Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar id-definizzjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ġdida mal-Amerika Latina (2011/2286(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-sitt samits tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Amerika Latina u l-Karibew u l-UE li saru f'Río de Janeiro (fit-28 u d-29 ta' Ġunju 1999), f'Madrid (fis-17 u t-18 ta' Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta' Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta' Mejju 2006), f'Lima (fis-16 u s-17 ta' Mejju 2008) u f'Madrid (fis-17 u t-18 ta' Mejju 2010),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni adottata waqt is-17-il Samit Iberoamerikan tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern, li sar f'Asunción (Paragwaj), fid-28 u l-29 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kjoto u r-riżultati tal-ħmistax-il Konferenza tal-partijiet tal-UNFCCC f'Kopenħagen, is-sittax-il-Konferenza f'Cancun u s-sbatax-il Konferenza f'Durban;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-finanzjament tal-Iżvilupp ta' Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005) u l-Aġenda għall-bidla ta' Accra (2008),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti, tat-8 ta' Settembru 2000, li fiha ġew stabbiliti l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) bħala kriterji miftehma flimkien mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni adottati fil-Laqgħa ta' Livell Għoli ta' Busan dwar l-Effiċjenza tal-Għajnuna għall-Iżvilupp, f'Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-proċess ta' tħejjija għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-XIV-il laqgħa ministerjali bejn il-Grupp ta' Río u l-Unjoni Ewropea, li saret fi Praga fit-13 u l-14 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li “L-objettiv prinċipali tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp(1), u b'mod partikolari l-punt 61 tiegħu, fejn tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-Pajjiżi bi Dħul Medju għat-twettiq tal-MDGs u fejn jiġu riflessi d-diffikultajiet li jiffaċċjaw dawn il-pajjiżi flimkien ma' dawk tal-Pajjiż bi Dħul Medju-Għoli,
– wara li kkunsidra l-kodiċi ta' komplementarjetà u d-diviżjoni tax-xogħol tal-2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Madrid adottat fis-Samit UE-LAC f'Mejju 2010 u s-6 temi prinċipali tiegħu: 1- Ix- Xjenza, ir-Riċerka, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija; 2- L-Iżvilupp sostenibbli; l-ambjent; it-tibdil fil-klima; il-bijodiversità; l-enerġija; 3- L-Integrazzjoni reġjonali u l-interkonnettività għall-promozzjoni tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali; 4- Il-Migrazzjoni; 5- L-edukazzjoni u l-impjiegi; 6 - Id-drogi
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(2),
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni dwar il-programmazzjoni reġjonali għall-Amerika Latina (2007-2013) tat-12 ta' Lulju 2007 (E/2007/1417), u l-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tiegħu,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bl-isem “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija” (COM(2009)0495),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 intitolata “Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta' qafas ta' politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni (COM (2009)0458), il-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta' Novembru 2009 dwar il-Koerenza fil-Politiki għall-Iżvilupp u l-Qafas Operattiv għall-Effikaċja tal-Għajnuna,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010 bl-isem “Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta' tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli - Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE” (COM(2010)0629),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011 bl-isem “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-20 ta' Awwissu 2009 bl-isem “Il-PDG u lil hinn. Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” (COM(2009)0433),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Tħejjija tal-qafas finanzjarju multiannwali li jirrigwarda l-finanzjament tal-kooperazzjoni tal-UE għal pajjiżi tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u l-Paċifiku u l-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej għall-perjodu 2014-2020” (COM(2011)0837, SEC(2011)1459, SEC(2011)1460),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, (COM(2011)0843, SEC(2011)1475, SEC(2011)1476),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 bl-isem “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011)0500) u d-dokument ta' ħidma bl-istess data bl-isem “A Budget for Europe 2020: the current system of funding, the challenges ahead, the results of stakeholders consultation and different options on the main horizontal and sectoral issues” (SEC(2011)0868),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Ewropa Globali: Approċċ Ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE” (COM(2011)0865),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, (COM(2011)0840, SEC(2011)1469, SEC(2011)1470),
– – wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat), u b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet approvati fil-Ħames Sessjoni Plenarja Ordinarja tat-18 u d-19 ta' Mejju 2011 f'Montevideo, l-Urugwaj, dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina u dwar l-Istrateġiji ta' ħarsien u ta' ħolqien tal-impjieg, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ,u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina f'termini ta' sigurtà u difiża,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2001 dwar sħubija globali u strateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(3), tas-27 ta' April 2006 dwar sħubija iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(4), u tal-24 ta' April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-Amerika Latin u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea f'Lima(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-Istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina(6), tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar i-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Amerika Latina(7), u tal-5 ta' Lulju 2011 dwar iż-żieda fl-impatt tal-politika ta' żvilupp tal-UE(8),
– wara li kkunsidra l-istudju dwar politika ġdida ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Amerika Latina: enfasi fuq il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar (Diċembru 2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0159/2012),
A. Billi, kif definit fit-Trattat ta' Lisbona, l-għan globali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp hu dak tal-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, inkluż is-seħħ tal-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju (MDG) fl-2015;
B. Billi dan ir-reġjun jinsab fi grupp ta' pajjiżi ta' dħul medju li kiseb suċċess notevoli fit-tnaqqis tal-faqar – minn 44% għal 33% f'għaxar snin biss – u l-inugwaljanza permezz tat-tkabbir ekonomiku u politiki soċjali mtejba, iżda minkejja dan wieħed minn kull tliet Latino-Amerikani għadhom jgħixu taħt il-livell tal-faqar –180 miljun ruħ, li 52 miljun minnhom jgħixu b'inqas minn 2 euro kuljum –u li 10 pajjiżi tar-reġjun għadhom fost il-15 bl-ikbar inugwaljanza fid-dinja(9); billi xi pajjiżi għandhom rati ta' malnutrizzjoni akbar minn 20% u billi 28 miljun ruħ ma jafux jaqraw u jiktbu, peress li 44 miljun ruħ huma barra s-sistemi tal-protezzjoni soċjali;
C. Billi l-FMI għamel stima ta' livell medju ta' tkabbir tal-PDG ta' 4.5% għall-Amerika Latina fl-2011 u li attwalment qed jiġu ffaċċjati perspettivi ta' tnaqqis ekonomiku globali għall-2012, peress li tibqa' tippersisti inċertezza kbira fuq l-impatt tal-kriżi ekonomika u dik globali finanzjarja fir-reġjun;
D. Billi l-pajjiżi bi dħul medju għandhom magna ta' żvilupp u integrazzjoni reġjonali u billi kriżi f'dawn timpedixxi l-progress f'pajjiżi bi dħul baxx li jinsabu fir-reġjuni tagħhom;
