23.  Jinnota bi tħassib l-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari l-livelli tal-ilma li dejjem telgħin; jistieden lill-Unjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-istrateġija tagħha dwar il-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima u r-reazzjonijiet għaliha; jirrakkomanda l-użu xieraq tar-riżorsi tal-enerġija u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija, tat-trasport u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, abbażi tas-sistemi POSEI, bl-ogħla livell ta' sinerġija posibbli mal-linji l-oħra ta' azzjoni tal-Unjoni f'dawn l-oqsma;

25.  Iqis li hemm bżonn ta' appoġġ għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-abitanti ta' dawn ir-reġjuni jkollhom aċċess sħiħ għall-mezzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni pprovduti permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju t-teknoloġija tal-broadband, it-teknoloġiji wifi, inklużi s-satelliti u, b'mod partikolari, l-aċċess għall-infrastrutturi tal-broadband b'mod li jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u amministrazzjoni aħjar permezz tad-diġitizzazzjoni tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha li jgħixu fir-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom aċċess għall-internet broadband sal-2013;

26.  Jirrikonoxxi, minħabba l-fatt li l-ekonomija diġitali mingħajr dubju tqanqal l-iżvilupp ekonomiku fl-Unjoni, l-effetti tal-problema dejjem tikber tal-esklużjoni diġitali, li tista' ssir ostakolu serju għall-iżvilupp;

27.  Iqis li l-finanzjamenti innovattivi tal-Politika ta' Koeżjoni jistgħu jservu ta' reazzjoni parzjali għan-nuqqas ta' investiment kroniku tal-intrapriżi żgħar ħafna/l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fir-reġjuni ultraperiferiċi u jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjamenti min-naħa tal-kumpaniji tar-reġjuni ultraperiferiċi, speċifikament billi jitwaqqaf djalogu mal-“Grupp tal-BEI” u billi jiġu appoġġati, kemm il-ħolqien ta' fondi ta' investiment ta' qrubija f'kull reġjun ultraperiferiku, kif ukoll l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital-investiment reġjonali f'konformità mal-proposta tar-Rapport ta' Pedro Solbes Mira dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fis-suq uniku, imsemmi hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi att leġiżlattiv f'dan ir-rigward lill-Parlament u lill-Kunsill;

28.  Jixtieq li, f'dawn ir-reġjuni, jiġu implimentati strumenti sperimentali f'ċerti oqsma limitati fir-rigward tal-akkwist pubbliku, b'tali mod li l-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti pubbliċi jkunu jagħtu importanza lit-territorjalità tal-offerenti;

Governanza aħjar u l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni u fl-ispazju ġeografiku tagħha

29.  Jitlob li jkun hemm parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fit-tħejjija u t-twettiq tal-programmi u tal-politiki tal-Unjoni, skont il-prinċipju ta' flessibilità, adattabilità u modularità, fil-kuntest tas-sussidjarjetà u ta' governanza fuq diversi livelli u bi sħubija mas-settur privat u s-soċjetà ċivili, sabiex jiġi ggarantit li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jitqiesu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll għal viżibilità akbar ta' dawn ir-reġjuni fl-istituzzjonijiet Ewropej;

30.  Jikkunsidra li waħda mid-dgħjufijiet ewlenin tar-reġjuni ultraperiferiċi hija l-ġestjoni tar-riżorsi tagħhom; jemmen li hemm bżonn jingħataw l-elementi meħtieġa biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw l-investimenti tagħhom, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-infrastrutturi, mhux biss tat-trasport, iżda anke tal-ilma, l-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart;

31.  Ifakkar li r-rapport ta' Pedro Solbes Mera dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fis-suq uniku, msemmi hawn fuq, evidenzja l-fatt li l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi huma limitati kważi f'kull aspett mill-ispejjeż addizzjonali; jiġbed ukoll l-attenzjon tal-Kummissjoni għas-sitwazzjonijiet ta' monopolji, ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti u ta' qbil illegali li għandhom il-konsegwenza inġusta li jaċċentwaw l-għoli tal-ħajja; Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dettaljat dwar it-tiswir tal-prezzijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġu identifikati l-azzjonijiet adatti biex jagħmlu s-suq uniku iktar effiċjenti f'dawn it-territorji;

