Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2307(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0101/2012

Testi mressqa :

A7-0101/2012

Dibattiti :

PV 20/04/2012 - 7
CRE 20/04/2012 - 7

Votazzjonijiet :

PV 20/04/2012 - 10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0146

Testi adottati
PDF 474kWORD 180k
Il-Ġimgħa, 20 ta' April 2012 - Strasburgu
L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020
P7_TA(2012)0146A7-0101/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (2011/2307(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244),

–  wara li kkunsidra l-viżjoni 2050 u l-objettiv ewlieni tal-2020 adottati mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE f'Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-21 ta' Ġunju u d-19 ta' Diċembru 2011 dwar l-“Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari r-riżultat tal-10 Konferenza tal-Partijiet (COP 10) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, b'mod partikolari l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-objettivi Aichi, il-Protokoll Nagoya dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom u strateġija biex jiġu mmobilizzati r-riżorsi għall-bijodiversità dinjija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u l-Konvenzjoni dwar l-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Il-PAK fid-dawl tal-2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” (COM(2010)0672) u l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PAK wara l-2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bl-isem “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500) flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Strateġiku 2014-2020,

–  wara li kkunsidra ir-Rapport Kompost dwar l-Istatus ta' Konservazzjoni ta' Tipi u Speċiijiet ta' Ħabitats kif mitlub skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (COM(2009)0358),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li għandha l-għan li tikkonserva l-bijodiversità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 bl-isem “Il-PAK fid-dawl tal-2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”(3),

–  wara li kkunsidra id-dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Finanzjament ta' Natura 2000 – Ninvestu f'natura 2000: inwasslu l-benefiċċji għan-natura u n-nies” (SEC(2011)1573),

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem “L-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità (TEEB)”(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għas-Sajd (A7-0101/2012),

A.  billi l-UE naqset milli tilħaq l-objettiv tagħha tal-bijodiversità 2010;

B.  billi n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2010–2020 bħala d-Deċennju dwar il-Bijodiversità;

C.  billi l-bijodiversità hi essenzjali għall-eżistenza tal-ħajja tal-bniedem u l-benessri tas-soċjetajiet, kemm direttament kif ukoll indirettament permezz tal-ekosistemi li tipprovdi – pereżempju l-benefiċċji li jirriżultaw biss min-netwerk Natura 2000 tal-Unjoni Ewropea ta' żoni protetti waħedhom huma stmati li jammontaw għal EUR 200–300 biljun, b'total ta' madwar 4,5 sa 8 miljuni impjiegi ekwivalenti full-time li huma sostnuti min-nefqa tal-viżitaturi f'dawn is-siti u madwarhom;

D.  billi t-telf tal-bijodiversità bħalissa qed inaqqas il-PDG globali bi 3 % kull sena;

E.  billi kważi 65 % tat-tipi ta' ħabitat u 52 % tal-ispeċijiet imniżżla fl-Annessi tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għandhom status ta' konservazzjoni mhux favorevoli;

F.  billi 88 % tal-istokkijiet tal-ħut li jiġu maqbuda jaqbżu mill-qabda massima sostenibbli;

G.  billi l-fruntieri tal-Ewropa diġà ġew invażi b'iżjed minn 11 000 speċi aljena, li mill-inqas 15 % minnhom huma invażivi u ta' ħsara għall-bijodiversità;

H.  billi l-bdiewa jwettqu rwol essenzjali fil-kisba tal-objettivi ta' bijodiversità tal-UE; billi fl-1992 ingħata impetu inizjali għall-inkorporazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità fil-politika agrikola komuni (PAK), u billi r-riforma tal-2003 sussegwentement introduċiet miżuri bħat-transkonformità, il-pagament uniku lir-razzett (diżakkoppjament) u l-iżvilupp rurali, li huma ta' benefiċċju għall-bijodiversità;

I.  billi l-ħlas għal servizzi ekosistemiċi (PES) hu għodda finanzjarja innovattiva promettenti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

J.  billi l-ħabitats u l-ispeċijiet huma mhedda mill-bidla fil-klima; billi l-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità huma kruċjali għall-mitigazzjoni ta' u għall-adattament għall-bidla fil-klima;

Rimarki ġenerali

1.  Jiddeplora l-fatt li l-UE naqset milli tilħaq l-objettiv tagħha għall-2010 fir-rigward tal-bijodiversità;

2.  Jilqa' u jappoġġja l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE sal-2020, inklużi l-objettivi u l-azzjonijiet tagħha kollha; hu tal-fehma, madankollu, li xi azzjonijiet għandhom jiġu msaħħa u speċifikati b'mod iktar ċar, u li għandhom jittieħdu miżuri iżjed konkreti sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-azzjoni, u l-bżonn li tingħata prijorità politika ogħla lill-bijodiversità sabiex jintlaħqu l-objettiv ewlieni 2020 għall-bijodiversità u l-impenji tal-bijodiversità globali tal-UE; jenfasizza li, permezz ta' riżorsi finanzjarji adegwati u ta' rieda politika, jeżistu l-għodod biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jenfasizza li l-konservazzjoni tal-bijodiversità hija sfida kollettiva li għandha tiġi trattata bl-impenn u l-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati;

4.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bijodiversità 2020 u jinnota li t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-theddida li ġejja minn speċijiet invażivi u mill-konsum eċċessiv tar-riżorsi naturali huma sfidi transnazzjonali u transreġjonali li jaffetwaw liċ-ċittadini kollha tal-UE, kemm lil dawk li jgħixu f'żoni urbani kif ukoll li dawk li jgħixu f'żoni rurali, u li hemm bżonn li tittieħed azzjoni urġenti f'kull livell tal-gvern, lokali, reġjonali u nazzjonali, biex dawn l-effetti jittaffew;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw, għalhekk, l-istrateġija fil-pjanijiet, programmi u/jew strateġiji nazzjonali tagħhom;

6.  Hu tal-fehma li s-salvagwardji tal-bijodiversità li qegħdin fil-liġi eżistenti tal-UE m'għandhomx jiġu mdgħajfa;

7.  Jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida ma tistax tfalli wkoll; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi lill-Parlament rapporti ta' progress kull sentejn li fihom il-Kunsill u l-Kummissjoni jelaboraw dwar l-istat ta' affarijiet;

8.  Jenfasizza li t-test reali tal-impenn tal-UE għall-kisba tal-mira tal-bijodiversità, u l-punt ewlieni ta' din il-kwistjoni, mhuwiex din l-istrateġija l-ġdida, iżda r-riformi li se jsiru tal-politiki komuni tal-agrikultura u tas-sajd u tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali; jindika, barra minn hekk, li l-livell inadegwat ta' integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f'politiki oħra tal-UE wassal biex l-ewwel strateġija falliet;

9.  Hu tal-fehma li d-diffikultajiet li jinqalgħu sabiex ikun hemm konformità mal-objettiv għall-2010 jitolbu li ssir reviżjoni sħiħa tal-metodi applikati s'issa; isostni li għandhom jitwettqu l-istudji strateġiċi li jkopru l-fatturi kollha li jistgħu jolqtu ż-żoni protetti, u li dawn l-istudji għandhom jiġi inkorporati fl-ippjanar urban u għandhom jiġu akkumpanjati minn kampanji edukattivi u informattivi dwar l-importanza tar-riżorsi naturali lokali u l-konservazzjoni tagħhom;

10.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità ma jirreferix biss għal speċijiet u ħabitats iżda wkoll għal diversità ġenetika; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika;

11.  Jinnota li l-wirt naturali tagħna huwa patrimonju ekoloġiku prinċipali li huwa fundamentali għall-benesseri tal-bniedem; hu tal-fehma li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw użu aktar effettiv tar-riżorsi naturali u jevitaw telf nett fil-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi taż-żoni kemm rurali kif ukoll urbanizzati;

Objettivi – l-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-politiki kollha tal-UE

12.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-konservazzjoni fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-politiki kollha l-oħra tal-UE, inklużi dawk dwar l-agrikoltura, il-foresterija, is-sajd, l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, it-turiżmu, il-kooperazzjoni tal-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jagħmlu l-politiki settorjali u baġitarji tal-Unjoni Ewropea aktar koerenti u jiżburaw li dawn jonoraw l-impenji vinkolanti tagħhom dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità;

13.  Jissottolinja li l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-istrateġiji għall-mitigazzjoni u l-adozzjoni għat-tibdil fil-klima;

14.  Ifakkar li l-prinċipju prekawzjonarju jikkostitwixxi bażi legali li għandha tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet kollha li jolqtu l-bijodiversità;

15.  Jenfasizza li l-protezzjoni, il-valorizzazjoni, l-immappjar u r-riabilitazzjoni tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bħala parti minn miżuri speċifiċi, jikkunsidraw il-preżentazzjoni ta' skeda għall-immappjar u l-valutazzjoni ta' servizzi ekosistemiċi fl-UE li se jippermettu li jittieħdu miżuri mmirati u effiċjenti biex titwaqqaf id-degradazzjoni tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi;

16.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità għandu spejjeż ekonomiċi devastanti għas-soċjetà li s'issa ma ġewx integrati b'mod suffiċċenti fil-politiki ekonomiċi u f'politiki oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jivvaloraw is-servizzi ekosistemiċi u jintegraw dawn il-valuri fis-sistemi ta' kontabilità bħala bażi għal politiki iktar sostenibbli; hu tal-fehm li kwalunkew mudell ekonomiku li ma jirrispettax il-konservazzjoni xierqa tal-bijodiversità mhux vijabbli; jenfasizza wkoll li l-azzjonijiet għar-restawr tal-ekosistemi u tal-bijodiversità għandhom potenzjal sinifikanti li joħolqu ħiliet, impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fid-dettall dwar l-impatt negattiv fuq il-bijodiversità ta' setturi differenti tal-ekonomija;

18.  Jenfasizza li l-Istrateġija għall-Bijodiversità hija parti mill-inizjattiva emblematika tal-Użu tar-Riżorsi b'Effiċjenza u jfakkar li l-politika reġjonali għandha rwol essenzjali fl-iżgurar tat-tkabbir sostenibbli tul l-azzjonijiet li tappoġġja sabiex tindirizza il-kwistjonijiet tal-klima, l-enerġija u l-ambjent;

19.  Isostni li numru sinifikanti ta' mard infettiv emerġenti huwa żoonotiku (trasmissibbli fost l-annimali selvaġġi, l-annimali domestiċi u l-bnedmin), u jirrikonoxxi li l-kummerċ fl-annimali selvaġġi kif ukoll bidliet fl-użu u l-ġestjoni tal-art jistgħu jwasslu għal interfaċċji ġodda jew modifikati bejn il-bnedmin, l-annimali domestiċi u l-annimali selvaġġi li jistgħu jiffavorixxu t-trasmissjoni tal-mard u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-istrateġiji tal-bijodiversità fil-politiki tas-saħħa tal-annimali, dawk dwar il-benesseri tal-annimali u dawk kummerċjali hi essenzjali;

20.  Hu tal-fehma, madankollu, li permezz valutazzjoni fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tista' tkun meħtieġa f'każi fejn ikun hemm nuqqas ta' data;

Il-konservazzjoni u r-restawr tan-natura

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf id-deterjorament fl-istatus ta' kull speċi u ħabitat kopert mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konservazzjoni tan-natura u li jinkiseb titjib fl-istatus tagħhom fil-livell tal-UE; jenfasizza li dan għandu jieħu l-forma ta' titjib f'mill-inqas wieħed mill-parametri għall-istat ta' konservazzjoni kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, mingħajr l-ebda deterjorament fil-parametri l-oħra;

22.  Jistieden lill-Kummisjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom sabiex iwettqu strateġiji integrati li jippermettu li jiġu identifikati l-valuri naturali u l-karatteristiċi tal-patrimonju kulturali ta' kull żona ġeografika, kif ukoll tal-kundizzjonijiet neċċessarji għall-manteniment tagħha;

23.  Jenfasizza li l-għanjiet tal-bijodiversità jridu jiġu implimentati permezz ta' azzjoni konkreta biex tkun effettiva; jiddispjaċih li, minkejja l-azzjoni meħuda kontra t-telfien tal-bijodiversità, fl-UE hemm biss 17 % tal-ħabtitats u l-ispeċijiet u 11 % tal-ekosistemi ewlenin protetti taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE li jinsabu fi stat tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'mod urġenti, tanalizza għaliex l-isforzi attwali għadhom ma rnexxewx u tqis jekk hemmx strumenti oħra potenzjalment aktar effettivi li huma disponibbli;

24.  Jenfasizza li sabiex tiġi stabbilita triq ċara għall-kisba tal-viżjoni 2050, mill-inqas 40 % tal-ħabitats u l-ispeċijiet kollha għandhom ikunu fi status ta' konservazzjoni favorevoli sal-2020; ifakkar li sal-2050, 100 % (jew kważi 100 %) tal-ħabitats u l-ispeċijiet kollha għandhom ikunu fi status ta' konservazzjoni favorevoli;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-deterjorament dejjem akbar tal-ħabitats essenzjali, bħall-artijiet mistagħdra, li għandhom jingħataw attenzjoni prijoritarja permezz ta' miżuri urġenti li jikkorrispondu realment mal-istatus ta' protezzjoni speċjali mogħti lilhom mill-UE;

26.  Jirrikonoxxi li l-bini tal-infrastrutturi, l-urbanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni u l-interventi fiżiċi fil-pajsaġġ b'mod ġenerali, huma fost affarijiet oħra, l-istimoli l-aktar sinifikanti tal-frammentazzjoni tal-ekosistemi u tal-ħabitats; jitlob lill-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, fil-kuntest tar-regolamenti ta' ppjanar u tal-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom u fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, biex jikkunsidraw dawn il-fatturi li huma ta' theddida għall-ekosistemi u għall-ħabitats fil-proġetti tagħhom ta' ppjanar u ta' żvilupp, kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira; jirrikonoxxi l-pressjonijiet u l-bżonnijiet li jeżistu fil-livelli lokali u reġjonali biex jiġi pprovdut żvilupp ekonomiku sostanzjali, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippruvaw isibu bilanċ bejn l-iżvilupp u l-bżonn tal-ħarsien tal-bijodiversità u l-ħabitats naturali; jappoġġa riformi ulterjuri u l-użu ta' politiki ta' żvilupp reġjonali u lokali sabiex jitwasslu l-benefiċċji tal-bijodiversità u jitwaqqaf it-telf ta' aktar ħabitats, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u finanzjarja;

27.  Jappoġġja t-tisħiħ tal-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (VIA), tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibilità (VIS), tal-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi (VAS) u ta' strumenti oħra sabiex jitqiesu t-telf tal-bijodiversità u l-effetti tat-tibdil fil-klima fit-teħid ta' deċiżjonijiet reġjonali u lokali; jinnota li r-reġjuni kollha se jibbenefikaw minn proġetti li jippromwovu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni mit-telf tal-bijodiversità, inklużi reġjuni anqas żviluppati;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċess biex jiġu stabbiliti s-siti Natura 2000 jiġi finalizzata sal-2012 skont il-mira Aichi 11; jiddeplora bil-kbir id-dewmien fil-proċess biex jiġu stabbiliti siti marittimi; jinsab imħasseb dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kaċċa fid-Delta ta' Danubju u l-impatt negattiv possibbli fuq il-bijodiversità; jitlob lill-Kummissjoni li tivverifika li l-Istati Membri qed jimplimentaw l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Għasafar (2009/147/KE(5)), b'mod partikolari fir-rigward tal-kaċċa,

29.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiżdidu l-isforzi għall-protezzjoni tal-oċeani u l-ambjenti marittimi, kemm permezz ta' azzjoni tal-UE u ukoll bit-titjib tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u żoni lil hinn minn ġurisdizzjoni nazzjonali;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw l-iskadenzi legali għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' ġestjoni jew ta' strumenti ekwivalenti għas-siti Natura 2000 kollha, kif stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE(6));

31.  Jemmen li kooperazzjoni transkonfinali aħjar jista' jkollha benefiċċji sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet Natura 2000; jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tal-bijodiversità u r-riżorsi naturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-opportunitajiet offruti mill-kooperazzjoni transkonfinali, interreġjonali u transnazzjonali fl-indirizzar tal-problema tat-telf tal-bijodiversità, u jemmen li użu aħjar tal-potenzjal ta' kooperazzjoni territorjali u skambji ta' informazzjoni, esperjenza kif ukoll prattiki tajba jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kisba ta' dan l-objettiv; jinnota li l-inklużjoni ta' prijoritajiet marbuta mal-bijodiversità fil-makrostrateġiji reġjonali hija pass importanti “l quddiem lejn ir-restawr u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-konservazzjoni xierqa tan-Netwerk Natura 2000 permezz ta' finanzjament adegwat għal dawk is-siti; jitlob, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jiżviluppaw strumenti nazzjonali vinkolanti b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati differenti, li permezz tagħhom jiddefinixxu miżuri prijoritarji ta' konservazzjoni u jiddikjaraw is-sorsi relevanti pjanati ta' finanzjament (kemm minn fondi tal-UE kif ukoll mill-baġits tal-Istati Membri stess);

33.  Huwa tal-fehma li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari dwar in-natura, għandu jitjieb;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tad-differenzi enormi bejn l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' Natura 2000, biex tipprovdi iżjed kjarifika jew gwida meta meħtieġ, fuq il-bażi tal-aħjar prassi; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi gwida jew taqsam l-aħjar prattiki għall-ġestjoni taż-żoni li jagħmlu mas-siti Natura 2000;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid il-kapaċità biex tipproċessa u tinvestiga effettivament l-ilmenti u l-ksur marbut mal-implimentazzjoni xierqa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, u tiżviluppa gwida xierqa għall-Istati Membri fir-rigward tal-monitoraġġ fil-post tal-implimentazzjoni ta' dawk id-direttivi; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tinkorpora miżuri li jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar konġunt tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats fil-ħidma kurrenti tiegħu dwar l-implimentazzjoni mtejba u l-ispezzjoni ta' leġiżlazzjoni ambjentali; iqisha bħala ħaġa essenzjali, fid-dawl tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri(7), li jissaħħaħ in-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirraporta dwar metodi possibbli biex dan isir, inkluż l-vijabilità li tiġi stabbilita forza ta' spezzjoni ambjentali tal-UE, u biex tippreżenta proposta għal direttiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali;

36.  Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar programmi ta' taħriġ għal imħallfin u prosekuturi; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali programmi ta' taħriġ ikunu disponibbli wkoll għal professjonisti li jitrattaw mas-siti Natura 2000, pereżempju l-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli għall-infurzar tal-liġi u korpi amministrattivi oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats;

37.  Iqis li jeħtieġ li jkun hemm mapep diġitali u aċċessibbli b'informazzjoni preċiża dwar ir-riżorsi naturali prinċipali, iż-żoni protetti, l-użu tal-art, massa tal-ilma u żoni fil-periklu sabiex jagħmluha faċli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jwettqu l-leġiżlazzjoni ambjentali, speċjalment dik relatata mal-bijodiversità;

38.  Jinnota l-kuxjenza pubblika limitata fl-UE dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ispejjeż ambjentali u soċjo-ekonomiċi severi assoċjati mat-telfien tagħha; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija ta' komunikazzjoni iżjed komprensiva skont il-Mira Aichi 1;

39.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jnedu kampanja kbira ta' komunikazzjoni għal Natura 2000 sal-2013, biex titjieb l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE għall-ħarsien ambjentali u tiġi promossa l-koeżistenza tal-ħarsien ambjentali, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-iżvilupp soċjali bħala prinċipji ugwali u mhux kontradittorji; jitlob, għal dan l-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u tqassim ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar il-vijabbiltà ta' żvilupp ekonomiku bla ħsara għall-ambjent f'żoni ta' wirt naturali u kulturali importanti bħal dawk li jappartjenu għan-netwerk Natura 2000;

40.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu organizzati kampanji ta' għarfien u informazzjoni dwar il-bijodiversità għall-etajiet u l-kategoriji soċjali kollha, bil-fehim li qabel kollox għandha titqajjem kuxjenza fl-iskola fost it-tfal u l-adolexxenti li huma mħassbin b'mod partikolari dwar dan is-suġġett; hu tal-fehma li l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, b'mod partikolari fil-biedja, fil-forestrija u s-setturi relatati, għandhom jiffukaw aktar fuq ir-rwol tal-bijodiversità.

41.  Jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom rwol importanti xi jwettqu fil-ħarsien tal-bijodiversità billi jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, filwaqt li jieħdu azzjoni fil-post u jqajmu l-kuxjenza pubblika;

42.  Jirrakomanda t-tkabbir tal-governanza lejn mobilizzazzjoni taċ-ċittadini, iżda wkoll lejn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u lill-atturi ekonomiċi, filwaqt li l-enfasi, għal dawn tal-aħħar, ikun fuq l-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-istrateġiji tal-kumpaniji; jirrikonoxxi l-ħidma li saret mis-settur volontarju u komunitarju favur il-ħarsien tal-bijodiversità u l-valur u l-għarfien ta' dan is-settur, u jitlob lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jinvolvu lil dawn il-gruppi fl-ippjanar u fil-konsultazzjoni ta' proġetti, billi jistabbilixxu sħubijiet bejn l-awtoritajiet, is-settur privat u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

43.  Jirrikonoxxi l-importanza kbira li tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-atturi lokali u l-amministraturi diretti tat-territorju kkonċernat, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel sforzi akbar f'dan ir-rigward, filwaqt li tagħti attenzjoni lill-esperjenza u l-għarfien speċjali li jistgħu jikkontribwixxu dawn l-atturi fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni, bil-għan li tiġi żgurata kundizzjoni tajba tal-ħabitats li fihom il-bijodiversità li nixtiequ nippreservaw fl-UE;

44.  Isostni li waħda mir-raġunijiet għaliex ma rnexxilniex inreġġgħu lura t-tendenza kontinwa tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema b'mod globali hija li ma nifhmux sew il-kumplessità tal-bijodiversità u l-interazzjonijiet tal-komponenti tagħha ma' xulxin u mal-ambjent ħaj, inkluż il-valur tal-bijodiversità għal ġenerazzjonijiet attwali u futuri tal-bniedem; itenni li x-xjenza tal-bijodiversità hija s-sinsla neċessarja għal kwalunkwe tip ta' implimentazzjoni tal-politika;

45.  Jenfasizza, għaldaqstant, il-bżonn li jsir iktar investiment fir-riċerka dwar il-bijodiversità, inkluż f'rabta ma' waħda jew iktar “mill-isfidi tas-soċjetà” indirizzati mill-Horizon 2020, sabiex biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-politika ta' riċerka; iqis li tali żieda fil-fondi għar-riċerka tal-bijodiversità tista' tinkiseb bil-mezzi eżistenti ġenerali minħabba r-rata baxxa ta' assorbiment tagħhom; jemmen, min-naħa l-waħda, li r-riċerka tista' twassalna biex ikollna għarfien aktar wiesa' tal-bijodiversità u tal-importanza tagħha għall-aspetti kollha tal-attivitajiet tal-bniedem, u, min-naħa l-oħra, li se tikkontribwixxi, permezz ta' kunċetti innovattivi, għal strateġiji ta' ġestjoni u politiki ġodda u mtejbin kif ukoll strategiji ta' ġestjoni u żvilupp fuq in-naħa l-oħra;

46.  Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ ta' riċerka multidixxiplinari u transkonfinali fir-rigward tal-bijodiversità, billi hija konnessa b'mod inerenti ma' oqsma bħall-ekoloġija, il-ġenetika, l-epidemjoloġija, ix-xjenza tal-klima, l-ekonomija, l-antropoloġija soċjali, l-immudellar teoretiku; jenfasizza l-bżonn ta' politiki bbażati fuq ix-xjenza fil-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, b'mod speċjali fl-oqsma ekonomiċi u soċjali vitali tal-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija;

47.  Iqisha bħala ħaġa essenzjali li d-data xjentifika disponibbli dwar il-bijodiversità, l-eżempji tal-aħjar prattiki biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u r-restawr tal-bijodiversità, u informazzjoni dwar il-potenzjal tal-innovazzjoni u l-iżvilupp ibbażati fuq in-natura, ikunu aktar magħrufa u kondiviżi fost dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati ewlenin, u li l-ICT għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta' opportunitajiet u għodod ġodda; jilqa“, għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni stabiliet Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità tal-UE, u jħeġġiġha tkompli tiżviluppa l-Pjattaforma u tippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-amministrazzjoni u n-negozji fl-Ewropa, inklużi l-l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

48.  Jitlob li l-portall tal-Internet tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa (BISE) ikun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex jikkontribwixxi għall-kondiviżjoni ta' data u informazzjoni;

Iż-żamma u r-riabilitazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom

49.  Jinnota l-ħtieġa fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika biex 15 % tal-ekosistemi degradati jiġu riabilitati sal-2020; iqis dan bħala minimu, madankollu, u jixtieq li l-UE tistabbilixxi mira ta' restawr konsiderevlment ogħla li tirrifletti l-mira ewlenija iktar ambizzjuża tagħha stess u l-viżjoni tagħha għall-2050 b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet naturali speċifiċi għal kull pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar dak li huwa mfisser minn “ekosistemi degradati” u tistabbilixxi bażi biex ikun jista' jitkejjel magħha l-progress li jsir;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika sa mhux aktar tard mill-2012, bil-ħarsien tal-bijodiversità bħala objettiv primarju; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tindirizza l-objettivi relatati maż-żoni urbani kif ukoll rurali, inter alia sabiex tissodisfa aħjar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats;

51.  Jiddeplora l-fatt li l-iżvilupp tal-Istrateġija għall-Infrastruttura l-Ħadra tal-Kummissjoni huwa ppjanat biss għall-2012, filwaqt li l-kurituri tal-enerġija u tat-trasport diġà ġew identifikati fil-proposta għal Pakkett Ewropew għall-Infrastruttura; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni taċċelera l-ħidma fuq l-Istrateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika u tiżgura li l-Mira Nru 2 proposta tintlaħaq; jaqbel li s-sinerġiji bejn il-proġetti tal-enerġija, it-trasport u l-ICT għandhom jiġu massimizzati sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv fuq il-bijodiversità, u li dawk l-azzjonijiet biss li huma konformi mal-liġi tal-UE u mal-politiki relevanti tal-Unjoni għandhom jirċievu finanzjament mill-UE;

52.  Jenfasizza li l-ħolqien tal-ambjenti naturali m'għandux ikun limitat għaż-żoni magħżula biss, imma għandu jitħeġġeġ f'postijiet differenti, pereżempji fil-bliet, matul l-awtostradi u t-toroq ferrovjarji u f'siti industrijali, sabiex tiġi żviluppata infrastruttura verament ekoloġika;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas regolatorju effettiv ibbażat fuq l-inizjattiva ta' “ebda telf nett”, li tikkunsidra l-esperjenza eżistenti tal-Istati Membri filwaqt li tuża wkoll l-istandards applikati mill-Programm ta' Kumpens tan-Negozju u l-Bijodiversità; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi applikat dan l-approċċ għall-ħabitats u l-ispeċijiet kollha tal-UE mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddedika attenzjoni partikolari lil speċijiet u ħabitats li l-“funzjonijiet” tagħhom huma ta' valur ekonomiku imprezzabbli, peress li l-isforzi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-futur ser ikunu diretti lejn dawk l-oqsma li fuq perjodu ta' żmien qasir ser jipproduċu benefiċċji ekonomiċi, jew ikunu mistennija li jagħmlu hekk;

55.  Jirrikonoxxi li s-servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistemi jipprovdu benefiċċji mhux monetarji sinifikanti għall-industriji u għal atturi ekonomiċi oħra; jistieden lill-organizzazjonijiet li jirrappreżentaw is-settur privat biex jippreżentaw proposti kif inhu l-aħjar mod biex il-bijodiversità tiġi ppreservata u rrestawrata fuq skala sinifikanti;

56.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tkun promossa l-infrastruttura ekoloġika, l-ekoinnovazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi sabiex tinħoloq ekonomija aktar ekoloġika, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal gwidi prattiki tajba f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-istudju tal-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB), li huwa maħsub bħala għodda ta' konsulenza utli għal dawk li jfasslu l-politika lokali u reġjonali, l-amministraturi u l-meniġers; jenfasizza l-ħtieġa li jespandi u jintensifika t-taħriġ għall-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u għall-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, f'dak li għandu x'jaqsam mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali kumplessa immirata biex tipproteġi n-natura u żżid l-għarfien dwar l-importanza tat-telf tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi ta' assistenza teknika mfassla biex jippromwovu l-għarfien fil-livell reġjonali u lokali dwar problemi marbuta mal-implimentazzjoni;

L-agrikoltura

57.  Ifakkar li aktar minn nofs it-territorju Ewropew huwa ġestit mill-bdiewa, li r-raba' jagħti servizzi ekosistemiċi importanti u għandu valur soċjoekonomiku konsiderevoli, u li l-finanzjament għall-PAK jirrappreżenta parti sinifikanti mill-baġit tal-UE; jenfasizza li l-PAK mhix marbuta mal-miri tad-disponibilità tal-ikel u l-iżvilupp rurali, imma hija għodda kruċjali tal-bijodiversità, il-konservazzjoni, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u ż-żamma tas-servizzi ekosistemiċi; jinnota li l-PAK diġà tinkludi miżuri mmirati lejn il-protezzjoni ambjentali, bħad-diżakkoppjament, it-transkonformità u miżuri agroambjentali; jiddispjaċih, madankollu, li dawn il-miżuri s'issa ma rnexxilhomx iwaqqfu t-tnaqqis ġenerali fil-bijodiversità fl-UE u li l-bijodiversità tal-raba' tinsab fi stat kontinwu ta' tnaqqis; jitlob, għalhekk, għal orjentament mill-ġdid tal-PAK lejn il-provvista ta' kumpens għall-bdiewa għat-twassil tal-prodotti pubbliċi, peress li s-suq bħalissa mhux qed jirnexxielu jintegra l-valur ekonomiku tal-prodotti pubbliċi li l-agrikoltura tista' twassal;

58.  Jenfasizza l-konnessjoni bejn il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità bħala element essenzjali għall-manteniment tal-ħajja u għall-iżvilupp sostenibbli;

59.  Jenfasizza n-neċessità li nimxu mill-approċċ iffukat fuq il-mezzi għal wieħed li jiffoka fuq ir-riżultati sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-istrumenti implimentati;

60.  Jitlob li l-Pilastru I tal-PAK jitħaddar sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-pajsaġġ usa' tal-art li tintuża għall-agrikoltura, titjieb il-konnettività u din tiġi adattata għall-effetti tal-bidla fil-klima; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK li tipprovdi għal “tħaddir” tal-PAK permezz tal-allokazzjoni tal-pagamenti tal-Pilastru I għal pakkett ta' prattiki tajba bażiċi applikati fil-livell tal-irziezet, li jinkludu n-newba u d-diversifikazzjoni tal-għelejjel, il-mergħat permanenti u “żona b'fokus ekoloġiku” minima; jenfasizza li tali miżuri ekoloġiċi għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu u m'għandhomx joħolqu burokrazija mhux neċessarja; ittenni t-talba tiegħu għal appoġġ fuq bażi taż-żona għan-netwerk Natura 2000 taħt skemi ta' pagamenti diretti; jemmen li prattiki agrikoli effiċjenti bħala riżorsi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima se jiżguraw kemm is-sostenibilità tan-negozji agrikoli u s-sikurezza għaż-żmien twil tal-ikel, u jirrikonoxxi li l-PAK għandu jkollha rwol sinifikanti biex jinkiseb dan;

61.  Jitlob li l-prattiki ta' “tħaddir” ikunu mmirati lejn id-diversità agrikola fid-diversi Stati Membri, waqt li titqies, pereżempju, is-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi Mediterranji, li mhix indirizzata bil-limiti proposti rigward id-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-art ta' importanza ekoloġika; jinnota li l-għelejjel miġbura, l-għelejjel permanenti (l-imsaġar taż-żebbuġ, id-dwieli, l-imsaġar tat-tuffieħ) u l-għelejjel tar-ross huma xi eżempji ta' prattiki li għandhom ikunu kompatibbli mat-“tħaddir”, minħabba l-valur għoli ekoloġiku u ta' konservazzjoni ta' xi wħud minn dawn is-sistemi agrikoli;

62.  Isostni li l-għajnuna għal atturi pubbliċi u privati li jaħdmu biex jipproteġu l-bijodiversità fil-foresti f'dak li jikkonċerna speċijiet, ħabitats u servizzi ekosistemiċi għandha tiżdied fil-PAK il-ġdida, u l-eliġibbiltà għandha tiġi estiża wkoll għal żoni ta' kollegament ta' siti ta' Natura 2000;

63.  Jitlob biex il-pagamenti kollha tal-PAK, inklużi dawk li jsiru mill-2014, jiġu sostnuti minn regoli sodi ta' kundizzjonalità li jgħinu biex jiġu konservati l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosisteama, li jkopru d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (mingħajr ma jdgħajfu l-istandards attwali mill-2007 sal-2013), il-leġiżlazzjoni dwar il-pesitiċidi u l-bijoċidi u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(8); jitlob regoli sempliċi u trasparenti għal dawk affettwati;

64.  Jitlob fl-Istati Membri kollha tal-UE għat-tisħiħ tal-Pilastru II u għal titjib drastiku fl-enfasi ta' dak il-pilastru fuq l-ambjent u fl-effikaċja tal-miżuri agroambjentali tiegħu, inkluż permezz ta' nfiq obbligatorju minimu fuq miżuri ambjentali – bħall-miżuri agroambjentali, Natura 2000 u l-miżuri ambjentali tal-foresti – u l-appoġġ għall-Valur Naturali Għoli u l-biedja organika; jissottolinja li l-miżuri ambjentali taħt iż-żewġ pilastri għandhom jinfurzaw lil xulxin b'mod reċiproku;

65.  Jirrikonoxxi r-rapport kritiku mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-iskemi agriambjentali; jinnota li bit-EUR 22.2 biljun disponibbli għall-2007–2013 intlaħqu għanijiet ambjentali limitati ħafna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-sussidji agriambjentali tal-futur jiġu approvati biss taħt kriterji ambjentali stretti;

66.  Jiġbed attenzjoni għall-fatt li ż-żieda fid-domanda għall-karburanti agrikoli u l-intensifikazzjoni konsegwenti tal-pressjoni għall-produzzjoni tagħhom f'pajjiżi li qed jiżviluppaw qiegħda thedded il-bijodiversità, b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba d-degradazzjoni u l-konverżjoni ta' ħabitats u ekosistemi bħalma huma artijiet mistagħdra u foresti, fost oħrajn;

67.  Hu tal-fehma li għandha tissaħħaħ l-ispezzjoni tal-prattiki agrikoli sabiex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità; isostni, b'mod partikolari, li r-rimi tad-demel għandu jkun ikkontrollat u saħansitra pprojbit fiż-żoni l-aktar sensittivi għall-konservazzjoni tal-ekosistemi;

68.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw il-fenomenu tal-abbandun tal-art li qed iseħħ f'xi partijiet tal-Ewropa, tiġi appoġġjata ż-żamma mmirata tal-bijodiversità u tiġi evitata d-deżertifikazzjoni filwaqt li jiġu pprovduti opportunitajiet soċjoekonomiċi ġodda għall-iżvilupp; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li tiġi rrispettata s-sjieda tal-art eżistenti; jenfasizza wkoll li l-bdiewa Ewropej għandhom rwol importanti bħala “gwardjani” tal-pajsaġġ;

69.  Iwissi dwar il-fatt li speċijiet u ħabitats varji ta' valur għoli ħafna minn perspettiva ta' konservazzjoni, inklużi dawk protetti bil-leġiżlazzjoni tal-UE, huma dipendenti fuq is-sistemi ambjentali agrikoli li fihom il-preżenza tal-bniedem hija fattur ewlieni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jitwaqqaf u jiġi riversat l-abbandun tal-art; jappoġġja sostenn miżjud għall-biedja ta' daqs żgħir u medju, għall-biedja ibbażata fil-familja u għall-biedja estensiva, li jippromwovu il-konservazzjoni xierqa tar-riżorsi naturali;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-riforma l-ġdida tal-PAK, biex iżżid l-isforzi tagħha fl-appoġġ tas-setturi agrikoli li jagħtu kontribuzzjoni ppruvata għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, u b'mod partikolari s-settur tat-trobbija tan-naħal; jindika li l-insetti selvaġġi u domestiċi bħan-naħal jikkontribwixxu għal 80 % tad-dakkir tal-pjanti li jagħtu l-fjuri, u li t-tnaqqis li qed jheddidhom jirrapreżenta sfida kbira għas-soċjetajiet tagħna fejn il-produzzjoni agrikola, u b'hekk l-ikel, jiddependu sew mid-dakkir tal-pjanti tal-fjuri; jisħaq, għaldaqstant, li l-apikultura għandha tkun l-oġġett ta' attenzjoni partikolari fil-miżuri li ser jittieħdu għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

71.  Jenfasizza l-importanza li jieqaf u jiġi riversat it-tnaqqis tad-diversità tal-ispeċijiet u l-varjetajiet tal-għelejjel, ħaġa li qed twassal għal tgħawwir tal-bażi ġenetika li fuqha tiddependi n-nutrizzjoni tal-bniedem u l-annimali; jirrakkomanda l-ħtieġa għall-promozzjoni tal-użu ta' varjetajiet agrikoli tradizzjonali partikolari għal ċerti reġjuni; jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni u inċentivi xierqa għall-manutenzjoni u aktar żvilupp tad-diversità fir-riżorsi ġenetiċi fl-irziezet, eż. razez u varjetajiet adattati lokalment;

72.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni aktar effettiva fil-livell Ewropew rigward ir-riċerka xjentifika u f'dik applikata fuq id-diversità tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti u l-annimali sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tagħhom, titjieb l-abilità tagħhom biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u jiġi promoss użu xieraq fil-programmi ta' titjib ġenetiku;

Il-forestrija

73.  Jitlob li ssir azzjoni speċifika bil-għan li tintlaħaq il-Mira Aichi 5, li tirrikjedi li r-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inklużi foresti, titnaqqas almenu bin-nofs sal-2020 u, meta jkun fattibbli, tinġieb viċin għal żero, u d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

74.  Jistenna lill-Kummissjoni, malli jitlesta l-istudju dwar l-impatti tal-konsum Ewropew fuq id-deforestazzjoni, biex issegwi is-sejbiet tiegħu b'inizjattivi ta' politika ġodda biex jindirizzaw l-impatti identifikati;

75.  Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni ta' foresta, filwaqt li jikkunsidraw konsultazzjoni pubblika xierqa, inklużi miżuri effettivi għall-konservazzjoni u l-irkupru ta' speċijiet u ħabitats protetti, u servizzi ekosistemiċi marbuta;

76.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti, inter alia permezz tal-użu ta' miżuri ta' żvilupp rurali u l-programm LIFE+; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri speċjali dwar il-bijodiversità fi pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti, speċjalment miżuri speċifiċi għall-konservazzjoni ta' speċijiet protetti u ħabitats naturali, sabiex jitjieb l-istat tagħhom, kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn miż-żoni ta' Natura 2000;

77.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu l-politika tal-forestrija tagħhom b'tali mod li tkun ikkunsidrata bis-sħiħ l-importanza tal-foresti għall-ħarsien tal-bijodiversità, il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, is-sekwestru tal-karbonju u l-purifikazzjoni tal-arja u biex jiġi ppreservat iċ-ċiklu tal-ilma;

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskemi ta' prevenzjoni tan-nierien fil-foresti fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti tagħhom jinkludu miżuri bbażati fuq l-ekosistemi biex iżidu r-resistenza tal-foresti kontra n-nirien;

Is-sajd

79.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PKS, li għandha tiggarantixxi l-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku u l-applikazzjoni ta' informazzjoni xjentifika aġġornata li sservi bħala bażi għall-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul għall-ispeċijiet kollha ta' ħut sfruttati għal skopijiet kummerċjali; jenfasizza li huwa biss billi tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut nistgħu niżguraw il-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-settur tas-sajd Ewropew;

80.  Jenfasizza li l-ebda pajjiż wieħed ma jista' jitratta l-problema tat-telf tal-bijodiversità, b'mod partikolari fl-ekosistemi marittimi, u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jridu jikkooperaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom b'mod aktar effettiv biex jindirizzaw din il-kwistjoni globali; jenfasizza li kemm is-soċjetà u kif ukoll l-ekonomija jibbenefikaw minn implimentazzjoni sħiħa ta' politika dwar il-bijodiversità;

81.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw żoni tal-baħar protetti li fihom l-attivitajiet ekonomiċi, inkluż is-sajd, ikunu soġġetti għal ġestjoni msaħħa bbażata fuq l-ekosistema, u b'hekk tkun possibbli r-rikonċiljazzjoni bejn il-konservazzjoni tal-ambjent mal-prattika tas-sajd sostenibbli;

82.  Jenfasizza li għad hemm differenzi kbar fl-għarfien dwar l-istat tal-ekosistemi marini u r-riżorsi tas-sajd, u jitlob li jsiru iżjed sforzi mill-UE fil-qasam tar-riċerka marina;

83.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsolidaw l-isforzi tagħhom fil-ġbir ta' data xjentifika dwar il-popolazzjonijiet tal-ħut, fejn dawn huma nieqsa, bl-għan li jiġi offrut parir xjentifiku aktar affidabbli;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw bil-ħsieb li titwaqqaf “gwardja kostali Ewropea” sabiex tingħata spinta lill-kapaċità ta' monitoraġġ u ta' spezzjoni komuni u sabiex jiġi żgurat l-infurzar;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiġi żgurat li l-qbid tal-ħut jaqa' taħt il-livelli ta' Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) sal-2015, u biex iqisu l-konsiderazzjonijiet ekoloġiċi fid-definizzjoni ta' MSYs; jenfasizza, għalhekk, li nuqqas ta' data xjentifika adegwata m'għandux jintuża bħala skuża għal nuqqas ta' azzjoni, u li f'tali ċirkostanzi r-rati tal-mortalità mis-sajd għandhom jitnaqqsu fuq bażi prekawzjonarja; ifakkar fl-obbligu legali - kif stabbilit fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima(9) - li jiġi żgurat li l-istokkijiet tal-ħut kollha sfruttati għal skopijiet kummerċjali jkunu fil-limiti bijoloġiċi ta' sigurtà sal-2020.

86.  Jindika li l-impenn biex l-istokkijiet tal-ħut sal-2015 jinżammu jew jinġiebu lura għal livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY, kif jipprevedi l-pakkett ta' riforma tal-PKS propost mill-Kummissjoni, ġie approvat mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' Johannesburg fl-2002;

87.  Jenfasizza li l-ġestjoni tas-sajd għandha tikkontribwixxi ħalli jintlaħaq stat ta' konservazzjoni favorevoli skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u b'hekk jintlaħaq l-għan ta' Status Ambjentali Tajjeb (GES) skont l-MFSD; jenfasizza li l-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul għandhom ikunu bbażati fuq diversi speċijiet pjuttost milli bbażati fuq speċi waħda, b'kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha tal-popolazzjoni tal-ħut – b'mod partikolari id-daqs, l-età u l-istatus riproduttiv – sabiex jirriflettu aħjar approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, u li għandhom jiġu stipulati skedi stretti għall-iżvilupp tagħhom;

88.  Jenfasizza li l-PKS il-ġdida u l-miżuri sussegwenti kollha adottati mill-Istati Membri jridu jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva 92/43/KEE, id-Direttiva 2009/147/KE u d-Direttiva 2008/56/KE;

89.  Jenfasizza li l-għan tal-eliminazzjoni tar-rimi ta' speċijiet fl-objettiv inqas ta' valur u qabdiet sekondarji ta' speċi protetti mhux fl-objettiv, inklużi ċetaċji, fkieran tal-baħar u għasafar tal-baħar, għandu jiġi inkorporat fil-PKS u implimentat bħala kwistjoni urġenti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-PKS il-ġdida għandha tinkludi obbligu ċar li speċijiet mhux fl-objettiv bi probabbiltà kbira li jgħixu jiġu rilaxxati;

90.  Jirrimarka li l-miżuri mmirati lejn l-eliminazzjoni tar-rimi ta' ħut żgħir u ta' daqs żgħir jew qbid “il fuq mill-kwota għandhom jitfasslu b'tali mod li jevitaw li jipprovdu kwalunkwe inċentiv ħażin għall-ħatt u l-kummerċjalizzazzjoni tar-rimi;

91.  Jenfasizza li l-miri u l-iskedi għandhom jiġu stipulati għat-tnaqqis tal-kapaċità żejda sabiex ikun jista' jintlaħaq tnaqqis nett tal-kapaċità tal-flotta;

92.  Jinnota li l-bijodiversità tal-ambjent marittimu hija pperikolata b'mod serju mis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) u jenfasizza li l-kooperazjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi għandha tissaħħaħ sabiex jiġi miġġieled is-sajd IUU;

93.  Jinnota li l-istabbiliment ta' riżervi tas-sajd (żoni li fihom l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jkunu pprojbiti jew ristretti) huwa miżura partikolarment effettiva u kosteffikaċi biex tinkiseb il-konservazzjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jistabbilixxu riżervi tas-sajd u jistipulaw ir-regoli ta' ġestjoni li għandhom jiġu stabbiliti fihom, b'enfasi partikolari fuq inħawi ta' żvilupp jew żoni fejn ibid il-ħut għall-istokkijiet tal-ħut;

94.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi affidabbli tas-sostenibbiltà ambjentali, inkluża s-sostenibilità marittima u tal-kosta, sabiex jiġi vvalutat il-livell ta' progress lejn il-mira ġenerali ta' protezzjoni tal-bijodiversità;

L-ispeċijiet aljeni invażivi

95.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri li jittieħdu jipprevjenu kemm id-dħul ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda fl-UE kif ukoll il-firxa ta' speċijiet aljeni invażivi stabbiliti f'żoni ġodda; jitlob, b'mod partikolari, li jkun hemm linji gwida ċari skont it-termini tar-Regolament tal-Iżvilupp Rurali tal-PAK biex jiżguraw li l-afforestazzjoni ma tkunx ta' ħsara għall-bijodiversità u biex tiġi evitata l-provvista ta' appoġġ finanzjarju għat-taħwil ta' speċijiet aljeni u invażivi; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm strateġiji ambizzjużi u inventarji aġġornati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri; hu tal-fehma li dawk l-istrateġiji m'għandhomx jiffokaw biss fuq dawk l-ispeċijiet li huma meqjusa “prijorità”, kif issuġġerit fil-Mira 5 tal-Istrateġija għall-Bijodiversità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li ttejjeb il-bażi tal-għarfien, biex tappoġġja attivitajiet simili għal dawk appoġġjati fl-ambitu tal-proġett DASIE (Delivering Alien Invasive Species Inventories for Europe);

96.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2012 tippreżenta proposta leġiżlattiva li tadotta approċċ olistiku rigward il-problema ta' speċijiet aljeni invażivi ta' pjanti u annimali sabiex tiġi stabbilita politika komuni tal-UE dwar il-prevenzjoni, il-monitoraħħ, il-qerda u l-ġestjoni ta' dawn l-ispeċijiet u dwar sistemi ta' twissija bikrija f'dan il-qasam;

97.  Jirrikonoxxi li l-prevenzjoni hija aktar kosteffikaċi u mixtieqa mil-lat ambjentali minn miżuri meħuda wara li speċi aljena invażiva tkun diġà ġiet introdotta u tkun saret stabbilita; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi, kif appoġġjat mill-appoġġ ġerarkiku għal tali speċijiet adottat fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

98.  Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li l-kummerċ ta' speċijiet mhedda – inklużi fil-lista l-ħamra mħejjija mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura – ikun suġġett għal restrizzjonijiet miżjuda u, b'mod partikolari, regolazzjoni stretta; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jirrapurtaw b'mod regolari dwar l-importazzjoijiet ta' speċijiet eżotiċi u mhux nativi u biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar iż-Żoos(10); jitlob lill-Kummissjoni tevalwa u tagħmel proposti għal projbizzjoni fuq annimali maqbuda fis-selvaġġ għall-kummerċ tal-annimali domestiċi;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu nota tal-istrateġiji nazzjonali u l-pjani ta' azzjoni eżistenti, u tiżgura li l-ħabitats f'għamla ta' gżejjer jingħataw kunsiderazzjoni proporzjonali fir-Regolament dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi li għad irid jitfassal;

It-tibdil fil-klima

100.  Ifakkar l-interkonnessjonijiet bejn il-bijodiversità u s-sistema tal-klima; hu konxju mill-impatti negattivi sinifikattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità u jenfasizza l-fatt li t-telf tal-bijodiversità kulma jmur jagħmel iktar sever t-tibdil fil-klima a minħabba d-degradazzjoni tal-bir tal-karbonju provdut mill-ambjent naturali; jenfasizza l-urġenza għall-ħarsien tal-bijodiversità, inter alia bħala mezz li jitnaqqas it-tibdil fil-klima u jinżammu bjar ta' karbonju naturali;

Id-dimensjoni internazzjonali

101.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya sabiex l-Unjoni tkun tista' tirratifika l-Protokoll malajr kemm jista' jkun;

102.  Jenfasizza li, minħabba n-natura globali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi u r-rwol kruċjali tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi globali tal-iżvilupp sostenibbli, l-istrateġija tal-UE għandha żżid ukoll l-isforzi biex tevita t-telf fil-bijodiversità u b'hekk tikkontribwixxi b'mod aktar effettiv biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

103.  Hu tal-fehma li l-konservazzjoni tal-bijodiversità marittima għandha tiġi indirizzata fl-ogħla livell fis-Samit Rio+20 li se jsir f'Rio de Janeiro f'Ġunju tal-2012;

104.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Diċembru 2011 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU mmirata lejn l-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sajd dinji(11), li tenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi urġenti biex jinkiseb użu sostenibbli tal-oċeani u tal-ibħra tad-dinja;

105.  Jilqa' l-pjan, ippreżentat f'Novembru 2011, żviluppat minn erba' aġenziji tan-NU (il-UNESCO, il-FAO, il-UNDP u l-IMO) biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jġeddu l-impenn tagħhom li jillimitaw id-degradazzjoni tal-oċeani u jitrattaw theddid bħall-isfruttar żejjed tas-sajd, it-tniġġis u t-tnaqqis tal-bijodiversità;

106.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu approċċ komuni għall-konservazzjoni tan-natura fl-UE kollha, jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li teħtieġ tikkoopera mal-Istati Membri biex tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej tal-UE, li fihom jgħixu aktar speċijiet endemiċi milli jinsabu fil-kontinent Ewropew kollu; jixtieq li jara t-tisħiħ tal-istrumenti speċifiċi maħsuba għas-salvagwardja u l-protezzjoni tal-bijodiversità f'dawn it-territorji, b'mod partikolari l-azzjoni preparatorja BEST (il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi fit-Territorji tar-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej) appoġġjata mill-Parlament mill-2011 u li tipprovdi finanzjament adegwat għall-protezzjoni tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej tal-UE;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod strett u jinfurzaw il-ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi, imma mhux biss, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu u l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi;

108.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv is-sostenibilità ambjentali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi u bħala parti minn proċessi globali bħall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

109.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u, għalhekk, jappoġġja l-proposta tagħha li jiddaħħal kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali ġodda kollha li li jkun fih dispożizzjonijiet ambjentali sostanzjali ta' importanza fil-kuntest tal-kummerċ, inklużi miri għall-bijodiversità;

110.  Jirrikonoxxi ż-żieda fit-traffikar illegali internazzjonali ta' speċijiet koperti mill-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu sabiex iżidu l-kapaċità tal-Interpol f'dan ir-rigward u jagħtu prijorità lill-kwistjoni tal-kummerċ illegali tal-ispeċijiet selvaġġi fid-diskussjonijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi;

111.  Jirrikonoxxi li l-UE hija importatur ewlieni ta' speċijiet selvaġġi u li din tinfluwenza l-konservazzjoni tal-bijodiversità f'partijiet oħra tad-dinja peremzz tal-politiki u l-attivitajiet kummerċjali tagħha; jitlob lill-UE tieħu miżuri biex tnaqqas l-impatt negattiv tat-tendenzi ta' konsum tal-UE fuq il-bijodiversità billi tinkorpora inizjattivi relatati mal-agrikoltura u l-kummerċ tal-ispeċijiet selvaġġi sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha;

112.  Jitlob lis-Samit dwar id-Dinja Rio +20 jagħmel progress konkret fir-rigward ta' sorsi innovattivi u indipendenti ta' finanzi għall-ħarsien tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu proattivi ħalli jiksbu riżultati f'dan ir-rigward;

113.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tkun mingħajr ħsara għall-bijodiversità sabiex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità filwaqt li jikkunsidraw il-fatt li l-persuni bl-inqas introjtu huma l-aktar dipendenti mis-servizzi ekosistemiċi;

114.  Jirrikonoxxi li hu meħtieġ li tinbena ekonomija bbażata fuq sorsi ta' enerġija sostenibbli b'mod kosteffikaċi mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tal-bijodiversità, u li din l-ekonomija tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi; iqis, f'dan il-kuntest, li huwa neċessarju li jiddaħħlu salvagwardji ulterjuri li jirrigwardaw is-sorsi, l-effiċjenza u l-kwantità tal-bijomassa użata għall-enerġija; jistiden, ukoll f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun x'effett għandhom il-bijofjuwils fuq il-bijodiversità, inkluż l-impatt indirett tal-użu tal-art, u jitlob li jiġu stabbiliti kriterji effettivi ta' sostenibilità għall-produzzjoni u l-użu tal-bijofjuwils kollha, inkluża l-bijomassa solida;

Il-finanzjament

115.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, skont kriterji oġġettivi, is-sussidji eżistenti kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, u jistieden lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2012 tippubblika pjan ta' azzjoni, flimkien ma' skeda taż-żmien, dwar kif dawn is-sussidji jinqatgħu sal-2020 b'konformità mal-impenji tal-Protokoll ta' Nagoya;

116.  Jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni ta' appoġġ finanzjarju kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE mis-sorsi possibbli kollha, inkluż il-ħolqien ta' strument speċifiku għall-finanzjament tal-bijodiversità, u tal-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi, b'mod partikolari servizzi bankarji għall-ħabitat, sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-qasam tal-bijodiversità;

117.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit għar-riċerka ffokata fuq l-ambjent u l-bijodiversità skont il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka li jmiss, b'mod proporzjonali għall-ħtiġiet u l-isfidi kbar assoċjati mal-indirizzat kemm tat-telf tal-bijodiversità kif ukoll tat-tibdil fil-klima, sabiex jgħin biex jiġi eliminat in-nuqqas ta' għarfien identifikat u tkun appoġġjata l-politika;

118.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk ir-reġim regolatorju attwali jinċentivax b'mod addattat l-istrateġiji li jsaħħu l-bijodiversità u jistidinha tipproponi soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex taqleb l-infiq fuq il-bijodiversità mill-burokrazija lejn il-protezzjoni u t-tisħiħ;

119.  Jaqbel li l-istrumenti mfassla sew u bbażati fuq is-suq immirati biex jinternalizzaw l-ispejjeż esterni marbutin ma' attivitajiet ta' konsum u produzzjoni fuq l-ambjent jikkontribwixxu għall-ksib tal-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità jekk dawn ikunu kkombinati ma' inċentivi għal investimenti ekoloġiċi fi ħdan is-setturi kkonċernati;

120.  Jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità mill-Kummissjoni biex timpenja s-settur privat fl-aġenda tal-bijodiversità;

121.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-għażliet għall-introduzzjoni ta' pagamenti għal servizzi ekosistemiċi, b'kunsiderazzjoni tar-rwol tal-konservazzjoni tal-bijodiversità;

122.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u jiffinanzjaw l-Istrateġija għall-Bijodiversità l-ġdida billi jiżguraw li kull miżura ta' finanzjament tal-UE tkun konsistenti mal-liġijiet għall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ilma;

123.  Jenfasizza l-ħtieġa imperattiva li jiġi żgurat li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (2014–2020), jappoġġja l-isforzi biex jintlaħqu s-sitt miri stipulati fl-Istrateġija għall-Bijodiversità, u b'hekk jiżdied il-finanzjament għall-programm LIFE; Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq proġetti ta' responsabbiltà soċjali korporattiva li jippromwovu l-bijodiversità;

124.  Jinnota, barra minn hekk, li l-valur ekonomiku enormi tal-bijodiversità joffri qligħ fejjiedi fuq l-investiment fil-konservazzjoni tagħha; jitlob, għalhekk, biex jiżdiedu l-fondi għal miżuri għall-konservazzjoni tan-natura;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi żgurat finanzjament adegwat tan-netwerk Natura 2000, biex jiżguraw li jiġu pprovduti mill-inqas EUR 5.8 biljun fis-sena permezz ta' finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jsir disponibbli finanzjament adegwat permezz ta' fondi diversi tal-UE (bħal pereżempju l-fondi tal-PAK, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, il-fondi ta' koeżjoni u l-fond LIFE+ imsaħħaħ), flimkien ma' koordinazzjoni u koerenza aħjar bejn dawn il-fondi, inter alia permezz tal-kunċett ta' proġetti integrati, biex b'hekk titjieb it-trasparenza għar-reġjuni differenti li jirċievu fondi mill-UE; jitlob li l-BEI ikun imdaħħal fl-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji innovattivi u servizzi tekniċi u konsultattivi għall-proġetti ta' kofinanzjament relatati mal-bijodiversità;

126.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu bl-allokazzjoni proposta għall-programm LIFE il-ġdid, li, minkejja s-suċċess rimarkabbli tiegħu matul għoxrin sena, għadu jirċievi parti insinifikanti mill-baġit tal-UE; Hu tal-fehma li l-isfidi preżentati fil-pjan ta' konservazzjoni tal-bijodiversità u tan-natura jirrikjedu żieda sostanzjali fil-fondi allokati għall-programm LIFE;

127.  Jinnota bi tħassib li n-numru ta' proġetti finanzjati taħt il-prgramme LIFE+ kull sena huwa iżgħar mill-allokazzjoni indikattiva f'diversi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal din is-sottoimplimentazzjoni u, fejn meħtieġ, tipproponi bidliet għar-regoli li jirregolaw il-programm, b'mod partikolari fir-rigward tal-livelli ta' kofinanzjament;

128.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, u jemmen li għandha tingħata aktar attenzjoni għall-użu tiegħu, speċjalment mill-awtoritajiet pubbliċi li jibbenefikaw minn fondi tal-UE; jirrakkomanda li l-awtoritajiet responsabbli għas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll maħluqa fl-Istati Membri biex jamministraw fondi strutturali u ta' koeżjoni għandhom jappoġġjaw proġetti li jipprovdu għal proċeduri bħal dawn;

129.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jsir investiment fil-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità skont il-Fond ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' finanzjament 2014–2020; jirrakkomanda wkoll li jitqies il-potenzjal ta' Natura 2000 għall-ekonomiji lokali u s-swieq tax-xogħol;

130.  Jirrikonoxxi li l-“ekonomija ekoloġika” hija mod kif jiġu ġġenerati l-ħiliet u l-impjiegi u jitlob li din tiġi appoġġjata permezz ta' fondi li jgħinu biex tinbena l-kapaċità f'livell lokali u biex l-għarfien lokali u tradizzjonali jservi bħala sisien li fuqu jinbnew l-elementi kollha meħtieġa fil-ġlieda għall-protezzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza l-fatt li madwar 30 % tal-allokazzjonijiet totali għall-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007–2013 huma disponibbli għal attivitajiet li għandhom impatt partikolari fuq it-tkabbir sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri, u speċjalment lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-kuntest tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, biex ikunu iżjed attivi u jżidu l-isforzi tagħhom fl-investiment marbut mal-kapital naturali u biex jużaw il-finanzjament tal-Politika Reġjonali għall-prevenzjoni tar-riskji naturali bħala element għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u għall-adattament għat-tibdil fil-klima, speċjalment fil-perspettiva tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020;

131.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilità li l-programmi operattivi attwali jiġu allinjati mill-ġdid mal-objettivi ta' tkabbir sostenibbli tal-Ewropa 2020 billi jerġgħu jitqiesu l-prijoritajiet tal-investimenti għall-proġetti u jħeġġiġhom biex jużaw ir-riżorsi disponibbli b'mod aktar effettiv;

o
o   o

132.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 19.
(2) ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 103.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(4) http://www.teebweb.org
(5) ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.
(6) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(7) ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 67.
(8) Id-Direttiva 2000/60/KE, (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2008/56/KE, (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(10) Direttiva 1999/22/KE, (ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24).
(11) A/RES/66/68.

Avviż legali - Politika tal-privatezza