Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar il-ħut bħala ġid komuni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 117 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, li jistabbilixxi li “L-Istati kollha għandhom id-dmir li jieħdu, jew li jikkooperaw ma' Stati oħra biex jieħdu (...) miżuri (...) neċessarji għall-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-ibħra miftuħa”,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1993 li jippromwovi l-konformità tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni, u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli tal-1995,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-konsum globali medju tal-ħut laħaq rekord ta' 17-il kilogramma għal kull persuna kull sena u billi l-ħut jipprovdi aktar minn 15% tal-konsum ta' proteini lil aktar minn 3 biljun ruħ;
B. billi s-sostenibbiltà globali tas-sajd hija prerekwiżit għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u għall-aċċess tal-ġenerazzjonijiet futuri għal dan ir-riżors marittimu imprezzabbli, u billi l-konċentrazzjoni tal-attività tas-sajd f'idejn is-settur privat iġġib magħha effetti negattivi qawwija;
C. billi hemm bżonn ta' azzjoni globali biex nipproteġu dan ir-riżors u niżguraw li jitqies bħala ġid komuni, waqt li niżguraw ukoll distribuzzjoni ekwa tal-benefiċċji kollettivi relatati;
1. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi azzjoni leġiżlattiva, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, dwar l-importanza tal-ħut bħala ġid komuni globali, timplimenta l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tar-riżorsi marittimi, tiżgura aċċess għal dawn ir-riżorsi u użu sostenibbli tagħhom – permezz ta' koordinazzjoni internazzjonali – u tniedi kampanja ta' informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.