Kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom (COM(2011)0655 – C7-0350/2011 – 2011/0283(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0655),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0350/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-8 ta' Diċembru 2011(1),
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-28 ta' Marzu 2012, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0067/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' April 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 423/2012.)