L-impatt fuq l-għoti ta' għajnuna tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-Kummissjoni mill-kwartieri ġenerali tagħha għad- delegazzjonijiet tagħha
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-impatt fuq l-għoti ta' għajnuna tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-Kummissjoni mill-kwartieri ġenerali tagħha għad-delegazzjonijiet tagħha (2011/2192(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “L-objettiv prinċipali tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw'”,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tal-2000, b'referenza partikulari għat-tmien għan ta' żvilupp tal-Millennju,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Evaluation of Devolution Process: Final Report” (SEC(2004)0561),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar id-devoluzzjoni(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar ir-Rapport Speċjali Nru 1/2011: Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha, rriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-UE għar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-effikaċja tal-għajnuna (HLF-4, Busan, 29 ta' Novembru – 1 ta' Diċembru 2011),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 1/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha, irriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?,
– wara li kkunsidra l-paragrafi 122 u 123 tal-Kunsens Ewropew għall-iżvilupp, dwar il-progress ta' riformi relatati mal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-komplementarjetà u t-tqassim tax-xogħol f'politiki dwar l-iżvilupp,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-effikaċja tal-għajnuna, l-Aġenda ta' Accra għall-azzjoni tal-2008 u s-Sħubija ta' Busan għall-kooperazzjoni ta' żvilupp effikaċi tal-2011,
– wara li kkunsidra r-reviżjoni minn pari tal-Komunità Ewropea tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC) tal-2007,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD/DAC tal-2008 bit-titolu “Effective Aid Management: Twelve lessons from DAC Peer Reviews”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0056/2012),
A. billi approċċ deċentralizzat għall-għoti tal-għajnuna jqarreb it-teħid tad-deċiżjonijiet lejn ir-realtajiet tat-twassil u lejn il-lok fejn isseħħ koordinazzjoni effiċjenti tad-donaturi u armonizzazzjoni, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal sjieda lokali;
B. billi l-objettiv aħħari tad-devoluzzjoni u tar-riforma usa' tal-għajnuna esterna mmexxija mill-Kummissjoni huwa li titjieb ir-rapidità, ir-reqqa tal-proċeduri ta' ġestjoni finanzjarja u l-kwalità tal-għajnuna f'pajjiżi sħab;
C. billi l-konklużjoni ġenerali tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri hija li d-devoluzzjoni kkontribwixxiet lejn twassil aħjar tal-għajnuna u li r-rapidità tat-twassil tal-għajnuna tjieb, bħar-reqqa tal-proċeduri finanzjarji, iżda għad hemm lok konsiderevoli għal titjib;
D. billi fadal tliet snin sal-iskadenza tal-għanijiet ta' żvilupp tal-Millenju, se tkun meħtieġa żieda sostanzjali fil-kapaċità tal-UE li twassal l-għajnuna kif ukoll fil-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi riċevituri;
E. billi 74 % tal-għajnuna esterna tal-UE mill-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) titmexxa direttament permezz ta' 136 delegazzjoni tal-UE;
F. billi l-Aġenda għall-Bidla rrikonoxxiet il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' attivitajiet ta' żvilupp u ż-żieda fl-effiċjenza u fl-effikaċja tagħhom;
G. billi r-riorganizzazzjoni reċenti fi ħdan il-Kummissjoni u l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għadha ma ġġeneratx iż-żieda mistennija fl-effiċjenza ġenerali u fil-koerenza tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;
H. billi d-delegazzjonijiet, bil-ħolqien tas-SEAE, ġew sfurzati li jieħdu kompetenzi addizzjonali bħad-diplomazija, l-informazzjoni/komunikazzjoni u l-politiki ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, filwaqt li xorta kellhom jindirizzaw l-isfidi eżistenti ta' nuqqas ta' koordinazzjoni, koerenza u riżorsi;
I. billi l-għajnuna mmexxija mid-delegazzjonijiet individwali tibqa' tkopri firxa wiesgħa ta' oqsma, u dan joħloq aktar pressjoni fuq ir-riżorsi li jinsabu fil-livell ta' delegazzjoni;
J. billi regolamenti u proċeduri komplikati jistgħu jxekklu l-użu tas-sistemi tal-pajjiż u l-programmazzjoni konġunta, kif ukoll billi fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp l-użu ta' Oqfsa ta' Programmazzjoni Multiannwali huwa rakkomandat;
K. billi l-appoġġ tal-baġit ġenerali u settorjali hija l-modalità għall-għajnuna l-aktar xierqa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' transazzjoni għall-pajjiżi sħab, għax tiffoka aktar strettament fuq il-kwalità tal-għajnuna, in-natura tas-sħubija, u l-bżonnijiet tal-pajjiżi sħab;
L. billi l-proċess ta' devoluzzjoni għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu fuq livell ta' Stat Membru sabiex jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar fejn l-aġenziji qegħdin jippjanaw li jonfqu l-baġits tagħhom, sabiex l-għajnuna ssir aktar immirata u jkun possibbli li jiġu identifikati lakuni fir-riżorsi u opportunitajiet ta' finanzjament f'pajjiżi individwali;
M. billi r-riforma tal-għajnuna esterna tal-UE għandha tintuża bħala turija ta' kif l-impatt tal-għajnuna qiegħed itejjeb il-ħajja tal-persuni l-foqra, kemm bi tweġiba għat-tkabbir fl-appoġġ tal-pubbliku Ewropew għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp bħala mezz għall-qerda tal-faqar u għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp tal-Millenju, kif ukoll fid-dawl tal-fatti li jikkonfutaw ix-xettiċiżmu fil-konfront tal-effikaċja tal-għajnuna;
N. billi ż-żjarat fuq il-post fil-qafas tar-reviżjoni minn pari mill-OECD/DAC juru b'mod regolari li l-persunal lokali jħoss li mhuwiex utilizzat biżżejjed jew li mhuwiex integrat bis-sħiħ fit-tim ta' donaturi lokali;
1. Jilqa' l-konklużjonijiet ġenerali tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha sabiex iżżid l-effikaċja tat-twassil ta' għajnuna;
2. Jilqa' r-rapport komprensiv ħafna u analitiku mħejji mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll il-kalendarju eċċellenti tal-valutazzjoni tar-riżultati tal proċess ta' devoluzzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kwartieri tagħha jkollhom biżżejjed kapaċità u riżorsi umani sabiex jipprovdu appoġġ adegwat għad-delegazzjonijiet permezz tad-Direttorat għall-operazzjonijiet ta' kwalità;
4. Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, jinħtieġu sforzi addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-mod li bih tevalwa l-kwalità u r-riżultat tal-interventi tagħha; huwa tal-fehma li dan għandu jwassal biex jingħata rendikont finanzjarju aħjar tal-interventi finanzjarji tal-UE u għandu jiżgura aktar viżibilità għall-azzjonijiet tagħha;
5. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkomplementa l-kriterji u ssaħħaħ il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-proġetti ffinanzjati biex iżżid il-kwalità tal-għajnuna u tkompli tnaqqas in-numru ta' proġetti bi prestazzjoni negattiva; jinnota li l-impatt tal-infiq fuq għajnuna huwa ta' importanza fundamentali għall-Parlament;
6. Jinsab imħasseb li tul il-perjodu bejn l-2005 u l-2008 l-kompożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjonijiet inbidlet għal waħda b'funzjonijiet diretti aktar lejn il-politika u l-kummerċ u jistieden lill-Kummissjoni ssib bilanċ xieraq fil-persunal tad-delegazzjonijiet bejn il-ġestjoni tal-għajnuna u funzjonijiet oħra;
7. Iqis li r-rata għolja ta' tibdil fl-istaff fid-delegazzjonijiet hija inaċċettabbli (40 % tal-istaff tal-Kummissjoni huma aġenti kuntrattwali), għaliex ħafna tibdil idgħajjef il-memorja istituzzjonali u jaffettwa b'mod negattiv l-effiċjenza tal-operazzjonijiet;
8. Jinnota li, 6 % tal-impenji fil-baġit disponibbli għall-2006 ma kinux ikkuntrattati sal-2009 u għaldaqstant intilfu, skont ir-regola D+3; jitlob li dan il-perċentwal jitnaqqas, u jixtieq ikun infurmat bil-perċentwali u l-ammonti rilevanti għall-2010 u l-2011;
9. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jindirizzaw b'mod speċifiku l-oqsma identifikati mill-verifika, b'mod partikulari t-tgħabija tax-xogħol fid-delegazzjonijiet, l-adegwatezza tal-livelli ta' riżorsi umani fost id-delegazzjonijiet u l-bilanċ tal-persunal tad-delegazzjonijiet bejn il-ġestjoni tal-għajnuna u funzjonijiet oħra;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-promozzjoni tal-konsultazzjoni lokali, fejn ikun possibbli, meta tiddeċiedi dwar proġetti ta' għajnuna u meta tissorvelja l-progress tagħhom;
11. Jemmen li sabiex il-politika għall-iżvilupp tal-UE ssir aktar koerenti u aktar effikaċi, is-servizzi tal-Kummissjoni fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu fit-tfassil u jkunu quddiemnett fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-għajnuna għall-iżvilupp; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li taħtar punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) f'kull delegazzjoni biex jimmonitorjaw l-impatt tal-politiki tal-UE fil-livell ta' pajjiżi sħab;
12. Jindika li għandu jkun ikkunsidrat l-użu tal-għarfien espert lokali u l-persunal attwali tad-delegazzjonijiet tal-UE li għandhom jirsistu lejn involviment akbar fis-soċjetajiet lokali, sabiex jitnaqqas id-distakk fl-għarfien u biex jiġi żgurat fehim preċiż tal-ambjent lokali li joperaw fih;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex toffri u tipproponi b'mod aktar sistematiku taħriġ legali u finanzjarju għall-persunal lokali, bil-għan li tottimizza l-ġestjoni tal-għajnuna tal-UE u tiżgura governanza tajba fit-terminu medju fil-livell tal-awtorità lokali;
14. Jemmen li kemm il-mandat u kemm il-kompetenzi tas-SEAE fil-kooperazzjoni tal-iżvilupp għadhom mhux ċari, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa sabiex din is-sitwazzjoni tissolva; jinnota bi tħassib f'dan ir-rigward, li s-separazzjoni bejn il-kompiti politiċi u amministrattivi tas-SEAE u l-kompiti għall-ġestjoni tal-għajnuna tal-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' inkonsistenzi possibbli fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi;
15. Jenfasizza, f'konformità mad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-SEAE, li l-persunal kollu kemm hu li jaħdem f'delegazzjoni jkun taħt l-awtorità tal-kap tad-delegazzjoni, ladarba dan hu l-uniku mod li bih tista' tiġi żgurata, f'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE f'pajjiż speċifiku;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jirrakkomandaw tnaqqis fin-numru ta' oqsma ta' intervent, skont il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-komplementarjetà u t-tqassim tax-xogħol u l-Aġenda għall-Bidla;
17. Jemmen li l-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej tal-iżvilupp għandhom jiffukaw aktar fuq il-faqar u jkunu aktar flessibbli fir-rigward tal-approċċ u l-operat tagħhom, u li għandhom jiġu inkoraġġiti wkoll aktar responsabbiltà u trasparenza u valur aħjar għall-flus fir-rigward tal-kisba ta' riżultati ċari;
18. Jistenna li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tegħleb id-dgħufijiet tas-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll, notevolment fil-livell ta' delegazzjonijiet kif indikat mill-Qorti; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-kumitati kompetenti tal-Parlament sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2012 dwar il-miżuri li tkun ħadet;
19. Jinnota l-kritika mill-Qorti tal-Awdituri(3) tar-relazzjoni ta' ħidma bejn il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tagħha għall-ġestjoni tal-għajnuna esterna; jitlob li l-proċessi inkwistjoni jiġu vvalutati u ssimplifikati bil-għan li titnaqqas il-burokrazija interna, u jitressaq rapport lill-Parlament dwar l-azzjoni li ttieħdet;
20. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tirrikjedi li d-delegazzjonijiet iwettqu sistematikament żjarat ta' sorveljanza teknika u finanzjarja lill-proġetti u tiffoka s-sistema ta' rappurtar intern iktar fuq ir-riżultati miksuba mill-interventi ta' għajnuna;
21. Jistieden lill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni attiva tad-delegazzjonijiet, tanalizza u tidentifika l-possibilitajiet ta' ingranaġġ tal-programmi ta' għajnuna fil-pajjiżi sħab, bl-involviment tal-BEI kif ukoll tal-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali Ewropej li jiffinanzjaw l-iżvilupp;
22. Jistieden lill-Kummissjoni turi kif devoluzzjoni ulterjuri tar-responsabbiltajiet finanzjarji u tar-riżorsi umani mill-kwartieri tal-Kummissjoni għad-delegazzjonijiet tista' żżid fil-valur billi ttejjeb id-djalogu u l-koordinazzjoni u l-programmazzjoni tal-għajnuna tal-UE fil-post;
23. Jenfasizza li la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri m'għandhom jużaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja kurrenti sabiex jiġġustifikaw approċċ “nagħmlu aktar b'inqas” li jinvolvi ż-żamma f'limiti jew tnaqqis fil-livell ta' persunal f'aġenziji tal-għajnuna bilaterali;
24. Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-ogħla standards tal-professjonalità fost il-persunal li qed jaħdem fuq il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, kemm fil-Kummissjoni kif ukoll fid-delegazzjonijiet tal-UE u l-aġenzi ta' għajnuna bilaterali;
25. Jemmen li, fl-interess tal-implimentazzjoni bla intoppi tal-baġit tal-UE, il-kapijiet ta' delegazzjoni għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw il-ġestjoni tal-infiq amministrattiv ta' delegazzjoni lid-deputati tagħhom u li r-regolament finanzjarju, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi rivedut kif xieraq;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar sabiex jittejbu r-rabtiet bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-aġenziji bilaterali u l-gvernijiet sħab u gruppi ta' żvilupp oħrajn bħal gruppi ta' riflessjoni, universitajiet, fundazzjonijiet, NGOs u awtoritajiet subnazzjonali, billi rabtiet akbar jimmassimizzaw il-vantaġġi komparattivi tal-proċess ta' devoluzzjoni u tal-atturi differenti fi ħdan il-kuntest nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata ripetizzjoni inutli tal-isforzi;
27. Jitlob li jiġi żgurat, li tul il-proċess tad-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna tal-UE mis-servizzi ċentralizzati għad-delegazzjonijiet, il-Parlament iżomm is-setgħat tiegħu ta' monitoraġġ u skrutinju;
28. Jilqa' r-rimarka tal-Qorti tal-Awdituri li r-rwol tas-SEAE fil-qasam tal-protezzjoni konsulari għandu jiġi analizzat aktar;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE.