Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2619(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0214/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/04/2012 - 10.6
CRE 20/04/2012 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0143

Testi adottati
PDF 293kWORD 56k
Il-Ġimgħa, 20 ta' April 2012 - Strasburgu
Is-sigurtà legali tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea
P7_TA(2012)0143RC-B7-0214/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar iċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea (2012/2619(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta l-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (Regolament ta' eżenzjoni tal-osservanza ta' regoli ġodda) (COM(2010)0344),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew”, (COM(2010)0343),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Eurolat tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-WTO tat-30 ta' Marzu 2012 dwar il-politiki u l-prattiki restrittivi tal-Arġentina rigward l-importazzjonijiet(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-G20 ta' Washington (15 ta' Novembru 2008), Londra (2 ta' April 2009), Pittsburgh (25 ta' Settembru 2009), Toronto (26 ta' Ġunju 2010), Seul (12 ta' Novembru 2010) u Cannes (4 ta' Novembru 2011), li fihom impenji biex jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti ffirmata bejn l-Arġentina u Spanja u għadd ta' Stati Membri tal-UE oħrajn,

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni interreġjonali bejn l-UE u Mercosur, u partikolarment iż-żona ta' kummerċ ħieles,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-sħubija strateġika tal-UE mal-Amerika Latina(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jistabblixxi li l-investimenti Ewropej f'pajjiżi terzi jikkostitwixxu element fundamentali tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jiffurmaw parti intrinsika tal-politika ta' azzjoni esterna u billi skont it-Trattat ta' Lisbona l-investiment barrani dirett (IBD) huwa kompetenza esklużiva tal-UE, kif minqux fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-Tratatt dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

B.  billi l-Unjoni bdiet teżerċita tali kompetenza fin-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehimiet ta' investiment mal-Indja, Singapor u l-Kanada, u għal proposti għal mandati ta' negozjati mal-Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Eġittu;

C.  billi l-investiment se jkun it-tema ċentrali fis-samit UE-LAC li jmiss li se jsir f'Santjago fiċ-Ċilì f'Jannar 2013;

D.  billi l-investimenti tal-UE fl-Arġentina huma mħarsa mill-ftehimiet bilaterali ta' investiment tal-Istati Membri, meta jeżistu, u billi 18-il Stat Membru tal-UE attwalment għandhom fis-seħħ ftehimiet mal-Arġentina;

E.  billi l-gvern tar-Repubblika Arġentina ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jibgħat abbozz ta' liġi lill-Kungress tiegħu sabiex jikkonvalida l-esproprjazzjoni ta' 51 % tal-ishma tal-korporazzjoni fis-settur tal-idrokarburi YPF, li l-kapital tagħha huwa detenut f'maġġoranza minn kumpanija Ewropea, li l-maġġoranza tal-ishma tagħha jikkostitwixxu speċifikament l-oġġett tal-esprorjazzjoni proposta;

F.  billi t-tħabbira msemmija hawn fuq kienet akkumpanjata mit-teħid effettiv u immedjat tal-pussess tas-sede prinċipali tal-kumpanija min-naħa tal-awtoritajiet tal-gvern federali Arġentin, u keċċew lid-diriġenti leġittimi u lill-persunal deżinjat tal-impriża msemmija mill-uffiċini;

G.  billi f'dawn l-aħħar xhur, il-kumpanija kienet fil-mira ta' kampanja pubblika ta' vessazzjonijiet li, flimkien ma' bosta deċiżjonijiet amministrattivi, irriżultat f'telf ta' valur tal-ishma tagħha b'riperkussjonijiet għall-azzjonisti tagħha u għall-kumpaniji assoċjati magħha;

H.  billi, qabel din it-tħabbira, il-Gvern Spanjol u YPF-Repsol ippruvaw isibu soluzzjoni negozjata iżda l-Gvern Arġentin ma segwiex dan l-objettiv;

I.  billi kumpaniji Ewropej oħrajn jistgħu jintlaqtu minn azzjonijiet analogi jew minn indħil politiku fis-suq ħieles min-naħa tal-awtoritajiet Arġentini;

J.  billi r-Repubblika Arġentina, bħala membru sħiħ ta' Mercosur, qiegħda tipparteċipa fin-negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE;

K.  billi, minkejja dawn in-negozjati, il-Kummissjoni kkonstatat fir-Rapporti dwar Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment li l-Arġentina adottat għadd ta' miżuri protezzjonistiċi li kkawżaw deterjorament fil-klima kummerċjali għall-investituri tal-UE fl-Arġentina;

L.  billi f'bosta okkażjonijiet il-Kummissjoni Ewropea esprimiet it-tħassib tagħha lid-WTO fir-rigward tan-natura u l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi applikati għall-importazzjonijiet mill-Gvern Arġentin, li laqtu għadd dejjem akbar ta' pajjiżi li jagħmlu parti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

M.  billi r-Repubblika Arġentina tradizzjonalment ibbenefikat mis-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) konċessa unilateralment mill-UE;

N.  billi l-Arġentina, bħala membru tal-G20, impenjat ruħha f'kull samit tal-G20 favur il-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu u ż-żamma ta' swieq miftuħa għall-kummerċ u l-investimenti;

1.  Jiddeplora d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Arġentin biex jipproċedi bl-esproprjazzjoni tal-maġġoranza tal-ishma ta' kumpanija Ewropea u b'hekk injora soluzzjoni negozjata; isostni li din tirrappreżenta deċiżjoni unilaterali u arbitrarja li tinvolvi attakk fuq l-eżerċizzju ta' impriża libera u l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika, b'hekk ikkawżaw deterjorament tal-kuntest għall-investimenti għall-impriżi tal-UE fl-Arġentina;

2.  Josserva li tali deċiżjoni tolqot mhux biss impriża waħda fis-settur iżda biss parti tal-ishma tagħha, li tista' titqies bħala diskriminatorja;

3.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni billi din tirrappreżenta l-inadempjenza tal-obbligi fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali; iwissi dwar l-effetti negattivi li tali miżuri jistgħu jkollhom, bħal diżinvestiment internazzjonali u konsegwenzi negattivi għall-Arġentina fil-komunità internazzjonali;

4.  Ifakkar li l-objettiv tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u Mercosur huwa l-introduzzjoni ta' qafas għall-integrazzjoni ekonomika u d-djalogu politiku bejn iż-żewġ blokki biex jinkiseb l-ogħla livell ta' progress u prosperità għaż-żewġ reġjuni, u jqis li biex tali negozjati jirnexxu ż-żewġ naħat iridu jidħlu għat-taħdidiet bi spirtu ta' ftuħ u ta' fiduċja reċiproka; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li deċiżjoni bħal dik meħuda mill-awtoritajiet Arġentini jistgħu jikkawżaw tensjonijiet fil-klima ta' fehim u ħbiberija meħtieġa biex tali ftehim jintlaħaq;

5.  Jiddispjaċih li l-Arġentina ma rrispettatx dan il-prinċipju u introduċiet bosta miżuri restrittivi għall-kummerċ u l-investiment, bħal ostakoli non-tariffarji, li xekklu l-impriżi tal-UE u l-kummerċ globali mal-Arġentina;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi għal tali restrizzjonijiet billi tirrikorri għal kull strument ta' riżoluzzjoni tat-tilwim disponibbli fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-G20 u tikkoopera ma' pajjiżi oħra li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli diskriminatorji simili għall-kummerċ u l-investimenti;

7.  Jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni jagħmlu kull sforz mal-awtoritajiet Arġentini biex jiddefendu l-interessi tal-Unjoni u jissalvagwardaw il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika li tiggarantixxi l-preżenza Ewropea u l-investiment tal-Ewropa f'dan il-pajjiż tal-Amerika t'Isfel, bil-għan li terġa' tinqabad it-triq tad-djalogu;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jeżaminaw u jadottaw kull miżura meħtieġa għas-salvagwardja tal-interessi Ewropej bil-għan li jevitaw li jerġgħu jinqalgħu tali sitwazzjonijiet, inkluża s-sospensjoni parzjali possibbli tal-preferenzi tariffarji unilaterali fl-ambitu tal-iskema SPĠ;

9.  Ifakkar fil-ħbiberija profonda bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina, li magħha tikkondividi valuri u prinċipji komuni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Arġentini jmorru lura għat-triq tad-djalogu u tan-negozjati bħala l-aktar mod xieraq biex jissolvew diverġenzi possibbli bejn sħab kummerċjali u pajjiżi li tradizzjonalment huma ħbieb;

10.  Jilqa' favorevolment id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, li tikkundanna l-azzjoni tal-Gvern Arġentin u t-tħassir tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni UE-Arġentina; iħeġġeġ lill-Kummissarju De Gucht u lir-Rappreżentant Għoli Ashton jużaw kull possibilità diplomatika għad-dispożizzjoni biex isolvu din is-sitwazzjoni mal-kontropartijiet Arġentini tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-kollegi tagħhom fil-fora internazzjonali bħall-G20 u d-WTO biex jinkiseb kunsens kontra l-azzjonijiet tal-Gvern Arġentin;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Arġentina u lill-membri tal-Kunsill ta' Mercosur.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0141.
(2) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0565.
(4) http://www.europarl.europa.eu/intcoop/eurolat/assembly/plenary_sessions/montevideo_2011/resolutions/trade_en.pdf
(5) http://eeas.europa.eu/delegations/wto/documents/press_corner/2012_03_30_joint_statement_argentina.pdf
(6) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.

Avviż legali - Politika tal-privatezza