Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/0058(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0080/2012

Testi mressqa :

A7-0080/2012

Dibattiti :

PV 18/04/2012 - 16
CRE 18/04/2012 - 16

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2012 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0135

Testi adottati
PDF 170kWORD 202k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2012 - Strasburgu
Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni *
P7_TA(2012)0135A7-0080/2012

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2011)0121 – C7-0092/2011 – 2011/0058(CNS))

(Proċedura leġislattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0121),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0092/2011),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati mressqa, skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, mill-Parlament Bulgaru, il-Kamra tar-Rappreżentanti Irlandiża, il-Parlament Malti, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-Diet Pollakka, il-Kamra tad-Deputati Rumena, il-Parlament Slovakk, il-Parlament Svediż u l-House of Commons tar-Renju Unit, li jiddikjaraw li l-abbozz tal-att leġislattiv mhuwiex konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0080/2012),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tibdel il-proposta tagħha kif xieraq, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma' ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza ta' 27 sistema fiskali korporattiva differenti. Dawn l-ostakoli u tfixkil jimpedixxu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Huma joħolqu diżinċentivi għall-investiment fl-Unjoni u jmorru kontra l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Marzu 2010 bl-isem Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Huma ma jaqblux ukoll mar-rekwiżiti ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.
(1)  Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma' ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza ta' 27 sistema fiskali korporattiva differenti. Dawn l-ostakoli u tfixkil jimpedixxu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Huma joħolqu diżinċentivi għall-investiment fl-Unjoni u jmorru kontra l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Marzu 2010 bl-isem Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, għall-Patt Euro Plus u għall-integrazzjoni ekonomika, baġitarja u fiskali meħtieġa sabiex tiġi stabbilita ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 1a (ġdida)
(1a)  Aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tista' twassal għal tnaqqis sinifikanti fir-rigward tal-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għan-negozji nvoluti f' attivitajiet transkonfinali fl-Unjoni.
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  L-ostakoli fiskali għall-kummerċ transkonfinali huma partikolarment severi għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, li ħafna drabi ma għandhomx ir-riżorsi sabiex isolvu l-ineffiċjenzi tas-suq.
(2)  L-ostakoli fiskali jistgħu jkunu partikolarment severi għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li huma involuti f'attivitajiet transkonfinali, peress li l-SMEs ħafna drabi ma għandhomx ir-riżorsi sabiex isolvu l-ineffiċjenzi tas-suq.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 2a (ġdida)
(2a)  Il-kompetizzjoni ġusta fir-rigward tar-rati tat-taxxa għandha tiġi mħeġġa fil-livell tal-Istati Membri u anki fil-livell reġjonali għar-reġjuni b'setgħat fiskali u leġislattivi.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 3a (ġdida)
(3a)  It-titjib tas-suq intern hu l-fattur ewlieni li jinkoraġġixxi t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. L-introduzzjoni tal-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) għandha ssaħħaħ it-tkabbir u twassal għal aktar impjiegi fl-Unjoni billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u l-burokrazija għall-kumpaniji, partikolarment għan-negozji żgħar involuti f' attivitajiet transkonfinali..
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Peress li s-suq intern iħaddan I-Istati Membri kollha, BKKTK għandha tiġi introdotta fl-Istati Membri kollha. Madankollu, jekk il-Kunsill jonqos milli jadotta deċiżjoni unanima dwar il-proposta li tiġi stabbilita BKKTK, huwa xieraq li tibda mingħajr dewmien il-proċedura għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-BKKTK. Kooperazzjoni msaħħa bħal din għandha tinbeda mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro iżda għandha tkun miftuħa fi kwalunkwe mument għal Stati Membri oħra b'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 4b (ġdida)
