Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2316(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0071/2012

Testi mressqa :

A7-0071/2012

Dibattiti :

PV 17/04/2012 - 19
CRE 17/04/2012 - 19

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 9.1
CRE 18/04/2012 - 9.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0127

Testi adottati
PDF 263kWORD 94k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2012 - Strasburgu
In-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan
P7_TA(2012)0127A7-0071/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan (2011/2316(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u l-Azerbajġan dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azerbajġan tal-10 ta' Mejju 2010, li fihom ġew adottati d-direttivi għan-negozjati,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni (PCA) bejn l-Azerbajġan u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Żvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) adottat fl-14 ta' Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-2 ta'Novembru 2008 f'Moska,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-23 ta' Jannar 2012 f'Sochi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar is-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar iffirmata mill-President tal-Azerbajġan u mill-President tal-Kummissjoni fit-13 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Varsavja fid-29-30 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari UE-Viċinat tal-Lvant (EURONEST) tat-3 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan tal-20 ta' Mejju, tas-27 ta' Mejju u tat-12 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Azerbajġan, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Mejju 2011(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSCE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tas-7 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni dwar il-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tar-Repubblika tal-Azerbajġan mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem li ġiet adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fl-14-15 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-abbozz ta' liġi dwar l-emendi għal-liġi dwar il-partiti politiċi tar-Repubblika tal-Azerbajġan li ġiet adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fis-16-17 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-Ħtieġa għal Strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(3) u tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel” tal-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati fis-7 ta' April 2011(5) (Dimensjoni tal-Lvant) u fl-14 ta' Diċembru 2011(6),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni dwar l-Azerbajġan adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/518/PESK tal-25 ta' Awwissu 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u għall-kriżi fil-Ġeorġja(7),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru. 13/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) fil-Kawkasu tan-Nofsinhar,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Nazzjonali ġdid biex tiżdied l-effettività tal-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Azerbajġan li ġie approvat mill-President tal-pajjiż fis-27 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-Digriet ta' Maħfra ffirmat mil-President tal-Azerbajġan fis-26 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0071/2012),

A.  billi l-Azerbajġan għandu rwol importanti fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea, u billi l-livell tat-tkabbir ekonomiku li l-Azerbajġan kellu f'dawn l-aħħar snin kien wieħed notevoli;

B.  billi s-Sħubija tal-Lvant issaħħaħ ir-relazzjonijiet multilaterali bejn il-pajjiżi involuti, tikkontribwixxi għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' esperjenzi dwar il-kwistjonijiet relatati mat-trasformazzjoni, ir-riforma u l-modernizzazzjoni, u tipprovdi lill-Unjoni Ewropea bi strumenti addizzjonali biex tappoġġja dawn il-proċessi;

C.  billi s-Sħubija tal-Lvant tipprovdi l-qafas politiku għat-tisħiħ ta' relazzjonijiet bilaterali permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni ġodda, filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika, il-benefiċċji reċiproċi u l-ambizzjonijiet tal-UE u tal-pajjiż sieħeb u l-interess strateġiku tal-UE fl-istabbiltà u l-iżvilupp demokratiku tar-reġjun;

D.   billi l-kooperazzjoni parlamentari, fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant Ewropea u b'mod bilaterali, hija element prinċipali sabiex tiġi żviluppata kooperazzjoni politika avvanzata bejn l-UE u l-Azerbajġan;

E.  billi l-Azerbajġan sar fornitur importanti tal-enerġija għall-UE kif ukoll pajjiż importanti ta' tranżitu għar-riżorsi tal-enerġija li ġejjin b'mod partikolari mill-Asja Ċentrali u billi l-UE hija suq tal-enerġija importanti għall-Azerbajġan; billi sar progress tajjeb fil-qasam tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-enerġija, li tinkludi l-appoġġ tal-Azerbajġan lill-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar;

F.  billi l-Azerbajġan għandu rwol pożittiv fil-qafas tal-PEV u jikkontribwixxi biex jiġu solvuti l-problemi tal-UE rigward is-sigurtà tal-enerġija;

G.   billi l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni jikkostitwixxu l-qafas xieraq sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet permezz tat-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika, l-integrazzjoni ekonomika u l-approssimazzjoni legali mal-UE u permezz tal-iżvilupp ta' relazzjonijiet kulturali, b'impatt importanti fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni;

H.   billi, f'dan ir-rigward, id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant tikkumplimenta dik bilaterali u ma tistax tiġi separata minnha u għandha tiżviluppa b'mod simultanju man-negozjati tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni li qed isiru sabiex tiġi mwittija t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom u sabiex tiġi stabbilita l-bażi għal kooperazzjoni reġjonali ġenwina kif stipulat mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Politika Ewropea tal-Viċinat;

I.   billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandu jwassal għal benefiċċji u opportunitajiet tanġibbli għan-nies tal-Azerbajġan u tal-Unjoni Ewropea;

J.   billi l-Unjoni Ewropea poġġiet id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt bħala aspett ċentrali tal-PEV;

K.   billi l-impenn attiv tal-Azerbajġan favur valuri u prinċipji komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-tmexxija tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali biex il-proċess ikompli miexi u sabiex jassigura li n-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkunu ta' sinifikat iżda billi bħalissa hemm tħassib rigward ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni għall-avversarji politiċi tal-amministrazzjoni attwali;

L.   billi l-Azerbajġan mexa “l quddiem b'mod rapidu fil-qasam tal-ICT, b'mod partikolari fir-rigward tal-governanza elettronika, li żżid it-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u tgħin biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u biex ikun hemm aċċess aktar faċli għas-servizzi pubbliċi u l-informazzjoni u tingħata spinta addizzjonali għad-demokratizzazzjoni tal-Azerbajġan;

M.   billi l-Assemblea Parlamentari Euronest se jkollha t-tieni Sessjoni Plenarja tagħha f'Baku f'April 2012, u b'hekk se tkun qed tipprovdi forum siewi biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mad-demokrazija, il-politika, l-enerġija, is-sigurtà u d-diffikultajiet soċjali;

N.   billi fir-relazzjonijiet tagħha mal-Armenja u l-Azerbajġan l-UE tirrispetta l-prinċipji ta' sovranità u ta' integrità territorjali u fl-approċċ tagħha għas-soluzzjoni tal-kunflitti reġjonali tappoġġja l-prinċipji bażiċi tal-Att Finali ta' Ħelsinki; billi l-kunflitt li ma nstabitx soluzzjoni għalih ta' Nagorno-Karabakh qed idgħajjef l-istabilità u l-iżvilupp tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar u qed ifixkel l-iżvilupp sħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; billi fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar “Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel” l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha li jkollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fin-Nofsinhar tal-Kawkasu u li ssaħħaħ l-appoġġ tagħha biex tinbena l-fiduċja u billi lesta li żżid l-involviment tagħha fil-forom fejn għad mhijiex rappreżentata, eż. il-Grupp ta' Minsk tal-OSKE;

O.   billi r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar għandu r-rwol importanti li jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fir-reġjun;

P.   billi l-Azerbajġan qed juri li hu ferm impenjat fil-kooperazzjoni parlamentari multilaterali fl-Assemblea Parlamentari tal-Euronest u huwa l-ewwel pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant li se jospita s-sessjoni plenarja tagħha (f'Baku fit-2-4 ta' April 2012);

Q.   billi l-ħatra tal-Azerbajġan fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu 2012-2013 toffri opportunità tajba għal aktar konsultazzjoni u allinjament tal-politiki tal-pajjiż mad-dikjarazzjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE sabiex jiġu promossi aktar paċi u stabbiltà internazzjonali;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna: huma għandhom:

   (a) jassiguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komplet u li jħares “il quddiem għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet mal-Azerbajġan, qafas li jsaħħaħ l-assoċjazzjoni politika, il-konverġenza ekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġijiet u jirrifletti r-relazzjoni li l-Unjoni Ewropea u l-Azerbajġan iddeċidew li jiżviluppaw;
   (b) jiżguraw li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan u UE-Armenja, bi qbil mat-talbiet magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-ħtieġa għal strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar fl-20 ta' Mejju 2010 u mal-Prinċipji Bażiċi tal-Grupp Minsk tal-OSKE, imnaqqxa fid-dikjarazzjoni konġunta tal-”Aquila' tad-10 ta' Lulju 2009, ikollhom rabta ma' impenji kredibbli biex isir progress sostanzjali ħalli tinstab soluzzjoni għall-konflitt ta' Nagorno-Karabakh, inkluż permezz ta' miżuri biex titkattar il-fiduċja bħal pereżempju d-demilitarizzazzjoni ġenerali, l-irtirar tal-isnipers mil-linja ta' kuntatt, l-irtirar tal-forzi Armeni mit-territorji okkupati madwar Nagorno-Karabakh, u r-ritorn tal-kontroll Azerbajġani, kif ukoll mekkaniżmu attiv għall-prevenzjoni tal-inċidenti u l-investigazzjoni ta' vjolazzjonijiet ta' waqfien mill-ġlied matul il-linja ta' kuntatt, id-dritt għal dawk il-persuni kollha spustati u refuġjati internament li jirritornaw lejn djarhom u l-proprjetà tagħhom u garanziji ta' sigurtà internazzjonali li jinkludu operazzjoni ta' żamma tal-paċi multinazzjonali u ġenwina sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet miftiehma xierqa li jwasslu fil-futur għall-espressjoni ħielsa tar-rieda, legalment vinkolanti, dwar l-istat finali ta' Nagorno-Karabakh;
   (c) jinkorporaw fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni klawsoli u punti ta' riferiment dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-mezzi tax-xandir, tad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-libertà ta' għaqda, li jirriflettu l-prinċipji u d-drittijiet imnaqqxa fil-Kostituzzjoni tal-Azerbajġan u l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, bit-tfassil, kemm hu possibbli, fuq l-oqfsa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li l-Azerbajġan impenja ruħu għalihom; jistiednu lill-gvern tal-Azerbajġan biex jimplimenta dawn l-impenji; u jassiguraw li n-negozjati jikkunsidraw b'mod sħiħ il-bżonn li jitħarsu d-drittijiet u l-għajxien ta' persuni spustati fil-pajjiż tagħhom u tar-refuġjati;
   (d) iqisu li l-preżenza tal-UE fil-grupp Minsk tal-OSKE żżid l-involviment tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan;
   (e) jenfasizzaw fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-importanza li jiġu garantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini, inklużi d-dritt tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u d-drittijiet tal-proprjetà privata, l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu politiku u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir u tal-ġudikatura;
   (f) jenfasizzaw, fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-importanza li r-Repubblika tal-Azerbajġan tikkonforma bis-sħiħ mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
   (g) jenfasizzaw, fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-importanza kruċjali tal-libertà ta' espressjoni għall-avversarji politiċi u jenfasizzaw li relazzjonijiet aktar profondi mal-UE huma bbażati fuq il-kundizzjoni li l-awtoritajiet tal-Azerbajġan jirrispettaw l-istat tad-dritt, jiżguraw proċessi ġusti għall-priġunieri kollha u r-rilaxx mhux kondizzjonat ta' dawk kollha li ġew arrestati fuq akkużi motivati politikament;
   (h) jassistu kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament lill-parlament tal-Azerbajġan biex jiżviluppa b'mod sħiħ il-funzjonijiet, il-korpi u s-servizzi kostituzzjonali tiegħu inkluża interazzjoni mtejba mas-soċjetà ċivili;
   (i) jappoġġjaw programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għixien tar-refuġjati u tal-persuni spustati fl-Azerbajġan;
   (j) jinkorporaw fil-ftehim klawsoli dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'konformità mal-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
   (k) jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani biex jagħtu garanzija li l-kostruzzjoni attwali tal-bini l-ġdid f'Baku, li huwa meqjus bħala parzjalment marbut mal-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li jmiss, huwa konformi mal-leġiżlazzjoni relevanti u li n-nies jingħataw alternattiva fejn joqogħdu bl-implimentazzjoni ta' proċeduri legali trasparenti; jesprimi tħassib dwar il-kritika dejjem tiżdied kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, min-naħa tal-gvern, li qed jużaw dan l-avveniment biex itejbu r-rekord ta' dan il-pajjiż fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
   (l) jagħtu viża lir-Rapporteur Speċjali tal-PACE dwar il-Priġunieri Politiċi sabiex ikun jista' jżur lill-pajjiż bi qbil mal-mandat tiegħu;
   (m) jesprimu tħassib dwar iż-żieda fin-numru ta' arresti ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti żgħażagħ, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-NGOs u l-partiti politiċi fir-rigward tar-reġistrazzjoni kif ukoll l-intimidazzjoni u r-restrizzjonijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u fuq l-internet, kif ukoll jitwaqqfu kriterji ta' referenza f'dawn l-oqsma, u b'sospensjoni tal-ftehim jekk dawn il-kriterji ta' referenza ma jintlaħqux;
   (n) iħeġġu lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jadottaw leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità ta-ġeneri fi kwalunkwe qasam;
   (o) iwasslu l-objettivi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni f'konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar Reazzjoni Mġedda għal Viċinat li qed Jinbidel, b'hekk jippermettu li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan iwettqu monitoraġġ intern tar-riformi u l-impenji tal-gvern, u jassiguraw li l-gvern jinżamm aktar responsabbli għalihom;
   (p) jassiguraw il-koerenza tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali – b'mod partikolari, dawk definiti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Att Finali ta' Ħelsinki fosthom li jirrinunċjaw għall-użu tal-forza, l-integrazzjoni territorjali u d-dritt għall-awtrodeterminazzjoni − u li l-Ftehim, la darba jkun konkluż, japplika għat-territorju sħiħ tal-Azerbajġan;
   (q) jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea rigward ir-riżoluzzjoni tal-konflitt u l-medjazzjoni u jadottaw rwol aktar attiv u effettiv fir-rigward tat-tkattir tal-fiduċja bejn il-partijiet fil-konflitt, inkluż billi jassistuhom permezz ta' proġetti tal-bini tal-fiduċja ffinanzjati mill-UE bl-għan li jiżdied l-appoġġ popolari għal konċessjonijiet konġunti u għal soluzzjoni paċifika; jenfasizzaw il-ħtieġa ta' aċċess mingħajr kondizzjonijiet għar-rappreżentanti tal-UE għal Nagorno-Karabakh u r-reġjuni okkupati tal-madwar; jinsistu li l-UE għandha tieħu rwol aktar b'saħħtu fis-soluzzjoni tal-kunflitt f'Nagorno-Karabakh billi tappoġġa l-implimentazzjoni ta' miżuri għat-tkattir tal-fiduċja li jqarrbu l-komunitajiet Armeni u Azerbajġani u jxerrdu l-idea ta' paċi, rikonċiljazzjoni u fiduċja fost in-naħat kollha involuti;
   (r) jilqgħu x-xogħol li sar mill-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE u mill-partijiet biex isir progress lejn ftehim dwar il-Prinċipji Bażiċi u jaraw li din il-ħidma titkompla; jenfasizzaw li kemm l-Azerbajġan kif ukoll l-Armenja għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed fil-format tal-Grupp ta' Minsk favur it-twaqqif u l-konsolidazzjoni ta' riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh tiġi implimentata bis-sħiħ u f'waqtha; jikkunsidraw parteċipazzjoni diretta u aktar attiva tal-UE fil-Grupp ta' Minsk;
   (s) jistiednu lill-mexxejja tal-Armenja u tal-Azerbajġan biex jaġixxu b'mod responsabbli, jimmoderaw it-ton tal-istqarrijiet tagħhom u jevitaw dikjarazzjonijiet provokatorji sabiex iwittu t-triq għal djalogu ġenwin fil-livelli kollha tas-soċjetà sabiex il-pubbliku jaċċetta u jifhem b'mod sħiħ il-benefiċċji ta' ftehim komprensiv, b'hekk iwittu t-triq għal miżuri li b'mod effettiv ikattru l-fiduċja;
   (t) jesprimu tħassib dwar iż-żieda tal-preżenza militari fir-reġjun u b'mod partikolari dwar l-ispejjeż militari għolja tal-Azerbajġan u jitolbu, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex ma jibqgħux jipprovdu armi u munizzjon lill-Azerbajġan u lill-Armenja, b'konformità mat-talba tal-OSKE ta' Frar 1992 sakemm jintlaħaq u jiġi ffirmat ftehim komprensiv bejn iż-żewġ partijiet;
   (u) jenfasizzaw il-ħtieġa li għandu jkompli jsir dak kollu li huwa possibbli fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għal tqarrib politiku u ekonomiku bejn l-Armenja u l-Azerbajġan, li għandu jinkludi fih ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt reġjonali bħala komponent integrali;
   (v) jenfasizzaw li mijiet ta' eluf ta' refuġjati u persuni spustati internament li ħarbu minn djarhom matul il-gwerra ta' Nagorno-Karabakh jew minħabba fiha għadhom spustati u mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jirritornaw, id-drittijiet tal-proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali − dawk id-drittijiet għandhom ikunu rispettati u mogħtija mingħajr kundizzjoni jew telf ta' żmien; jitolbu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu u jestendu l-assistenza u l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Azerbajġan biex ikun jista' jindirizza s-sitwazzjoni tal-persuni spustati;
   (w) jenfasizzaw il-ħtieġa li jintuża l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bħala bażi biex jiġu promossi sinerġiji u kooperazzjoni reġjonali, jenfasizzaw l-interazzjoni reċiproka bejn l-iżvilupp demokratiku pluralista u r-riżoluzzjoni tal-konflitt, u jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun fih dispożizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-faċilitajiet tal-viża għall-persuni kollha mill-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;
   (x) jiċċaraw kif għandu jiġi sfruttat il-livell sostanzjali ta' komplementarjetà bejn l-inizjattivi varji tal-UE fir-reġjun, jiġifieri s-Sħubija tal-Lvant u s-Sinerġija tal-Baħar Iswed;
   (y) jistiednu lit-Turkija tieħu rwol kostruttiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh u fil-qadi tar-responsabbiltà tagħha f'dak ir-reġjun;
   (z) jiżguraw li l-komponent tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jista' jiġi aġġornat għal Żona Komprensiva u Approfondita ta' Kummerċ Ħieles hekk kif l-Azerbajġan jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, inkluż li jingħaqad mad-WTO u jwettaq l-impenji tiegħu fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u għal dan il-għan, jipprovdu l-għajnuna teknika meħtieġa biex jippreparaw lill-Azerbajġan għan-negozjati u jinkoraġġixxu l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa;
   (aa) jinsistu mal-Azerbajġan sabiex jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
   (ab) iħeġġeġ lill-awtoritajiet Azerbajġani biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom u l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-Tip “Cluster”;
   (ac) jassiguraw negozjati dwar faċilitazzjoni tal-viża u ftehimiet ta' riammissjoni sabiex jiġu promossi kuntatti bejn il-persuni u sabiex il-mobilità taż-żgħażagħ u tal-akkademiċi tiġi trattata bħala prijorità; jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u jassiguraw li d-dispożizzjonijiet dwar l-ażil jkunu kompletament konformi mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE, b'mod speċjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
   (ad) jenfasizzaw l-importanza li jinbena u jiġi żviluppat settur taż-żgħażagħ b'saħħtu u jilqgħu f'dan ir-rigward id-diversi programmi tal-istat li joffru boroż ta' studju għal studju barra mill-pajjiż;
   (ae) iħeġġu lill-Azerbajġan biex ma jostakolax il-ħruġ ta' viżi għal ċittadini ta' pajjiżi terzi ta' oriġini Armena li jixtiequ jidħlu fl-Azerbajġan u biex ineħħi l-projbizzjoni fuq it-telefonati internazzjonali lejn l-Armenja;
   (af) jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa bejn l-UE u l-Azerbajġan, u b'mod partikolari, jispjegaw il-benefiċċji u jippromwovu l-konverġenza regolatorja u jipprovdu l-għajnuna teknika meħtieġa għal dan il-għan;
   (ag) iħeġġu lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan iħaffu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet Prinċipali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);
   (ah) ikattru t-trasparenza fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u titjib fil-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv favur tmexxija tajba u teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti; jilqgħu, f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tal-Azerbajġan fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi li għandha l-għan li żżid it-trasparenza fir-rigward tad-dħul miż-żejt u l-gass u tissorvelja l-konformità tal-gvern tal-Azerbajġan mal-obbligu tiegħu li jirrilaxxa informazzjoni dwar il-finanzi pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni;
   (ai) jieħdu l-azzjoni neċessarja sabiex fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinkorpora dispożizzjonijiet li jippermettu li l-Ażerbajġan jipparteċipa fi programmi u aġenziji tal-Komunità, bħala għodda li tippromwovi integrazzjoni Ewropea f'kull livell;
   (aj) jilqgħu r-riformi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Azerbajġan fil-ġudikatura, bl-għan li tkun żgurata indipendenza ikbar tal-imħallfin, jitjiebu l-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra, jiġu eliminati l-korruzzjoni ġudizzjarja u s-suxxettibbiltà għall-influwenza tal-eżekuttiv; jirrikonoxxu li l-liġijiet rilevanti, inkluż il-liġi dwar it-Tribunal, ikunu ġew adottati; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet responsabbli biex ikomplu jimplimentaw il-leġiżlazzjoni biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u jiffokaw fuq każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli kif ukoll itejbu b'mod sinifikanti t-trasparenza tal-infiq pubbliku u tal-finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizzaw il-ħtieġa tat-titjib tal-indipendenza, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-ġudikatura; itennu l-importanza li s-sistema tal-qorti tiffunzjona mingħajr interferenza politika; jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi stabbilit rekord konvinċenti tal-għazla u l-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi tal-istat ibbażati fuq l-applikazzjoni ta' kriterji uniformi, trasparenti, oġġettivi u li japplikaw fuq livell nazzjonali u sabiex jinbena rekord ta' infurzar ta' prosekuzzjonijiet u kundanni li fuqu jista' jiġi mkejjel il-progress; jitolbu għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza sabiex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli kif wkoll il-fiduċja tal-pubbliku;
