Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2315(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0079/2012

Testi mressqa :

A7-0079/2012

Dibattiti :

PV 17/04/2012 - 19
CRE 17/04/2012 - 19

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0128

Testi adottati
PDF 255kWORD 86k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2012 - Strasburgu
In-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Armenja
P7_TA(2012)0128A7-0079/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Armenja (2011/2315(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Armenja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010 dwar l-Armenja li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Armenja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Armenja tas-27 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) adottat fl-14 ta' Novembru 2006 u l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” tal-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant organizzat fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant organizzat f'Varsavja bejn id-29 u t-30 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant (EURONEST) tat-3 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” dwar il-Kawkasu tan-Nofsinhar tas-27 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Armenja(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(3), u tas-17 ta' Jannar 2008 dwar approċċ politiku reġjonali għall-Baħar l-Iswed(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant(5) u tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/518/PESK tal-25 ta' Awwissu 2011 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja(7),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tal-Kummissjoni dwar l-Armenja adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra t-tielet ċiklu tad-Djalogu bejn l-UE u l-Armenja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fis-6 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-amnestija ġenerali adottata mill-Parlament Armen fis-26 ta' Mejju 2011 dwar proposta mill-President Sargsyan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-2 ta' Novembru 2008 f'Moska,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-23 ta' Jannar 2012 f'Sochi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0079/2012),

A.  billi s-Sħubija tal-Lvant tistabbilixxi l-qafas politiku għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjonijiet tal-pajjiż imsieħeb u l-interess strateġiku tal-UE fl-istabilità u l-iżvilupp demokratiku tar-reġjun;

B.  billi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni jikkostitwixxu l-qafas xieraq biex jiġu approfonditi r-relazzjonijiet, billi jittejbu l-assoċjazzjoni politika, l-integrazzjoni soċjoekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġijiet mal-UE, u biex jiġu żviluppati relazzjonijiet kulturali;

C.  billi, f'dan ir-rigward, id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant hija komplementari u inseparabbli minn dik bilaterali u għandha tiżviluppa simultanjament man-negozjati li għaddejjin tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni sabiex titwitta t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom u tiġi stabbilita l-bażi għal kooperazzjoni reġjonali ġenwina kif stipulat fil-prinċipji sottostanti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

D.  billi l-impenn attiv tal-Armenja għal valuri u prinċipji kondiviżi, inkluż id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali sabiex il-proċess jimxi “l quddiem u sabiex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkunu ta' suċċess;

E.  billi l-awtoritajiet Armeni ddikjaraw ripetutament il-volontà tagħhom li jirrispettaw dawn il-valuri u invokaw l-ambizzjonijiet Ewropej tal-Armenja; billi r-retorika mhux dejjem qablet mar-realtà fir-rigward tal-pass tar-riformi; billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Armenja fil-kooperazzjoni parlamentari multilaterali fil-qafas tal-Euronest, li tkopri l-erba' pjattaformi tematiċi tas-Sħubija tal-Lvant, tikkostitwixxi eżempju tajjeb ta' impenn favur il-valuri u l-prinċipji Ewropej, u l-importanza ta' dan huwa rikonoxxut minn kunsens pubbliku wiesa' fi ħdan is-soċjetà Armena;

F.  billi l-kunflitt irriżolt fin-Nagorno-Karabakh qed jimmina l-istabilità u l-iżvilupp tal-Armenja u tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; billi, fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar “Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni” l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha biex ikollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u biex tintensifika l-involviment tagħha kemm billi tappoġġa l-formati ta' negozjati eżistenti kif ukoll billi tipproponi inizjattivi ġodda; billi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar jiżvolġi rwol importanti fil-kontribut għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fir-reġjun;

G.  billi l-okkupazzjoni ta' territorji li jappartjenu għal pajjiż terz tikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali u tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li tipperikola l-proġett sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant;

H.  billi jeżistu rapporti ta' tħassib serju ta' attivitajiet illegali eżerċitati mit-truppi Armeni fit-territorji okkupati tal-Azerbajġan, jiġifieri, il-manuvri militari regolari, it-tiġdid tat-tagħmir u l-persunal militari u t-tisħiħ tad-difiża;

I.  billi l-iżvolġiment xieraq, skont l-istandards internazzjonali u Ewropej, tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, previsti fis-6 ta' Mejju 2012, se tkun ta' importanza kbira għall-iżvilupp fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja, u billi l-elezzjonijiet għandhom isiru skont il-Kodiċi Elettorali l-ġdid tal-Armenja;

J.  billi n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja qed jimxu “l quddiem b'pass mgħaġġel u qed jagħtu spinta għal riforma interna;

1.  Jindirizza lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: dawn għandhom:

   (a) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv u li jħares “il quddiem għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet mal-Armenja, wieħed li jtejjeb l-assoċjazzjoni politika, il-konverġenza ekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġijiet;
   (b) jiżguraw li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan u UE-Armenja, konformement mat-talbiet imressqa fir-riżoluzzjoni tal-Parlament, tal-20 ta' Mejju 2010, dwar il-ħtieġa ta' strateġija UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u mal-prinċipji fundamentali tal-grupp ta' Minsk tal-OSKE, imħabbra fid-Dikjarazzjoni Konġunta ”Aquila' tal-10 ta' Lulju 2009, jkunu marbuta ma' impenji kredibbli biex isir progress sostanzjali lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, li jinkludi, pereżempju, miżuri intiżi li jsaħħu l-fiduċja bħad-demilitarizzazzjoni ġenerali, l-irtirar tat-tiraturi mil-linja ta' kuntratt, l-irtirar tal-forzi Armeni mit-territorji okkupati fil-viċinanzi tan-Nagorno-Karabakh u r-ritorn tagħhom għall-kontroll Azerbajġani, kif ukoll mekkaniżmu ta' prevenzjoni attiva ta' inċidenti u investigazzjonijiet dwar il-ksur tal-waqfien mill-ġlied tul il-linja ta' kuntatt, id-dritt tal-persuni kollha spostati f'pajjiżhom u tar-rifuġjati li jmorru lura lejn darhom u lejn il-proprjetajiet tagħhom, u garanziji ta' sigurtà internazzjonali li jkunu jinkludu operazzjoni multinazzjonali ta' żamma tal-paċi vera bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet miftiehma adegwati għall-espressjoni libera futura ġuridikament vinkolanti tar-rieda dwar l-istatut definittiv tan-Nagorno-Karabakh;
   (c) jenfasizzaw l-importanza kbira ta' elezzjonijiet demokratiċi, ħielsa u ġusti li jimmanifestaw ruħhom mhux biss fl-iżvolġiment ordnat tal-elezzjonijiet ta' Mejju 2012 fil-ġurnata elettorali, iżda wkoll fl-iżgurar tal-pluralità, il-libertà tad-diskors politiku, il-libertà ta' espressjoni u l-aċċess ugwali għall-forzi politiċi kollha għall-mezzi tax-xandir prinċipali, il-libertà ta' għaqda u ta' moviment matul il-proċess elettorali ta' qabel u ta' wara; jenfasizzaw il-ħtieġa li għandhom ikunu pprovduti r-riżorsi neċessarji lid-Delegazzjoni tal-UE fl-Armenja sabiex itejbu l-kontribut tal-UE għall-kwalità tal-proċessi elettorali; isostnu l-adozzjoni tal-Kodiċi Elettorali l-ġdid tal-Armenja, li huwa konsistenti mal-obbligi u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali;
   (d) jenfasizzaw li huwa fundamentali li tiġi konkluża investigazzjoni trasparenti, indipendenti u imparzjali dwar l-inċidenti li seħħu fl-1 ta' Marzu 2008, flimkien ma' investigazzjoni indipendenti fuq l-intervent tal-pulizija waqt it-tifrid tad-dimostrazzjoni;
   (e) jirrikonoxxu l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Armenja u jikkunsidrawhom bħala stimolu u katalizzatur neċessarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-appoġġ pubbliku għal dawn ir-riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-impenn tal-Armenja lejn il-valuri u l-prinċipji kondiviżi tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba;