32.  Jindika r-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi bħala fruntieri tal-UE mal-bqija tad-dinja u jargumenta favur approċċ, b'mod partikolari permezz tat-tkomplija tar-riflessjonjiet imħabbra mill-Kummissjoni bi sħab mar-reġjuni ultraperiferiċi, li jirrikonoxxi r-relazzjonijiet ta' viċinat mal-pajjiżi terzi tal-UE, inkluż mal-pajjiżi b'relazzjonijiet storiċi u kulturali privileġġati; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet ta' integrazzjoni fiż-żoni ġeografiċi rispettivi, u għall-ħtieġa li jinstabu modi innovativi speċifiċi li jħeġġu integrazzjoni reġjonali reali permezz ta' programmi u proġetti komuni bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi ġirien u li tingħata assistenza fit-twaqqif ta' konnettività tajba fiż-żoni ġeografiċi rispettivi; jenfasizza l-importanza tal-impatt tal-aspetti esterni ta' ċerti politiki Ewropej fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi u jinsisti fuq il-ħtieġa li jitwettqu studju li jkejlu l-impatt tal-ftehimiet internazzjonali fil-qasam kommerċjali u fil-qasam tas-sajd u l-effetti tagħhom fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-produzzjoni lokali tagħhom, waqt li jiġu stabbiliti wkoll miżuri ta' kumpens li jippermettu li tittaffa l-ħsara kollha li tirriżulta minn dawn il-ftehimiet;

33.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' interess inizjali muri mid-DĠ Kummerċ fir-rigward tar-rikonnoxximent tal-ispeċifiċitajiet ultraperiferiċi waqt in-negozjati tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE), u jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni tkompli tfittex kompromessi li jirrispettaw l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati fil-qafas tal-ftehimiet definittivi li se jiġu konklużi mal-pajjiżi AKP;

34.  Ifakkar, għal darb'oħra, il-ħtieġa ta' sinerġija aħjar bejn il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp sabiex ikun hemm titjib fil-proġetti ta' interess komuni u fl-integrazzjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-pożizzjoni mtennija tal-Parlament Ewropew dwar l-ibbaġitjar tal-FEŻ;

35.  jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni territorjali għar-reġjuni ultraperiferiċi u jitlob biex jitkomplew il-programmi ta' koperazzjoni territorjali fir-reġjuni ultraperiferiċi; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm flessibilità regolatorja bl-għan li jsir użu aħjar tal-allokazzjoni disponibbli u li jiġu kkonkretizzati l-proġetti ta' kooperazzjoni, filwaqt li r-rati ta' kofinanzjament tal-FEŻR jiżdiedu sa 85%, li tingħata attenzjoni akbar lill-kooperazzjoni transnazzjonali u li jitneħħa, f'dak li jikkonċerna r-reġjuni ultraperiferiċi, il-kriterju ta' 150 km ta' fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali; ifakkar ukoll li s-sitwazzjoni ġeografika vantaġġuża u l-importanza tar-rwol ġeostrateġiku tar-reġjuni ultraperiferiċi tikkostitwixxi valur miżjud konsiderevoli għall-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi Afrikani, tal-Amerika Ċentrali u l-Istati Uniti tal-Amerika;

36.  Iqis li l-iżvilupp ta' servizzi transkonfinali ta' gvern elettroniku għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq intern tal-Unjoni;

37.  Ifakkar li l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej Daniżi, Franċiżi u Olandiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 355 tat-TFUE jistgħu jiddeċiedu li jsiru reġjuni ultraperiferiċi billi jagħżlu l-istatus li jaqblillhom l-aktar, u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi attwali dwar ir-rwol deċiżiv li jistgħu jiżvolġu fil-promozzjoni u t-tisħiħ tal-istatus tagħhom;

38.  Jindika l-adeżjoni imminenti ta' Mayotte għall-istatus ta' reġjun ultraperiferiku u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-assistenza indispensabbli għal assorbiment korrett tal-fondi; ifakkar f'dan ir-rigward il-linja baġitarja disponibbli għall-azzjoni preparatorja ta' akkompanjament ta' Mayotte u l-ħtieġa li jiġu previsti strumenti speċifiċi għal dan ir-reġjun jew kull territorju ieħor potenzjalment ikkonċernat fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, fil-proċess ta' tibdil għall-istatus ta' reġjuni ultraperiferiċi, sabiex it-territorji jiġu akkompanjati waqt il-proċess ta' trasformazzjoni f'reġjuni ultraperiferiċi;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 227 E 21.9.2006, p. 512.
(2) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 12.
(3) Dokument tal-Kunsill Nru 11021/2010.
(4) ĠU L 325, 9.12.10, p. 4.

Avviż legali - Politika tal-privatezza