(4b)  Ċerti forom li jispikkaw ta' kompetizzjoni fiskali, ottimizzazzjoni tat-taxxa u arbitraġġ fiskali jistgħu jnaqqsu d-dħul ta' xi Stati Membri u joħolqu distorsjonijiet dwar it-tassazzjoni bejn il-kapital, li huwa mobbli, u x-xogħol, li huwa anqas mobbli. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir imsaħħaħ u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinament u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja jesiġu li l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li l-munita tagħhom hija l-euro, ikunu konformi ma' dixxiplina fiskali stretta, filwaqt li fl-istess ħin japplikaw kontrolli ta' nfiq u jiġġeneraw dħul suffiċjenti mit-taxxi. Għal dawn ir-raġunijiet, u minħabba li l-Patt Euro Plus miftiehem mill-Kapijiet tal-Istat jew Gvern ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jipprevedi li l-iżvilupp tal-BKKTK “jista” jkun mod “il quddiem għal dħul newtrali biex tiġi żgurata konsistenza fost is-sistemi fiskali nazzjonali filwaqt li tirrispetta l-istrateġiji nazzjonali tat-taxxa, u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fiskali u l-kompetittività tan-negozji Ewropej”, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma kapaċi jonoraw l-impenji baġitarji tagħhom, sabiex titħares l-istabbiltà taż-żona euro kollha kemm hi, u jaqbel li l-BKKTK tiġi applikata kemm jista' jkun malajr għall-akbar għadd ta' kumpaniji possibbli.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 4c (ġdida)
(4c)  Fid-dawl tar-rwol vitali li l-SMEs għandhom fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli għall-SMEs involuti attivitajiet transkonfinali, strument li jtaffi l-piż amministrattiv u l-ispejjeż u li b'hekk jippermettilhom li jagħżlu li jissieħbu volontarjament fis-sistema BKKTK.
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 5
(5)  Billi d-differenzi fir-rati ta' tassazzjoni ma joħolqux l-istess ostakoli, is-sistema (il-Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB)) mhux bilfors taffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rata(i) nazzjonali tagħhom ta' tassazzjoni għall-kumpaniji.
(5)  Billi d-differenzi fir-rati ta' tassazzjoni ma joħolqux l-istess ostakoli, is-sistema BKKTKmhux bilfors taffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rata/i nazzjonali tagħhom ta' tassazzjoni għall-kumpaniji. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa wkoll li jadottaw ċerti inċentivi għan-negozji, b'mod partikolari fil-forma tal-kreditu tat-taxxa.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 5a (ġdida)
(5a)  Din id-Direttiva m' għandhiex l-għan li tarmonizza tar-rati tat-taxxa korporattivi tal-Istati Membri. Jekk, madankollu, isir evidenti li l-effiċjenza, l-effikaċja u l-ekwitabbiltà ekonomika tat-tassazzjoni korporattiva se jibbenefikaw minn armonizzazzjoni partikolari tar-rati, il-Kummissjoni għandha tqis jekk tali armonizzazzjoni hija xierqa meta tkun qiegħda teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tad-din id-Direttiva. Dan huwa aktar importanti peress li l-evoluzzjoni tar-rati tat-taxxa korporattiva fl-Istati Membri tagħmilha ċara li l-kompetizzjoni fiskali fis-suq intern għandha impatt. Għalhekk huwa utli, fl-ispirtu tar-Rapport intitolat “Strateġija Ġdida għas-Suq Wieħed” tad-9 ta' Mejju 2010, li jiġi determinat jekk l-impatt ta' kompetizzjoni bħal din huwiex ta' benefiċċju jew ta' ħsara għall-kultura fiskali li hija adatta għas-suq intern tas-seklu 21. B'mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni dwar jekk it-tneħħija tat-tensjoni sottostanti bejn l-integrazzjoni tas-suq u s-sovranità tat-taxxa hija wieħed mill-modi ta' kif tista' tirrikonċilja s-suq u d-dimensjoni soċjali tas-suq intern.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Premessa 6
(6)  Il-konsolidament huwa element essenzjali ta' tali sistema, billi l-ostakoli fiskali prinċipali li jiffaċċjaw il-kumpaniji fl-Unjoni jistgħu jiġu indirizzati biss b'dak il-mod. Huwa jelimina l-formalitajiet tal-ipprezzar tat-trasferimenti u t-taxxa doppja fi ħdan il-grupp. Barra minn hekk, it-telf li jagħmlu l-kontribwenti jiġi awtomatikament paċut kontra l-profitti ġġenerati minn membri oħra tal-istess grupp.
(6)  Il-konsolidament huwa element essenzjali ta' tali sistema, billi l-ostakoli fiskali prinċipali li jiffaċċjaw il-kumpaniji tal-istess grupp involuti f' attivitajiet transkonfinali fl-Unjoni jistgħu jiġu indirizzati biss b'dak il-mod. Huwa jelimina l-formalitajiet tal-ipprezzar tat-trasferimenti u t-taxxa doppja fi ħdan il-grupp. Barra minn hekk, it-telf li jagħmlu l-kontribwenti jiġi awtomatikament paċut kontra l-profitti ġġenerati minn membri oħra tal-istess grupp.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Premessa 6a (ġdida)
(6a)  Il-bażi tat-taxxa wiesgħa, il-konsolidament u s-setgħat ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-rati tat-taxxa korporattivi nazzjonali tagħhom jagħmlu l-BKKTK operazzjoni newtrali f'termini ta' taxxa.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Premessa 6b (ġdida)
(6b)  Sakemm l-użu tal-BKKTK ikun qiegħed jaffettwa d-dħul mit-taxxa tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li, bi qbil mas-sistemi kostituzzjonali tagħhom u b'mod li jkun kumpatibbli ma' din id-Direttiva, jadottaw miżuri biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni .
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Premessa 8
(8)  Billi sistema bħal din hija mfassla prinċipalment biex taqdi l-ħtiġijiet tal-kumpaniji li joperaw b'mod transkonfinali, hija għandha tkun skema fakultattiva, li takkumpanja s-sistemi fiskali korporattivi nazzjonali eżistenti.
(8)  Billi din id-Direttiva hija mfassla prinċipalment għall-benefiċċju tal-kumpaniji li joperaw b'mod transkonfinali, mingħajr madankollu ma teskludi kumpaniji oħra, hija mfassla bħala sistema fakultattiva, li tippermetti l-kumpaniji kollha eliġibbli l-għażla li jkunu parti mis-sistema. Madankollu, kumpaniji Ewropej u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, li huma definiti bħala kumpaniji transnazzjonali, huma kkunsidrati li għażlu li japplikaw is-sistema prevista b'din id-Direttiva minn sentejn wara d-data t' applikazzjoni. Il-kumpaniji kollha l-oħra li jikkwalifikaw fl-ambitu ta' din id-Direttiva, għajr l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/EC1 , għandhom ukoll japplikaw din id-Direttiva mhux aktar tard mill-aħħar minn ħames snin wara d-data t' applikazzjoni.. Meta jevalwaw l-impatt tal-BKKTK, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk għandhiex ukoll issir obbligatorja għal tali intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju..
1 ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Premessa 20
(20)  Is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali kontra l-abbużi, supplimentata b'miżuri sabiex jiġu kkontrollati tipi speċifiċi ta' prattiċi abbużivi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu limitazzjonijiet fuq it-tnaqqis tal-imgħax imħallas lil impriżi assoċjati residenti għal finijiet ta' taxxa f'pajjiż ta' taxxi baxxi barra l-Unjoni li ma jiskambjax informazzjoni mal-Istat Membru tal-kontribwent fuq il-bażi ta' ftehim paragunabbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-primjums tal-assigurazzjoni u regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati.
(20)  Is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali effikaċi kontra l-abbużi, supplimentata b'miżuri sabiex jiġu kkontrollati tipi speċifiċi ta' prattiċi abbużivi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu limitazzjonijiet fuq it-tnaqqis tal-imgħax imħallas lil impriżi assoċjati residenti għal finijiet ta' taxxa f'pajjiż ta' taxxi baxxi barra l-Unjoni li ma jiskambjax informazzjoni mal-Istat Membru tal-kontribwent fuq il-bażi ta' ftehim paragunabbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-primjums tal-assigurazzjoni u regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati. L-Istati Membri ma għandhomx jinżammu milli jintroduċu u jikkoordinaw miżuri addizzjonali bejniethom sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tal-pajjiżi b'rata ta' taxxa baxxa barra mill-Unjoni u li ma jiskambjawx l-informazzjoni fiskali neċessarja.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Premessa 21
(21)  Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi tliet fatturi mogħtija l-istess piż (ħaddiema, assi u bejgħ). Il-fattur tal-ħaddiema għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarji u n-numru ta' impjegati (kull element jgħodd in-nofs). Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta' tidwir mas-sistema. L-użu ta' dawn il-fatturi jagħti piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini. Fl-aħħar nett, għandu jitqies il-bejgħ sabiex tkun assigurata parteċipazzjoni ġusta tal-Istat Membru ta' destinazzjoni. Dawn il-fatturi u piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn jinkisbu. B'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-livell ta' attività tan-negozju, klawsola ta' salvagwardja tipprovdi għal metodu alternattiv.
(21)  Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi tliet fatturi (ħaddiema, assi u bejgħ). Filwaqt li l-fatturi tax-xogħol u tal-assi għandu jkollhom piż ta' 45 % kull wieħed, il-fattur tal-bejgħ għandu jkollu piż ta' 10 %. Il-fattur tal-ħaddiema għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarji u n-numru ta' impjegati (kull element jgħodd in-nofs). Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta' tidwir mas-sistema. L-użu ta' dawn il-fatturi jagħti piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini. Fl-aħħar nett, għandu jitqies il-bejgħ sabiex tkun assigurata parteċipazzjoni ġusta tal-Istat Membru ta' destinazzjoni. Dawn il-fatturi u piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn jinkisbu. B'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-livell ta' attività tan-negozju, klawsola ta' salvagwardja tipprovdi għal metodu alternattiv.
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Premessa 21a (ġdida)
(21a)  Ir-regoli komuni dwar il-kalkolu ta-BKKTK ma għandhomx iwasslu għal spejjeż ammininstrattivi sproporzjonati għall-kumpaniji, sabiex tiġi evitata ħsara għall-kompetittività tagħhom.
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Premessa 23
(23)  Gruppi ta' kumpaniji għandhom ikunu kapaċi jittrattaw ma' amministrazzjoni fiskali waħda (“awtorità fiskali prinċipali”), li għandha tkun dik tal-Istat Membru li fih tkun residenti l-kumpanija holding tal-grupp (“kontribwent prinċipali”) għall-finijiet tat-taxxa. Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi wkoll regoli proċedurali għall-amministrazzjoni tas-sistema. Hija għandha tipprovdi wkoll għal mekkaniżmu ta' deċiżjonijiet bil-quddiem. L-awditi għandhom jinbdew u jkunu kkoordinati mill-awtorità fiskali prinċipali iżda l-awtoritajiet ta' kwalunkwe Stat Membru li fih ikun suġġett għat-taxxa membru tal-grupp jistgħu jitolbu li jinbeda awditu. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew stabbilit membru tal-grupp tista' tisfida deċiżjoni tal-awtorità fiskali prinċipali fir-rigward tal-avviż ta' għażla jew ta' valutazzjoni emendata quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali. Il-kwistjonijiet bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet fiskali għandhom jiġu ttrattati minn organu amministrattiv li jkun kompetenti biex jisma' l-appelli fl-ewwel istanza skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali.
(23)  Gruppi ta' kumpaniji għandhom ikunu kapaċi jittrattaw ma' amministrazzjoni fiskali waħda (“awtorità fiskali prinċipali”), li għandha tkun awtorità tal-Istat Membru li fih tkun residenti l-kumpanija holding tal-grupp (“kontribwent prinċipali”) għall-finijiet tat-taxxa. Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi wkoll regoli proċedurali għall-amministrazzjoni tas-sistema. Hija għandha tipprovdi wkoll għal mekkaniżmu ta' deċiżjonijiet bil-quddiem. L-awditi għandhom jinbdew u jkunu kkoordinati mill-awtorità fiskali prinċipali iżda l-awtoritajiet ta' kwalunkwe Stat Membru li fih ikun suġġett għat-taxxa membru tal-grupp jistgħu jitolbu li jinbeda awditu. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew stabbilit membru tal-grupp tista' tisfida deċiżjoni tal-awtorità fiskali prinċipali fir-rigward tal-avviż ta' għażla jew ta' valutazzjoni emendata quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali. Il-kwistjonijiet bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet fiskali għandhom jiġu ttrattati minn organu amministrattiv li jkun kompetenti biex jisma' l-appelli fl-ewwel istanza skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità fiskali prinċipali.
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Premessa 23a (ġdida)
(23a)  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi forum ġdid dwar il-BKKTK , simili għall-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment (JTPF), li lilu l-kumpaniji u l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreferu d-domandi u t-tilwim relatati mal-BKKTK. Dan il-forum għandu jkun jista' jagħti direzzjoni lill-kumpaniji u lill-Istati Membri.
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Premessa 27a (ġdida)
(27a)  Din id-Direttiva fiha approċċ radikalment ġdid għal komponent essenzjali ta' tassazzjoni korporattiva. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tmexxi analiżi bir-reqqa u valutazzjoni indipendenti hekk kif dan jista' jsir b'mod sinifikanti. Minħabba ċ-ċiklu inerenti għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tassazzjoni korporattiva, l-ebda valutazzjoni serja ma tista' ssir matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. L-analiżi u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi eżami tal-punti li ġejjin: il-karattru fakultattiv tal-BKKTK, ir-restrizzjoni tal-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-formola għall-kalkolu tat-tqassim, u kunsiderazzjonijiet ta' prattiċità tar-regoli għall-SMEs flimkien mal-impatt fuq id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri.
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Artikolu 6a (ġdid)
Artikolu 6 a

Kumpaniji Ewropej u Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej

Minn ... *, Kumpaniji Ewropej u Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej eliġibbli, kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Anness I, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kumpaniji li għażlu li japplikaw din id-Direttiva.

*L-ewwel jum tax-xahar wara sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Artikolu 6b (ġdid)
L-Artikolu 6b

Applikazzjoni għal kumpaniji eliġibbli oħra

Minn ... *, kumpaniji eliġibbli minbarra impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE , għandhom japplikaw din id-Direttiva .

*L-ewwel jum tax-xahar wara ħames snin wara d-data ta “applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Emenda 23
Proposta għal direttiva
Artikolu 12 – paragrafu 1
L-ispejjeż deduċibbli għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli li jkun għamel il-kontribwent biex jikseb jew jassigura d-dħul, inklużi l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ispejjeż magħmula fil-kisba tal-ekwità jew id-dejn għall-finijiet tan-negozju.

L-ispejjeż deduċibbli għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli li jkun għamel il-kontribwent biex jikseb jew jassigura d-dħul, inklużi l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ispejjeż magħmula fil-kisba tal-ekwità jew id-dejn għall-finijiet tan-negozju. L-ispejjeż rikorrenti relatati mal-ħarsien tal-ambjent u mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom ukoll ikunu meqjusa bħala spejjeż deduċibbli.

Emenda 24
Proposta għal direttiva
Artikolu 14 – paragrafu 1 – punt j
(j) it-taxxi elenkati fl-Anness III, bl-eċċezzjoni tad-dazji tas-sisa imposti fuq il-prodotti tal-enerġija, l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, u t-tabakk immanifatturat.
(j) it-taxxi elenkati fl-Anness III.
Emenda 25
Proposta għal direttiva
Artikolu 30 – paragrafu 1 – punt c
(c) il-provvedimenti tekniċi tal-impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 91/674KEE għandhom ikunu deduċibbli, bl-eċċezzjoni tal-provvedimenti ta' ugwalizzazzjoni. Stat Membru jista' jipprovdi għat-tnaqqis tal-provvedimenti ta' ugwalizzazzjoni. Fil-każ ta' grupp, kwalunkwe tnaqqis bħal dan fil-provvedimenti ta' ugwalizzazzjoni għandu jiġi applikat għas-sehem imqassam tal-membri tal-grupp residenti jew sitwati f'dak l-Istat Membru. L-ammonti mnaqqsa għandhom jiġu riveduti u aġġustati fit-tmiem ta' kull sena fiskali. Meta tiġi kkalkulata l-bażi għat-taxxa fis-snin futuri, għandhom jiġu kkunsidrati l-ammonti li jkunu diġà tnaqqsu.
(c) il-provvedimenti tekniċi tal-impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 91/674/KEE għandhom ikunu deduċibbli, bl-eċċezzjoni tal-provvedimenti ta' ugwalizzazzjoni. Stat Membru li, f'konformità mal-Artikolu 62 tad-Direttiva 91/674/KEE, ikun introduċa r-rekwiżit fil-liġi kummerċjali ta' dispożizzjonijiet ta' ekwalizzazzjoni għandu jipprovdi wkoll il-possibbiltà li tali dispożizzjonijiet jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa. Fil-każ ta' grupp, kwalunkwe tnaqqis bħal dan fil-provvedimenti ta' ugwalizzazzjoni għandu jiġi applikat għas-sehem imqassam tal-membri tal-grupp residenti jew sitwati f'dak l-Istat Membru. L-ammonti mnaqqsa għandhom jiġu riveduti u aġġustati fit-tmiem ta' kull sena fiskali. Meta tiġi kkalkulata l-bażi għat-taxxa fis-snin futuri, għandhom jiġu kkunsidrati l-ammonti li jkunu diġà tnaqqsu.
Emenda 26
Proposta għal direttiva
Artikolu 48
Meta kontribwent ikun ġarrab telf qabel daħal fis-sistema prevista minn din id-Direttiva, li seta' jiġi riportat skont il-liġi nazzjonali applikabbli iżda li jkun għadu ma ġiex paċut kontra l-profitti taxxabbli, dak it-telf jista' jitnaqqas mill-bażi għat-taxxa safejn previst skont il-liġi nazzjonali.

Meta kontribwent ikun ġarrab telf qabel daħal fis-sistema prevista minn din id-Direttiva, li seta' jiġi riportat skont il-liġi nazzjonali applikabbli iżda li jkun għadu ma ġiex paċut kontra l-profitti taxxabbli, dak it-telf jista' jitnaqqas mill-parti tal-bażi tat-taxxa ntaxxata fl-Istat Membru li fih kienet tapplika l-liġi nazzjonali applikabbli preċedenti safejn previst skont il-liġi nazzjonali.

Emenda 27
Proposta għal direttiva
Artikolu 73 – paragrafu 1 – punt a
(a) taxxa fuq il-profitti, skont ir-reġim ġenerali f'dak il-pajjiż terz, b'rata statutorja ta' taxxa korporattiva iżjed baxxa minn 40% tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri;
(a) taxxa fuq il-profitti, skont ir-reġim ġenerali f'dak il-pajjiż terz, b'rata statutorja ta' taxxa korporattiva iżjed baxxa minn 70 % tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri;
Emenda 28
Proposta għal direttiva
Artikolu 80 – paragrafu 1
It-tranżazzjonijiet artifiċjali li jsiru għall-iskop biss li tiġi evitata t-taxxa għandhom jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa.

It-tranżazzjonijiet artifiċjali li jsiru prinċipalment għall-iskop li tiġi evitata t-taxxa għandhom jiġu injorati fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa.

Emenda 29
Proposta għal direttiva
Artikolu 82 – paragrafu 1 – punt b
(b) bir-reġim ġenerali fil-pajjiż terz, il-profitti jkunu taxxabbli b'rata tat-taxxa korporattiva statutorja iżjed baxxa minn 40% tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri, jew l-entità tkun suġġetta għal reġim speċjali li jippermetti livell konsiderevolment aktar baxx ta' tassazzjoni minn dak tar-reġim ġenerali;
(b) bir-reġim ġenerali fil-pajjiż terz, il-profitti jkunu taxxabbli b'rata tat-taxxa korporattiva statutorja iżjed baxxa minn 70 % tar-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja applikabbli fl-Istati Membri, jew l-entità tkun suġġetta għal reġim speċjali li jippermetti livell konsiderevolment aktar baxx ta' tassazzjoni minn dak tar-reġim ġenerali;
Emenda 30
Proposta għal direttiva
Artikolu 86 – paragrafu 1 – parti introduttorja
1.  Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f'kull sena fiskali fuq il-bażi ta' formula għat-tqassim. Sabiex tistabbilixxi s-sehem imqassam ta' membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, billi tagħti piż indaqs lill-fatturi tal-bejgħ, tal-ħaddiema u tal-assi:
1.  Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f'kull sena fiskali fuq il-bażi ta' formula għat-tqassim. Sabiex tistabbilixxi s-sehem imqassam ta' membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, billi tkopri l-fatturi tal-bejgħ, tal-ħaddiema u tal-assi:
Emenda 31
Proposta għal direttiva
Artikolu 86 – paragrafu 1 – formola
20120419-P7_TA(2012)0135_MT-p0000001.fig
20120419-P7_TA(2012)0135_MT-p0000003.fig
Emenda 32
Proposta għal direttiva
Artikolu 110 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.  Il-Kummissjoni għandha tfassal format uniformi tad-dikjarazzjoni tat-taxxa b'kooperazzjoni mal-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri.
Emenda 33
Proposta għal direttiva
Artikolu 122 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
1.  L-awtorità fiskali prinċipali tista' tibda u tikkoordina verifiki ta' membri ta' grupp. Tista' tinbeda verifika wkoll fuq talba ta' awtorità kompetenti.
1.  L-awtorità fiskali prinċipali tista' tibda u tikkoordina verifiki ta' membri ta' grupp. Tista' tinbeda verifika wkoll fuq talba ta' awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' residenza tal-membru tal-grupp fl-Istat Membru fejn ġie stabbilit il-membru tal-grupp.
Emenda 34
Proposta għal direttiva
Artikolu 123a (ġdid)
Artikolu 123a

Forum BKKTK:

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi forum ġdid dwar il-BKKTK , li lilu l-kumpaniji u l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreferu d-domandi u t-tilwim relatati mal-BKKTK. Dak il-forum għandu jkun jista' jagħti direzzjoni lill-kumpaniji u lill-Istati Membri

Emenda 35
Proposta għal direttiva
Artikolu 130
Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-adozzjoni ta' atti delegati mill-Kummissjoni ta' kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew ir-revoka tad-delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill.

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-adozzjoni ta' atti delegati mill-Kummissjoni ta' kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, jew ir-revoka tad-delegazzjoni tas-setgħat mill-Kunsill. Kwalunkwe valutazzjoni futura tal-istrument għandha tiġi komunikata lill-membri tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.

Emenda 36
Proposta għal direttiva
Artikolu 132 a (ġdid)
Artikolu 132 a

SMEs transkonfinali

Sa ... *, il-Kummissjoni għandha tipprevedi strument li jippermetti lill-SMEs involuti f' attivitajiet transkonfinali li jagħżlu li jkunu parti minn skema tal-BKKTK fuq bażi volontarja.

* ĠU: Jekk jogħġbok daħħal l-ewwel jum tax-xahar wara sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Emenda 37
Proposta għal direttiva
Artikolu 133
Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, tirrevedi l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari jinkludi analiżi tal-impatt tal-mekkaniżmu mwaqqaf fil-Kapitolu XVI ta' din id-Direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-bażijiet tat-taxxa bejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha sa ...*, teżamina l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjoni tagħha. Ir-rapport għandu jinkludi inter alia, analiżi, ibbażata fuq valutazzjoni indipendenti, ta'

(a) l-impatt tal-mekkaniżmu mwaqqaf fil-Kapitolu XVI ta' din id-Direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-bażijiet tat-taxxa bejn l-Istati Membri u l-impatt fuq d-dħul tagħhom mit-taxxa.
(b) l-użu minn u l-prattikabbiltà ta' din id-Direttiva għall-SMEs;
(c) il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li s-sistema ssir fakultattiva għal SMEs;
(d) l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi ta' din id-Direttiva, inkluż l-impatt fuq l-operazzjonijiet globali ta' kumpaniji u fuq il-kompetittività tal-kumpaniji eliġibbli u mhux eliġibbli;
(e) l-impatt fuq ġbir tat-taxxa ġusta u leali fl-Istati Membri;.
(f) il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-introduzzjoni ta' rati tat-taxxa minimi.
Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex temenda din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-2020. Sa ...**, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konsegwenzi potenzjali ta' din id-Direttiva fis-suq intern u, b'mod partikolari, dwar id-distorsjonijiet potenzjali fil-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji soġġetti għall-arranġamenti stipulati f'din id-Direttiva u dawk li ma jissodisfawx il-kriterji għall-finijiet tal-konsolidament.

*L-ewwel jum tax-xahar wara ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
** L-ewwel jum tax-xahar wara sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
Emenda 38
Proposta għal direttiva
Anness 3 – titolu 5 – entrata 4
Versicherungsteuer

imħassar
Avviż legali - Politika tal-privatezza