   (f) idaħħlu fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-klawżoli u punti ta' riferiment dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, billi jieħdu l-akbar valur possibbli mill-oqfsa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE u mid-djalogu kontinwu bejn l-UE u l-Armenja dwar id-drittijiet tal-bniedem;
   (g) jenfasizzaw, fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-importanza li tkun garantita t-tgawdija tal-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, l-Istat tad-dritt, il-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni billi tiġi żgurata l-kompetittività tas-suq u l-indipendenza tal-midja;
   (h) iħeġġu lill-awtoritajiet Armeni jadottaw leġiżlazzjoni antidiskriminatorja li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru fi kwalunkwe qasam;
   (i) jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Armeni jkomplu bi sforzi mġedda r-riforma leġiżlattiva fil-pajjiż;
   (j) jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Armeni jkomplu jiżviluppaw il-kariga tad-Difensur tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment billi jipprovdulu riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali u billi jagħtu appoġġ lill-uffiċċji reġjonali li għadhom kif ġew stabbiliti; jiżguraw li l-appoġġ lill-istituzzjonijiet bħad-Difensur tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa proporzjonalment ibbilanċjat mal-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
   (k) jenfasizzaw, partikolarment, l-importanza tal-indipendenza tal-ġudikatura, tal-proċeduri ta' appalt trasparenti, tas-separazzjoni tal-politika min-negozju, u l-ħtieġa li jiżżarmaw l-istrutturi oligarkiċi fi ħdan l-ekonomija, ta' proċedimenti ġudizzjarji affidabbli li jiggarantixxu proċessi ġusti u l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha, ta' ambjent sigur għall-ġurnaliżmu investigattiv, tal-aċċess għall-informazzjoni u għal midja indipendenti u soċjali u tal-prevenzjoni tal-forom kollha ta' tortura u ta' trattament ħażin fiċ-ċentri ta' detenzjoni; jinkoraġġixxu lill-Gvern Armen jagħmel kull sforz possibbli biex jirrispetta l-prattiki tajbin u r-rakkomandazzjonijiet tal-UE f'dawn l-oqsma;
   (l) jenfasizzaw l-importanza li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-prevenzjoni tal-korruzzjoni u lill-ġlieda kontriha fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, speċjalment fid-dawl tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant fit-3135 laqgħa tiegħu fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2011;
   (m) jissottolinjaw ir-relazzjoni bejn ir-riforma tal-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi msieħba u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
   (n) jenfasizzaw il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-impunità tal-uffiċjali inkarigati mill-infurzar tal-liġi u tal-pulizija, billi jiġu garantiti, fost l-affarijiet l-oħra, investigazzjonijiet bir-reqqa dwar it-torturi u l-ksur tad-drittijiet fid-detenzjoni u f'istituzzjonijiet magħluqin;
   (o) jiżguraw li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Armenja jkunu regolarment u sistematikament ikkonsultati matul il-proċess ta' negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jiġu nnotati u kkunsidrati fejn ikun xieraq;
   (p) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari, fir-rigward ta' dawk definiti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Att Finali ta' Ħelsinki kif ukoll fil-qafas tal-OSKE, notevolment ir-rinunzja għall-użu tal-forza, l-integrità territorjali u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni;
   (q) ifakkru lill-partijiet kollha li ma jista' jkun hemm l-ebda alternattiva għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh; jenfasizzaw li kwalunkwe theddida tal-użu tal-forza timmina l-isforzi konġunti tal-komunità internazzjonali;
   (r) jistiednu lill-Armenja u lill-Azerbajġan jieħdu miżuri li jsaħħu l-fiduċja tul il-linji fuq il-front, inkluż l-irtirar tat-tiraturi mil-linja ta' kuntatt (skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE), l-irtirar u l-waqfien mill-użu ta' kwalunkwe artillerija, żieda sinifikanti fin-numru tal-osservaturi tal-OSKE bħala miżura provviżorja sakemm tiġi skjerata forza multinazzjonali taż-żamma tal-paċi bil-mandat tan-NU bħala parti mill-implimentazzjoni ta' ftehim tal-paċi; jistiednu lill-Armenja tieqaf tibgħat suldati tal-armata regolari biex iservu fin-Nagorno-Karabakh;
   (s) isaħħu l-kapaċità ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta' medjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, fost l-affarijiet l-oħra billi jintensifikaw l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Grupp ta' Minsk, jadottaw rwol aktar attiv u inċiżiv biex jiffavorixxu l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja bejn il-partijiet fil-kunflitt, fosthom il-promozzjoni ta' proċess tan-negoziati aktar intens u l-għoti ta' assistenza permezz ta' proġetti b'finanzjament tal-UE intiżi li jżidu l-appoġġ popolari għal konċessjonijiet reċiproċi u għal soluzzjoni paċifika, u l-għoti ta' appoġġ għal programmi umanitarji fiż-żoni milquta minn kunflitti, partikolarment attivitajiet ta' tneħħija tal-mini tal-art;
   (t) ikollhom rwol aktar prominenti fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh billi jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' miżuri li jsaħħu l-fiduċja li jlaqqgħu lill-komunitajiet Armena u Azerbajġani u jfirrxu l-ideat ta' paċi, rikonċiljazzjoni u fiduċja fost il-partijiet kollha; jenfasizzaw li kemm l-Armenja kif ukoll l-Azerbajġan għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-format tal-Grupp ta' Minsk lejn il-konsolidament ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh titwettaq b'mod sħiħ u fi żmien xieraq; jissottolinjaw il-bżonn ta' aċċess inkundizzjonat tar-rappreżentanti tal-UE għan-Nagorno-Karabakh u għar-reġjuni okkupati tal-madwar;
   (u) iqisu li l-preżenza tal-UE fil-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jiżdied l-involviment tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan;
   (v) isaħħu l-kapaċità ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti tal-Unjoni Ewropea fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, fost affarijiet oħra billi jappoġġaw l-isforzi tal-Grupp ta' Minsk u jiftħu t-triq għall-implimentazzjoni ta' miżuri intiżi li jsaħħu l-fiduċja, hekk kif qablu l-Presidenti tal-Azerbajġan u tal-Armenja; jenfasizzaw il-ħtieġa li tinstab l-aktar soluzzjoni paċifika bikrija tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan fuq il-bażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-deċiżjonijiet u tad-dokumenti approvati f'dan il-qafas;
   (w) jistiednu lill-atturi esterni għall-kunflitt juru rieda tajba u jikkontribwixxu b'mod pożittiv għar-riżoluzzjoni rapida u paċifika tiegħu;
   (x) jistieden lill-mexxejja tal-Armenja u l-Azerbajġan biex jaġixxu b'mod responsabbli, jimmoderaw it-ton tad-dikjarazzjonijiet tagħhom u jżommu lura minn dikjarazzjonijiet xewwiexa sabiex iwittu t-triq għal djalogu ġenwin fil-livelli kollha tas-soċjetà u jħejju l-pedament għal miżuri effikaċi li jsaħħu l-fiduċja;
   (y) jesprimi tħassib dwar iż-żieda tal-preżenza militari fir-reġjun u partikolarment dwar in-nefqiet militari Armeni għoljin li jeżawrixxu r-riżorsi li huma meħtieġa għal kwistjonijiet aktar urġenti bħat-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, u jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jieqfu jipprovdu armi u munizzjon kemm lill-Azerbajġan kif ukoll lill-Armenja b'konformità mat-talba tal-OSKE ta' Frar 1992 sakemm ikun hemm qbil dwar soluzzjoni komprensiva u ffirmata miż-żewġ partijiet;
   (z) jinnotaw f'dan il-kuntest il-ħtieġa li ssir investigazzjoni dwar rapporti preokkupanti fir-rigward ta' politika ta' bini ta' insedjamenti implimentata mill-awtoritajiet Armeni bil-għan li tiżdied il-popolazzjoni Armena fit-territorji okkupati tan-Nagorno-Karabakh;
   (aa) jisħqu fuq l-importanza li jiġu ratifikati l-protokolli ffirmati fl-2009 bejn l-Armenja u t-Turkija f'Zurich u jiġu intensifikati l-isforzi biex jiffaċilitaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, bil-ftuħ konsegwenti mingħajr prekundizzjonijiet tal-fruntieri; jilqgħu favorevolment id-deċiżjoni li jinfetħu n-negozjati dwar iż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) u f'tali kuntest jenfasizzaw li huwa inaċċettabbli li l-konfini bejn żewġ pajjiżi li jaspiraw għall-adeżjoni u għall-assoċjazzjoni mal-UE jinżammu kostantement magħluqin u jħeġġu li din is-sitwazzjoni tieqaf;
   (ab) iħeġġu lill-Armenja tagħmel sforzi sabiex tallinja l-politika tagħha fir-rigward tal-Iran mal-approċċ tal-UE lejn dan il-pajjiż;
   (ac) jenfasizzaw il-bżonn li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jintuża bħala pjattaforma għall-promozzjoni ta' sinerġiji u kooperazzjoni reġjonali; jenfasizzaw il-konnessjonijiet ta' rinfurzar reċiproku bejn l-iżvilupp demokratiku pluralistiku u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt; jenfasizzaw partikolarment l-importanza ta' ħolqien ta' sinerġiji fl-oqsma tat-trasport u tal-enerġija; jistiednu lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fid-direzzjoni tal-kooperazzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant mingħajr ma jorbtuha mal-kunflitti;
   (ad) isibu modi sabiex jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet bħaċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali (REC) permezz ta' proġetti transkonfinali konġunti li jinvolvu l-NGOs, il-komunitajiet lokali u l-partijiet interessati tal-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja;
   (ae) iħeġġu lill-Armenja tirratifika mingħajr aktar dewmien l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali bħala pass fundamentali biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tinġieb f'konformità mal-ftehimiet ġuridiċi internazzjonali li ġew aċċettati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea;
   (af) iħeġġu lill-awtoritajiet Armeni jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom u l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-Tip “Cluster”;
   (ag) jenfasizzaw l-importanza tal-mobilità fil-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea; jittrattaw il-mobilità taż-żgħażagħ u tal-istudenti bħala prijorità matul in-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi u ftehimiet ta' riammissjoni; jistiednu lill-Armenja ttejjeb il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni għolja b'enfasi speċjali fuq proċeduri ta' sinkronizzazzjoni għal-lawriji xjentifiċi u regolamentazzjoni ġuridika tal-apprendistat għall-istudenti abbażi tal-proċess ta' Bolonja; jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar l-asil ikunu konformi għalkollox mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE;
   (ah) jiżguraw il-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku, bil-għan li jiġu żgurati l-governanza tajba u proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti;
   (ai) jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa bejn l-UE u l-Armenja; partikolarment, jispjegaw il-benefiċċji tagħha, jippromwovu l-konverġenza regolatorja f'dan il-qasam u jagħtu l-assistenza finanzjarja u teknika neċessarja;
   (aj) jilqgħu favorevolment l-inkorporazzjoni tal-prattiki tajba u tar-rakkomandazzjonijiet tal-UE fl-Armenja matul il-preparazzjoni tal-pjanijiet ta' xogħol nazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; josservaw, partikolarment, ir-riżultati tanġibbli miksuba fis-settur tal-migrazzjoni bl-iffirmar tad-dikjarazzjoniji konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità;
   (ak) jieħdu l-azzjoni neċessarja biex jinkorporaw fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni d-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Armenja tipparteċipa fi programmi u f'aġenziji tal-Komunità, bħala strument fundamentali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea fil-livelli kollha;
   (al) jenfasizzaw il-bżonn ta' ekonomija sostenibbli, fost l-oħrajn bis-saħħa tal-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija u l-effiċjenza enerġetika b'mod konformi mal-objettivi tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jiżguraw li l-iżvilupp tas-settur enerġetiku jitwettaq skont l-istandards ambjentali tal-UE u fir-rispett tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f'kuntest transkonfinali (Konvenzjoni ESPOO);
   (am) itennu t-talba għall-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Medzamor qabel l-2016 minħabba li ma jistax jiġi modernizzat biex ikun konformi mal-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali fis-seħħ bħalissa li hemm qbil dwarhom;
   (an) ikomplu jagħtu l-assistenza teknika neċessarja biex jippermettu t-tnedija rapida tan-negozjati dwar l-aspetti kollha tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jiggarantixxu li n-negozjati mibdija ftit ilu dwar iż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva jkomplu b'ritmu mgħaġġel;
   (ao) jinkorporaw fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dimensjoni parlamentari b'saħħitha li tipprovdi għall-involviment sħiħ tal-Assemblea Nazzjonali tal-Armenja u tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Ftehim; jagħtu assistenza kemm teknika kif ukoll finanzjarja lill-parlament tal-Armenja biex jaqdi bis-sħiħ il-funzjonijiet kostituzzjonali tiegħu, il-korpi u s-servizzi tiegħu, inkluż it-twaqqif ta' kumitati permanenti kkwalifikati u interazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili; jittrażmettu regolarment lill-Parlament Ewropew informazzjoni dwar l-istat ta' avvanzament tal-proċess tan-negozjati;
   (ap) jinkludu punti ta' riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jipprevedu mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-preżentazzjoni ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;
   (aq) jagħtu lill-Armenja assistenza finanzjarja u teknika aktar immirata sabiex ikun żgurat li hija tista' tilqa' l-impenji li jirriżultaw min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jiġu offruti Programmi Komprensivi għat-Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet, inkluż f'dawk l-oqsma bħalma huma s-servizz ċivili u r-riforma tal-ġustizzja;
   (ar) jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Armeni jagħmlu użu totali mill-għarfien espert tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE fil-proċess tan-negozjati u ta' implimentazzjoni, u biex il-konsulenti tal-UE jinżammu totalment informati wkoll dwar l-attivitajiet tal-grupp għall-inizjattiva emblematika għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri tas-Sħubija tal-Lvant; jikkunsidraw li jagħtu tali assistenza lill-Imsieħba kollha tal-Lvant;
   (as) jirrikonoxxu l-aġenda ta' riforma ambizzjuża tal-Armenja fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u jagħtu assistenza adegwata skont il-prinċipju “aktar għal min jagħmel aktar” skont l-andament tar-riformi u mkejla b'paragun mal-indikaturi tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
   (at) iżidu, b'konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni”, l-assistenza tal-UE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu monitoraġġ intern tar-riformi u l-impenji tagħha, u biex jiżguraw li l-gvern jinżamm aktar responsabbli għal dawn;
   (au) jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew, billi jagħti feedback kontinwu u dokumentat dwar il-progress li sar, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jistabbilixxi li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

2.  Jagħti istruzzjoniijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Armenja.

(1) ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 67.
(2) ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 136.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0025.
(4) ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 64.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0153.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0576.
(7) ĠU L 221, 27.8.2011, p. 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza