Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2185(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0086/2012

Testi mressqa :

A7-0086/2012

Dibattiti :

PV 17/04/2012 - 14
CRE 17/04/2012 - 14

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 7.6
CRE 18/04/2012 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0126

Testi adottati
PDF 603kWORD 305k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2012 - Strasburgu
Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem
P7_TA(2012)0126A7-0086/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem (2011/2185(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2010 (11501/2/2011) ippubblikat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fis-26 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin kif adottati fit-3069 laqgħa tiegħu tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” fi Brussell, fil-21 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2010 dwar il-Konferenza ta' Analiżi fuq l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f'Kampala, Uganda(3), ir-riżoluzzjonijiet u l-istqarrijiet adottati mill-Konferenza ta' Analiżi f'Kampala, l-Uganda, 31 ta' Mejju – 11 ta' Ġunju 2011, u l-wegħdiet iffirmati mill-UE;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(5), u l-pjan ta' azzjoni rivedut,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-attivitajiet tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-riżoluzzjoni tiegìu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas ta' politika ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(7),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal u l-Linji Gwida dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, kif ukoll ħafna riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-kwistjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar id-dimensjoni esterna tal-politika soċjali, il-promozzjoni tax-xogħol u l-istandards soċjali u r-responsabbiltà soċjali tal-Kumpanniji Ewropej(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, mill-banda l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-aħħar reviżjonijiet tiegħu fi Frar 2005 u Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha tiegħu dwar każijiet urġenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 66/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra l-intolleranza, l-istereotipi negattivi u l-istigmatizzazzjoni ta' persuni abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, u d-diskriminazzjoni, l-inċitament għall-vjolenza u l-vjolenza kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati fl-20 ta' Ġunju 2011 fit-3101 laqgħa tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva(12),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-Atti Delegati fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 tal-futur, anness mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 it-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli(13),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” dwar id-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija, adottati fl-1 ta' Diċembru 2011 fit-3130 laqgħa tiegħu u d-Dikjarazzjoni dwar it-twaqqif ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija li dwarha ntlaħaq qbil fil-COREPER fil-15 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-piena tal-mewt(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(16),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' April 2011 tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 65/208 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 2010 dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 46/121, 47/134 u 49/179 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-faqar estrem, 47/196 dwar l-osservanza ta' jum internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar, u 50/107 dwar l-osservanza tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Faqar u l-proklamazzjoni tal-ewwel Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tal-Faqar,

–  wara li kkunsidra d-Dokumenti tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti E/CN.4/Sub.2/1996/13, E/CN4/1987/NGO/2, E/CN4/1987/SR.29 u E/CN.4/1990/15 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-faqar estrem, E/CN.4/1996/25 dwar id-dritt għall-iżvilupp u s-Sottokumitat tan-NU dwar il-Prevenzjoni tad-Diskriminazzjoni u l-Protezzjoni tal-Minoranzi u r-riżoluzzjoni 1996/25 dwar ir-realizzazzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/66/265) li janalizza l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki li jikkundannaw, jiżolaw, u jikkontrollaw il-persuni li jgħixu fil-faqar u jnaqqsulhom mill-awtonomija tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 17(13) tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem, u r-riżoluzzjoni rilevanti kollha l-oħra tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Ottubru 2011 bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325, 1820, 1888, 1889 u 1960 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-Parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2011 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna (COM(2011)0842),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (COM(2011)0844),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(17),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Marzu 2011 dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran (COM(2011)0200),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2011 dwar Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għal Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681) u l-“Istudju tal-Qafas Ġuridiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent Applikabbli għal Impriżi Ewropej li Joperaw Barra l-Unjoni Ewropea” imwettaq mill-Università ta' Edinburgh f'Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(18),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE(19),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-16 ta' Mejju 2011 (A/HRC/17/27) dwar il-protezzjoni tad-dritt tal-libertà ta' opinjoni u l-espressjoni, li jissottolinja l-applikabbiltà ta' normi u standards tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem dwar id-dritt tal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni għall-Internet bħala mezz ta' komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal, tat-13 ta' Jannar 2012, li jafferma mill-ġdid il-fondazzjoni tan-normattiva tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħelsien tat-tfal mill-vjolenza u jappella għar-ratifika universali tal-Protokolli Fakultattivi għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-approvazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(20),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali kollha rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u protokolli fakultattivi tagħhom(21),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0086/2012),

A.   billi t-Trattati fundaturi jimpenjaw lill-Unjoni biex l-azzjonijiet tagħha fix-xena internazzjonali jiġu ggwidati mill-prinċipji tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tal-universalità u tal-indiviżibilità tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, mir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi, mill-prinċipji ta' ugwaljanza u solidarjetà, u mir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

B.  billi l-ġustizzja u l-Istat tad-dritt huma pilastri ta' paċi sostenibbli, il-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; billi l-Istatut ta' Ruma tal-QKI jagħti kontribut deċiżiv għaż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem, għad-dritt internazzjonali u għall-ġlieda kontra l-impunità;

C.  billi d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, il-ġustizzja u r-responsabbiltà huma l-aħjar salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tat-tolleranza u tal-ugwaljanza;

D.  billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon qiegħda fil-qofol tal-Unjoni Ewropea, u dan għandu jiġi rifless b'mod kostanti fl-azzjoni esterna tagħha;

E.  billi teżisti konnessjoni bejn id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; billi d-drittijiet tal-bniedem huma essenzjali għall-ilħuq u s-sostenn tal-MDGs;

F.  billi l-libertà tal-kuxjenza, tar-reliġjon, tal-opinjoni u tal-espressjoni mingħajr ir-riskju ta' sanzjonijiet mill-Istat huma drittijiet universali ewlenin;

G.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma atturi kruċjali f'dawk li huma protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-konsolidament tad-demokrazija;

H.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma essenzjali għall-iżvilupp u s-suċċess tas-soċjetajiet demokratiċi u l-promozzjoni tal-fehim u tat-tolleranza reċiproċi;

I.  billi l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin għadha taħt theddida li qiegħda tiżdied f'ħafna partijiet tad-dinja minn restrizzjonijiet governattivi u tas-soċjetà wkoll, li jirriżultaw f'diskriminazzjoni, intolleranza u vjolenza kontra individwi u komunitajiet reliġjużi, inklużi rappreżentanti tal-minoranzi reliġjużi;

J.  billi għandhom jittieħdu lezzjonijiet min-nuqqasijiet tal-passat tal-Unjoni Ewropea fit-tiswir mill-ġdid tal-azzjoni esterna tagħha waqt li tħaddan id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-qalba tal-politiki tagħha u fil-promozzjoni ta' tranżizzjoni f'pajjiżi b'reġimi awtoritarji u b'sostenn, de facto, għal tali reġimi, b'mod partikolari fejn it-tħassib dwar l-istabilità u s-sigurtà kkompromettew politika bi prinċipji ta' promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; billi tali nuqqasijiet urew il-bżonn ta' ridefinizzjoni tal-istrumenti attwali tal-UE dwar il-kwistjoni u jinħolqu strumenti ġodda, bħad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija – strument espert, proattiv, strutturalment ħafif u għalhekk effikaċi f'termini ta' kostijiet, deċiżjonijiet u risposti, indipendenti mill-UE, kapaċi juża għarfien fil-fond u viżjoni tas-sitwazzjoni lokali fil-pajjiżi ta' impatt, permezz ta' kooperazzjoni diretta mas-sħab lokali u ġemellaġġi ta' sħab Ewropej u lokali, bl-użu b'mod dirett jew permezz ta' konċessjonijiet ġodda, tar-riżorsi tal-UE, tal-Istati Membri u ta' oħrajn, bil-għan li tiġi sostnuta l-kapaċità tas-soċjetà ċivili f'termini ta' oppożizzjoni demokratika u l-atturi politiċi li jiġġieldu għal bidla demokratika fil-pajjiżi b'reġim mhux demokratiku u f'fażi ta' tranżizzjoni, b'mod sigur għal kull parti u, meta neċessarju, kontestabbli;

K.  billi elezzjonijiet liberi u ġusti jirrappreżentaw biss l-ewwel pass lejn id-demokrazija, li hija proċess fuq perjodu twil ibbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Istat tad-dritt u tal-governanza tajba;

L.  billi l-infurzar ta' klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u l-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' sħubija bejn l-UE u pajjiżi terzi li jinvolvu għajnuna tal-UE għall-iżvilupp għadu insodisfaċenti;

M.  billi l-2010 kienet l-għaxar anniversarju tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; billi, madankollu, huma meħtieġa sforzi addizzjonali għall-implimentazzjoni tagħha fl-UE u fid-dinja kollha;

N.  billi d-diversi Stati Membri għandhom esperjenzi uniċi x'joffru f'termini ta' għelib ta' reġimi awtoritarji fil-passat tagħhom stess, u billi din l-esperjenza ta' tranżizzjoni għandha tintuża b'mod aħjar fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi msieħba fit-tisħiħ tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

O.  billi r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2010 jipprovdi ħarsa ġenerali tal-politika Ewropea dwar il-kwistjoni;

P.  billi din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li teżamina, tivvaluta u, fejn xieraq, toffri kritika kostruttiva dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, tar-Rappreżentant Għoli u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tal-attivitajiet ġenerali tal-Parlament relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li tiġi eżaminata l-azzjoni tal-UE u li jingħata kontribut lir-reviżjoni li jmiss tal-politika tal-Unjoni dwar il-kwistjoni;

Punti ġenerali

1.  Jenfasizza li biex l-Unjoni Ewropea (UE) tkun attur kredibbli fir-relazzjonijiet esterni, trid taġixxi b'mod konsistenti, skont it-Trattat u l-obbligi tal-acquis u tevita standards doppji bejn il-politika fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tagħha u politiki esterni oħra, bejn politiki interni u esterni, u fit-tmexxija tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi u tikkombina dan l-approċċ mal-isfida għall-iżvilupp tad-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni, li jridu jkopru wkoll id-demokratizzazzjoni, u jirriflettu l-ispeċifiċità ta' kull pajjiż rigward l-impatt, u billi jsir użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti tal-UE;

2.  Jenfasizza li jridu jittieħdu l-miżuri xierqa biex ikun garantit li d-drittijiet ċivili u l-libertajiet fundamentali ma jiġux kompromessi jew imnaqqsa fi żminijiet ta' kriżi ekonomika;

3.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-politiki tal-Unjoni għandhom ukoll ikunu konsistenti u eżempleri fi ħdan l-UE, kif ukoll koerenti u konformi mal-valuri u mal-prinċipji fundamentali bil-għan li jiġu massimizzati l-kredibbiltà tal-UE fuq livell dinji u l-effikaċja tal-politiki fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li jkun hemm indikazzjoni ċara li r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport Fava 2007 dwar it-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri se jiġu implimentati, u jilqa' l-inizjattiva li jitfassal rapport Parlamentari ta' segwitu; Jiddispjaċih li, minkejja s-sejħa espliċita magħmula mill-Parlament fir-rapport msemmi hawn fuq, numru ta' Stati Membri tal-UE naqsu milli jindirizzaw bis-sħiħ u b'mod trasparenti l-kompliċità tagħhom fil-ksur madwar id-dinja kollha tad-drittijiet tal-bniedem li sar fil-kuntest tal-programm ta' eżekuzzjoni u detenzjoni sigrieta tal-Istati Uniti, u l-ksur tad-drittijiet domestiċi tal-bniedem li akkumpanja dan; jemmen li din is-sitwazzjoni hija impediment gravi u serju għall-promozzjoni fid-dinja tad-drittijiet tal-bniedem u l-pretensjonijiet ta' awtorità morali min-naħa tal-UE; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex isostnu l-pressjoni fuq l-Istati Membri sabiex isiru investigazzjonijiet sħaħ u trasparenti; jenfasizza l-importanza li jitkompla x-xogħol fuq ir-responsabbiltà notevolment dwar ir-rikors għad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

4.  Ifakkar li d-drittijiet ekonomiċi u soċjali huma parti integranti tad-drittijiet tal-bniedem wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948; jikkunsidra, għalhekk, li l-UE trid tgħin sabiex jiġu implimentati dawn id-drittijiet fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li magħhom tiffirma ftehim internazzjonali, inkluż ftehimiet kummerċjali;

5.  Jemmen li t-tfassil mill-ġdid tad-direttivi tal-asil għandhom iġibu fi tmiemu t-tħassib kontinwu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll allegazzjonijiet ta' standards doppji mill-Istati Membri f'dan il-qasam; isostni li l-Istati Membri għandhom jipprovdu tabelli ta' korrelazzjoni għad-dispożizzjonijiet pertinenti tad-direttivi, sabiex jippermettu skrutinju xieraq tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-eżerċizzju diffiċli tal-iżvilupp ta' politika komuni jippreżenta opportunità għall-iżvilupp tal-aħjar prattika; jissottolinja r-rwol li għandu jkollu l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO); jinsisti li l-Istati Membri għandu jiżvolġu rwol fir-risistemazzjoni tar-rifuġjati u jġedded it-talbiet tiegħu għall-ħolqien ta' Programm Konġunt veru tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni tar-Rifuġjati;

6.  Jitlob lill-Istati Uniti jirrispettaw il-wegħda tagħhom li jagħlqu l-faċilità ta' detenzjoni fil-Bajja ta' Guantánamo; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi għar-risistemazzjoni tad-detenuti rilaxxati minn Guantánamo li ma jistgħux jiġu ripatrijati lejn l-istati tagħhom billi huma mhedda bil-mewt, it-tortura jew trattament krudili u diżuman;

7.  Jistieden lill-Unjoni, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri neċessarji immedjatament sabiex jiżguraw is-salvataġġ fil-baħar tal-migranti li qed jippruvaw jidħlu fl-UE u jassiguraw il-koordinament u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġu evitati n-nawfraġji u l-mewt ta' mijiet ta' nisa, tfal u rġiel fuq il-baħar;

8.  Iħeġġeġ in-negozjati dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jilqa' l-iżvilupp tad-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u jenfasizza li dawn għandhom ikopru wkoll id-demokratizzazzjoni; jitlob l-implimentazzjoni minnufih tagħhom permezz ta' pjanijiet ta' azzjonijiet li jikkomplementaw dawn l-istrateġiji, ibbażati fuq proċessi ta' konsultazzjonijiet wiesgħa mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali, analiżi tas-sitwazzjoni u eżiġenzi f'kull pajjiż u li jsir użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti tal-UE; jinsisti dwar il-ħtieġa tal-użu ta' dawn id-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiż bħala dokumenti ta' referenza li għandhom jiġu integrati fil-politiki u l-istrumenti finanzjarji esterni rilevanti kollha; itenni t-talba tiegħu biex id-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiż ikunu disponibbli għall-Parlament; jenfasizza l-ħtieġa għal konsistenza u li jiġu evitati l-istandards doppji;

10.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ biex tiġi finalizzata l-ħatra ta' persuni ta' kuntatt għas-soċjetà ċivili u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-Delegazzjonijiet tal-UE; jenfasizza li l-kuntatti tal-UE mas-soċjetà ċivili għandhom jinbnew fuq sħubija ġenwina inkluż djalogu sistematiku, f'waqtu u regolari fuq bażi ugwali, li tkun trid tiggarantixxi l-parteċipazzjoni attiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-governanza tajba; jenfasizza li l-informazzjoni miġbura f'dan il-kuntest trid tissarraf f'użu tajjeb iżda wkoll tkun imħarsa minn politiki tal-UE, partikolarment permezz tal-klawżoli tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-atturi differenti involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha sabiex ikunu jistgħu jifhmu aħjar l-attivitajiet u l-azzjonijiet imwettq, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-każijiet speċifiċi, kif ukoll id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili bil-għan li tiggarantixxi li s-soċjetà ċivili tkun involuta sistematikament fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet u l-programmi; jilqa' favorevolment, fl-istess ħin, inizjattivi bħall-Forum tas-Soċjetà Ċivili għas-Sħubija tal-Lvant, u jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw aktar ir-rakkomandazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet żviluppati matul il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għas-Sħubija tal-Lvant ta' Brussell fl-2009, ta' Berlin fl-2012 u ta' Poznań fl-2011;

11.  Jiddispjaċih li ċerti pajjiżi msieħba tal-UE qegħdin jibdew proċessi politiċizzati u ffalsifikati kontra persuni, u b'hekk qegħdin jiksru d-drittijiet tal-bniedem u r-regoli fundamentali tal-Istat tad-dritt; huwa mħasseb ħafna li minkejja appelli internazzjonali, ma qiegħda tittieħed l-ebda miżura f'dawk il-pajjiżi terzi sabiex jiġu garantiti u rispettati d-drittijiet ta' dawk ikkundannati f'każijiet b'motivazzjoni politika;

12.  Jenfasizza li l-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fil-ħajja pubblika permezz tal-parteċipazzjoni diretta tagħhom fil-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u Ewropew hija dritt essenzjali biex wieħed jesprimi l-fehma u d-dritt demokratiku tiegħu;

13.  Iħeġġeġ lill-UE twettaq sforzi ulterjuri, tintegra b'mod aktar effikaċi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-kooperazzjoni kollha għall-iżvilupp u tiżgura li l-programmi ta' żvilupp tal-UE jikkontribwixxu għall-adempjenza mill-pajjiżi s-sħab tal-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella wkoll biex id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jiġu integrati fil-programmi li jistabbilixxu r-rabtiet bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD), minħabba l-importanza vitali tagħhom fil-proċess ta' tranżizzjoni mill-emerġenza umanitarja għall-iżvilupp;

14.  Jilqa' r-rilevanza partikolari attribwita lid-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-Istat tad-dritt fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla (COM(2011)0637), u jenfasizza li d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba, il-paċi u s-sigurtà huma prerekwiżit għall-iżvilupp, għat-tnaqqis tal-faqar u għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u magħhom għandhom relazzjoni ta' sinerġija u tisħiħ reċiproku; jafferma mill-ġdid l-importanza ta' politika ta' żvilupp orjentata lejn id-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-UE tistabbilixxi objettivi speċifiċi li jistgħu jitkejlu u jinkisbu u li jkollhom skadenzi preċiżi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-programmi ta' żvilupp tagħha; jistieden lill-UE tikkonċentra l-assistenza tagħha għall-iżvilupp fuq it-tisħiħ tal-bini ta' istituzzjonijiet u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi benefiċjarji, peress li dawn l-elementi huma kruċjali għal governanza tajba, kif ukoll għall-iżgurar tar-responsabbiltà u s-sjieda tal-proċessi demokratiċi; jappella għal tisħiħ tal-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kundizzjonalità fi programmi appoġġati mill-UE; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jfittxu metodi ġodda sabiex jiġu żgurati rabtiet aħjar bejn djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

15.  Jenfasizza li l-UE għandha tiżgura li l-azzjonijiet tagħha fil-qasam tal-politika ta' żvilupp, tal-konsolidament tal-paċi, tal-prevenzjoni ta' kunflitti u tas-sigurtà internazzjonali jippromwovu t-tisħiħ reċiproku; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jitfasslu strateġiji xierqa għal pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità;

16.  Jenfasizza l-interdipendenza bejn il-faqar estrem u n-nuqqas ta' drittijiet tal-bniedem, u jisħaq fuq il-bżonn ta' żvilupp ta' ġabra ta' prinċipji dwar l-applikazzjoni ta' standards u kriterji relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra l-faqar estrem;

17.  Itenni li 70 % tal-fqar tad-dinja jgħixu f'żoni rurali u jiddependu direttament minn riżorsi naturali għall-għajxien u l-benesseri tagħhom, u li l-fqar fiż-żoni urbani wkoll jiddependu minn dawn ir-riżorsi; jistieden lill-UE tiddefendi l-aċċess tal-popolazzjonijiet għar-riżorsi naturali u vitali ta' pajjiżhom, l-aċċess għall-art u s-sigurtà tal-ikel bħala dritt fundamentali; jiddeplora l-fatt li numru sinifikattiv ta' persuni ma għandhomx beni fundamentali bħall-ilma; jiġbed l-attenzjoni lejn id-drittijiet elenkati fil-Patt dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, bħad-drittijiet għal nutrizzjoni adegwata, standards soċjali minimi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli u l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod;

Rapport Annwali tal-UE 2010

18.  Jenfasizza l-importanza tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fl-analiżi u l-valutazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwistjoni; jinnota b'dispjaċir li, għall-ewwel darba mill-preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) u/jew is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) qatt ma ppreżentaw ir-rapport lis-seduta plenarja matul is-sena u jħeġġeġ bil-qawwa lir-RGħ/VP biex fil-futur tippreżenta dawn ir-rapporti lill-Parlament u biex tagħmel dan fil-ħin opportun;

19.  Jiddispjaċih dwar in-natura deskrittiva ħafna tar-Rapport Annwali u dwar l-attenzjoni eċċessiva li ngħatat lil azzjonijiet ta' darba; itenni t-talba tiegħu li jiġi pprovdut approċċ iżjed sistematiku, inkluż l-użu ta' indiċijiet u standards għal pajjiżi individwali, u li r-rendiment abbażi ta' dawn l-objettivi jiġi analizzat fir-Rapport Annwali, sabiex jiffaċilita valutazzjoni sostanzjata ta' rendiment;

20.  Jilqa' t-taqsima komprensiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u dwar id-drittijiet tat-tfal fir-Rapport Annwali ta' din is-sena; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għal kastigi bħall-abort furzat u selettiv abbażi tas-sess, l-isterilizzazzjoni furzata u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jirrikonoxxi l-prijorità mogħtija biex jiġu appoġġati sforzi favur l-abolizzjoni dinjija tal-piena tal-mewt u għal kwistjonijiet ta' riforma ġudizzjarja; japprova l-attenzjoni prattika tar-RGħ/VP dwar l-azzjoni tal-UE f'fora internazzjonali;

21.  Jinnota li r-Rapport Annwali ma jinkludix sezzjoni speċifika fuq l-iżvilupp; jenfasizza, speċjalment wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u fid-dawl tal-istrateġija integrata kurrenti fuq id-drittijiet tal-bniedem, li għandu jkun hemm sezzjoni tematika fir-Rapport Annwali dwar “id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp”;

22.  Iħeġġeġ ir-RGħ/VP biex fl-abbozzar tagħha ta' Rapporti Annwali tikkonsulta attivament, sistematikament u b'mod trasparenti l-Parlament, fil-ħin u b'mod komprensiv mal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem, u tistieden pubblikament lill-organizzazzjonijiet interessati kollha jipprovdu l-kontribut tagħhom, billi jtejbu l-użu tan-netwerks soċjali u l-midja sabiex jikkonsultaw l-ikbar numru possibbli ta' organizzazzjonijiet; jistieden ukoll lir-RGħ/VP tikkonsulta sistematikament mal-Parlament u tirraporta fuq il-mod li r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament ġew ikkunsidrati; jitlob lir-RGħ/VP tipprovdi b'mod iżjed regolari informazzjoni dwar l-istadju tal-preparazzjoni tar-Rapporti Annwali futuri kull darba li tiġi mitluba tagħmel dan mill-Parlament;

Integrazzjoni

23.  Jinnota d-dikjarazzjoni tar-RGħ/VP għall-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2011 wara s-sejħa li ilha żmien twil li saret għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li jekk din il-funzjoni tiġi stabbilita, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għandu jkollu kompetenzi transettorjali li jippermettu l-implimentazzjoni ta' politika ta' koeżjoni maħsuba biex tintegra d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kollha tal-UE; iwissi, madankollu, kontra kwalunkwe tentattiv li l-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tiġi iżolata mill-istrateġiji ġenerali tal-politika esterna permezz tal-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali bħal dan;

24.  Iqis li huwa vitali li l-ftehimiet internazzjonali, partikolarment dwar il-kummerċ, l-enerġija, ir-riammissjoni, is-sigurtà u l-kooperazzjoni teknika, ma jmorrux kontra l-prinċipji fundaturi tal-UE minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE; jipproponi li l-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' standards stabbiliti jitwettqu qabel it-tnedija tan-negozjati ta' ftehimiet bħal dawn kif ukoll waqt l-istadju tan-negozjati, u jiġu segwiti b'rapporti ta' progress regolari li jinkludu l-valutazzjonijiet magħmula mill-istituzzjonijiet u s-servizzi tal-UE li huma responsabbli għall-implimentazzjoni u l-valutazzjonijiet ipprovduti minn organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali tas-soċjetà ċivili li huma parti minn mekkaniżmi ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili istituzzjonalizzati; jinsisti, fir-rigward ta' dan, fuq l-użu sħiħ tal-Artikolu 218 tat-TUE li jgħid li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-Parlament u l-Kunsill fl-istadji kollha tan-negozjati tal-ftehimiet internazzjonali mal-pajjiżi terzi; iqis li huwa ta' importanza kbira, f'dan ir-rigward, li l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu pprovduti b'kompetenza ta' kwalifiki għolja u indipendenti dwar is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-pajjiżi individwali;

25.  Jirrakkomanda li, biex wieħed imur lil hinn mill-ideat ġenerali dwar l-integrazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem, jitfassal sett ta' miżuri prattiċi li għandhom ikunu vinkolanti għall-uffiċjali kollha tal-UE li jaħdmu esternament, kif ukoll għall-persunal kollu fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-azzjonijiet operattivi tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea inkluża FRONTEX, u għall-esperti li jaħdmu f'isem l-UE u ffinanzjati mill-UE, li għandhom ikunu konformi man-normi l-istandards internazzjonali; jenfasizza li t-taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jkun obbligatorju fil-SEAE u l-partijiet rilevanti tal-Kummissjoni; jirrakkomanda li l-kompiti relatati mal-integrazzjoni jiġu inkorporati bħala parti mill-valutazzjoni annwali tal-persunal;

26.  Jirrakkomanda wkoll li, kull darba li jiġi kommess ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiż sieħeb li miegħu jkun ġie konkluż ftehim internazzjonali bħal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni, l-UE tieħu passi iżjed kuraġġużi fit-twettiq tas-sanzjonijiet xierqa kif stipulat fil-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim, inkluż is-sospensjoni temporanja possibbli tal-ftehim;

27.  Jenfasizza l-importanza li jitfasslu programmi ta' segwitu adegwati għar-Rapporti tal-Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, billi jiġi żgurat li dawn il-programmi ta' segwitu jkunu konnessi wkoll ma' kwalunkwe programm ta' żvilupp;

28.  Jenfasizza li l-integrazzjoni tal-ġustizzja internazzjonali għandha tinkludi, b'mod sistematiku l-kunsiderazzjoni tal-ġlieda kontra l-impunità u l-prinċipju tal-kumplimentarjetà fil-kuntest usa' tal-kummerċ, tal-iżvilupp u tal-assistenza għall-istat tad-dritt; jenfasizza li r-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-vittmi fis-soċjetà u l-komunitajiet milquta għandhom jikkostitwixxu l-preokkupazzjoni ċentrali, b'konċentrazzjoni speċjali fuq gruppi vulnerabbli, inkluż in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-persuni b'diżabbiltà; jenfasizza l-importanza tat-twaqqif ta' strutturi kostituzzjonali, inkluż sistema ġuridika effiċjenti, is-separazzjoni tas-setgħat u ġudikatura rikonoxxuta u indipendenti għat-tisħiħ tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe pajjiż; jirrakkomanda li l-Istatut ta' Ruma tal-QKI jiġi miżjud mal-pakkett ta' trattati internazzjonali dwar il-governanza tajba u li l-istat tad-dritt jiġi ratifikat mill-pajjiżi terzi li jiddaħħlu fis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati Plus (GSP+); jirrakkomanda l-inklużjoni b'mod konsistenti ta' klawsoli QKI fil-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li klawsoli bħal dawn għandhom jitqiesu bħala elementi essenzjali tal-ftehimiet, b'konċentrazzjoni fuq sħubiji strateġiċi u l-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

Azzjoni tal-UE fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti

29.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tar-riżoluzzjoni 65/276 dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fil-ħidma tan-NU bħala bidu modest ta' sforz akbar biex jiġi aġġornat ir-rwol tal-Unjoni fl-organizzazzjoni; jenfasizza li l-fatt li jsir diskors b'vuċi waħda m'għandux jieħu post it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u, għall-kuntrarju, iqis li l-UE issa trid tinsisti b'mod qawwi li teżerċita d-drittijiet tagħha u tuża l-istatus imtejjeb tagħha sabiex issegwi strateġija ambizzjuża dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tad-demokrazija;

30.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jawtorizza lir-RGħ/VP sabiex tagħmel abbozz ta' linji gwida għal konsultazzjonijiet regolari bejn l-ambaxxaturi tal-Istati Membri u l-ambaxxaturi tal-UE, b'mod speċjali bejn dawk li qegħdin jaħdmu fuq livell multilaterali f'postijiet bħal Ġinevra u New York, sabiex b'hekk l-UE tkun tista' ssegwi b'suċċess l-aġenda tagħha tan-NU u taġixxi għall-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem;

31.  Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-UE fir-riforma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC), b'mod partikolari l-appoġġ sħiħ tagħha għall-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-difiża tagħha tar-rwol tal-Proċeduri Speċjali u tal-mandati tal-pajjiżi u l-indiviżibilità tad-drittijiet kollha tal-bniedem; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiddikjaraw l-oppożizzjoni ċara tagħhom kontra l-prattika tal-preżentazzjoni ta' “clean slates” minn gruppi reġjonali għall-elezzjonijiet tal-HRC; jilqa' l-ewwel ċiklu komplut tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR), u jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE jmexxu b'eżempju, billi jibnu fuq l-input tal-ewwel sessjoni wara konsultazzjonijiet fil-livell nazzjonali; japprova l-inklużjoni tas-segwitu għall-UPR fuq l-aġenda tad-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE ma' pajjiżi terzi u f'Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż;

32.  Jenfasizza l-fatt li sabiex jinkiseb kunsens rigward numru akbar tal-proposti tagħha fl-HRC, il-kapaċità tal-UE għas-sensibilizzazzjoni għandha tiġi mtejba bħala kwestjoni ta' urġenza, inkluż billi takkwista l-appoġġ tar-RGħ/VP għal-lobby ta' kapitali f'pajjiżi terzi b'appoġġ għall-pożizzjonijiet tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ aktar strateġiku, tul żmien medju, għat-tħejjija tas-sessjonijiet HRC li qed jittieħdu fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill (COHOM);

Politika tal-UE dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u l-ġlieda kontra l-impunità

33.  Jilqa' l-aġġornament tal-politika tal-UE dwar il-QKI tat-12 ta' Lulju 2011; Jinnota li l-Istatut ta' Ruma tal-QKI jistabbilixxi mekkaniżmu tal-“aħħar rimedju” sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja l-individwi responsabbli għal delitti kontra l-umanità, ġenoċidji, delitti tal-gwerra, u delitti ta' aggressjoni, kif stipulat mill-prinċipju tal-kumplimentarjetà inkluż fl-Istatut ta' Ruma; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni li tistabbilixxi “Ġabra ta' Għodod ta' Kumplimentarjetà tal-UE” li l-għan tagħha jkun l-appoġġ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali u l-ġenerazzjoni ta' rieda politika għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' allegazzjonijiet ta' delitti internazzjonali, u jenfasizza l-importanza ta' konsultazzjonijiet bir-reqqa mal-Istati Membri tal-UE, mal-Parlament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex tiġi finalizzata l-ġabra ta' għodod; jilqa' l-isforzi tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri sabiex jappoġġjaw l-isforzi ta' kumplimentarjetà fil-pajjiżi fejn ikunu seħħew delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u jinkoraġġixxi t-tkomplija ta' sforzi bħal dawn; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw sett ta' linji gwida interni li jiddeskrivu kodiċi ta' kondotta għal kuntatti ma' persuni mfittxija mill-QKI; jistieden lill-Istati Membri kollha (notevolment ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Portugall) biex jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar kooperazzjoni mal-Qorti u jikkonkludu ftehimiet ta' qafas mal-QKI sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, b'mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta' mandati ta' arrest u talbiet oħra tal-Qorti;

34.  Jilqa' l-adozzjoni ta' emendi għall-Istatut ta' Ruma relatati mar-reat tal-aggressjoni u ma' ċerti delitti tal-gwerra waqt il-Konferenza ta' Analiżi li saret f'Kampala, u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikaw dawn l-emendi sostantivi minnufih u biex jimplimentawhom bħala parti mis-sistemi penali domestiċi tagħhom; jitlob f'dan il-kuntest lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jużaw l-awtorità internazzjonali tagħhom bl-ikop li tiġi żgurata u tissaħħaħ l-universalità tal-Istatut ta' Ruma biex ikun hemm definizzjoni, bi qbil internazzjonali, ta' atti ta' agressjoni bi ksur tal-liġi internazzjonali; jilqa' l-wegħdiet tal-UE, b'mod partikolari dwar il-ġlieda kontra l-impunità bħala valur ċentrali li għandu jinqasam mas-sħab tagħna meta jsiru ftehimiet, u jitlob biex dawn jiġu implimentati b'mod konsistenti;

35.  Jirrakkomanda li l-UE sistematikament tinkludi klawsoli tal-QKI fil-ftehimiet mal-pajjiżi terzi u tippromwovi r-rispett għall-QKI, il-kooperazzjoni magħha u l-għajnuna tagħha fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou u tad-djalogi bejn l-UE u organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u l-OSKE, u pajjiżi terzi;

36.  Jilqa' l-appoġġ finanzjarju u loġistiku tal-UE u tal-Istati Membri għall-QKI, u jirrakkomanda li dan jitkompla; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-riżultat tad-diskussjonijiet tal-baġit fis-sessjoni ta' Diċembru 2011 tal-Assemblea tal-Partijiet tal-Istat, li jhedded li jħalli l-Qorti mingħajr biżżejjed fondi u b'hekk tipperikola l-kapaċità tagħha li ġġib ġustizzja u tirrispondi għal sitwazzjonijiet ġodda; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex juru appoġġ adegwat għall-funzjonament tal-Qorti, inkluż l-adozzjoni ta' rwol proattiv fil-konsenja tal-imputati;

Politiki tal-UE biex tiġi appoġġjata d-demokratizzazzjoni

37.  Jinsisti li l-għanijiet tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà huma marbutin flimkien; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE għandhom jikkombinaw dimensjoni politika li tappoġġja l-pluraliżmu, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u dimensjoni ta' żvilupp li tiffoka fuq progress soċjoekonomiku, inkluż il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanza, u l-ħtieġa bażika tal-ikel, abbażi tal-iżvilupp sostenibbli; iżid f'dan il-kuntest li l-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għandhom jinkludu riformi konkreti u sostanzjali sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, it-trasparenza, l-ugwaljanza tas-sessi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji; jinnota wkoll li kundizjonalità iżjed stretta u s-sospensjoni tal-għajnuna għandhom jiġu applikati fil-pajjiżi benefiċjarji li manifestament jinjoraw id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem u li jonqsu milli japprovaw leġiżlazzjoni li tissodisfa obbligi internazzjonali;

38.  Iqis li l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni “aktar għal aktar” għandu jmexxi r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha, u li l-UE għandha tagħti biss lill-pajjiżi sħab status avvanzat jekk jintlaħqu rekwiżiti ċari ta' drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, u li ma għandhiex toqgħod lura milli tiffriża dan l-istatus jekk dawn ir-rekwiżiti ma jibqgħux jiġu sodisfatti; iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja f'dan ir-rigward fin-negozjati ulterjuri mar-Russja dwar il-Ftehim ta' Sħubija avvanzat il-ġdid;

39.  Jitlob appoġġ sistematiku għal parlamenti ġodda u li jkunu ġew eletti b'mod liberu u ġust, speċjalment fil-pajjiżi li jinsabu fi tranżizzjoni u f'dawk li l-UE bagħtet missjonijiet għall-osservazzjoni elettorali fihom; iqis li appoġġ bħal dan għandu jiġi ffinanzjat mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u minn strumenti ġeografiċi;

40.  Jilqa' l-pjanijiet biex tiġi stabbilita Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED), kif stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta tar-RGħ/VP u l-Kummissjoni, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3101 u 3130 laqgħa, li wasslu għad-Dikjarazzjoni dwar It-Twaqqif ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija li dwarha ntlaħaq qbil fil-COREPER fil-15 ta' Diċembru 2011, flimkien mal-isforzi magħmula minn Grupp ta' Ħidma ta' Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija mwaqqaf taħt l-awspiċi tas-SEAE b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-UE; jissottolinja l-funzjoni potenzjali tad-Dotazzjoni, taħt is-superviżjoni tal-Parlament, bħala għodda flessibbli u esperta li tappoġġja l-atturi li qed ifittxu bidla demokratika f'pajjiżi mhux demokratiċi u pajjiżi fi tranżizzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura li, fost azzjonijiet oħra tiegħu, kwalunkwe għodda ta' din ix-xorta tiżdied mal-attivitajiet ta' strumenti eżistenti, b'mod partikolari l-EIDHR, mingħajn ma jinħolqu strutturi burokratiċi żejda; jenfasizza li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-baġit tal-EED għandha tkun ġenwinament addizzjonali u għandha tingħata b'konformità sħiħa ma' regoli finanzjarji, fir-rispett tad-dritt tal-awtorità baġitarja li timmonitorja u teżamina bir-reqqa;

Appoġġ għall-elezzjonijiet

41.  Jenfasizza l-importanza ta' proċess ta' appoġġ politiku li ma jiffukax sempliċiment fuq il-perjodi immedjatament qabel u wara l-elezzjonijiet, iżda wieħed li huwa bbażat fuq il-kontinwità; jilqa' l-attenzjoni tar-RGħ/VP għal “demokrazija fil-fond”, li tgħaqqad flimkien il-proċessi demokratiċi mad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; jenfasizza li f'dan il-kuntest id-dritt għal-libertà reliġjuża għandu jingħata wkoll rwol prominenti b'mod dovut; jinnota li dan id-dritt huwa fatt ġeneralment rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kollha;

42.  Jenfasizza għal darb'oħra li huwa importanti li jintgħażlu pajjiżi prijoritarji għal missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali fuq il-bażi tal-potenzjal tal-missjoni li jkollha impatt fuq il-promozzjoni ta' demokratizzazzjoni ġenwina fit-tul;

43.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-SEAE jiżviluppaw strateġija politika fir-rigward ta' kull missjoni ta' osservazzjoni elettorali, segwita minn valutazzjoni tal-progress demokratiku għal perjodu ta' sentejn wara li ssir il-missjoni, li għandha tiġi ppreżentata waqt id-dibattitu annwali tal-Parlament u tar-RGħ/VP dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-impenn tar-RGħ/VP li fl-osservazzjoni tal-elezzjonijiet tiffoka fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-minoranzi nazzjonali, kif ukoll tal-persuni b'diżabilità kemm bħala kandidati kif ukoll bħala votanti(22);

44.  Jenfasizza l-importanza, fl-aħħar ta' kull missjoni ta' osservazzjoni elettorali, li jitfasslu rakkomandazzjonijiet realistiċi u li jistgħu jintlaħqu, b'kooperazzjoni ma' atturi internazzjonali oħra, fejn japplika, bit-tixrid u l-monitoraġġ ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu fdati lid-Delegazzjonijiet tal-UE; iqis li d-delegazzjonijiet permanenti tal-Parlament u l-assemblej parlamentari konġunti għandu jkollhom rwol akbar fis-segwitu ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u fl-analiżi tal-progress fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jappoġġa, għalhekk, il-promozzjoni ta' djalogu sostenibbli u regolari ma' dawn il-parlamenti ta' pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-metodoloġija tal-ħidma tad-delegazzjonijiet għall-osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew u li tingħata attenzjoni lit-titjib tal-ħiliet tal-MPE u l-persunal parteċipanti;

Djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u konsultazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

45.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni fi djalogu tad-drittijiet tal-bniedem strutturat, filwaqt li tintlaqa' tajjeb, hija spiss wisq użata bħala skuża biex jiġu evitati diskussjoniiet dwar dawn il-kwestjonijiet f'livelli politiċi ogħla inkluż summits bejn sħab; jitlob l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Istati Membri u l-ambaxxati tagħhom biex jagħmlu sforzi ikbar ħalli jintegraw dawn id-djalogi fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE fil-pajjiżi; jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza u konsultazzjoni ġenwina minn qabel mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll sessjonijiet ta' informazzjoni wara d-djalogi, sabiex jingħata rapport dwar ir-riżultati;

46.  Jesprimi, għaldaqstant, id-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta' progress f'għadd ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem (li issa huma iżjed minn erbgħin) u jinnota l-fehma espressa minn xi wħud li, f'ċerti każijiet, il-konsultazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE qed jiġu strumentalizzati u saru proċess iżjed milli mezzi għall-kisba ta' riżultati tanġibbli li jistgħu jitkejlu;

47.  Jiddispjaċih li l-valutazzjonijiet ta' wara d-djalogu/konsultazzjoni meħuda ma wasslux għall-iżvilupp ta' indikaturi jew standards ċari dwar ir-rendiment; iħeġġeġ li l-objettivi jiġu stabbiliti bil-quddiem, u biex dawn jiġu vvalutati immedjatament, wara kull djalogu jew konsultazzjoni, b'mod trasparenti u li jinvolvi l-iżjed partijiet interessati possibbli; jenfasizza li l-konklużjonijiet ta' dawn il-valutazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-laqgħat tas-summits u f'kuntatti oħra bejn l-UE u s-sħab tagħha, u għandhom jgħarrfu lill-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha f'ambiti bilaterali u multilaterali oħra; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawn l-indikaturi sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-klawsoli tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha tal-UE, indipendentement min-natura tagħhom;

48.  Jenfasizza l-importanza u l-urġenza li jittejbu l-modalitajiet u s-sustanza ta' dawn id-djalogi f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivli; itenni li d-djalogi jistgħu jkunu kostruttivi u jista' jkollhom impatt reali konkret biss jekk jiġu segwiti b'passi konkreti li jqisu l-għanijiet tal-UE u l-Linji Gwida tal-UE fuq Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma' pajjiżi terzi, kif ukoll jekk jiġu stabbiliti miżuri korrettivi;

49.  Ifakkar li l-UE għandha tuża dawn id-djalogi bħala strument sabiex tqajjem każijiet individwali ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, bħall-każijiet ta' priġunieri u detenuti politiċi bħal pereżempju fil-Vjetnam u ċ-Ċina, li tqiegħdu l-ħabs minħabba li eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet bażiċi, bħal-libertà tal-espressjoni, il-parteċipazzjoni f'assemblej, assoċjazzjoni u reliġjon; jistieden ukoll lill-UE sabiex tuża b'mod regolari din l-opportunità u ssegwi r-rispons għal każijiet individwali li tkun qajmet, timmonitorja dawn il-każijiet, u tikkoordina mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem involuti kif ukoll ma' pajjiżi oħra li jkollhom djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiż inkwestjoni;

50.  Jiddispjaċih jinnota li twettqu biss numru limitat ta' valutazzjonijiet fuq bażi irregolari minkejja l-Linji Gwida li jippreskrivu li d-djalogi “għandhom preferibbilment jiġu valutati kull sentejn”; jiddispjaċih bil-qawwa li ma kienx hemm involviment sistematiku tal-Parlament Ewropew fl-valutazzjoni sa issa, inkluż għar-Russja u ċ-Ċina; jitlob formalizzazzjoni ta' aċċess għall-Parlament Ewropew għal dawn il-valutazzjonijiet u garanzija li dan jitwettaq bl-iżjed mod miftuħ u trasparenti possibbli; ifakkar li l-Linji Gwida jiddikjaraw li s-“soċjetà ċivili se tkun involuta f'dan l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni”, u jqis li l-implimentazzjoni ta' dan l-impenn jirrikjedi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu konkret għal dan il-għan;

51.   jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni f'Mali wara l-kolp ta' stat tat-22 ta' Marzu 2012 u tal-fatt li dan il-pajjiż huwa kkonfrontat bl-agħar kriżi umanitarja ta' dawn l-aħħar għoxrin sena fir-rigward tan-nuqqas ta' sikurezza tal-ikel li minna jsofru madwar tliet miljun persuna u taċ-ċaqliq ikkawżat mill-kunflitti fin-naħa ta' fuq; jitlob sabiex tingħata għajnuna umanitarja supplimentari mill-Unjoni Ewropea biex tiġi ttrattata din is-sitwazzjoni; iqis ukoll li huwa neċessarju li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jħeġġu biex ikun hemm tmiem paċifiku tal-kunflitt ibbażat fuq il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet, u dan mingħajr indħil estern fl-affarijiet politiċi tal-pajjiż;

52.  Itenni li d-drittijiet tan-nisa għandhom ikunu parti importanti tad-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem immexxija mill-UE, u tad-djalogu politiku tal-UE ma' pajjiżi terzi li magħhom ikunu ġew iffirmati ftehimiet ta' kooperazzjoni jew ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-ftehimiet, u li għandha tikber il-parteċipazzjoni tan-nisa fi tranżizzjonijiet paċifiċi - kemm madwar il-mejda tan-negozjati kif ukoll fi rwoli attivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri xierqa kollha fil-każ li jsir xi ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet;

53.  Jiddispjaċih li minkejja t-talbiet kollha mill-Parlament Ewropew u ta' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, Mikhail Khodorkovsky ġie kkundannat fit-tieni proċess tiegħu, li kien politiċizzat u mmotivat minn kawżi amministrattivi, fir-Russja, proċess li ma kienx jikkonforma mal-prinċipji ta' sistema ġudizzjarja ġusta u indipendenti, u b'hekk kiser b'mod serju d-drittijiet tal-bniedem;

Klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

54.  Jitlob li r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha mal-pajjiżi terzi, kemm dawk industrijalizzati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw, u li jinkludu l-ftehimiet settorali, ftehimiet ta' kummerċ u tekniċi jew ta' għajnuna finanzjarja, biex jinkludu klawsoli vinkolanti bi kliem ċari dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, mingħajr eċċezzjoni; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura infurzar iżjed strett ta' dawn il-klawsoli; itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat katalogu uniku dwar l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għal skopijiet deskrittivi u valutattivi, rikonoxxuti mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u konvenzjonijiet internazzjonali ċentrali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jikkostitwixxu element vijabbli ta' l-istandards tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bħal dawn;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni biex ma tkunx riluttanti fl-użu tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni għal ftehimiet permanenti kull darba li l-klawsoli standard dwar id-drittijiet tal-bniedem jinkisru b'mod ripetut;

56.  Jenfasizza li l-applikazzjoni tal-klawsola kif inhi bħalissa fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles(FTAs) li għandhom jiġu quddiem il-Parlament dalwaqt, tipprovdi opportunità għall-Parlament innifsu li jesplora l-potenzjal għall-istabbiliment ta' standards tad-drittijiet tal-bniedem qabel ir-ratifika, sabiex jinkiseb progress konkret u verifikabbli fir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja “klawsola ta' mudell” ġdida li tirreferi għall-obbligi internazzjonali tal-partijiet, li tkun tinkludi proċedura għall-konsultazzjoni u l-ispeċifikazzjoni ta' mekkaniżmi politiċi u legali li għandhom jintużaw f'każ ta' talba għal kooperazzjoni li tiġi sospiża fuq il-bażijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem ripetuti jew sistematiċi bi ksur tad-dritt internazzjonali; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu ta' infurzar tal-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif mitlub mill-Parlament, huwa l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ġenwina ta' klawsoli bħal dawn u għandu jiġi kkunsidrat bħala mekkaniżmu ta' prevenzjoni u twissija, li jistabbilixxi djalogu bejn l-UE u l-pajjiż sieħeb, u li għandu jiġi segwit minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ; jirrakkomanda li tiġi żviluppata sistema ċara u gradwali ta' sanzjonijiet, mingħajr preġudizzju għal sospensjoni finali possibbli; jinsisti b'mod qawwi dwar il-ħtieġa li l-Parlament jaġixxi bħala entità għat-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod konġunt mal-Kummissjoni u mal-Kunsill f'dan ir-rigward;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tal-impenji li jkunu saru fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u tal-promozzjoni tal-prinċipji demokratiċi; jitlob li jintużaw studji tal impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, flimkien ma' dawk eżistenti dwar l-iżvilupp sostenibbli, u għall-valutazzjonijiet u l-konklużjonijiet li hemm fihom li għandhom jiġu kkunsidrati f'negozjati u riflessi fil-ftehimiet finali;

58.  Jipproponi l-użu ta' indikaturi u kriterji oġġettivi fi studji dwar l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-valutazzjoni tagħhom.

Kummerċ u drittijiet tal-bniedem

59.  Jistenna kapitolu komprensiv dwar id-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' kapitoli dwar aspetti soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles futuri kollha u, fil-kuntest ta' negozjati li jinsabu għaddejjin bħalissa, jiddispjaċih għall-oġġezzjonijiet għal dan il-prinċipju li esprimew uħud mis-sħab, bħall-Indja u l-Kanada; jitlob li l-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet jissaħħaħ permezz tal-inklużjoni ta' proċedura ta' lmenti miftuħa għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, l-istabbiliment ta' entità indipendenti li tirriżolvi tilwimiet pertinenti u l-possibbiltà ta' rikors għal mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' tilwimiet b'dispożizzjoni għall-multi u s-sospensjoni ta' benefiċċji tal-kummerċ fil-każ ta' ksur aggravat tal-istandards ambjentali u tax-xogħol ikkonċernati, ekwivalenti għal mekkaniżmi għal dispożizzjonijiet ta' aċċess għas-suq; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u infurzar tal-GSP+ għandhom ikomplu jissaħħu; jitlob biex l-objettivi tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) ikunu vinkolanti għall-kumpaniji Ewropej li joperaw f'pajjiżi istituzzjonalment dgħajfa;

Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)

60.  Iqis li r-“Rebbiegħa Għarbija” serviet biex turi l-inadegwatezza tal-politiki tal-UE sa dan iż-żmien biex b'mod effettiv jappoġġjaw ix-xewqa kbira tan-nies għal demokrazija, rispett tal-libertajiet fundamentali, ġustizzja u gvern responsabbli u rappreżentattiv f'pajjiż fejn dan hu miċħud; jilqa“, għalhekk, il-Komunikazzjonijiet Konġunti mill-Kummissjoni u mir-RGħ/VP dwar ”Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni“, bl-espressjoni tal-ħtieġa, fost punti oħra, tal-ħolqien tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija, u ”Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni mal-Mediterran tan-Nofsinhar“, u l-approċċ li ġie adottat ta' impenji kondiviżi u ta' responsabbiltà reċiproka rigward il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, ta' kundizzjonalità aktar b'saħħitha bbażata fuq inċentivi, ta' differenzjazzjoni tal-politiki, u l-progress tal-kooperazzjoni multilaterali u subreġjonali u tal-prinċipju ta' aktar involviment tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-”Rebbiegħa Għarbija' tista' ssir paradoss jekk tiżviluppa f'direzzjoni li tiċħad id-drittijiet fundamentali tan-nisa, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-minoranzi reliġjużi u gruppi oħra tas-soċjetà fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija;

61.  Iqis li mill-bidu tar-“Rebbiegħa Għarbija”, l-NGOs fil-pajjiżi u ċ-ċittadini organizzati qed ikollhom rwol kruċjali fil-mobilizzazzjoni tal-persuni u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika, bl-għan li jinfurmaw lill-pubbliku bid-drittijiet tagħhom kif ukoll li tingħatalhom is-setgħa li jifhmu u jħaddnu d-demokrazija; jenfasizza li l-prijoritajiet politiċi għal riformi futuri se jkollhom joriġinaw minn konsultazzjonijiet parteċipattivi mal-NGOs fil-pajjiż u ma' dawk li jippromwovu d-drittijiet ċivili;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-appoġġ għall-movimneti demokratiċi fis-Sħubija tal-Lvant ukoll; u Jilqa' l-approċċ il-ġdid għall-PEV bil-għan li jingħata iktar appoġġ lis-sħab impenjati fil-bini ta' demokrazija fil-fond u sostenibbli u appoġġ għal żvilupp ekonomiku inklużiv, u t-tisħiħ taż-żewġ dimensjonijiet reġjonali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

63.  Jappoġġa rendiment ibbażat fuq approċċ “aktar għal aktar” b'konformità mal-viżjoni l-ġdida tal-PEV; jinsisti li d-differenzjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji definiti b'mod ċar u fuq standards li jiġu mmonitorjati b'mod regolari u jipproponi li l-istandards stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet jitqiesu bħala li huma objettivi, li għandhom jiġu kkompletati minn standards aktar speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu u li huma marbuta ma' perjodu ta' żmien; jistieden lill-SEAE u lill-Kummissjoni jipprovdu metodoloġija ċara u adegwata għall-valutazzjoni tar-rekord tal-pajjiżi tal-PEV rigward ir-rispett għad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tagħhom, biex joħorġu rapporti b'mod regolari sabiex jiffurmaw il-bażi għall-allokazzjoni tal-fondi bi qbil mal-approċċ “aktar għal aktar”, u biex jinkludu dawn il-valutazzjonijiet fir-rapporti annwali ta' progress; jenfasizza li l-fondi li ma jkunux jistgħu jiġu allokati jew ittrasferiti minħabba valutazzjoni negattiva għandhom jitqassmu mill-ġdid lil proġetti oħra li jkunu qed jitwettqu fil-pajjiżi sħab tal-Viċinat Ewropew, kemm fid-dimensjoni tan-Nofsinhar kif ukoll f'dik tal-Lvant;

64.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' governanza u t-trasformazzjoni tas-soċjetà u l-kontribut tagħha lejn dan il-qasam, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu inklużi rappreżentanti tal-gruppi tan-nisa u l-minoritajiet fi proċessi bħal dawn; jappoġġja bil-qawwa impenn akbar mas-soċjetà ċivili f'dawn il-proċessi, kemm f'termini ta' ħidma mill-qrib dejjem ikbar mal-pubbliku kif ukoll enfasi iżjed qawwija fuq l-inklużjoni tal-opinjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika; jilqa' f'dan ir-rigward il-programmi kollha tal-UE li l-għan tagħhom huwa t-taħriġ ta' professjonisti żgħażagħ u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta' skambju ta' studenti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi billi dawn jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; jissottolinea l-ħtieġa ta' appoġġ strutturali u finanzjarju indipendenti għas-soċjetà ċivili li għandu jiġi allokat mingħajr l-ebda interferenza mill-Istat; iqis li, bħal fil-każ tal-proċess tal-EPU fil-UNHRC, għandhom jiġu involuti atturi tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fir-rapporti ta' progress dwar il-PEV tal-Kummissjoni billi jwasslu b'mod separat il-valutazzjonijiet tagħhom stess li għandhom jiżdiedu ma' dawn ir-rapporti; jilqa' l-azzjonijiet li jimxu lejn it-twaqqif tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili (CSF) u Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija, u jitlob finanzjament sostanzjali għaliha fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali li ġej; u jinsisti li, fil-ġejjieni, is-soċjetà ċivili għandha tkun impenjata b'mod li tikkontribwixxi b'mod dirett permezz ta' “mekkaniżmu ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili” istituzzjonalizzat;

65.  Huwa mħasseb ħafna li erba' pajjiżi msieħba tal-Viċinat tal-Ewropa ma ffirmawx il-Protokoll Opzjonali għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-tortura, ħdax-il pajjiż ma rratifikawhx, u erbatax oħra ma ħejjewx il-miżuri preventivi nazzjonali meħtieġa; jitlob li jkun hemm azzjoni urġenti tal-UE biex tindirizza dan in-nuqqas;

66.  Jemmen li l-promozzjoni u l-appoġġ tan-nonvjolenza jirriflettu valur internazzjonali li jikkostitwixxi mod adegwat biex jiġu difiżi u promossi d-drittijiet tal-bniedem internament, b'mod partikolari meta wieħed iqis li l-metodoloġija tan-nonvjolenza toffri riżultati effettivi f'termini tal-prevenzjoni tal-kunflitt u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-soċjetà ċivili madwar id-dinja; jipproponi li n-nonvjolenza tingħata rwol ta' relevanza u piż politiku fil-politiki interni u esterni tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għal dawk l-inizjattivi li jistgħu jsostnu u jiżviluppaw attiviżmu nonvjolenti u paċifiku madwar id-dinja bit-tixrid ta' għajnuna prattika sabiex jiġu appoġġjati l-attivisti nonvjolenti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

67.  Itenni l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE ħalli jaħdmu lejn pożizzjoni komuni tal-UE dwar is-segwitu għall-missjoni ta' sejbien ta' fatti fil-kunflitt ta' Gaża, billi jitlob pubblikament li jkun hemm l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-istess Missjoni u r-responsabilità politika għall-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt internazzjonali, indipendentement mill-allegat perpetratur, permezz ta' investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, trasparenti u effettivi; huwa tal-fehma li mhuwiex possibbli jkun hemm proċess ta' paċi effettiv fil-Lvant Nofsani mingħajr responsabilità politika u ġustizzja;

Strumenti finanzjarji esterni, b'mod partikolari l-EIDHR

68.  Jinnota li, filwaqt li kien hemm dikjarazzjonijiet qawwija ta' politika tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem, ġiet osservata dilwizzjoni “l isfel fiċ-ċiklu ta' programmar billi l-wegħdiet tad-drittijiet tal-bniedem jgħibu minn strumenti speċifiċi u allokazzjonijiet settorjali tal-pajjiżi; josserva li sfortunatament id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija xi kultant ġew ”iżolati' fl-EIDHR għad-dannu tal-integrazzjoni fl-istrumenti kollha;

69.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda għall-Bidla u l-enfasi li tagħmel fuq in-natura interkonnessa tal-objettivi tal-żvilupp, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tas-sigurtà; jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi msaħħa fuq l-impenji tal-pajjiżi sħab fid-determinazzjoni tat-taħlita ta' strumenti u modalitajiet fil-livell tal-pajjiż; fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eliminati standards doppji attwali u jiġu evitati dawk tal-ġejjieni; jilqa' t-trasformazzjoni ta' din il-politika fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Approċċ Futur għal Appoġġ tal-Baġit għal Pajjiżi Terzi, li tistabbilixxi li l-appoġġ tal-baġit ġenerali jiġi pprovdut biss meta l-pajjiżi sħab jimpenjaw ruħhom biex jibdew jissodisfaw standards internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jibdlu dan il-qafas ta' politika f'attivitajiet konkreti, operattivi, li huma marbuta biż-żmien u li jistgħu jitkejlu, li għandhom jiġu integrati fl-oqsma differenti ta' kooperazzjoni u li għandhom jiġu akkumpanjati mit-tisħiħ meħtieġ tal-oqfsa istituzzjonali u tal-kapaċitajiet amministrattivi;

70.  Jirrakkomanda bis-sħiħ li fi ħdan l-istrumenti futuri ta' żvilupp tingħata attenzjoni speċjali lill-programmi tematiċi, peress li dawn jindirizzaw speċjalment kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem sabiex jiġu promossi konnessjonijiet ta' tisħiħ reċiproku bejn l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem;

71.  Jinnota li sabiex jiġu mmassimizzati l-koerenza u l-effettività, hemm bżonn ta' approċċ strateġiku biex jgħaqqad l-istrumenti ġeografiċi u tematiċi differenti sabiex jiġu mħarsa u promossi d-drittijiet tal-bniedem, fuq il-bażi ta' analiżi solida tal-kuntest lokali, bl-eliminazzjoni ta' standards doppji attwali u l-evitar ta' dawk tal-ġejjieni; jilqa“, f'dan ir-rigward, l-impenn mogħti fit-12 ta' Diċembru 2011 fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn Approċċ Aktar Effettiv biex tikkunsidra l-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċikli ta' programmar u implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE, u jistieden lir-RGħ/VP biex ifasslu metodoloġija iżjed dettaljata għall-implimentazzjoni ta' dan l-impenn;

72.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-istrumenti għal azzjoni esterna wara l-2014, b'mod partikolari l-enfażi fuq il-bżonn li jiġu introdotti proċeduri ssemplifikati u flessibbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jippermettu li sseħħ adozzjoni b'mod aktar mgħaġġel ta' miżuri implimentattivi, u għaldaqstant, ta' għoti ta' assistenza; jivvaluta l-konsultazzjonijiet estensivi li jittieħdu fi ħdan is-soċjetà ċivili u jafda li d-dokumenti finali jkunu jirriflettu t-tħassib imqajjem mill-partijiet interessati kollha;

73.  Jilqa' d-definizzjoni aktar ċara tal-għanijiet tal-EIDHR u tal-ambitu aġġornat tiegħu, li tirrifletti l-konċentrazzjoni aktar b'saħħitha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew it-twemmin u l-appoġġ tad-demokrazija; japprezza l-possibilità ġdida li jingħataw għotjiet diretti għall-finanzjament ta' azzjonijiet fl-aktar kundizzjonijiet jew sitwazzjonijiet diffiċli, jew sabiex jittejjeb l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għal organizzazzjonijiet mhux reġistrati;

74.  Jenfasizza l-fatt li l-prerogattivi tal-Parlament għandhom jiġu rispettati fil-programmar tal-EIDHR u ta' strumenti oħrajn, b'enfasi speċjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; għaldaqstant, jinsisti bil-qawwa li d-Dokumenti ta' Strateġija għal dawn l-istrumenti jiġu meqjusa bħala atti ta' implimentazzjoni u għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 290 TFUE dwar atti delegati;

Piena tal-mewt

75.  Jilqa' r-riżultat ta' suċċess tar-Riżoluzzjoni 65/206 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2010 dwar moratorju fuq l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt, li tindika t-tisħiħ tal-appoġġ dinji favur l-abolizzjoni u sensibilizzazzjoni li qed tikber fost l-attivisti, l-imħallfin, il-politiċi u l-poplu ġenerali; jilqa' wkoll ir-rwol importanti li kellha l-UE biex tiżgura din ir-rebħa; jistenna bil-ħerqa sħubija b'saħħitha mal-Istati Membri u s-SEAE fuq ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-2012;

76.  Itenni li l-Unjoni hija kuntrarja għall-piena tal-mewt f'kull ċirkostanza, u jitlob lill-UE tkompli tuża l-kooperazzjoni u d-diplomazija għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-fora kollha possibbli madwar id-dinja kollha b'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, u biex tiżgura wkoll li d-dritt għal proċess ġust jiġi rrispettat bis-sħiħ għal kull persuna li tkun qiegħda tiffaċċja eżekuzzjoni, mingħajr l-użu ta' tortura u trattament ħażin ieħor li jintuża sabiex jinkisbu konfessjonijiet; fil-pajjiżi fejn, minkejja l-isforzi tal-UE u ta' oħrajn, il-piena tal-mewt għadha tintuża, jitlob li jkun hemm rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem ta' persuni li ġew kundannati, inkluż l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom, għallanqas għall-familja u l-qraba fil-qrib tagħhom, ir-rispett għall-ġisem u d-dritt għal funeral xieraq. Filwaqt li jikkundanna l-eżekuzzjonijiet riċenti fil-Bjelorussja ta' Dźmitryj Kanawałau u Uładzisłaua Kawaliou, jenfasizza li dawn id-drittijiet bażiċi ma ġewx rispettati, peress li l-eżekuzzjonijiet saru bil-moħbi, mingħajr l-għarfien tal-familja u mingħajr il-possibiltà li l-iġsma jiġu rkuprati sabiex jindifnu b'mod rispettuż; ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija d-donatriċi prinċipali li tgħin lill-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra l-piena tal-mewt; jitlob lill-Kummissjoni żżomm din il-piena kiefra u inumana bħala prijorità tematika skont l-EIDHR;

77.  Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkompli timmonitorja l-kundizzjonijiet li taħthom jitwettqu eżekuzzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt, u li tappoġġja riforma legali u kostituzzjonali lejn abolizzjoni sħiħa u totali;

78.  Jitlob lir-RGħ/VP, is-SEAE u l-Kummissjoni jipprovdu gwida dwar politika komprensiva fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE li qed jaffaċċjaw il-piena kapitali f'terzi pajjiżi, inklużi mekkaniżmi sodi dwar l-identifikazzjoni, l-għoti ta' għajnuna legali u l-intervent legali tal-UE;

79.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 sabiex temenda r-Regolament (KE) Nru 1236/2005, u b'hekk tissikka l-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' ċerti drogi li jistgħu jintużaw għal eżekuzzjonijiet u tagħmir li jista' jintuża għat-tortura; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni li għadhom jeżistu fir-regolament billi tintroduċi klawsola ta' użu finali li tinkorpora kollox u li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta' kwalunkwe droga li tista' tintuża għat-tortura jew l-eżekuzzjonijiet;

Kontroll tal-Armi

80.  Jinnota li 60% tal-każijiet individwali kollha tal-ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kemm ġewwa kif ukoll barra mill-kunflitt armat dokumentat mill-Amnesty International kienu jinvolvu direttament l-użu ta' armi żgħar u armi ħfief; jirrikonoxxi l-impatt partikolarment serju tal-armi żgħar u l-armi ħfief fuq it-tgawdija tad-drittijiet tat-tfal u l-ħarsien tat-tfal mill-vjolenza; ifaħħar il-pożizzjoni fuq quddiem fid-dinja kollha li ħadet l-UE bl-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni legalment vinkolanti fuq l-esportazzjonijiet tal-armi fl-2008, iżda jinnota l-ħtieġa għal iżjed monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha fil-livell tal-UE; iħeġġeġ lill-UE biex turi sens ta' tmexxija fil-proċess biex jintlaħaq Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi fil-Konferenza tan-NU ta' din is-sena u sabiex tiżgura li jiġi jintlaħaq qbil dwar trattat robust legalment vinkolanti;

81.  Jesprimi tħassib serju dwar l-użu tat-tfal bħala suldati; jitlob li jittieħdu passi immedjati mill-UE għad-diżarm, ir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni tagħhom bħala element ewlieni fil-politiki tal-UE li l-għan tagħhom huwa t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tat-tfal u s-sostituzzjoni tal-vjolenza b'mekkaniżmu politiku tas-soluzzjoni tal-kunflitti;

Tortura u trattament jew kastigi oħra krudili, inumani u degradanti

82.  Jitlob lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk, biex jirratifikaw il-Protokoll Opzjonali mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, sabiex jittejbu l-konsistenza ta' politiki interni u esterni;

83.  Jitlob lill-Istati Membri kollha, lir-RGħ/VP u s-SEAE sabiex jintervjenu attivament fil-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti u biex jindirizzaw l-iffullar fil-ħabsijiet fl-UE u lil hinn minnha;

84.  Jissottolinja l-importanza tar-rikonoxximent tal-forom ta' tortura speċifiċi għall-ġeneru u forom degradanti ta' trattament (inkluż il-mutilazzjoni ġenitali femminili (FGM) l-istupru), u jinsisti li l-isforzi kkoordinati tal-UE sabiex topponi t-tortura b'mod adegwat jindirizzaw id-dimensjoni tal-ġeneru;

85.  Jitlob għal darb'oħra lill-Kummissjoni li fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, tiddaħħal klawsola tal-“użu aħħari tat-tortura”, li tippermetti lill-Istati Membri, abbażi ta' informazzjoni minn qabel, joħorġu liċenzji u għaldaqstant jirrifjutaw l-esportazzjoni ta' kull oġġett li jista' jkollu riskju sostanzjali li jintuża għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament ħażin ieħor mill-utenti aħħarin tiegħu;

86.  Ifakkar fil-każ traġiku ta' Sergey Magnitsky li kien qed jiġġieled kontra l-korruzzjoni f'pożizzjonijiet għolja u ġie ttorturat sal-mewt minn uffiċjali; jiddispjaċih li l-każ għadu ma ġiex solvut u dawk responsabbli għall-mewt ta' Sergey Magnitsky ma ġewx ikkastigati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi jerġgħu jibdew l-investigazzjoni u jsemmu u jikkastigaw lil dawk ħatja;

Difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

87.  Jilqa' l-impenn politiku tal-UE għall-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħala komponent li ilu żmien twil imwaqqaf tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ħafna eżempji pożittivi ta' demarches, osservazzjonijiet f'ġurijiet, żjarat f'ħabsijiet, u azzjonijiet konkreti oħra meħuda minn missjonijiet u delegazzjonijiet tal-UE, bħal laqgħat istituzzjonalizzati regolari mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżda għadu mħasseb dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem f'xi pajjiżi terzi; iqis li r-RGħ/VP għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjoni msaħħa għal dawk il-missjonijiet fejn l-implimentazzjoni kienet notevolment dgħajfa;

88.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex iħeġġu lill-missjonijiet u d-delegazzjonijiet tal-UE ħalli juru l-appoġġ u s-solidarjetà tagħhom għax-xogħol magħmul mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet taghhom, billi jiltaqgħu u jinvolvu ruħhom magħhom b'mod proattiv u regolari u billi jinkorporaw il-kontributi tagħhom fl-iżvilupp tal-istrateġiji speċifiċi tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u jinvolvu ruħhom b'mod regolari mal-Parlament Ewropew;

89.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE sabiex tqajjem b'mod sistematiku każijiet individwali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejjin bħalissa ma' dawk il-pajjiżi terzi fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom qegħdin isofru intimidazzjoni u attakki;

90.  Jenfasizza l-importanza ta' segwitu sistematiku għall-kuntatti mas-soċjetà ċivili indipendenti, kif ukoll ta' aċċess aktar dirett u faċli għal Delegazzjonijiet tal-UE mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'terzi pajjiżi; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra ta' uffiċjali ta' kollegament, fid-Delegazzjonijiet u/jew fl-ambaxxati tal-Istati Membri, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza li dawn għandhom ikunu uffiċjali b'esperjenza mħarrġa sew li l-funzjonijiet tagħhom ikunu pubbliċizzati b'mod xieraq, kemm internament kif ukoll esternament; jilqa' b'sodsifazzjon il-fatt li r-RGħ/VP indikat li dejjem se tiltaqa' mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tul il-kors taż-żjarat tagħha f'terzi pajjiżi u titlob biex din il-prattika tiġi segwita mill-Kummissarji kollha b'responsabbiltajiet fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, u biex ir-rapporti fuq dawn il-kuntatti jkunu magħmula disponibbli fil-Parlament;

91.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent; jiddenunzja t-tfittxija tar-ripressjoni kontra l-popolazzjoni Saharawija fit-territorji okkupati u jitlob għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-manifestazzjoni; jitlob għall-ħelsien ta' 80 priġunier politiku Saharawi, b'mod prijoritarju t-23 persuna miżmuma mingħajr ġuri minn Novembru 2010 fil-ħabs ta' Salé wara l-għeluq tal-kamp ta' Gdeim Izik; jerġa' jitlob għat-twaqqif ta' mekkaniżmu internazzjonali għas-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u għal soluzzjoni ġusta u sostenibbli għall-kunflitt ibbażat fuq id-dritt tal-awtodeterminazzjoni tal-poplu Saharawi bi qbil mar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

92.  Itenni t-talba tiegħu għal iktar kooperazzjoni interistituzzjonali dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-kapaċità ta' rispons tal-UE u l-koerenza bejn l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet differenti dwar kriżijiet urġenti għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu serviti tajjeb b'sistema ta' twissija maqsuma bbażata fuq punti fokali, u jħeġġeġ lis-SEAE u l-Kummissjoni biex ikomplu jesploraw din il-possibbiltà mal-Parlament Ewropew;

93.  Jilqa' l-impenn li sar mill-Parlament Ewropew biex jitħeġġeġ ir-rwol tal-Premju Sakharov u biex jissaħħaħ in-Netwerk Sakharov, u jisħaq fuq ir-rwol importanti ta' dan in-netwerk biex fost affarijiet oħra janima l-kooperazzjoni interistituzzjonali bħala appoġġ mad-dinja kollha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jeżerċitaw involviment u kooperazzjoni akbar u, f'dan il-kuntest, jilqa' r-referenza għall-Premju Sakharov fir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; madankollu jtenni s-stedina tiegħu lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex iżommu kuntatt mal-kandidati u r-rebbieħa tal-Premju Sakharov biex jiġi żgurat djalogu u monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, biex tingħata protezzjoni lil dawk li qegħdin jiġu attivament ippersegwitati, u sabiex isiru rapporti dwar dan lill-Parlament Ewropew;

94.  Jimpenja ruħu biex jinkludi d-drittijiet tan-nisa b'mod aktar sistematiku fid-dibattiti u r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex juża n-netwerk tal-Premju Sakharov, u b'mod speċjali r-rebbieħa nisa tal-Premju, biex jippromwovi d-drittijiet tan-nisa fid-dinja;

In-nisa u d-drittijiet tal-bniedem

95.  Jenfasizza r-rwoli distinti, l-esperjenzi u l-kontributi tan-nisa fil-kuntest tal-paċi u s-sigurtà; jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali f'pajjiżi bħar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) u jitlob għal tolleranza żero għal min iwettaq atti ta' dan it-tip, b'mod partikolari fost il-forzi militari u tal-pulizija f'missjonijiet u operazzjonijiet approvati mill-UE; u jisħaq dwar l-importanza li l-vittmi tingħatalhom garanzija ta' aċċess għal servizzi olistiċi ta' riabilitazzjoni bbażati fuq ħafna dixxiplini li jinkludu kwalunkwe kombinazzjoni meħtieġa ta' kura medika u psikoloġika kif ukoll servizzi legali, soċjali, komunali, vokazzjonali u edukattivi, u appoġġ ekonomiku interim;

96.  Jilqa' l-fatt li l-UE tinsab quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 u tar-riżoluzzjonijiet li jakkumpanjawha; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-politika u l-prattika jinġiebu aktar qrib xulxin; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri li għadhom ma adottawx Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali biex jagħmlu dan bħala kwestjoni ta' urġenza;

97.  Jilqa' l-ħolqien ta' “UN Women” u jistieden lill-UE biex taħdem mill-qrib mal-istituzzjoni f'livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali sabiex id-drittijiet tan-nisa jiġu infurzati; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li n-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt ikollhom aċċess ġust għas-sistemi pubbliċi tal-kura tas-saħħa, u protezzjoni adegwata tal-ġinekoloġija u tal-ostetriċja kif definita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li tkun promossa l-edukazzjoni tas-saħħa u programmi xierqa għas-saħħa sesswali u riproduttva, li huma parti prominenti mill-politika tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi terzi;

98.  Jilqa' l-Karta f'Isem il-Mara tal-Kummissjoni, li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi kemm f'livell internazzjonali kif ukoll tal-UE, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Poter lin-Nisa fl-Iżvilupp għall-perjodu 2010-2015, u jitlob biex isiru sforzi biex jintlaħqu l-MDGs dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex tittejjeb is-saħħa materna;

99.  Huwa mħasseb li fl-Eġittu, il-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (SCAF) naqas milli jmexxi investigazzjoni dwar rapporti ta' aggressjoni sesswali fuq id-dimostranti nisa, inkluż l-hekk imsejħa “verifiki tal-verġinità” u ta' theddid ta' mewt kontra l-protestanti nisa;

100.  Jilqa' l-enfasi fuq l-għoti tas-setgħa lin-nisa mir-RGħ/VP u jistedinha biex tistituzzjonalizza l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali Informali tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) billi jipprovduh b'pożizzjoni fuq bażi full-time, li jaġixxi wkoll bħala l-punt fokali għall-ġeneru fl-SEAE, bħala parti mill-allokazzjoni ta' riżorsi umani u finanzjarji xierqa għall-kompitu tiegħu;

101.  Jistieden lir-RGħ/VP biex tippromwovi opportunitajiet indaqs ibbilanċjati mil-lat ġeografiku u tal-ġeneru fis-SEAE, kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal; iħeġġeġ lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri biex jipproponu kandidati nisa ta' livell għoli għal funzjonijiet relatati mat-tmexxija f'missjonijiet tal-SEAE u tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK); jilqa' l-progress li sar fil-kuntest ta' missjonijiet tal-PSDK fil-ħatra ta' Konsulenti dwar il-Ġeneru kważi fil-missjonijiet kollha u fil-provvista ta' taħriġ waqt il-missjonijiet; jistieden lill-Kunsill biex jinkludi referenza għall-UNSCR 1325 fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-mandati tal-missjonijiet; jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu lill-persunal militari u l-persunal ċivili ssekondat kollu b'moduli standardizzati ta' taħriġ dwar il-ġeneru qabel jibdew il-missjonijiet;

102.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Konvenzjoni storika mill-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li toħloq qafas komprensiv għall-prevenzjoni tal-vjolenza, il-protezzjoni tal-vittmi u li ġġib fi tmiemha l-impunità, u jitlob lill-Istati Membri kollha u lill-UE biex ma jdumux ma jiffirmaw u jirratifikaw din il-Konvenzjoni;

103.  Jikkundanna bil-qawwa l-mutilazzjoni ġenitali femminili (FGM) bħala prattika anakronistika u ksur barbaru tal-integrità fiżika tal-ġisem tan-nisa u l-bniet, li jridu jiġu miġġielda b'leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-prattika; jirrifjuta b'mod qawwi kwalunkwe referenza għal prattika kulturali, tradizzjonali jew reliġjuża bħala fattur ta' mitigazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċifika għal dawn il-prattiċi tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara fl-istrateġija tagħha biex tikkombatti l-vjolenza kontra n-nisa; u jitlob lis-SEAE jiżviluppa ġabra ta' għodod speċifiċi dwar din il-kwestjoni bħala parti mill-istrateġija ta' implimentazzjoni tiegħu tal-Linji Gwida dwar id-drittijiet tat-tfal u l-vjolenza kontra n-nisa; jifraħ lill-Kapijiet tal-Istati Afrikani talli adottaw, fis-Samit tal-Unjoni Afrikana ta' Lulju 2011, Deċiżjoni b'appoġġ għar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) li tipprojbixxi l-FGM mad-dinja kollha; jikkundanna wkoll it-trattamenti krudili, inumani u degradanti bħall-abort sfurzat u l-isterilizzazzjoni sfurzata u jitlob għal miżuri speċifiċi kontrihom;

104.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żwieġ sfurzat bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif stipulat fl-Artikolu 16 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob lill-Kunsill biex jinkludi l-kwestjonijiet ta' “żwiġijiet sfurzati” u tal-abort “skont is-sess” fil-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jiżviluppaw metodi ta' ġbir ta' data u indikaturi dwar dawn il-fenomeni, u jħeġġeġ lis-SEAE biex jinkludi dawn il-kwestjonijiet fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-pajjiż fuq id-drittijiet tal-bniedem; dwar il-kwestjoni ta' “żwiġijiet sfurzati”, jitlob li l-Istati Membri jadottaw u jinfurzaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwieġ sfurzat u jiżviluppaw definizzjoni komuni, l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, u l-iskambju ta' prattiki tajbin;

105.  Ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-mortalità u l-morbożità tal-maternità li jistgħu jiġu evitati u d-drittijiet tal-bniedem u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju jaffermaw mill-ġdid li l-aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa huma drittijjiet bażiċi tal-bniedem; jisħaq li l-UE għalhekk għandu jkollha rwol importanti biex tiżgura li n-nisa ma jmutux fit-tqala; jitlob li l-Programm ta' Azzjoni tal-Kajr jiġi implimentat fl-aspetti tal-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp, sabiex jiġu promossi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, inkluż id-drittijiet u s-saħħa sesswali u riproduttivi;

Drittijiet tal-bniedem, libertà tar-reliġjon u l-persekuzzjoni tal-Kristjani fid-dinja

106.  Jikkundanna bil-qawwi kwalunkwe persekuzzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin; jibqa' impenjat favur ir-realizzazzjoni tal-libertà tar-reliġjon fil-partijiet kollha tad-dinja bħala parti mill-isforzi miżjuda tal-UE fl-azzjoni bilaterali u multilaterali tagħha; jiddikjara mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar ir-rispett sħiħ u effettiv tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon għall-minoranzi reliġjużi kollha f'numru ta' pajjiżi terzi; itenni s-stedina tiegħu lill-Kunsill and l-Kummissjoni biex jiżviluppaw b'mod urġenti sett ta' għodod dwar il-progress tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-politika esterna tal-UE, inklużi mekkaniżmi li jidentifikaw ksur kif ukoll azzjonijiet li l-UE għandha tieħu f'dawn il-każijiet, u li jinvolvu l-Parlament, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-akkademji fil-preparazzjoni tiegħu; jilqa' l-azzjoni tal-UE f'diversi fora tan-Nazzjonijiet Uniti kontra n-nuqqas ta' tolleranza u d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-pożizzjoni prinċipali u kontinwa tagħha kontra r-riżoluzzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-malafamar tar-reliġjonijiet; isostni li l-libertà tal-assemblea hija aspett vitali tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, u jenfasizza li r-reġistrazzjoni ta' gruppi reliġjużi ma għandhiex tkun prerekwiżit biex wieħed jipprattika twemminu; jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali sabiex tipprovdi lill-Parlament b'data preċiża u affidabbli dwar il-ksur tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fl-Unjoni Ewropea, u sabiex tagħti parir dwar kif dawn jistgħu jiġu ttrattati;

107.  Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li jkun hemm djalogu kostruttiv mal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika (OIC) dwar din il-kwestjoni; jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex jagħtu attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-PEV, b'mod speċjali fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' atti ta' intolleranza u diskriminazzjoni reliġjuża f'pajjiżi varji; jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-Kristjani, il-Lhud, il-Musulmani u kontra komunitajiet reliġjużi oħra kif ukoll kull tip ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażati fuq ir-reliġjon u t-twemmin kontra persuni reliġjużi, apostati u persuni bla twemmin; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem(23); jirrikonoxxi l-ħtieġa dejjem tikber f'numru ta' pajjiżi għal trasformazzjoni tal-kunflitt u sforzi ta' rikonċiljazzjoni, inkluż id-djalogu bejn twemmin u ieħor fuq livelli differenti u jħeġġeġ lill-UE u r-RGħ/VP Ashton biex tindirizza l-kontenut diskriminatorju u inflammatorju, per eżempju fil-midja, u l-kwestjoni ta' ostakoli għall-professjoni ħielsa tat-twemmin fid-djalogi tagħhom ma' pajjiżi terzi fil-kuntest ta' inizjattivi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; iqis li fil-pajjiżi terzi fejn il-minoritajiet reliġjużi jiffaċċaw il-ksur tad-drittijiet tagħhom, problemi bħal dawn ma jistgħux jiġu solvuti bil-ħarsien u l-iżolament tagħhom mis-soċjetajiet ta' madwarhom u b'hekk jinħolqu “soċjetajiet paralleli”; fid-dawl tal-avvenimenti reċenti f'pajjiżi bħan-Niġerja, l-Eġittu u l-Indoneżja, iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE jwaqqfu azzjonijiet konkreti sabiex jgħinu fil-prevenzjoni tal-emerġenza ta' ċiklu ta' vjolenza;

108.  Jitlob lis-SEAE jiżviluppa kapaċità permanenti fid-Direttorat Ġenerali Globali u Multilaterali għall-integrazzjoni tal-kwestjoni tal-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin fost id-direttorati u l-unitajiet ġeografiċi kif ukoll sabiex jgħaqqad il-kwestjoni mal-promozzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-istess DĠ u jmexxi l-kwestjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali u multilaterali; iħeġġeġ lis-SEAE jirrapporta fuq bażi annwali fuq il-progress dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fid-dinja;

109.  Jistieden lis-SEAE u istituzzjonijiet oħra tal-UE sabiex jikkumbattu prattiki inaċċettabbli bħall-konverżjonijiet sfurzati u l-kriminalizzazzjoni/kastig għal każijiet tal-hekk imsejħa “apostasija”, billi japplikaw pressjoni fuq pajjiżi terzi, bħall-Pakistan, l-Iran u l-Arabja Sawdija li għadhom iwettqu prattiki bħal dawn, sabiex b'hekk il-prattiki jiġu eliminati; jitlob li tittieħed pożizzjoni ugwalment soda kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-liġijiet dwar id-dagħa għall-fini li jiġu ppersegwitati l-minoranzi reliġjużi;

110.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti sabiex jikkollaboraw mill-qrib mal-Kummissjoni tal-Istati Uniti dwar il-Libertà Reliġjuża Internazzjonali f'fora bilaterali u multilaterali, pereżempju fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

Diskriminazzjoni

111.  Jikkundanna kull forma ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq kontra nies diskriminati abbażi tax-xogħol u d-dixxendenza, u l-aċċess limitati għall-ġustizzja għall-vittmi; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex japprovaw il-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni Effettiva tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza;

112.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-UE dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), u l-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020, b'mod partikolari l-qasam ta' azzjoni 8; jikkundanna kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi ta' diżabilità; u jitlob lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw l-UNCRPD; jinnota li l-UE teħtieġ ukoll timmonitorja l-implimentazzjoni tal-UNCRPD fit-territorju tagħha stess; jiddispjaċih bin-nuqqas ta' azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-persuni b'diżabilitajiet fil-kuntest tal-Istrateġija UE-Afrika;

113.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill, is-SEAE, il-VP/RGħ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri favur id-drittijiet tal-bniedem tan-nies LGBT fir-relazzjonijiet bilaterali ma' terzi pajjiżi, f'fora multilaterali, u permezz tal-EIDHR; jilqa' l-introduzzjoni mill-ġdid mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-orjentament sesswali bħala bażi għall-protezzjoni minn eżekuzzjoniji estraġudizzjarja, sommarja jew arbitrarja, u jilqa' l-isforzi tal-UE għal dan il-għan; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-irtirar tal-identità tal-ġeneru mil-lista ta' diżordnijiet mentali u ta' mġiba fin-negozjati dwar il-11-il verżjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD-11) u li tfittex klassifikazzjoni mill-ġdid li mhix patoliġizzanti; jasserixxi mill-ġdid li l-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, inkluż ukoll fuq bażi ta' sess u orjentament sesswali m'għandux jiġi kompromess fis-sħubija ACP-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproduċi programm komprensiv kontra l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru, li jindirizza wkoll il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għal dawn ir-raġunijiet fid-dinja; jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu ażil lin-nies li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni f'pajjiżi fejn in-nies LGBT huma kriminalizzati, filwaqt li jikkunsidraw il-biżgħat fondati tal-applikanti ta' persekuzzjoni u l-identifikazzjoni tagħhom bħala nies leżbjani, omosesswali, bisesswali jew transgender;

114.  Jilqa' l-“għodda” adottata fl-2010 mill-grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-bniedem bl-għan li jgħin l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, id-delegazzjonijiet u entitajiet oħra jirreaġixxu b'ħeffa meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGTB; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kawżi strutturali ta' vjolazzjonijiet bħal dawn, u lill-Kunsill sabiex jaħdem favur linji gwida vinkolanti f'dan il-qasam;

115.  Jenfasizza li l-komunitajiet tal-minoranzi nazzjonali tradizzjonali għandhom ħtiġijiet speċifiċi li huma differenti minn dawk ta' gruppi ta' minoranza oħrajn u li teżisti l-ħtieġa ta' salvagwardja ta' trattament indaqs ta' dawn il-minoranzi rigward l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u servizzi pubbliċi oħra; jinnota wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa fl-oqsma kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali ugwaljanza sħiħa u effettiva bejn il-persuni li jagħmlu parti minn minoranza nazzjonali u dawk li jagħmlu parti mill-maġġoranza;

116.  Jitlob lill-UE biex tinkoraġġixxi l-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iwettqu riforma tal-art fejn hu rilevanti sabiex jiżguraw it-titoli tal-art ta' bdiewa, popolazzjonijiet nomadiċi u bdiewa żgħar u ta' daqs medju indiġeni, b'mod speċjali nisa, u biex tipprekludi l-prattiċi ta' ħtif tal-art minn korporazzjonijiet; iħeġġeġ lill-UE biex tasserixxi d-dritt ta' aċċess għal riżorsi naturali, b'mod partikolari għal nies tal-post u indiġeni, fin-negozjati ta' ftehimiet ta' kummerċ; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex isegwu l-eżempju tad-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja u jirratifikaw il-Konvenzjoni 169 tal-ILO dwar in-nies Indiġeni u Tribali, sabiex juru d-determinazzjoni tagħhom li jipprovdulhom protezzjoni tanġibbli; jappoġġja l-kampanji attwali u li għaddejjin għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 169 tal-ILO minn Stati mhux firmatarji, bħala mezz biex jidher, fost affarijiet oħra, l-impenn tal-UE għall-multilateraliżmu u n-Nazzjonijiet Uniti;

117.  Jirrakkomanda inizjattivi sabiex il-leġiżlazzjoni tal-UE tiggarantixxi li tingħata attenzjoni fil-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti ta' kooperazzjoni tal-UE għall-eliminazzjoni tad-diskriminazjoni bbażata fuq il-kasta, u azzjoni f'pajjiżi affettwati mis-sistema tal-kasta, inkluż in-Nepal, l-Indja, il-Bangladexx, il-Pakistan, is-Sri Lanka u l-Jemen;

118.  Jemmen li linji ta' finanzjament ġodda u eżistenti għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk minn komunitajiet indiġeni, għandu jiżdidilhom il-baġit tagħhom; iqis li t-tnejn li huma għandhom juru wkoll il-ħila tagħhom li jwieġbu b'mod flessibbli u ta' malajr għal avvenimenti ta' kriżi u sitwazzjonijiet li jkunu għaddejja kull fejn ikunu u jottimizzaw il-valur għall-flus u l-impatt tagħhom, jilqa “l-fatt li l-UE kienet ta' appoġġ kbir fir-rigward tal-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità għall-popli indiġeni fl-NU; jenfasiżża li t-titjib tal-effiċjenza tar-rappreżentanti indiġeni matul l-avvenimenti tan-NU huwa essenzjali, premezz tal-appoġġ ta' loġistika dokumentazzjoni u informazzjoniadegwati; jistieden lill-UE biex tkompli tagħti dan l-appoġġ;

Id-drittijiet tat-tfal

119.  Ifakkar fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni possibbli tad-drittijiet previsti minnha u li dawn id-drittijiet jiġu evitati milli jitfarrku; jilqa' l-adozzjoni tal-ANĠU, fid-19 ta' Diċembru 2011, tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar Proċedura ta' Komunikazzjoni u jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jaċċeleraw l-isforzi biex jilħqu r-ratifika universali tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha u biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tagħha; jitlob ukoll għal sforzi deċiżivi sabiex isir progress fl-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u l-Istrateġija tal-UE biex tikkumbatti l-Forom kollha ta' Vjolenza kontra t-Tfal; Jistieden lir-RGħ/VP u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jinkludu fir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem taqsima dwar id-drittijiet tat-tfal;

120.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problema serja li teżisti f'diversi pajjiżi fl-Afrika tas-sub-Saħara ta' tfal li jiġu akkużati li huma sħaħar, li twassal għal konsegwenzi gravi li jvarjaw minn esklużjoni soċjali għal infantiċidju, u għall-qtil ritwali tat-tfal bħala sagrifiċċju; jinnota li l-Istat għandu responsabbiltà li jipproteġi t-tfal minn kull forma ta' vjolenza u abbuż u, b'konsegwenza, iħeġġeġ lill-SEAE biex jagħti attenzjoni partikolari għall-ħarsien tat-tfal minn kull forma ta' vjolenza u għad-destin ta' dawn it-tfal fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati u fl-ipprogrammar tal-istrumenti finanzjarji esterni;

Libertà tal-espressjoni u midja (soċjali)

121.  Jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja u l-pluraliżmu huma elementi essenzjali ta' demokrazija sostenibbli, li tagħmel l-aħjar użu tal-involviment tas-soċjetà ċivili u li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini; jitlob għaldaqstant għal iżjed appoġġ fl-oqsma tal-promozzjoni tal-libertà tal-midja, il-protezzjoni tal-ġurnalisti indipendenti, it-tnaqqis tal-qasma diġitali u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-Internet;

122.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex jinkludu fin-negozjati tal-adeżjoni, djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u fi kwalunkwe kuntatt dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-appell għat-tmiem ta' kwalunkwe diskors ta' mibegħda fil-midja;

123.  Jinnota li l-Internet, flimkien mal-midja soċjali, kemm offlajn kif ukoll onlajn, saru ftit mill-aktar mezzi importanti li permezz tagħhom l-individwi jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u li kellhom rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-parteċipazzjoni demokratika, tar-responsabilità, tat-trasparenza, tal-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta' forom ġodda ta' aċċess pubbliku; jenfasizza fl-istess ħin, filwaqt li jżomm f'moħħu li mhux il-partijiet kollha tas-soċjetà għandhom aċċess għall-internet, b'mod partikolari l-popolazzjonijiet anzjani u rurali, li d-dinjità umana ma tistax tkun mhedda, u jikkundanna kwalunkwe forma oħra ta' diskriminazzjoni preżenti fil-midja soċjali; jappoġġja regolamenti u ftehimiet speċifiċi tal-UE ma' pajjiżi terzi li jillimitaw l-aċċess għall-komunikazzjoni u l-informazzjoni permezz taċ-ċensura u l-ibblokkar ta' netwerks jew is-subordinazzjoni tal-libertà tal-informazzjoni għall-interessi kummerċjali; jilqa' l-potenzjal li l-Internet u n-netwerks soċjali kellhom fl-iżviluppi tar-Rebbiegħa Għarbija; jitlob monitoraġġ akbar tal-użu tal-Internet u tat-teknoloġiji l-ġodda fir-reġimi awtokratiċi li jippruvaw jillimitaw l-użu tagħhom; jitlob għal iżjed appoġġ fl-oqsma tal-promozzjoni tal-libertà tal-midja, il-protezzjoni tal-ġurnalisti indipendenti u l-bloggers, it-tnaqqis tal-qasma diġitali u l-iffaċilitar tal-aċċess mingħajr restrizzjoni għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u aċċess mingħajr ċensura għall-Internet (libertà diġitali);

124.  Jinnota l-potenzjal li l-Internet u n-netwerks soċjali kellhom fit-tħeġġiġ u l-appoġġ tar-rivoluzzjonijiet tar-“Rebbiegħa Għarbija”; madankollu jinnota li l-ICTs jistgħu wkoll jintużaw b'mod ħażin biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u għalhekk jitlob għal monitoraġġ miżjud tal-użu tal-internet u teknoloġiji ġodda f'reġimi awtokratiċi li jfittxu li jillimitawhom; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar “L-Istrateġija ta' Mingħajr Skonnettjar”; jistieden lill-Kummissjoni biex, matul l-2013 l-aktar tard, tissottometti proposti regolatorji intelliġenti, inklużi trasparenza akbar u responsabilità għall-kumpaniji bbażati fl-UE sabiex jittejjeb il-monitoraġġ tal-esportazzjoni ta' prodotti u servizzi indirizzati biex jibblukkaw is-siti elettroniċi, is-sorveljanza tal-massa, il-monitoraġġ tat-traffiku kollu tal-Internet u l-komunikazzjonijiet (bil-mowbajl), id-dħul bla permess f'konverżazzjonijiet privati u t-traskrizzjoni tagħhom, il-filtrazzjoni ta' riżultati ta' tiftix, u l-intimidazzjoni ta' utenti tal-Internet inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-fornituri tas-servizz tat-telekomunikazzjonijiet u l-Internet għandhom jitgħallmu l-lezzjonijiet minn żbalji tal-passat, bħad-deċiżjoni ta' Vodafone li taċċetta t-talbiet mill-awtoritajiet Eġizzjani fl-aħħar ġimgħat tar-reġim ta' Mubarak li tissospendi s-servizzi u xxerred il-propoganda favur il-gvern u jgħasses dawk li qed jopponu u l-popolazzjoni b'mod ġenerali, kif ukoll soċjetajiet ta' Stati Membri oħra li biegħu teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni lil pajjiżi terzi oħra, bħal-Libja, it-Tuneżija, eċċ.; jemmen li l-fornituri tas-servizz tat-telekomunikazzjonijiet u l-Internet u l-iżviluppaturi ta' softwer għandhom jitgħallmu l-lezzjonijiet minn żbalji tal-passat, u għandhom jinvolvu ruħhom ma' dawk li jfasslu l-politika, l-NGOs u l-attivisti fi djalogu miftuħ sabiex jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-valutazjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem u iżjed trasparenza;

125.  Jilqa' l-inklużjoni ta' projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' teknoloġiji u servizzi fil-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-awtoritajiet governattivi fis-Sirja; jinnota li din il-projbizzjoni għandha ssir preċedent għall-miżuri restrittivi tal-ġejjieni kontra reġimi repressivi oħra, b'mod partikolari fir-rigward tal-Iran; jinnota madankollu li l-politiki tal-UE għandhom ikunu preċiżi sabiex ikunu effikaċi u ma jagħmlux ħsara lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

126.  Jinnota li t-teknoloġiji ġodda jippermettu wkoll ix-xhieda u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiġbru informazzjoni u jaqsmu dokumentazzjoni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li tista' “l quddiem tintuża biex tiżgura ġustizzja għall-vittmi; jilqa” inizjattivi minn għadd ta' partijiet interessati u kodiċi ta' kondotta bħall-Inizjattiva ta' Netwerk Globali; jinnota madankollu li l-kontroll demokratiku u d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali huma kompiti ewlenin tal-gvern; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp u t-tixrid ta' teknoloġiji ta' sigurtà diġitali biex jagħtu s-setgħa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' mekkaniżmi ta' ġbir sigur, enkriptjar u ħżin għal dawk ir-rekords sensittivi u l-użu ta' teknoloġija “cloud” sabiex tiżgura li dan il-materjal ma jiġix skopert u mħassar;

Negozju u drittijiet tal-bniedem

127.  Ifakkar li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv tal-promozzjoni tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanniji (CSR) fil-politiki esterni tagħha u jilqa' t-talba biex jiġu allinjati aħjar l-approċċi Ewropej u globali għas-CSR;

128.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaraw li l-intrapriżi li jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali jew Ewropej ma jaħarbux mill-obbligu li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali, sanitarji u ambjentali li jiġu imposti fuqhom meta dawn l-intrapriżi jistabbilixxu rwieħhom jew imexxu l-attivitajiet tagħhom f'pajjiż terz;

129.  Ifakkar ukoll li l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huwa marbut mill-qrib mal-promozzjoni tat-trasparenza u l-governanza tajba; huwa tal-opinjoni, f'dan ir-rigward, li r-rifjuġji fiskali u l-ġurisdizzjonijiet offshore għandhom rwol detrimentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-responsabilità politika fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp; jeżiġi li l-UE tħeġgeġ ir-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni fl-UE u fid-dinja fil-kuntest tal-appoġġ tal-UE għall-programmi ta' governanza tajba fil-pajjiżi terzi;

130.  Ifaħħar lill-UE għall-appoġġ tagħha għall-iżvilupp tal-Prinċipji ta' Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-adozzjoni unanima tagħhom fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-laqgħa inawgurali tal-Grupp ta' Ħidma dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li nżammet fis-16 – 20 ta' Jannar 2012, u jitlob biex l-UE tkompli tappoġġja u tikkontribwixxi għall-mandat ta' din l-entità; jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-istituzzjonijet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-kooperazzjoni ta' dawk l-entitajiet fl-UE u l-Pajjiżi tal-Viċinat fit-tmexxija tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem kif rikonoxxut, fost affarijiet oħra, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 17/4 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jilqa' inizjattivi bil-għan li jittrasferixxu l-prattiki tajba, billi jikkoordinaw u jistimolaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Viċinat bħall-programm għall-kooperazzjoni bejn l-Ombudsmen mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant 2009-2013 li twaqqaf konġuntament mill-Ombudsmen Pollakki u Franċiżi bil-għan li tittejjeb il-kapaċità tal-uffiċċji tal-Ombudsmen, il-korpi governattivi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għall-ħarsien tad-drittijiet tal-individwi u l-bini ta' stati demokratiċi bbażati fuq l-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa li azzjoni bħal din tiġi kkoordinata fl-UE u li l-istituzzjonijiet tal-UE jserrħu fuq l-esperjenza miksuba b'konnessjoni ma' dan;

131.  Jilqa' l-impenn tal-UE biex taħdem ma' intrapriżi u partijiet interessati fl-2012 biex tiżviluppa gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem għal setturi industrijali u SMEs, ibbażati fuq il-Prinċipji ta' Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi l-impenn tagħha għall-pubblikazzjoni, sal-aħħar tal-2012, ta' rapport dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji, u wara dan biex toħroġ rapporti ta' progress perjodiku; jinsisti li l-intrapriżi Ewropej kollha għandhom jilħqu r-responsabbiltà korporattiva għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif definita fil-Prinċipji ta' Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jiżviluppaw, sal-aħħar tal-2012, pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom;

132.  Jemmen li l-iżvelar minn kumpaniji kbar ta' informazzjoni soċjali u ambjentali, inkluż l-impatti tad-drittijiet tal-bniedem, hu essenzjali għat-trasparenza u għall-effettività ta' dawn il-kumpaniji; jilqa' l-għan tal-Kunsill ta' Rappurtaġġ Integrat Internazzjonali (IIRC) li jiżviluppa qafas ta' rappurtaġġ integrat globalment aċċettat;

133.  Jilqa' l-istudju ta' “Edinburgh” ikkummissjonat mill-Intrapriża DĠ dwar il-vojt fil-governanza fl-UE dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tipproponi proposti leġiżlattivi bħala rispons; jitlob b'mod partikolari l-UE biex tiżgura li l-vittmi ta' abbużi korporattivi f'terzi pajjiż mill-kumpaniji tal-UE jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta' ilmentar u ġustizzja fl-Istati Membri tal-UE, bħal fil-każ reċenti ta' Trafigura;

134.  Jinnota l-fatt li l-korporazzjonijiet transnazzjonali joqogħdu dejjem iżjed fuq kumpaniji privati militari u ta' sigurtà (PMSCs), li xi kultant wassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-impjegati tal-PMSC; iqis li hija meħtieġa l-adozzjoni ta' miżuri regolatorji tal-UE, inkluża l-adozzjoni ta' sistema regolatorja komprensiva għat-twaqqif, ir-reġistrazzjoni, l-għoti ta' liċenzji, il-monitoraġġ u r-rappurtar minn dawn il-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi Rakkomandazzjoni li twitti t-triq għal direttiva bl-għan li tarmonizza l-miżuri nazzjonali li jirregolaw is-servizzi ta' PMSC, inkluż fornituri ta' servizzi u l-qasam tal-akkwist ta' servizzi, u l-abbozzar ta' Kodiċi ta' Kondotta li jwitti t-triq għal Deċiżjoni li tirregola l-esportazzjoni ta' servizzi ta' PMSC lejn pajjiżi terzi; jitlob li l-Parlament jiġi pprovdut b'informazzjoni dettaljata mir-RGħ/VP dwar il-kiri ta' PMSCs għal missjonijiet tal-PSDK u tal-PESK, li tispeċifika l-ħtiġijiet professjonali u l-istandards korporattivi mitluba minn kuntratturi, mir-regolamenti applikabbli u mir-responsabilitajiet u l-obbligi legali imposti fuqhom u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ;

135.  Jappoġġja l-promozzjoni li qed tiżdied tan-nisa f'bords eżekuttivi fil-livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali;

Tisħiħ tal-azzjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward id-drittijiet tal-bniedem

136.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu sistematiku mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament u ta' komunikazzjonijiet oħra, u biex jirrispondu b'mod sostantiv; jipproponi li l-Parlament jikkunsidra t-twaqqif ta' mekkaniżmu sistematiku sabiex jiżgura segwitu iżjed effikaċi u tanġibbli għad-deċiżjonijiet tiegħu;

137.  Jagħraf il-ħtieġa li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat dejjem aktar fil-ħidma tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet parlamentari li jiġġestixxu r-relazzjonijiet esterni inkluż billi japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet mir-rapporti ta' Gruppi ta' Ħidma ad hoc tal-Parlament Ewropew; jirrakkomanda li l-Membri tal-Parlament Ewropew sistematikament jiltaqgħu ma' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem waqt żjarat uffiċjali tagħhom lejn pajjiżi terzi, inkluż ma' attivisti detenuti kulfejn ikun possibbli, sabiex jipprovdu lil dawn tal-aħħar b'iżjed viżibilità; jilqa' d-deċiżjoni favur iż-żieda tar-riżorsi disponibbli għas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fid-dawl tal-bidliet li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona;

138.  Jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tiegħu fit-12 ta' Diċembru 2011 għat-twaqqif ta' Direttorat għal Appoġġ Demokratiku fi ħdan id-DĠ għall-Politiki Esterni għall-istandardizzazzjoni u l-għoti ta' koerenza għax-xogħol tal-Parlament fuq il-promozzjoni tad-demokrazija;

Il-politika strateġika tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem
Ġenerali

139.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem u demokrazija, deskritta fil-Komunikazzjoni Konġunta tat-12 ta' Diċembru 2011, bħala ħarsa ġenerali pożittiva tal-potenzjal tal-UE; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ fil-proċess u japplikaw ir-riżultat tiegħu fl-azzjonijiet nazzjonali tagħhom kif ukoll fil-livell Ewropew;

140.  Jappoġġja l-fatt li l-Komunikazzjoni għandha l-ankri tagħha fl-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Komunikazzjoni tagħmel fiċ-ċentru tagħha l-azzjoni tal-UE għall-promozzjoni tal-aderenza mal-impenji u l-obbligi eżistenti ta' pajjiżi terzi skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u umanitarju u tfittex li ssaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja internazzjonali;

141.  Jirrikonoxxi, fil-qawmien tar-Rebbiegħa Għarbija, il-fokus fuq l-approċċi individwali “minn isfel għal fuq” u l-ħtieġa li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika barranija tal-UE; għalhekk jisħaq li l-UE teħtieġ tappoġġja u tinvolvi l-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili fil-proċess tar-rispett u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra li l-UE għandha titgħallem mill-iżbalji tal-passat li jidhru l-iżjed mill-fatt li sal-aħħar nett tat-tfaqqigħ tal-gwerra ċivili fil-Libja, kienu għaddejjin negozjati għal ftehim qafas u ftehim ta' riammissjoni mal-Libja, li dwarhom il-Parlament Ewropew ma kienx infurmat tajjeb biżżejjed, minkejja li kien hemm provi tal-omiċidju ta' 1,200 priġunier fl-aħħar deċennju u litanija ta' torturi, nies li jiġu mġiegħla jisparixxu u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; fl-istess ħin itenni l-fatt li s-sħubija tal-UE fil-proċessi ta' demokratizzazzjoni u l-prosperità ekonomika fin-Nofsinhar jeħtieġ li jkunu paralleli mal-impenji tagħha fil-viċinat tal-Lvant; jenfasizza li l-fondi li ma setgħux jiġu allokati jew ittrasferiti lill-pajjiżi Ewropej tal-Viċinat minħabba evalwazzjoni negattiva, għandhom jitqassmu mill-ġdid għal proġetti oħra li qegħdin jitwettqu f'pajjiżi kollha sħab tal-Viċinat Ewropew kemm fid-dimensjoni tan-Nofsinhar kif ukoll f'dik tal-Lvant;

Proċess

142.  Issa jitlob li jsir progress veloċi, trasparenti u inklużiv lejn strateġija komuni tal-UE finali u ambizzjuża b'azzjonijiet, skedi u responsabbiltajiet ċari u żviluppata b'input sħiħ mill-partijiet interessati biex ipoġġu fl-azzjoni s-“silver thread”; jimpenja ruħu li jikkontribwixxi b'mod pożittiv flimkien mal-Kunsill għal dan il-proċess interistituzzjonali, inizjalment permezz ta' din ir-riżoluzzjoni u mbagħad permezz ta' riżoluzzjoni parlamentari; jikkunsidra li dan il-proċess għandu jikkonkludi meta l-istituzzjonijiet jersqu flimkien biex jadottaw strateġija komuni li tispjega b'mod ċar ir-rwol u responsabbiltajiet ta' kull istituzzjoni u li tivvaluta kontinwament l-implimentazzjoni, inkluż b'rabta mal-linji gwida;

143.  Jikkunsidra li ċerti azzjonijiet mqajma fi ħdan il-Komunikazzjoni għandhom jitmexxew “il quddiem b'mod parallel mal-progress lejn strateġija ikbar, jiġifieri l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bi profil pubbliku għoli u esperjenza internazzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonalment; it-twaqqif ta' COHOM permanenti bbażata fi Brussell li għandha b'rutina taqbel mal-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi speċifiċi wara Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; u t-twaqqif ta' skeda għat-tlestija ta' punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem fid-Delegazzjoni tal-UE u għall-identifikazzjoni tal-uffiċjali ta' kuntatt għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi kollha;

Kontenut

144.  Jilqa' l-importanza mogħtija għall-Istrateġiji tal-Pajjiżi għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Komunikazzjoni; jemmen li għandu jkun hemm mudell inizjali komuni li jiżgura livell ta' konsistenza u li l-konsultazzjoni tkun meħtieġa fil-każijiet kollha; jenfasizza li l-valur potenzjali tal-istrateġiji jiġu mwettqa biss jekk l-importanza tagħhom hi rikonoxxuta fl-ispettru ta' relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi individwali u jekk ikunu flessibbli biżżejjed li jirreaġixxu konsistentament għall-evoluzzjoni ta' sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

145.  Jappoġġja l-proposta personali tar-RGħ/VP għal tliet temi għal azzjoni kollettiva speċifika mill-istituzzjonijiet fuq it-tliet snin li ġejjin; ifittex kriterji ċari għall-proċess attwali u futuri li bihom jintgħażlu dawn it-temi; ifittex kjarifika dwar kif dawn il-kampanji jippermettu l-progress f'oqsma speċifiċi mingħajr ma jippreġudikaw l-impenn komprensiv tal-UE għall-obbligi kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

146.  Jenfasizza l-importanza mogħtija fi ħdan ir-reviżjoni tas-soċjetà ċivili bħala sieħeb ġenwin fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u mhux sempliċiment fit-twassil ta' proġetti; jirrikonoxxi l-importanza partikolari tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-proċess; jitlob l-UE biex tirrikonoxxi l-potenzjal sħiħ tal-firxa ta' atturi lokali li jġibu bidliet fid-drittijiet tal-bniedem fi ħdan pajjiż u li jipprovdu bażi wiesgħa ta' appoġġ għall-ħidma tagħhom;

147.  Jinsab imħasseb b'mod partikolari dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fit-Turkija u ż-żieda fir-repressjoni kontra d-difensuri tad-drittjiet tal-bniedem u l-persuni li jopponu l-gvern inklużi r-rappreżentanti eletti, it-trejdjunjins, il-ġurnalisti, l-artisti u b'mod partikolari kontra l-komunità Kurda;

148.  Jappoġġja l-kunċett tal-UE ta' “demokrazija fil-fond” żviluppat mir-Rappreżentant Għoli; jiddispjaċih li l-kriterji tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex inklużi f'dan il-kunċett; iħeġġeġ lis-SEAE biex jintegra għal kollox il-miżuri u l-istandards antidiskriminatorji biex jiġi żgurat li jkun hemm fokus ċar fuq il-kwestjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-minoranzi, iċ-ċittadinanza ugwali u l-parteċipazzjoni politika ugwali;

149.  Jindika li għad hemm sfidi ewlenin fir-rigward tal-inadegwatezza ta' Djalogi tad-Drittijiet tal-Bniedem eżistenti u għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni li dawn il-klawżoli għandhom jiġu inklużi wkoll fil-ftehimiet ta' kummerċ u settorali kollha;

150.  Jaqsam il-fehma li “d-diplomazija diġitali” hi għodda ġdida u vibranti; jitlob lis-SEAE jiżviluppa linji gwida ċari għad-delegazzjonijiet tiegħu dwar kif isir l-aħjar użu tal-midja soċjali, u għall-iżvilupp ta' direttorju tal-midja soċjali aġġornati regolarment għal atturi tal-UE;

151.  Jieħu nota li ftit inqas minn nofs il-100 l-akbar attur ekonomiku llum huma kumpaniji privati; jifraħ lill-Kummissjoni dwar il-Komunikazzjoni fuq is-CSR tal-2011 li hi ambizzjuża u tħares “il quddiem u l-appoġġ ċar tiegħu għall-iżvilupp tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, li t-tnejn għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida;

152.  Jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni taċċetta l-ħtieġa għall-attivitajiet kollha ta' kontra t-terroriżmu li jitwettqu b'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, id-dritt umanitarju u d-dritt dwar ir-rifuġjati; jenfasizza li dan il-prinċipju għandu jifforma parti mid-diskussjonijiet dwar il-miżuri kollha kontra t-terroriżmu fi ħdan l-UE u ma' sħab f'pajjiżi terzi; jemmen li l-UE għandha konsistentement tqajjem mal-imsieħba strateġiċi l-eżempji kollha mhux konformi ta' miżuri ta' kontra t-terroriżmu u tfittex kontabilità għall-ksur, kemm fi ħdan l-UE, kif ukoll barra minnha; itenni li l-politika ta' kontra t-terroriżmu tal-UE għandha tagħmel referenza speċifika għall-projbizzjoni assoluta tat-tortura fil-kuntest ta' kontra t-terroriżmu, kif rikonoxxut fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' April 2008;

153.  Ifaħħar ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-Istati Membri u li jiġi żgurata l-konformità tal-UE mal-obbligi internazzjonali tagħha biex tikkonkretizza l-kredibbiltà tal-UE; jitlob lill-Partit ta' Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni (FREMP) li jingħataw mandat sħiħ ħalli jeżaminaw jekk kienx hemm ksur u jfittxu rimedji;

154.  Jikkunsidra l-ġlieda kontra l-impunità bħala qasam għal azzjoni prijoritarja tal-UE; jikkunsidra l-aġġornament tal-istrumenti tal-UE dwar il-QKI fl-2011 bħala avvanz konsiderevoli li għandu jiġi rifless fi strateġija tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE li tħares “il quddiem;

155.  Jikkunsidra bħala parti mill-kultura reali tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, partikolarment permezz tal-edukazzjoni għal ċittadinanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem, li jkun hemm reviżjoni ċara tar-rwol li għandhom l-uffiċjali tal-uffiċċju ġeografiku u l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u xi tfisser din l-istrateġija għall-ħidma tagħhom ta' kuljum;

156.  Jitlob li jingħata rwol sostanzjament miżjud għall-Parlament Ewropew innifsu fil-promozzjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà politika għall-implimentazzjoni tal-istraġija tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE; itenni li r-Rapport Annwali prodott mill-Kunsill fih innifsu ma jammontax għal mekkaniżmu ta' responsabbiltà politika; itenni r-rakkomandazzjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni magħmula mill-Parlament fir-Rapporti Annwali preċedenti tiegħu, u fid-dokument tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-istandardizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-PESK u politiki oħra tal-UE, li ma ġewx implimentati b'mod sħiħ;

o
o   o

157.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-gvernijiet tal-pajjiżi u t-territorji msemmija f'din ir-riżoluzzjoni.

(1) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.
(2) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 6.
(3) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 78.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0507.
(5) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(6) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 69.
(7) Testi adottati, P7_TA(2011)0127.
(8) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0260.
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0334.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0474.
(12) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 6.
(13) Testi adottati, P7_TA(2011)0533.
(14) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 107.
(15) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.
(16) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.
(17) Testi adottati, P7_TA(2011)0576.
(18) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(19) Testi adottati, P7_TA(2012)0018.
(20) Testi adottati, P7_TA(2011)0228.
(21) Il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura; il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa; il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet; il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat.
(22) Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ aktar effettiv, Komunikazzjoni Konġunta, 12 ta' Diċembru 2011
(23) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

Avviż legali - Politika tal-privatezza