   (ak) jistabbilixxu programmi ta' ġemellaġġ mar-reġjuni u l-komunitajiet lokali tal-UE b'minoranzi nazzjonali li qed jesperjenzaw livell għoli ta' awtonomija;
   (al) jenfasizzaw il-bżonn ta' ekonomija sostenibbli, anke bit-tisħiħ tad-diversifikazzjoni tagħha; jippromwovu aktar ftuħ u trasparenza fis-settur tal-enerġija u jassiguraw li l-iżvilupp tiegħu jiġi esegwit skont standards ambjentali internazzjonali; jappoġġjaw l-iżvilupp ta' suq tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizzaw il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni ambjentali korrispondenti;
   (am) jenfasizzaw l-importanza tal-Azerbajġan fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u tar-rotot tal-kunsinna tagħhom lill-Ewropa; ifakkru f'dan ir-rigward fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kunsinna tal-gass tat-13 ta' Jannar 2011 f'Baku mill-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Azerbajġan Ilham Aliyev bħala pass importanti fir-realizzazzjoni tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, u jfaħħar l-isforzi tal-Azerbajġan għall-promozzjoni ta' proġetti pijunieri bħall-pajplajns ta' Baku-Tbilisi-Ceyhan u ta' Baku-Tbilisi-Erzurum bħala t-twettiq tal-Proġett AGRI;
   (an) jenfasizzaw l-importanza tal-pożizzjoni ġeografika unika tal-Azerbajġan li tippermetti konnessjoni ta' tranżitu diretta u mingħajr ostakli bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali; jilqgħu l-isforzi biex tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar it-tranżitu Transkaspjan mal-Kazakistan u biex jiġu esplorati modi sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni bħal din mat-Turkmenistan; jilqgħu l-mandat tal-Kunsill iffirmat fit-12 ta' Settembru 2011 biex jiġi konkluż ftehim legalment vinkolanti bejn l-UE, l-Azerbajġan u t-Turkmenistan dwar il-pajplajn Transkaspjan;
   (ao) jiżguraw li l-UE tagħti attenzjoni kontinwa għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni tal-enerġija mal-Azerbajġan kif ukoll appoġġ sostenibbli; jipprovdu assistenza teknika lill-aġenzija tal-Istat tal-Azerbajġan tas-Sorsi tal-Enerġija Alternattivi u Rinnovabbli sabiex l-Azerbajġan jiġi mgħejjun jiddiversifika r-riżorsi tal-enerġija tiegħu, jippromwovi l-effiċjenza enerġetika u jsir konformi mal-objettivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima;
   (ap) isibu modi kif jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ bħaċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali (REC) permezz ta' proġetti transkonfinali li jinvolvu lill-NGOs, lill-komunitajiet lokali u lill-partijiet interessati tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Ġeorġja;
   (aq) jinkorporaw, fil-Ftehim ta' Assoċazzjoni, dimensjoni parlamentari qawwija li twassal għall-involviment sħiħ tal-Milli Mejlis u tal-Parlament Ewropew u ssaħħaħ il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Euronest;
   (ar) jinvolvu b'mod sħiħ lill-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jistabbilixxu punti ċari ta' riferiment għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jipprovdu mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-preżentazzjoni ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;
   (as) jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika speċifika lill-Azerbajġan sabiex jassiguraw li hu jkun jista' jissodisfa l-impenji li ġejjin min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu joffru programmi komprensivi għall-bini tal-istituzzjonijiet;
   (at) jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE sabiex ikompli jikkoopera mal-Parlament Ewropew, billi jipprovdi informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;
   (au) ikomplu jinkoraġġixxu livell profond ta' kooperazzjoni mas-Sħubija tal-Lvant u fi ħdanha, kif ukoll jinfurmaw lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tagħha b'mod regolari;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Azerbajġan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0243.
(2) ĠU C161E, 31.5.2011, p. 136.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0025.
(4) ĠU C41E, 19.2.2009, p.64.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0153.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0576.
(7) ĠU L 221, 27.8.2011, p. 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza