Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan (2012/2654(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Azerbajġan, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 bir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Azerbajġan, li daħal fis-seħħ fl-1999 u n-negozjati li għadhom għaddejjin bejn iż-żewġ partijiet, dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni ġdid sabiex jissostitiwixxi dak preċedenti,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat” tal-15 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Nazzjonali ġdid għall-ħarsien aktar effikaċi tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Azerbajġan li ġie approvat mill-President tal-pajjiż fis-27 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Azerbajġan qed jipparteċipa b'mod attiv fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fis-Sħubija tal-Lvant, u billi huwa impenjat li jirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma valuri ċentrali ta' dawk iż-żewġ inizjattivi; billi, madankollu, is-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan kompliet tmur għall-agħar b'ritmu mgħaġġel tul dawn l-aħħar snin, minkejja l-impenji inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'żieda fil-pressjoni fuq l-NGOs u l-midja indipendenti u intimidazzjoni fil-konfront tagħhom li rriżultat f'firxa ta' sensazzjoni ta' biża fost il-qawwiet tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fost l-attivisti żgħażagħ u dawk tan-netwerk soċjali li wasslet għal ċensura proprja fost il-ġurnalisti;
B. billi l-protesti paċifiċi fil-15 ta' Mejju 2012 fil-belt kapitali ta' Baku li appellaw għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi qabel l-Azerbajġan jospita l-Eurovision Song Contest fis-26 ta' Mejju 2012 twaqqfu mill-pulizija; billi l-użu tal-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi huwa mudell ta' mġiba min-naħa tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan li juri nuqqas ta' konformità mal-impenji li ttieħdu mill-Azerbajġan lejn l-UE u fi ħdan l-ambitu tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);
C. billi ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u persuni oħra li jixtiequ jesprimu l-opinjoni tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet ta' interess pubbliku, jew jikkritikaw lill-awtoritajiet tal-gvern fl-Azerbajġan ġew attakkati, ingħataw fastidju, ġew mhedda jew impriġjunati, fejn il-każijiet tal-ġurnalisti Idrak Abbasov u Khadija Ismaylova huma ta' tħassib partikolari;
D. billi Elnur Mecidli, attivist u membru tal-partit tal-oppożizzjoni tal-Front popolari, inħeles mill-ħabs fis-16 ta' Mejju 2012;
E. billi l-Eurovision Song Contest tal-2012 li se jsir fis-26 ta' Mejju 2012 ġewwa Baku għandu jservi ta' opportunità għall-Azerbajġan sabiex juri l-impenn tiegħu lejn id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
F. billi mijiet ta' proprjetajiet ġew esproprjati b'mod mhux trasparenti u mhux responsabbli u mijiet ta' sidien tad-djar ġewwa Baku tkeċċew bil-forza f'isem il-proġetti ta' żvilupp, inkluż il-viċinat ħdejn il-Pjazza tal-Bandiera Nazzjonali, li huwa l-post fejn jinsab il-Palazz tal-Kristall ta' Baku, fejn se jsir il-Eurovision Song Contest tal-2012 fost avvenimenti futuri oħra;
G. billi l-libertajiet tal-istampa u tal-midja spiss ma jiġux ikkunsidrati; billi l-libertà diġitali mingħajr restrizzjonijiet, inklużi l-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda onlajn, fil-prattika mhijiex żgurata;
H. billi l-Azerbajġan ingħata siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-perjodu 2012-2013, u ħa l-impenn li jirrispetta l-valuri espressi fil-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
I. billi l-Azerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
1. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan iwaqqfu immedjatament l-azzjonijiet kollha mmirati li jrażżnu l-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda, billi dawn imorru kontra l-impenji tal-Azernajġan rigward id-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
2. Jikkundanna s-swat brutali ta' Idrak Abbasov, ġurnalist tal-gazzetta “Zerkalo” u tal-Istitut għal-libertà u s-sikurezza tal-korrispondenti, min-naħa tal-pulizija u l-għassiesa tas-sikurezza tal-kumpanija statali taż-żejt SOCAR meta kien qed jiġbed film tat-twaqqigħ tad-djar fil-kwartier ta' Sulutapa ġewwa Baku;
3. Jikkundanna l-kampanja ta' rikatti u intimidazzjonijiet imwettqa kontra l-ġurnalista investigattiva Khadija Ismaylova minħabba l-investigazzjonijiet tagħha fl-allegati interessi kummerċjali tal-familja tal-President Aliyev;
4. Jinnota l-investigazzjonijiet li għaddejjin imnedija mill-awtoritajiet tal-Azerbajġan dwar l-attakki fuq il-ġurnalisti; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-investigazzjoni effikaċi ta' dawn l-inċidenti u t-teħid ta' passi legali kontra dawk li wettqu dawn l-attakki;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jippermettu protesti paċifiċi u jipprojbixxu l-indħil min-naħa tal-pulizija fix-xogħol tal-ġurnalisti li jirrapurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet;
6. Jikkundanna l-fastidji, l-intimidazzjoni u l-vjolenza kontra l-ġurnalisti u persuni oħra li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod paċifiku; jistieden lill-awtoritajiet jeħilsu immedjatament mill-ħabs jew mid-detenzjoni qabel il-proċess lil dawk miżmuma fuq akkużi b'motivazzjoni politika, inklużi sitt ġurnalisti – Anar Bayramli, Ramil Dadashov, Vugar Gonagov, Zaur Guliyev, Aydin Janiyev u Avaz Zeynalli – , l-attivist tal-midja soċjali Bakhtiyar Hajiyev, l-avukat u mexxej ta' NGO Vidadi Isganderov, l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u avukat Taleh Khasmammadov, u l-attivisti impriġjunati fuq akkużi b'motivazzjoni politika relatati mal-protesti paċifiċi f'April 2011;
7. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan li qed jiġi nnegozjat attwalment għandu jinkludi klawżoli u punti ta' referenza dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-midja u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, li jirriflettu l-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni tal-Azerbajġan u l-impenji li ttieħdu min-naħa tal-Azerbajġan fl-ambitu tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE;
8. Jesprimi s-simpatija tiegħu għall-promoturi tal-kampanja “Sing for Democracy”, imnedija fl-okkażżjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir f'Baku u jittama li l-azzjoni tagħhom tista' tikkontribwixxi sabiex tqanqal ir-riformi demokratiċi indispensabbli u t-titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa l-pajjiż;
9. Jinsab imħasseb dwar it-tkeċċijiet furzati u t-twaqqigħ ta' bini b'rabta mal-pjan ta' rikostruzzjoni ewlieni ġewwa Baku, marbut parzjalment mal-Eurovision Song Contest li ġej; jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jiżguraw li l-kostruzzjoni ta' bini ġdid li għaddejja ġewwa Baku tikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti u li r-risistemazzjoni taċ-ċittadini titwettaq bi proċedura legali trasparenti u b'kumpens ġust;
10. Jilqa' l-ħelsien mill-ħabs ta' Elnur Mecidli, membru tal-partit tal-oppożizzjoni tal-Front Popolari; jistieden lill-gvern tal-Azerbajġan jagħti viża lir-Rapporteur Speċjali tal-PACE dwar il-Priġunieri Politiċi sabiex ikun jista' jżur il-pajjiż, skont il-mandat tiegħu;
11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jiżguraw il-libertajiet diġitali, inkluż l-aċċess mingħajr ċensura għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, li huma drittijiet universali u huma indispensabbli għad-drittijiet tal-bniedem bħal dawk tal-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, u sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika;
12. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jadottaw l-abbozz ta' liġi dwar il-malafama, li jipprevedi t-tneħħija tar-responsabilità kriminali għall-malafama u l-insult; jilqa' d-diskussjonijiet dwar l-adozzjoni ta' liġi bħal din fi ħdan is-soċjetà tal-Azerbajġan, il-kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE f'dan ir-rigward, u l-intenzjoni tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan li jadottaw abbozz ta' liġi qabel l-aħħar tas-sena;
13. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jallinjaw il-leġiżlazzjoni dwar l-elezzjonijiet, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-midja mal-istandards internazzjonali, u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha;
14. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan iżidu l-isforzi tagħhom għar-riforma tal-aspetti kollha tas-sistema ġudizzjarja: il-prosekuzzjoni, il-proċess, il-kundanna, id-detenzjoni u l-appelli;
15. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jikkonċernaw lill-Azerbajġan;
16. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali fl-Azerbajġan wara l-Eurovision Song Contest; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-possibilità ta' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jekk dawn jibqgħu jippersistu;
17. Jikkundanna bil-qawwi t-theddid li sar min-naħa tal-organizzazzjonijiet Iżlamiċi radikali u l-individwi fil-konfront tal-parteċipanti tal-European Song Contest li ġej, b'mod partikolari dawk li jappartienu għall-komunità LGBT; jappoġġa bil-qawwi l-identità sekulari tal-Azerbajġan u l-għażla libera tagħha tal-orjentazzjoni tal-politika barranija;
18. Jikkundanna bil-qawwi t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, u japprezza ħafna l-kontribut tal-Azerbajġan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu fuq livell reġjonali u internazzjonali;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tar-Repubblika tal-Azerbajġan u lill-Istati Membri tal-UE, u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.