Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2655(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0241/2012

Dibattiti :

PV 24/05/2012 - 15.3
CRE 24/05/2012 - 15.3

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2012 - 16.3
CRE 24/05/2012 - 16.3

Testi adottati :

P7_TA(2012)0229

Testi adottati
PDF 217kWORD 49k
Il-Ħamis, 24 ta' Mejju 2012 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tar-refuġjati tal-Korea ta' Fuq
P7_TA(2012)0229RC-B7-0241/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati tal-Korea ta' Fuq (2012/2655(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Korea ta' Fuq (ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea - RDPK) u b'mod partikulari, dik adottata fit-8 ta' Lulju 2010(1),

–  wara li kkunsidra s-samit UE-Ċina tal-14 ta' Frar 2012 u d-29 djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-29 ta' Ġunju 2010 f'Madrid, li fih ġiet diskussa l-kwistjoni tar-refuġjati tal-Korea ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar ir-RDPK ippreżentat fis-6 sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tar-Reviżjoni Perjodika Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2009),

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreżentat fil-21 ta' Frar 2011 mir-Rapporteur Speċjali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, li fih esprima tħassib għall-fatt li “r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea s'issa għadha ma wriet l-ebda impenn biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjoni perjodika universali”,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/HRC/19/L.29 adottata b'kunsens mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-19 ta' Marzu 2012, li fiha l-Kunsill esprima t-tħassib serju ħafna tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem gravi, mifrux u sistematiku li għaddej fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, u r-riżoluzzjoni A/RES/66/174 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, adottata fid-29 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Korea t'Isfel dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, ibbażat fuq madwar 800 intervista ma' refuġjati, inklużi mijiet ta' intervisti ma' persuni li baqgħu ħajjin wara ż-żmien fil-kampijiet tal-priġunieri u li ħarbu mill-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-digriet tal-2010 tal-Ministeru tas-Sigurtà Pubblika tar-RDPK li ddikjara l-ħarba mill-pajjiż bħala krimini ta' “tradiment kontra n-nazzjon”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Diċembru 2011 tal-awtoritajiet tar-RDPK li fiha indikaw l-intenzjoni tagħhom li “jeqirdu” sa tliet ġenerazzjonijiet ta' familja jekk membru ta' dik il-familja jaħrab mill-pajjiż waqt il-perjodu ta' 100 ġurnata ta' lutt għall-mewt ta' Kim Jong-il,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, imsemmija aktar kmieni, tikkundanna l-abbużi serji, mifruxa u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, b'mod partikolari l-użu tat-tortura u ta' kampijiet ta' xogħol kontra priġunieri poltiċi u ċittadini ripatrijati tar-RDPK; billi l-awtoritajiet tal-istat sistematikament iwettqu u jippermettu li jsir qtil extra-ġudizzjarju, detenzjonijiet arbitrarji u għajbiet furzati;

B.  billi partijiet kbar mill-popolazzjoni qed isofru ġuħ estrem u billi l-Programm Dinji tal-Ikel irrapporta f'Settembru 2009 li terz min-nisa u t-tfal tal-Korea ta' Fuq kienu nieqsa mill-ikel;

C.  billi, b'riżultat dirett tal-politiki tal-Gvern tar-RDPK u minkejja l-perikli, huwa stmat li matul is-snin sa 400 000 persuna mill-Korea ta' Fuq ħarbu mill-pajjiż, li ħafna minnhom jgħixu fiċ-Ċina, pajjiż ġar, bħala “immigranti illegali”;

D.  billi ħafna mir-refuġjati mir-RDPK m'għandhom l-ebda intenzjoni li jibqgħu fiċ-Ċina iżda jkollhom jgħaddu minn dak il-pajjiż biex jaslu fil-Korea t'Isfel jew f'partijiet oħra tad-dinja;

E.  billi, abbażi tal-ftehim tagħha ta' ripatrijazzjoni tal-1986 mal-Korea ta' Fuq, iċ-Ċina ma tħallix liċ-ċittadini mill-Korea ta' Fuq jagħmlu użu mill-proċeduri tal-ażil tal-UNHCR, bi ksur tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Refuġjati u tal-Protokoll għaliha tal-1967, li għalihom ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija firmatarja; billi, skont stimi tal-NGOs, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tarresta u tibgħat lura bil-forza sa 5 000 refuġjat mill-Korea ta' Fuq lejn ir-RDPKorea kull sena;

F.  billi għadd kbir ta' refuġjati mill-Korea ta' Fuq fiċ-Ċina huma nisa, li ħafna minnhom huma vittmi ta' traffikar tal-persuni, skjavitù sesswali u żwieġ furzat u billi t-tfal imwielda minn dawn il-vjolazzjonijiet huma meqjusa bla ċittadinanza fiċ-Ċina u qed jisfaw abbandunati jew jitħallew għall-istess destin bħal t'ommijiethom;

G.  billi fid-29 ta' Marzu 2012, Kim Young-hwan u tliet attivisti oħrajn min-Netwerk għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Korea ta' Fuq ibbażat f'Seoul, ġew arrestati fil-belt Ċiniża ta' Dalian, fil-provinċja ta' Liaoning, u qed iħabbtu wiċċhom ma' allegazzjonijiet li kienu ta' “theddida għas-sigurtà taċ-Ċina” waqt li kienu, kif irrappurtat, qed jgħinu lil persuni li kienu ħarbu mill-Korea ta' Fuq;

H.  billi, skont rapporti minn xhieda li raw il-ġrajjiet, ir-refuġjati li jintbagħtu lura bil-forza lejn il-Korea ta' Fuq isofru sistematikament tortura, priġunerija f'kampijiet ta' konċentrament u jistgħu saħansitra jisfaw maqtula, filwaqt li allegatament in-nisa tqal jiġu furzati jabbortu u t-trabi minn missirijiet Ċiniżi jissograw li jinqatlu; billi l-prattika tal-Istat, ta' ħtija b'assoċjazzjoni, tirriżulta fit-tfigħ il-ħabs ta' familji sħaħ, inkluż tfal u nanniet;

I.  billi l-immaġini tas-satelliti u diversi rakkonti minn persuni li ħarbu mill-Korea ta' Fuq jissostanzjaw l-allegazzjonijiet li r-RDPK tħaddem tal-anqas sitt kampjiet ta' konċentrament u għadd numeruż ta' “kampijiet ta' riedukazzjoni” li jista' jkun li fihom jgħajxu sa 200 000 priġunier, li ħafna minnhom ikunu politiċi;

1.  Itenni s-sejħa tiegħu lir-RDPK biex ittemm minnufih il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem gravi, mifrux u sistematiku mwettaq kontra l-poplu tagħha stess u li qed iwassal biex il-Koreani ta' Fuq jaħarbu minn pajjiżhom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDPK jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tar-Reviżjoni Perjodika Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u, bħala l-ewwel pass, jippermettu li jsiru spezzjonijiet fit-tipi kollha ta' faċilitajiet ta' detenzjoni minn esperti internazzjonali indipendenti;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw approċċ aktar sistematiku fl-organizzazzjoni ta' protezzjoni Ewropea u internazzjonali għall-Koreani ta' Fuq li jaħarbu minn pajjiżhom u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jgħinu lir-refuġjati mill-Korea ta' Fuq;

4.  Iqis ta' dispjaċir kbir li, fil-każ ta' Kim Young-hwan u l-attivisti sħabu, l-awtoritajiet Ċiniżi, skont kif irrappurtat, għall-ewwel darba applikaw it-tixlija ta' “theddida għas-sigurtà nazzjonali”, li tista' twassal għall-piena tal-mewt; jistieden l-awtoritajiet Ċiniżi jagħtu aċċess konsulari sħiħ lill-awtoritajiet tal-Korea t'Isfel u rappreżentanza legali lill-erba' attivisti detenuti, u biex jeħilsuhom malajr;

5.  Jistieden lir-Repubblika Popolari Ċiniża tonora l-obbligazzjonijiet tagħha skont il-liġi internazzjonali, partikolarment il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll għaliha tal-1967, kif ukoll il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984, u sabiex ma tibqax tiddeporta lill-Koreani ta' Fuq lura lejn ir-RDPK, peress li dawk li jirritornaw lura u l-familji tagħhom huma f'riskju kbir ta' abbuż u saħansitra li jinqatlu;

6.  Għaldaqstant iħeġġeġ lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ttemm il-ftehim tagħha tal-1986 mal-Korea ta' Fuq dwar ir-ripatrijazzjoni tar-refuġjati, u jilqa' r-rapporti riċenti li ċ-Ċina jista' għandha l-intenzjoni li tbiddel il-politika tagħha; ifakkar li ċ-ċittadini tal-Korea ta' Fuq huma meqjusa bħala ċittadini sħaħ tar-Repubblika tal-Korea u jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tagħtihom passaġġ sikur lejn il-Korea t'Isfel jew lejn pajjiżi terzi oħrajn;

7.  Jappella lill-awtoritajiet Ċiniżi jikkunsidraw lill-Koreani ta' Fuq li ħarbu minn pajjiżhom bħala refuġjati “sur place”, jippermettu aċċess lill-UNHCR biex tiddetermina l-istatus tagħhom u tassistihom biex isibu sistemazzjoni ġdida sikura, jeħilsu lil dawk kollha maħruba li jinsabu detenuti fil-mument, jiddikriminalizzaw li dawk li jippruvaw jgħinu lir-refuġjati għal raġunijiet umanitarji, u li jagħtu lin-nisa Koreani ta' Fuq miżżewġa lil ċittadini Ċiniżi l-istatus ta' residenti legali;

8.  Jistieden ukoll liċ-Ċina ttemm il-kooperazjoni tagħha mal-aġenti tas-sigurtà tal-Korea ta' Fuq fl-intraċċar tar-refuġjati Koreani ta' Fuq bil-għan li jarrestawhom; iħeġġeġ lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tagħti lill-NGOs u lill-fornituri ta' servizz komunitarju aċċess umanitarju lill-persuni mill-Korea ta' Fuq li huma refuġjati jew li qed ifittxu ażil fiċ-Ċina, inklużi l-provvista ta' ikel, kura medika, edukazzjoni, u servizzi legali u oħrajn;

9.  Jistieden lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jqajjmu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u l-kwistjoni tar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq li jinsabu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina waqt it-taħdidiet kollha ta' livell għoli bejn l-UE u ċ-Ċina u bħala parti mid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina;

10.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati membri tal-UE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Korea, tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Korea ta' Fuq u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 132.

Avviż legali - Politika tal-privatezza