Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 15 ta' Frar 2012 - Strasburgu
L-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera u l-acquis ta' Schengen ***
 Il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi *
 Tqassim tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità ***II
 Politika tal-ispettru tar-radju ***II
 Ir-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ***I
 Emenda tal-Artikolu 48(2) tar-Regolament tal-Parlament dwar ir-rapporti fuq inizjattiva proprja
 Fattibilità tal-introduzzjoni ta' bonds ta' stabilità
 Aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012
 Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012

L-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera u l-acquis ta' Schengen ***
PDF 206kWORD 33k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati fix-xogħol tal-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (07763/2010 – C7-0272/2011 – 2009/0168(NLE))
P7_TA(2012)0040A7-0013/2012

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07763/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Arranġament bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward il-partiċipazzjoni minn dawk l-Istati fix-xogħol tal-kumitati li jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (07763/2010) u l-corrigendum tal-Artikolu 5(1), nota tal-qiegħ 1 tal-Arranġament (13573/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikoli 74, 77, 79 u punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0272/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0013/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Arranġament;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera.


Il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi *
PDF 223kWORD 31k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2011)0813 – C7-0500/2011 – 2011/0390(CNS))
P7_TA(2012)0041A7-0011/2012

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0813),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0500/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0011/2012),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


Tqassim tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità ***II
PDF 281kWORD 35k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tat-tqassim tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità (18733/1/2011 – C7-0022/2012 – 2008/0183(COD))
P7_TA(2012)0042A7-0032/2012

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (18733/1/2011 – C7-0022/2012),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati, fil-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mill-Parlament Daniż, il-Parlament Svediż u l-House of Lords tar-Renju Unit, li jaffermaw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011(1) u tat-8 ta' Diċembru 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Jannar 2011(3),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa (COM(2009)0665) - “omnibus”)(5),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni  li ġew emendati (COM(2010)0486 u COM(2011)0634),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0032/2012),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 84, 17.3.2011, p. 49.
(2) Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(3) ĠU C 104, 2.4.2011, p. 44.
(4) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 258.
(5) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 1.


Politika tal-ispettru tar-radju ***II
PDF 201kWORD 33k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (16226/1/2011 – C7-0012/2012 – 2010/0252(COD))
P7_TA(2012)0043A7-0019/2012

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (16226/1/2011 – C7-0012/2012),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Frar 2011(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0471),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0019/2012),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53.
(2) Testi adottati tal-11.5.2011, P7_TA(2011)0220.


Ir-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ***I
PDF 289kWORD 40k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (COM(2010)0728 – C7-0408/2010 – 2010/0362(COD))
P7_TA(2012)0044A7-0262/2011

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0728),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 42 and Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0408/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata mressqa, fi ħdan il-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mid-Diet Pollakk, li tasserixxi li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-4 ta' Mejju 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-12 ta' Diċembru 2011, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0262/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Frar 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

P7_TC1-COD(2010)0362


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 261/2012.)

(1) ĠU C 218, 23.7.2011, p. 110.


Emenda tal-Artikolu 48(2) tar-Regolament tal-Parlament dwar ir-rapporti fuq inizjattiva proprja
PDF 361kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-emenda għall-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar ir-rapporti fuq inizjattiva proprja (2011/2168(REG))
P7_TA(2012)0045A7-0399/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-26 ta' April 2011 mill-President tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 211 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0399/2011),

1.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-7 ta' April 2011 li tiddikjara li r-rapporti fuq inizjattiva proprja mfassla abbażi tar-rapporti annwali u tar-rapporti ta' monitoraġġ elenkati fl-Annessi 1 u 2 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 kif stipulat fl-Anness XVIII għar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (“Deċiżjoni tal-2002”) għandhom jitqiesu bħala rapporti strateġiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 48(2), u jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali biex jinkorpora din id-deċiżjoni fl-Anness XVIII;

2.  Hu tal-fehma li l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-2002 issa m'għadux japplika, b'riżultat tad-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fid-dawl tal-Istatut għall-Membri(1), u jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jadattaw l-Anness XVIII;

3.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

4.  Ifakkar li din l-emenda tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

Test fis-seħħ   Emenda
Emenda 6/rev
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 48 – paragrafu 2
2.  Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet li jkunu f' rapporti fuq inizjattiva proprja għandhom jiġu eżaminati mill-Parlament skond il-proċedura bi preżentazzjoni qasira stipulata fl-Artikolu 139. Emendi għal mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu ammissibbli biss biex jitqiesu fil-plenarja jekk jitqiegħdu fuq il-Mejda mir-rapporteur biex jitqies tagħrif ġdid jew minn mhux inqas minn wieħed minn kull għaxra tal-Membri tal-Parlament. Il-gruppi politiċi jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet alternattivi skond l-Artikolu 157(4). Dan il-paragrafu m'għandux japplika fejn is-suġġett tar-rapport jikkwalifika għal dibattitu ta' prijorità fil-plenarja, fejn ir-rapport jitfassal skond id-dritt ta' inizjattiva msemmi fl-Artikoli 41 jew 42, jew fejn ir-rapport jista' jitqies bħala rapport strateġiku skond il-kriterji stipulati mill-Konferenza tal-Presidenti.
2.  Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li jkunu f'rapporti fuq inizjattiva proprja għandhom jiġu eżaminati mill-Parlament skont il-proċedura bi preżentazzjoni qasira stipulata fl-Artikolu 139. Emendi għal mozzjonijiet għal riżoluzzjoni bħal dawn għandhom ikunu ammissibbli biss biex jitqiesu fil-plenarja jekk jitqiegħdu fuq il-Mejda mir-rapporteur biex jitqies tagħrif ġdid jew minn mhux inqas minn wieħed minn kull għaxra tal-Membri tal-Parlament. Il-gruppi politiċi jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjonijiet għal riżoluzzjoni alternattivi skont l-Artikolu 157(4). L-Artikoli 163 u 167 għandhom japplikaw għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-kumitat u għall-emendi li din tkun suġġetta għalihom. L-Artikolu 167 għandu japplika wkoll għall-votazzjoni unika fuq mozzjonijiet għal riżoluzzjoni alternattivi.
L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika fejn is-suġġett tar-rapport jikkwalifika għal dibattitu ta' prijorità fil-plenarja, fejn ir-rapport jitfassal skont id-dritt ta' inizjattiva msemmi fl-Artikoli 41 jew 42, jew fejn ir-rapport ikun ġie awtorizzat bħala rapport strateġiku.

(1) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 106.


Fattibilità tal-introduzzjoni ta' bonds ta' stabilità
PDF 212kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta' stabilità (2011/2959(RSP))
P7_TA(2012)0046B7-0016/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(1) (parti mis-“six pack”),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta' stabilità,

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tal-Viċi President Rehn fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tat-23 ta' Novembru 2011 u l-iskambju ta' opinjonijiet mal-Kunsill Ġermaniż tal-Esperti Ekonomiċi dwar il-fond Ewropew ta' tifdija fid-29 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Interim tal-President Van Rompuy: Lejn Unjoni Ekonomika Aktar b'Saħħitha tas-6 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament talab li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-possibilità li jiġu introdotti titoli Ewropej, ħaġa li hija parti integrali mill-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-pakkett dwar il-governanza ekonomika (“six pack”);

B.  billi ż-żona tal-euro tinsab f'sitwazzjoni unika, fejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro jikkondividu munita komuni mingħajr politika fiskali komuni u suq tal-bonds uniku;

C.  billi l-emissjoni ta' bonds b'responsabilità in solidum tirrikjedi proċess ta' integrazzjoni aktar profonda;

1.  Huwa mħasseb serjament dwar il-pressjonijiet kontinwi fuq is-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro riflessi fiż-żieda fil-firxa tal-interessi, volatilità kbira u vulnerabilità għal attakki spekulattivi tul l-aħħar sentejn;

2.  Jemmen li ż-żona tal-euro, bħala l-emittent tat-tieni munita internazzjonali tad-dinja, hija koresponsabbli għall-istabilità tas-sistema monetarja dinjija;

3.  Jenfasizza li huwa fl-interess strateġiku fit-tul taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha li wieħed jisfrutta l-benefiċċji kollha possibbli tal-emissjoni tal-euro, li għandha l-potenzjal li ssir il-munita ta' riserva globali;

4.  Jinnota b'mod partikolari li s-suq tat-Teżor tal-Istati Uniti u s-suq kollu kemm hu tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro huma kumparabbli fid-daqs iżda mhux f'termini ta' likwidità, diversità u prezzijiet; jirrimarka li jista' jkun fl-interess taż-żona tal-euro li jiġi żviluppat suq tal-bonds likwidu u diversifikat komuni, u li suq ta' bonds ta' stabilità joffri alternattiva vijabbli għas-suq tal-bonds tad-dollaru Amerikan u jistabbilixxi l-euro bħala “rifuġju sikur” globali;

5.  Jemmen ukoll li ż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha huma responsabbli biex jiżguraw l-istabilità fit-tul tal-munita użata minn “il fuq minn 330 miljun persuna u ħafna kumpaniji u investituri, li b'mod indirett taffettwa lill-bqija tad-dinja;

6.  Jirrimarka li l-bonds ta' stabilità jkunu differenti minn bonds emessi minn stati federali bħall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġermanja u għalhekk ma jistgħux jitqabblu strettament ma' bonds tat-teżor tal-Istati Uniti jew ma' Bundesanleihen;

7.  Jilqa' bi pjaċir il-preżentazzjoni tal-Green Paper, li tissodisfa talba li ilha ssir mill-Parlament Ewropew, u jqisha bħala punt ta' tluq utli għal aktar riflessjoni; huwa miftuħ u ħerqan b'mod attiv li jiddiskuti l-kwistjonijiet kollha – kemm il-punti pożittivi kif ukoll id-dgħufijiet – relatati mal-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta' stabilità skont alternattivi differenti; Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tapprofondixxi aktar l-analiżi tagħha wara dibattitu pubbliku wiesgħa, li għandhom jikkontribwixxu għalih il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-BĊE, jekk iqis li dan ikun xieraq; ma jqis l-ebda waħda mit-tliet possibilitajiet ippreżentati mill-Kummissjoni bħala reazzjoni per se għall-kriżi attwali tad-dejn sovran;

8.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li hija parti mill-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta' stabilità, li l-bonds ta' stabilità jiffaċilitaw it-trażmissjoni tal-politika monetarja taż-żona tal-euro u jippromwovu l-effiċjenza fis-suq tal-bonds u fis-sistema finanzjarja usa' taż-żona tal-euro;

9.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li għall-emissjoni komuni ta' bonds, jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ qafas fiskali sostenibbli, li jkollu bħala għan kemm it-titjib fil-governanza ekonomika kif ukoll it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro, u li l-ordni li bih wieħed jipproċedi huwa kwistjoni ewlenija, li jinvolvi pjan direzzjonali li jorbot simili għall-kriterji ta' Maastricht biex tiddaħħal il-munita unika, u li jislet minnhom il-lezzjonijiet kollha;

10.  Huwa tal-fehma li l-objettivi li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda fil-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011 biex tkompli tissaħħaħ is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi jikkontribwixxu wkoll biex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-introduzzjoni possibbli tal-bonds ta' stabilità;

11.  Jemmen li l-bonds ta' stabilità jistgħu jkunu mezz addizzjonali kif tiġi inċentivizzata l-konformità mal-patt ta' stabilità u tkabbir, sakemm jindirizzaw il-periklu morali u l-kwistjonijiet tar-responsabilità konġunta; Jinnota li jeħtieġ li ssir aktar ħidma fir-rigward tal-għażliet ippreżentati fil-Green Paper dwar kwistjonijiet bħal:

   inċentivi effettivi tas-suq biex jitnaqqsu l-livelli tad-dejn,
   kriterji ta' dħul u ħruġ, ftehimiet ta' kundizzjonalità, ftehimiet ta' maturità, ridistribuzzjoni tal-benefiċċji ta' finanzjament għall-pajjiżi AAA preżenti,
   sistema ta' divrenzjar tar-rati ta' interessi fost l-Istati Membri bi klassifiki diverġenti,
   dixxiplina baġitarja u żieda fil-kompetittività,
   effetti proċikliċi u deflazzjonarji tad-dejn,
   l-investituri tas-suq iħossuhom biżżejjed attratti, filwaqt li l-kollateralizzazzjoni żejda u r-ridistribuzzjoni tar-riskji fost il-pajjiżi jiġu limitati jew evitati,
   il-prijorità tal-bonds ta' stabilità meta mqabbla mal-bonds nazzjonali f'każ ta' Stat Membru inadempjenti fir-rigward ta' dejnu,
   il-kriterji għall-allokazzjoni tas-self lill-Istati Membri u l-kapaċità ta' manutenzjoni tad-dejn,
   programmi ta' dejn li jistgħu jitkejlu u li jkunu infurzabbli,
   il-modalitajiet ta' pjan direzzjonali li jorbot, simili għall-kriterji ta' Maastricht għall-introduzzjoni tal-munita unika,
   l-interazzjoni mal-EFSF/MES għall-Istati Membri li jesperjenzaw problemi ta' likwidità,
   rekwiżiti legali xierqa, inklużi bidliet fit-trattati u bidliet kostituzzjonali;

12.  Jemmen li l-prospett ta' bonds ta' stabilità jista' jrawwem l-istabilità fiż-żona tal-euro fuq perjodu medju ta' żmien; Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tressaq proposti malajr biex tindirizza b'mod deċiżiv il-kriżi attwali tad-dejn sovran, bħall-patt Ewropew ta' tifdija propost mill-Kunsill Ġermaniż tal-Esperti Ekonomiċi u/jew il-finalizzazzjoni u r-ratifika ta' trattat dwar il-MES u/jew kambjali Ewropej, kif ukoll il-ġestjoni konġunta tal-emissjoni tad-dejn sovran;

13.  Jirrimarka li din ir-riżoluzzjoni hija reazzjoni preliminari għall-Green Paper tal-Kummissjoni, li se tkun segwita b'riżoluzzjoni aktar komprensiva fil-forma ta' rapport INI;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.


Aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012
PDF 421kWORD 95k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (2011/2320(INI))
P7_TA(2012)0047A7-0021/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (AGS) (COM(2011)0815), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: Parti II tal-Linji gwida Integrati Ewropa 2020(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-Aġenda għal Ħiliet Ġodda u l-Impiegi(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (notifikata taħt id-dokument numru C(2008)5737)(6) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwarha(7),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u r-Rapport dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 (SPC/2010/10/7 finali),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020' (COM(2011)0173),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2010 dwar Żgħażagħ mobbli: Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0477),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar Żgħażagħ mobbli: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0021/2012),

A.  billi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi huma vasti ħafna, u issa aggravaw minħabba l-impatt tal-miżuri ta' awsterità meħuda f'ċerti pajjiżi bħala reazzjoni għall-kriżi tad-dejn sovran, għat-tnaqqis fl-impjiegi, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, għall-benefiċċji u s-servizzi pubbliċi, u li għalhekk is-sitwazzjonijiet ta' faqar qed imorru għall-agħar madwar l-UE;

B.  billi l-qgħad żdied b'mod sinifikanti mill-2008 u laħaq livell ta' 23 miljun persuna qiegħda fl-UE, li jikkorrispondi għal 10% tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol; billi, sabiex tilħaq il-mira ta' impjiegi tagħha, l-UE se jkollha toħloq 17.6 miljun post ta' xogħol ġdid sal-2020;

C.  billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ, minkejja l-livell tagħhom ta' edukazzjoni, li ħafna drabi jispiċċaw b'kuntratti ta' impjieg prekarji u fi traineeships mhux imħallsa; billi s-sitwazzjoni diffiċli taż-żgħażagħ hija parzjalment minħabba żbilanċi bejn ħiliet miksuba u d-domanda tas-suq tax-xogħol;

D.  billi l-persuni li se jilħqu l-età tal-pensjoni, ħaddiema qiegħda fit-tul, ħaddiema mhux tal-UE u ħaddiema b'ħiliet baxxi huma wkoll fost dawk li l-aktar intlaqtu mill-kriżi;

E.  billi d-dimensjoni tas-sessi hija kruċjali għall-kisba tal-miri ewlenin tal-UE 2020, peress li n-nisa huma l-akbar riżerva ta' ħaddiema li s'issa għadha mhux użata u jikkostitwixxu l-maġġoranza ta' dawk li jgħixu fil-faqar fl-UE; billi għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika kemm fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll fir-rigward tal-politiki mmirati għan-nisa tul il-proċess kollu tas-Semestru Ewropew;

F.  billi l-faqar fost min jaħdem u l-prekarjetà qed jiżdiedu fl-UE, apparti n-numru għoli ta' nies qegħda u ż-żieda fil-medja tat-tul ta' żmien fil-qgħad; billi l-kriżi ħolqot kategoriji ġodda ta' nies li jinsabu f'riskju ta' faqar; billi l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (SPC) qed iwissi dwar in-numri li qed jiżdiedu ta' persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar fl-introjtu tagħhom, faqar tat-tfal, privazzjoni materjali serja u esklużjoni soċjali minħabba l-impatt tal-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali mmirati ħażin u rigressivi, fuq is-sistemi ta-protezzjoni soċjali, u billi l-implimentazzjoni ta' strateġiji integrati dwar l-inklużjoni attiva għandhom ikunu element ċentrali fl-aġenda politika soċjali tal-UE u f'dik nazzjonali;

G.  billi l-miżuri ta' awsterità u l-miżuri li jimmiraw għal konsolidazzjoni fiskali jaf ikollhom effett negattiv sproporzjonat fuq il-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fuq il-faqar fost in-nisa, pereżempju minħabba t-tnaqqis fis-settur pubbliku li jaffettwa n-n-nisa jew minħabba limiti fuq il-benefiċċji soċjali għall-kura tat-tfal;

H.  billi, minkejja l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-progress fl-Istati Membri fit-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020 huwa iktar baxx milli kien mistenni; billi l-impenji stabbiliti fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE;

I.  billi l-aspetti soċjali u tal-impjieg huma miġbura biss f'waħda mill-ħames prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir filwaqt li jirrappreżentaw tlieta mill-ħames miri ewlenin tal-Istrateġija UE 2020;

Messaġġi ewlenin bil-perspettiva tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

1.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-messaġġi li ġejjin jiffurmaw parti mill-gwida politika tiegħu għas-Simestru Ewropew 2012, u jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi din il-pożizzjoni matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-1-2 ta' Marzu 2012;

I.  L-iżgurar tal-koerenza u ż-żieda tal-ambizzjoni biex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020

2.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-gwida politika ta' kull sena stabbilita fuq il-bażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir hija maħsuba bis-sħiħ biex tissodisfa l-objettivi kollha tal-istrateġija UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

3.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura koerenza bejn il-prijoritajiet differenti fil-gwida politika tiegħu, sabiex il-gwida dwar il-konsolidazzjoni fiskali tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali u ma tfixkilx l-isforzi biex jiġu indirizzati l-qgħad, ma żżidx il-faqar u tnaqqas il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li l-attenzjoni ewlenija għandha tkun fuq il-miżuri ta' riforma integrati li jippromwovu t-tkabbir fuq perjodu ta' żmien qasir kif ukoll fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li l-miżuri baġitarji, ta' tkabbir u ta' impjieg jittieħdu flimkien minħabba li huma kollha interdipendenti u b'mod konġunt jikkostitwixxu prerekwiżiti għall-irkupru;

4.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura li, fil-lijni gwida għall-politika tiegħu, jiġu ddedikati fondi tal-UE għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

5.  Huwa tassew imħasseb dwar il-fatt li l-miri nazzjonali attwali mhumiex biżżejjed biex jiksbu l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-Istati Membri jżidu l-miri nazzjonali tagħhom u li dawn ikunu akkumpanjati minn pjanijiet direzzjonali konkreti u realistiċi għall-implimentazzjoni, u jiġu vvalutati permezz ta' indikaturi ċari u konsistenti li jkunu bbażati fuq Qafas ta' Valutazzjoni Konġunta approvat, sabiex l-UE titqiegħed fi triq ċara u vijabbli biex tikseb l-objettivi tal-Ewropa 2020 u l-progress ikun jista' jitkejjel b'mod trasparenti;

II.  L-appoġġ tal-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli permezz ta' investiment u riforma tat-taxxa

6.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jipprovdi l-flessibbiltà baġitarja meħtieġa u inkorraġġiment għall-investimenti fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u diċenti f'firxa wiesgħa ta' setturi, kif ukoll investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema u tal-persuna qiegħda u fit-tnaqqis tal-faqar;

7.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew japprova l-gwida politika biex tneħħi l-piż tat-taxxa bħala parti tal-ispejjeż mhux relatati mal-pagi minn fuq il-ħaddiema filwaqt li jħeġġeġ lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawk l-eżenzjonijiet/tnaqqis biex joffru pagi diċenti għall-għixin; jemmen li dan ikun aktar attraenti biex il-ħaddiema jiġu impjegati u jżommu l-impjieg tagħhom u biex itejjeb is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tax-xogħol, partikolarment dak tal-gruppi vulnerabbli; jitlob lill-Kunsill Ewropew, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, japprova l-gwida dwar iż-żieda tad-dħul permezz ta' tassazzjoni ġusta, progressiva, redistributtiva, effikaċi u effiċjenti u koordinazzjoni aħjar tat-taxxa biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa;

III.  It-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni akbar tal-ħaddiema

8.  Jiddispjaċih li l-gwida politika mmirata biex tagħmel ix-xogħol aktar attraenti ma tindirizzax il-kwalità tax-xogħlijiet u tagħti ftit wisq attenzjoni lit-twaqqif tal-prekundizzjonijiet neċessarji għaż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, speċjalment dik tan-nisa, tal-persuni b'diżabilità u tal-aktar persuni mċaħħda pereżempju bħal dawk li ilhom qiegħda; jitlob lill-Kunsill Ewropew jinkludi l-gwida dwar ix-xogħol deċenti u l-isforzi biex jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, permezz ta' provvediment ta' kura u ta' kura tat-tfal bi prezz li jista' jintlaħaq minn kulħadd, liv relatat mal-familja u arranġamenti għal xogħol flessibbli;

9.  Iwissi li l-miżuri ta' awsterità u t-tnaqqis ta' piż amministrattiv m'għandhomx jikkompromettu l-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u tas-sigurtà u lanqas m'għandhom jirriżultaw f'kundizzjonijiet anqas stretti jew eżenzjonijiet mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

IV.  L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ

10.  Jenfasizza l-importanza li ma jintilifx il-potenzjal tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, u jitlob lill-Kunsill Ewropew jagħmel l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità; jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex jaħdmu, jistudjaw jew jistħarġu, inklużi miżuri politiċi mmirati u attivi dwar is-suq tax-xogħol, miżuri li jindirizzaw l-iżbilanċi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol, promozzjoni tal-intraprenditorjat fost iż-żgħażagħ u oqfsa li jiżguraw il-bidla mill-edukazzjoni għax-xogħol, bħal pereżempju “Taħriġ Vokazzjonali Doppju”; jitlob lill-Istati Membri jintroduċu, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tiżgura d-dritt ta' kull persuna żagħżugħa fl-UE li tiġi offruta xogħol, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta' 4 xhur qgħad; jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-forom ta' impjieg prekarju, bħalma huma l-kuntratti temporanji, ix-xogħol part-time mhux mixtieq kif ukoll l-internships bla ħlas, fost iż-żgħażagħ;

V.  L-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali b'enfażi fuq gruppi b'ebda rabta jew b'rabtiet limitati mas-suq tax-xogħol

11.  Jilqa' l-fatt li, għall-ewwel darba, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jinkludi gwida fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jitlob lill-Kunsill Ewropew japprova din il-gwida bħala prijorità, filwaqt li jiżgura li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tmur lil hinn mill-miżuri mmirati għall-integrazzjoni tal-persuni fis-suq tax-xogħol billi titpoġġa enfażi fuq il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni attiva tal-gruppi vulnerabbli bl-ebda rabta jew b'rabtiet limitati mas-suq tax-xogħol;

12.  Jenfasizza li l-Artikolu 9 TFUE għandu jiġi integrat fis-Semestri Ewropej kollha, inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, li għandhom jiġu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt soċjali ex ante u ex post;

VI.  It-tisħiħ tal-leġittimità demokratika, ir-responsabilità u s-sjieda

13.  Ifakkar li l-importanza miżjuda tad-dimensjoni Ewropea tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri għandha timxi id f'id mal-leġittimità demokratika miżjuda u r-responsabilità xierqa tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; iqis li, fin-nuqqas ta' bażi legali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja applikabbli għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kunsill Ewropew għandu responsabilità speċjali biex jikkunsidra l-kummenti parlamentari meta japprova l-gwida politika sabiex jagħtiha leġittimità demokratika u li bl-ebda mod is-sens ta' urġenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' awstrerità u tad-dixxiplina fiskali ma għandu jiġi qabel il-ħtieġa ta' proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

14.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jiżguraw li parlamenti nazzjonali u reġjonali, sħab soċjali, awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti sew fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta' governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tbiddel l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir f'Linji gwida dwar it-Tkabbir Sostenibbli Annwali fl-2013, tippreżentah f'format li jippermetti lill-Parlament jipproponi emendi u jiżgura li proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet interistituzzjonali jintemm fi gwida politika approvata komunement;

Sforzi addizzjonali li għandhom jitkomplew fil-qasam tal-impjiegi u soċjali
Żieda tal-livelli tal-impjiegi u titjib tal-kwalità tax-xogħol

16.  Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-setturi bl-akbar potenzjal ta' impjiegi, b'mod partikolari fil-bidla għal ekonomija sostenibbli (xogħlijiet ekoloġiċi), saħħa u servizzi soċjali (impjieg fis-settur tas-saħħa) u l-ekonomija diġitali;

17.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-ambjent għan-negozji, speċjalment l-SMEs u b'mod partikolari jħeġġu negozji ġodda u jappoġġaw SMEs eżistenti fl-attivitajiet tagħhom favur il-ħolqien tal-impjiegi;

18.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew isaħħaħ l-isforzi biex jitjieb is-Suq Uniku, biex tiżdied l-ekonomija diġitali u biex tingħata attenzjoni partikulari fir-rigward ta' regolamentazzjoni intelliġenti sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda;

19.  Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tas-servizzi tal-impjiegi u jadottaw politiki attivi fis-suq tax-xogħol - f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali - li jkunu appoġġati b'mod reċiproku minn inċentivi ta' attivazzjoni, bħal pereżempju programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, u sistemi ta' benefiċċji adegwati sabiex tinżamm l-impjegabilità, u jappoġġaw lill-persuni biex imorru lura għax-xogħol u jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet ta' għixien deċenti;

20.  Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw u jiżviluppaw kundizzjonijiet għal arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli speċjalment għall-ħaddiema iktar anzjani u dawk iktar żagħżugħa u jippromwovu l-mobilità tal-ħaddiema; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-produttività tax-xogħol u l-effiċjenza madwar l-UE sabiex terġa' tinkiseb il-kompetittività tal-Ewropa;

21.  Jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi strutturali sabiex tiżdied l-impjegabilità u jiġi missielet il-qgħad strutturali u fit-tul b'mod effikaċi; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida u assistenza ulterjuri lill-Istati Membri favur dan l-għan, speċjalment f'dawn iż-żminijiet ta' reċessjoni u sfidi soċjali;

22.  Iqis li l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 għar-rata tal-impjiegi tista' tinkiseb biss jekk il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tiżdied b'mod sinifikanti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura gwida iktar b'saħħitha għall-Istati Membri, li għandha timmira lejn it-twaqqif tal-kundizzjonijiet neċessarji għar-rati ogħla ta' impjiegi fost in-nisa, bħal pereżempju kura tat-tfal bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd, maternità adegwata, paternità u skemi tal-liv parentali u flessibilità fil-ħinijiet u l-postijiet tax-xogħol;

23.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jivvaluta l-effettività tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika tiegħu fl-appoġġ tal-parteċipazzjoni tas-suq tal-adulti kollha fl-unitajiet domestiċi, fil-provvediment ta' pagi għal għixien deċenti u fl-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet “il fuq għal dawk maqbuda f'xogħlijiet prekarji jew b'paga baxxa, peress li dawn huma t-tliet mekkaniżmi li jistgħu jnaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu; jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu l-faqar fost dawk li jaħdmu billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża dejta disaggregata skont is-sess fir-rapporti tal-progress tagħhom;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu aktar il-valur miżjud reali li ħaddiema akbar fl-età jirrappreżentaw fi ħdan l-intrapriża tagħhom u joħolqu kundizzjonijiet ta' xogħol li jiffavorixxu l-età sabiex jippermettu lill-ħaddiema akbar fl-età biex jagħżlu li jipparteċipaw u jibqgħu fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu dan billi jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni tal-età, jissostitiwxxu inċentivi għall-ħaddiema akbar fl-età biex jitilqu mis-suq tax-xogħol b'inċentivi għal suq tax-xogħol inklużiv u jadattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema akbar fl-età, bħal pereżempju t-twaqqif ta' ħinijiet u postijiet ta' xogħol flessibbli, id-dritt għat-taħriġ u d-dritt għal mogħdija flessibbli għall-irtirar, filwaqt li jiżguraw il-provvediment adegwat ta' pensjoni għal kulħadd; jemmen li l-prevenzjoni tas-saħħħa okkupazzjonali għandha tiżgura tixjiħ attiv waqt u wara l-ħajja tax-xogħol;

26.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li n-nies fuq kuntratti temporanji u part-time ikollhom l-istess trattament, inkluż rigward it-tkeċċija u l-paga rigward il-liġi tal-UE primarja u sekondarja, u li dawn il-ħaddiema u n-nies li jaħdmu għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali adegwata u aċċess għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja u li l-kundizzjonijiet qafas ikunu stabbiliti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu karriera; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw ftehimiet oqfsa dwar xogħol part-time u impjieg b'terminu fiss u jinfurzaw b'mod effikaċi d-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

27.  Jemmen li għandhom jiġu implimentati r-riformi neċessarji fis-suq tax-xogħol - bl-għan li jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività - b'tali mod li tiġi żgurata ġustizzja soċjali u tiġi promossa l-kwalità tal-impjiegi, filwaqt li jiġu rrispettati t-tradizzjonijiet nazzjonali tad-djalogu soċjali;

28.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu passi biex itejbu l-mobilità fi ħdan u bejn swieq tax-xogħol u jneħħu l-ostakli legali u amministrattivi eżistenti kollha li jxekklu l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea;

29.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji biex itejbu l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli;

30.  Jiddispjaċih dwar l-isforzi insuffiċjenti biex tiġi implimentata l-integrazzjoni tas-sessi fil-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, minnkejja l-fatt li l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) jitlob lill-Kummissjoni tintegra perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-gwida politika se tindirizza l-inugwaljanzi tas-sessi; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw l-intergrazzjoni tas-sessi fit-tfassil tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fil-każ ta' Stati Membri li ma jieħdux kont tad-dimensjoni tas-sessi;

Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

31.  Jitlob lill-Istati Membri jadattaw u jespandu l-investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fil-promozzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali u fit-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi ta' etajiet kollha, mhux biss permezz tat-tagħlim formali, iżda wkoll permezz tal-iżvilupp ta' tagħlim mhux formali u informali, li jwasslu għal livell ta' potenzjal ta' tkabbir ogħla u jwissi kontra l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fit-tul tat-tnaqqis fil-baġits għall-edukazzjoni;

32.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jegħlbu l-iżbilanċi u n-nuqqas tal-ħiliet u jżidu s-sinerġiji bejn l-universitajiet, istituzzjonijiet ta' taħriġ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u intrapriżi, billi jtejbu l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet, jadattaw s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jagħtu lill-ħaddiema ħiliet ġodda sabiex jiġġieldu kontra l-qgħad strutturali u jippreparaw lill-ħaddiema għall-bidla lejn ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jħallux li l-miżuri ta' awsterità jikkompromettu l-politiki favur it-tkabbir, u jiprijoritizzaw infiq li ma jagħmilx ħsara lit-tkabbir bħal fl-edukazzjoni, fit-tagħlim tul il-ħajja, u fir-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li jiżguraw l-effiċjenza ta' dan l-infiq;

34.  Ifakkar li, fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Żgħażagħ Attivi”, il-Kummissjoni wegħdet li tipproponi Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, u jitlobha tippreżenta, mingħajr dewmien, dan il-Qafas;

35.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni vigoruża tal-Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki bħala għodda li tippromwovi l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil min iħaddem joħolqu iktar opportunitajiet għal ħaddiema nisa fis-setturi tat-teknoloġiji l-ġodda sabiex jissaħħaħ is-settur tat-teknoloġija avvanzata skont l-objettivi tal-Ewropa 2020;

Ġlieda kontra l-faqar, promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi

37.  Jenfasizza l-fatt li, skont l-Ewrobarometru ta' Novembru 2011, 49% taċ-ċittadini Ewropej ikkwotaw l-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali bħala politika ta' prijorità li jixtiequ jaraw imħeġġa mill-Parlament Ewropew, billi jagħmluwha bħala t-tħassib ewlieni tagħhom qabel il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, baġitarji u fiskali;

38.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, inkluż aċċess għal sistemi tal-pensjoni li ma jiddiskriminawx bejn is-sessi, u jiżguraw li jkomplu jaġġixxu bħala protetturi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

39.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji attivi ta' inklużjoni u servizzi ta' kwalità għolja adegwati bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd, appoġġ adegwat ta' dħul minimu u approċċi direzzjonali għal impjiegi ta' kwalità biex jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni ta' gruppi b'introjtu baxx u vulnerabbli;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu s-sejħa tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali sabiex ikun hemm Rapporti Soċjali Nazzjonali parteċipattivi li jsejsu l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali, abbażi tal-objettivi komuni tal-MMK Soċjali u filwaqt li jipprovdu soluzzjonijiet multidimensjonali għall-faqar li jippromwovu aċċess għad-drittijiet, għar-riżorsi u għas-servizzi;

41.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jpoġġu fis-seħħ, jimplimentaw u jinfurzaw miżuri antidiskriminatorji effikaċi; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' miżuri antidiskriminatorji fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi;

42.  Jitlob lill-Istati Membri jispeċifikaw fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jappoġġaw il-miri nazzjonali fir-rigward tal-faqar u f'setturi soċjali, tal-impjiegi u edukattivi oħrajn biex jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

43.  Iwissi li r-riformi tal-pensjonijiet imħeġġa fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ma jistgħux sempliċiment iżidu l-età tal-pensjoni bi tpattija għad-defiċits, iżda, għall-kuntrarju, għandhom iqisu s-snin ta' ħidma, filwaqt li jnaqqsu l-faqar fost l-anzjani u bla ma jipperikolaw is-sistemi tal-pensjoni mmexxija mill-gvernijiet;

44.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe riforma fis-sistema tas-saħħa tkun iffokata fuq it-titjib tal-kwalità u fuq l-iżgurar tal-adegwatezza, l-affordjabilità u l-aċċess universali;

45.  Huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali tal-kriżi fuq il-faqar fost in-nisa; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-konsolidazzjoni fiskali tkun kompatibbli mad-dimensjoni soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-linji gwida dwar l-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa wkoll l-effetti tal-miżuri ta' awsterità fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjiegi tan-nisa;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa analiżi u integrazzjoni tas-sessi f'dak li għandu x'jaqsam mal-impatt tar-riformi tal-pensjonijiet fuq il-ħajja tan-nisa fl-UE bl-għan li tindividwalizza d-drittijiet tal-pensjoni u s-sistemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll tat-taxxa;

Sforzi addizzjonali meħtieġa biex itejbu l-governanza, l-impenn u l-leġittimità demokratika

47.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għad għandhom rwol limitat fis-Semestru Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-gwida politika fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir imnedija mill-Kummissjoni, u li trid tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew, hija nieqsa mill-involviment parlamentari u għalhekk mill-leġittimità demokratika;

48.  Jinnota li ħames Stati Membri li bħalissa għandhom Memorandum ta' Qbil mal-Kummissjoni, l-FMI u l-BĊE ma rċevew l-ebda rakkomandazzjoni speċifika għal kull pajjiż f'Lulju 2011; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil huwa kompatibbli bis-sħiħ mal-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020 dwar iż-żieda tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar; Ittenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għandha tkun involuta fil-programmi ta' assistenza finanzjarja IMF-ECB tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kunsill Ewropew jagħti lill-Istati Membri kkonċernati l-inkorraġġiment meħtieġ għall-investimenti fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, edukazzjoni u taħriġ u fit-tnaqqis tal-faqar sabiex jiffaċilita l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kisba tal-miri ewlenin tal-UE f'dawn l-oqsma;

49.  Jitlob lill-Istati Membri, fl-isfond tal-agħar kriżi ekonomika li qatt kien hemm fl-Unjoni Ewropea, jimplimentaw mingħajr dewmien il-programmi ta' riforma nazzjonali meħtieġa;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0542.
(2) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 116.
(3) ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0495.
(6) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(7) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0092.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0230.
(10) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(11) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.
(12) ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
(13) ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.
(14) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.


Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012
PDF 319kWORD 76k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012 (2011/2319(INI))
P7_TA(2012)0048A7-0018/2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (COM(2011)0815),

–  wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv dwar il-governanza ekonomika adottat fis-16 ta' Novembru 2011, u b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tabella għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi: id-disinn inizjali previst(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politika Ekonomika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0018/2012),

A.  billi l-evidenza statistika l-aktar reċenti tenfasizza ż-żieda fl-inugwaljanzi u fil-qgħad fl-Unjoni Ewropea,

B.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri tilfu l-fokus tal-għanijiet prinċipali tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

L-isfidi ekonomiċi u l-politiki makroekonomiċi ewlenin

1.  Jilqa' l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) 2012, kif preżentat mill-Kummissjoni bħala bażi soda għas-Semestru Ewropew ta' din is-sena; jenfasizza li s-soluzzjonijiet li huma mmirati speċifikament għall-kriżi tad-dejn sovran u dik finanzjarja, u li fuqhom qed jaħdmu ta' kuljum l-istituzzjonijiet kollha, għandhom jimxu id f'id ma' fokus ewlieni fuq il-miżuri - fuq żmien medju u fit-tul - li jsaħħu t-tkabbir, kif ukoll ma' reviżjoni tal-qafas ekonomiku ġenerali, sabiex jittejbu s-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-Ekonomija Ewropea, u jiġi żgurat is-suċċess dejjiemi tagħha;

2.  Iqis, madankollu, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ma jissodisfax il-bżonn li terġa' titrabba l-fiduċja fid-djar u fl-impriżi Ewropej, kif ukoll fis-swieq finanzjarji, peress li l-Istħarriġ ma jarax il-bżonn li tittieħed azzjoni urġenti li tappoġġja l-attività u l-impjiegi fiż-żmien qasir, għal investiment fl-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

3.  Ifakkar li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 u għadd ta' inizjattivi oħra, li jeħtieġ li jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea, diġà kien fihom ħafna mill-elementi meħtieġa biex terġa' titrabba l-fiduċja, tiżdied il-kompetittività, u jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Ifakkar fit-talbiet li huwa indirizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi u jitlob tweġiba pubblika għall-elementi f'dik ir-riżoluzzjoni;

5.  Jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni, jew l-implimentazzjoni mhux uniformi, ta' linji gwida miftiehma fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqies il-marġni ta' diskrezzjoni meħtieġ li l-Istati Membri jgawdu minnu biex iħaddmu l-politiki tagħhom, li qed iżommu li l-linji gwida miftiehma jagħtu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE 2020; jilqa' l-fatt li din is-sena l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni kif ukoll fuq azzjonijiet li jsaħħu t-tkabbir; jenfasizza l-fatt li l-leġittimità demokratika u s-sjieda fil-livell nazzjonali tat-tibdiliet deċiżi f'termini ta' governanza ekonomika fil-ġejjieni jeħtieġ li jitkabbru b'mod sostanzjali;

6.  Jaqbel li l-AGS u l-pożizzjonijiet uffiċjali meħuda mill-Parlament Ewropew u minn istituzzjonijiet Ewropej oħra f'dan ir-rigward jiffissaw il-prijoritajiet għall-azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE għat-tnax il-xahar li jmiss, inkluż sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020, li jridu jiġu integrati fid-deċiżjonijiet ekonomiċi u baġitarji nazzjonali, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE speċifiċi għal kull pajjiż;

7.  Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE għandhom jikkonċentraw fuq il-ħames prijoritajiet li ġejjin:

   issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati r-rilanċ ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;
   l-iżgurar tal-finanzjament fuq żmien fit-tul tal-ekonomija reali;
   jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli permezz ta' aktar kompetittività u investimenti;
   jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi;
   jiġu mmodernizzati l-amministrazzjoni pubblika tal-UE u s-servizzi ta' interess ġenerali;

8.  Jilqa' l-evalwazzjoni tal-progress tal-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020, iżda jenfasizza li l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar għandha tibqa' prijorità ewlenija ta' kull politika;

9.  Jemmen li l-aċċess għas-servizzi bażiċi bankarji jibqa' fattur ewlieni fl-inklużjoni soċjali u għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar kuraġġuża biex tiggarantixxi dan l-aċċess;

Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati r-rilanċ ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

10.  Jagħraf l-interdipendenza u għalhekk ir-riperkussjonijiet bejn l-ekonomiji u l-politiki fiskali tal-Istati Membri; jenfasizza li l-prospetti ta' tkabbir tal-Istati Membri kollha, kemm dawk attwalment fiż-żona tal-Euro kif ukoll dawk barra, huma dipendenti ħafna minn kemm tiġi indirizzata b'determinazzjoni l-kriżi tad-dejn sovran u fuq kemm il-politiki ekonomiċi kkoordinati jiżguraw li jkun hemm fokus aħjar fuq l-investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-passi adegwati biex jikkoreġu d-defiċits eċċessivi tagħhom sal-iskadenzi stipulati mill-Kunsill u jnaqqsu d-dejn sovran tagħhom għal livell sostenibbli;

11.  Jieħu nota tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar il-governanza ekonomika; jemmen li dawn il-proposti għandhom joffru l-opportunità tat-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew rigward id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċeuri ta' sorveljanza tal-politika ekonomika fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 121 u 136 tat-Trattat;

12.  Ifakkar li fil-kuntest attwali fejn diversi Stati Membri huma konfrontati b'għażliet stretti u diffiċli rigward l-allokazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, huwa urġenti li tiġi żgurata l-konsistenza tal-istrumenti politiċi ekonomiċi differenti u b'mod partikolari ta' politiki li jwasslu għar-rispett tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020 u tal-għanijiet prinċipali fuq bazi ugwali;

13.  Ifakkar, f'din il-perspettiva, fil-ħtieġa li jiġu identifikati, ivvalutati u indirizzati r-riperkussjonijiet tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, kif ukoll li jsiru valutazzjonijiet dwar l-impatt soċjali tal-istrumenti tal-politika ekonomika inklużi fil-qafas tas-Semestru tal-UE;

14.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom iħaddmu strateġiji differenzjati skont il-qagħda baġitarja tagħhom u jinsisti li l-Istati Membri għandhom iżommu ż-żieda tan-nefqa pubblika taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG fuq żmien medju sakemm nefqa akbar ma tiġix kumplimentata b'miżuri tad-dħul diskrezzjonali addizzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-aspetti ta' nfiq u dħul fil-baġit, jagħtu prijorità lil politika li jiffavorixxu t-tkabbir, bħal l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-enerġija, u sabiex jiżguraw li dawn l-infiq u d-dħul ikunu effiċjenti; jappella għal riforma effiċjenti, soċjalment ġusta u sostenibbli:

   tas-sistemi tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali,
   ta' politiki dwar taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir fl-Istati Membri, ta' koordinazzjoni fiskali mtejba u, fejn ikun il-każ, armonizzazzjoni fl-UE; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex, kif miftihem, itejbu l-oqfsa fiskali domestiċi tagħhom bil-għan li jippromwovu politiki fiskali effiċjenti u sostenibbli(5); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koordinament ta' miżuri kontra l-evażjoni fiskali;

L-iżgurar tal-finanzjament fuq żmien fit-tul tal-ekonomija reali;

15.  Jilqa' l-fatt li tinsab għaddejja reviżjoni maġġuri tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju; jemmen li jinħtieġu miżuri aktar diliġenti u ambizzjużi sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tal-UE; jenfasizza li dan isaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li dan għandu jsir b'mod li jiskoraġġixxi l-arbitraġġ regolatorju u li ma jinkoraġġix il-ħarba tal-kapital jew ir-rilokazzjoni tal-attività finanzjarja mill-UE;

16.  Jenfasizza l-fatt li biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-investituri jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ tas-sitwazzjoni tal-kapital tal-banek u tal-miżuri maħsuba biex isostnu l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, b'mod li kemm jista' jkun jitnaqqsu s-sistemi ta' rimunerazzjoni għal żmien qasir u l-mudelli ta' negozju mhux adegwati; jemmen li hemm bżonn ta' riforma ulterjuri fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju sabiex jiġu riflessi r-riskji akbar fis-swieq tad-djun sovrani u privati, li tinkludi t-tisħiħ tas-sitwazzjoni tal-kapital tal-banek sistemiċi, għalkemm din m'għandhiex iddgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji mhux sistemiċi; jenfasizza li, wara li jkunu ġew kapitalizzati kif suppost, il-banek m'għandhomx jirrestrinġu bla bżonn it-tislif lill-ekonomija reali, u għalhekk l-azzjonijiet regolatorji għandhom iqiegħdu l-bażi għaż-żieda fil-kapaċità tagħhom li jisilfu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema Ewropea tas-sorveljanza finanzjarja żżomm s-self mill-banek, b'mod partikolari minn dawk l-istituzzjonijiet li bbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat relatata mal-kriżi u mill-appoġġ tal-linji tal-likwidità tal-BĊE; jistenna li l-Kummissjoni tressaq il-proposti tagħha dwar il-ġestjoni tal-kriżi tal-banek qabel is-sajf tal-2012; jiddeplora s-soċjalizzazzjoni tat-telf privat b'injezzjonijiet tal-likwidità fis-settur bankarju u l-imġiba spekulattiva tal-aġenziji tal-kreditu u taċ-ċentri finanzjarji internazzjonali;

17.  Jappoġġja l-ħolqien ta' bonds ta' proġetti mfassla biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-proġetti tal-infrastruttura ewlenin sabiex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

18.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-grupp BEI fl-appoġġ tal-ekonomija reali u tal-SMEs b'mod partikulari, u biex jiżgura l-investimenti fil-proġett infrastrutturali għal żmien twil skont l-istrateġija UE 2020; jemmen li l-UE għandha tuża r-riżorsi eżistenti u toħloq strumenti innovattivi tal-finanzjament għal dawk l-Istati Membri bi spazju limitat għal stimolu finanzjarju;

Il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli permezz ta' aktar kompetittività u investimenti

19.  Jinsab imħasseb dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-UE u l-fatt li ħafna Stati Membri, l-aktar dawk taħt pressjoni mis-suq, qed jaqgħu lura f'termini ta' produttività; jinsisti dwar ir-rwol tat-koordinament imsaħħaħ tal-politiki ekonomiċi u tar-riformi strutturali biex jiġu indirizzati dawn il-problemi kemm f'pajjiżi b'defiċit kif ukoll f'pajjiżi b'surplus; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira tat-tkabbir globali fis-snin li ġejjin huwa mistenni li jiġi minn barra l-UE, u dan se jkun jeħtieġ tisħiħ tal-kapaċità ta' esportazzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll il-provvista ta' qafas stabbli għall-investiment dirett barrani li joħloq valur destinat għall-ekonomija reali tal-UE;

Jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi (kompetenza tal-Kumitat EMPL)

20.  Jemmen li l-ispariġġ strutturali bejn il-provvista u d-domanda għax-xogħol se jfixkel l-irkupru u t-tkabbir fuq żmien fit-tul u għaldaqstant jappella biex jitwettqu riformi strutturali fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol u r-responsabilitajiet tas-sħab soċjali fid-disinn u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali;

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE u tas-servizzi ta' interess ġenerali

21.  Ifakkar li l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali hija element determinanti tal-kompetittività, u fattur importanti fil-produttività; jinnota li r-riformi fis-settur pubbliku huma parti essenzjali mill-proċess biex terġa' tinkiseb il-kompetittività; iqis li l-kwalità għolja tal-ħtiġijiet amministrattivi teħtieġ riżorsi baġitarji u riformi xierqa, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fil-protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali;

22.  Jieħu nota tal-Qafas tal-Kwalità dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali tat-tisħiħ taċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridiċi dwar kif ir-regoli tal-UE japplikaw għal servizzi ta' interess ġenerali (SGI), jiżgura l-aċċess għal servizzi essenzjali u jippromwovi l-kwalità;

23.  Jiddispjaċih għall-pass bil-mod li mexjin bih ċerti Stati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jħeġġiġhom jaslu għar-riżultati miftiehma fir-rigward tal-kwalità tal-istatistika; huwa konvint bis-sħiħ li d-disponibbiltà ta' data affidabbli, eżatta u aġġornata tipprovdi element prinċipali tal-proċess politiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-affidabilità tad-data provduta mill-Istati Membri għall-Kummissjoni (Eurostat); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva tal-Kunsill li ġiet adottata reċentement dwar ir-Rekwiżiti għall-Qafas Baġitarju tal-Istati Membri mill-aktar fis possibbli;

24.  Jappella għal aktar effiċjenza fl-għoti tas-servizzi pubbliċi kif ukoll għal żieda fit-trasparenza u fil-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġudikatura, u jħeġġeġ ukoll sabiex il-piż amminsitrattiv u l-burokrazija mhux meħtieġa jitnaqqsu; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza u tal-valutazzjonii tal-prestazzjoni tas-servizz pubbliku f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

25.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, peress li l-AGS tkopri ħafna aktar minn elementi ekonomiċi biss, tiżviluppa programmi għal setturi politiċi speċifiċi, bħad-difiża, fejn il-ġestjoni konġunta jew is-sjieda konġunta bejn diversi Stati Membri tista' tipprovdi ekonomiji ta' skala, li jistgħu jagħtu valur miżjud u ffrankar finanzjarju lill-Istati Membri involuti;

26.  Jenfasizza, fil-kuntest ekonomiku attwali, ir-rwol aktar kruċjali li għandhom programmi b'fondi tal-UE u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipproponi proposta għall-finanzjament ta' azzjonijiet tal-istrateġija UE 2020 permezz tat-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li ma ntużawx;

Qafas proċedurali

27.  Jiddeplora l-fatt li t-Trattat ma jipprevedix formalment l-involviment tal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tal-BEPG (Linji Gwida Wiesgħa dwar il-Politika Ekonomika)/AGS, filwaqt li fit-temi dwar l-impjiegi l-kontribut tal-Parlament jingħata taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni (Artikolu 148(2) TFUE); ifakkar li l-AGS għandu jkun suġġett għal proċedura ta' kodeċiżjoni li għandha tiġi introdotta sal-bidla li jmiss fit-trattati; jixtieq iżid id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet parlamentari, fejn huwa xieraq u b'rispett u kunsens reċiproċi;

28.  Ifakkar li s-Semestru Ewropew issa huwa parti mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (ara l-Artikolu 2a fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011)(6);

29.  Ifakkar li l-qafas ġuridiku tal-governanza ekonomika (is-“six pack”) jipprovdi l-għodda għal djalogu ekonomiku: “sabiex isaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u jiżgura aktar trasparenza u responsabilità, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista” jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Grupp tal-euro, jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu d-deċiżjonijiet li ttieħdu...Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat mit-tali deċiżjonijiet biex jipparteċipa fi skambju tal-opinjonijiet“; jitlob li din l-għodda, li tiffaċilita l-kooperazzjoni ekonomika u l-ftehim reċiproku, tintuża kemm jista” jkun spiss;

30.  Jinnota li l-edizzjoni tal-2012 tas-Semestru Ewropew hija l-ewwel waħda wara l-ftehim dwar il-qafas ġuridiku tal-governanza ekonomika msaħħa (is-“six pack”), li fih regoli msaħħa għall-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir u regoli dwar il-fiskalità nazzjonali, kif ukoll proċeduri ġodda għall-monitoraġġ u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-istħarriġ futur taħt it-titolu “Linji Gwida Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli”;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u li hi għandha tippubblika qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill sabiex tiżviluppa nomenklatura ġenwina u komuni tal-baġit u tal-kontabilità;

34.  Ifakkar il-fatt li l-Kunsill għandu jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament bħala parti mid-djalogu ekonomiku fil-Parlament meta ma jaqbilx b'mod sinifikanti mar-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni;

35.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni għandhom jirrispettaw u jippreservaw id-diskrezzjoni politika meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Istat Membru, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126, peress li hemm bosta mezzi li jistgħu iwasslu għall-kisba tal-għanijiet u tal-objettivi rakkomandati;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispjega r-raġuni għaliex hija vvalutat b'mod negattiv il-Programm ta' Riforma Nazzjonali (NRP) jew il-Programm ta' Stabilità u Konverġenza (SCP) u kull dokument ieħor sottomess mill-Istati Membri fil-qafas tal-governanza ekonomika; jistenna li billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istat Membru konċernat il-metodoloġija dettaljata tiegħu u l-ipotesi ta' ħidma li ssejjes l-valutazzjoni tagħha;

37.  Ifakkar li l-qafas ġuridiku l-ġdid jistipula li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew sabiex tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità tad-deċiżjonijiet meħuda, partikolarment permezz tad-djalogu ekonomiku, kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni sekondarja relevanti;

38.  Ifaħħar lill-Kummissjoni talli ppubblikat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha sal-aħħar ta' Novembru u jistenna li din l-iskadenza ssir permanenti sabiex il-Parlament ikollu żmien biżżejjed biex jesprimi l-fehmiet tiegħu qabel ma l-linji gwida annwali jiġu deċiżi mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

39.  Jenfasizza l-fatt li l-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, jekk ikun il-każ, il-President tal-Ewrogrupp, għandhom jippreżentaw annwalment ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jaqblu mal-Parlament dwar kalendarju ssimplifikat għas-Semestru Ewropew sabiex dan isir kemm jista' jkun effettiv, trasparenti u leġittimu;

41.  Jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa (1-2 ta' Marzu 2012);

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0583.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0542.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0331.
(5) Ara, pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).
(6) Ara r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12).

Avviż legali - Politika tal-privatezza