E. Billi t-tnaqqis fil-pajjiżi tar-reġjun mhuwiex regolari, u billi fil-Bolivja, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u s-Surinam l-għajnuna esterna, tibqa' tkun waħda mill-iktar mezzi importanti ta' finanzjament għall-iżvilupp flimkien mal-kontribuzzjonijiet tar-rimessi tal-emigranti, li jirrappreżentaw madwar 6% u 25% tal-PDG ta' dawn il-pajjiżi;
F. Billi d-definizzjoni ta' politika ġdida ta' kooperazzjoni trid tqis il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż u li l-UE għandha tikkollabora mal-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina, u speċjalment mal-MICs, meta tkun qed tmexxi l-Kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u l-ġlieda kontra l-faqar u l-iżvilupp fuq livell reġjonali u globali;
G. Billi l-koeżjoni soċjali kienet għan ewlieni tal-Assoċjazzjoni Strateġika mit-tnedija tagħha fil-Forum fi Guadalajara fl-2004, minħabba l-importanza li għandu għar-reġjun għall-kisba ta' distribuzzjoni mill-ġdid aħjar tad-dħul u l-ġid, permezz ta' politiki adegwati li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u aktar ġustizzja u koeżjoni soċjali;
H. Billi r-rilevanza speċjali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba fil-Programm għall-Bidla; billi l-Amerika Latina hija kontinent fejn id-demokrazija hija normalment stabbilita, li magħha l-Ewropa taqsam valuri u prnċipji demokratiċi, u fejn hu meħtieġ tiġi appoġġjata l-governanza u l-istituzzjonalità tal-Istat, mhedda minn vjolenza u nuqqas ta' sigurtà;
I. Billi fl-MICs se jkun aktar adegwat li l-għajnuna tiġi orjentata mill-ġdid lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u regolatorji, it-tfassil tal-politiki pubbliċi, l-appoġġ għall-atturi soċjali, kif ukoll lejn il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali lill-ODA;
J. Billi l-Amerika Latina u l-UE jiffurmaw Assoċjazzjoni Strateġika Bireġjonali bbażata fuq valuri komuni u b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi 2 mid-9 imsieħba strateġiċi tal-UE fid-dinja huma mill-AL (il-Brażil u l-Messiku); billi l-UE hi l-investitur ewlieni u t-tieni sieħeb kummerċjali, kif ukoll id-donatur ewlieni ta' għajnuna għall-iżvilupp, jiġifieri qed tipprovdi 53% tat-total ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) li qed jirċievi r-reġjun;
K. Billi l-maġġor parti tan-nies f'sitwazzjoni ta' faqar madwar id-dinja jgħixu f'dawn il-Pajjiżi bi Dħul Medju; billi dawn il-pajjiżi ta' spiss jiffaċċjaw inugwaljanza notevoli u governanza dgħajfa li jheddu s-sostenibbiltà tal-proċess ta' żvilupp tagħhom; billi ħafna pajjiżi bi dħul medju għandhom rwol importanti fil-kwistjonijiet ta' politika, ta' sigurtà u ta' kummerċ fid-dinja, billi jipproduċu u jipproteġu l-ġid pubbliku globali, u jaġixxu bħala “pajjiżi ankra” fuq livell reġjonali; u li apparti minn perjodi ta' ġid jibqgħu jkunu vulnerabbli għal riskji globali tat-tip ekonomiku, ambjentali, jew tas-sigurtà;
L. Billi xi pajjiżi tal-Amerika Latina bdew jiġu involuti fl-isforzi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni reġjonali u tal-Kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar (CSS);
M. Billi l-Amerika Latina ma tistax ma tibqax tkun prijorità għall-UE, kif inhu rifless fir-relazzjonijiet bireġjonali UE- Amerika Latina li kellhom progress sinifikanti fis-snin riċenti, bħall-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali, iċ-Ċili u l-Messiku, il-ftehim kummerċjali bejn bosta partijiet kuntraenti mal-Kolombja u l-Peru, in-negozjati mal-Mercosur, il-Pjan ta' Azzjoni ta' Madrid u t-tnedija tal-Fondazzjoni UE-ALK;
N. Billi skont il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, l-appoġġ għall-pajjiżi bi dħul medju jibqa' jkun importanti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;
O. Billi l-UE, permezz tal-ftehimiet stabbiliti mal-imsieħba tar-reġjun, inklużi fil-Ftehimiet ta' assoċjazzjoni u tal-għajnuna tagħha għall-iżvilupp, għandha tkompli tagħti appoġġ sinifikanti għall-proċess ta' żvilupp u stabbilizzazzjoni tar-reġjun; u dan ifisser li l-fatt li tista' tieqaf tagħmel dan meta jiġu kkonsolidati r-riżultati tal-imsemmi proċess iqanqal tħassib serju; Ea.
P. Billi fil-proposta attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ICD huwa mistenni tnaqqis fl-għajnuna bilaterali tal-UE lill-pajjiżi bi dħul medju fl-Amerika Latina u li s-servizzi bażiċi m'għadhomx fuq il-lista ta' prijoritajiet għar-reġjun;
Q. Billi l-allokazzjoni baġitarja tal-ICD attwali għall-AL turi li hija l-aktar reġjun traskurat finanzjarjament fl-istruttura tal-Kapitolu IV tal-baġit komunitarju rigward oqsma oħra li jirċievu għajnuna Ewropea;
R. Billi l-koeżjoni soċjali għandha dimensjoni wiesgħa li tinvolvi l-ġlieda kontra l-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-iżgurar tal-aċċess universali għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet jew id-djar, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-djalogu soċjali u tad-drittijiet tax-xogħol; billi l-ħtieġa ta' patt fiskali li jiggarantixxi b'mod ekwu d-distribuzzjoni aħjar tar-riżorsi;
S. Billi ċ-Ċina saret it-tielet investitur fl-Amerika Latina kif ukoll is-suq prinċipali, jekk mhux l-uniku wieħed ta' esportazzjoni għal ċerti prodotti; billi għalhekk l-UE għandu jkollha rwol iktar attiv sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħha mal-pajjiżi tal-Amerika Latina fi ħdan sistema tal-ODK;
T. Billi indipendentement mill-konnotazzjonijiet tal-kunċett ta' koeżjoni soċjali fuq livell Ewropew jew fl-Amerika Latina, fiż-żewġ reġjuni jista' jinftiehem bħala prinċipju ta' gwida tal-politiki pubbliċi li jippermetti l-orjentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp lejn il-kisba ta' benesseri tal-popolazzjoni kollha, biex b'hekk tiġi evitata l-polarizzazzjoni, in-nuqqas ta' kuntentizza u t-telf ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi;
U. Billi fost l-isfidi ewlenin tad-donaturi fir-reġjun hemm dik tal-koerenza bejn il-politiki, kif ukoll koordinazzjoni u komplementarjetà akbar fil-qafas ta' diviżjoni aħjar tax-xogħol, li jimplika konċentrazzjoni u prevedibbiltà akbar tal-għajnuna;
V. Billi l-ħolqien tal-għana u l-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanza, l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni, speċjalment tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi etniċi minoritarji ‐ kif ukoll il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom prijorità ewlenija tal-assoċjazzjoni strateġika UE-Amerika Latina;
W. Billi r-reġjun joffri indikaturi kompromettenti fil-ġlieda kontra l-mortalità tat-trabi u tal-ommijiet, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-setgħa politika u ekonomika tan-nisa huma fatturi essenzjali sabiex jitnaqqas il-faqar;
X. Billi s-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE tikkostitwixxi strument ewlieni li jippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipparteċipaw iżjed fil-kummerċ globali u b'hekk jiġġeneraw dħul addizzjonali mill-esportazzjoni biex jgħinu t-tkabbir ekonomiku u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-politika dwar l-iżvilupp u t-tnaqqis fil-faqar;
Y. Billi l-insuffiċjenza tal-indiċi tal-PDG bħala indikatur uniku għall-kejl tal-inugwaljanza u għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE bil-għan primarju li jinqered il-faqar;
Z. Billi l-pajjiżi tal-Amerika Latina jesportaw ferm inqas lejn il-ġirien tagħhom minn kemm jesportaw il-kontropartijiet tagħhom f'kontinenti oħra; l-iskambju kummerċjali relattivament baxx huwa minħabba d-distanzi importanti, it-tariffi għolja, id-dwana, il-ftehimiet kummerċjali separati u n-netwerks tal-infrastruttura inadegwati;
AA. Billi titqies l-importanza vitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa pubblika, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali;
AB. Billi d-degradazzjoni tal-ambjent għandu impatt dirett fuq il-ġenerazzjoni tal-faqar; billi l-Amerika Latina hija r-riżerva ambjentali kbira fid-dinja peress li l-Brażil, il-Messiku, il-Perù jew il-Kolombja huma l-pajjiżi bl-akbar bijodiversità fid-dinja, iżda fl-istess ħin hija kontinent vulnerabbli b'mod sepċjali għat-tibdil fil-klima;
AC. Billi t-titjib fil-ġbir tat-taxxa huwa fundamentali sabiex jinbena stat kompetenti li kapaċi jipprovdi lill-poplu tiegħu bis-servizzi bażiċi bħas-saħħa, is-sanità pubblika u l-edukazzjoni;
AD. Billi l-aktar effetti devastanti tat-tibdil fil-klima u t-tisħin globali jaffettwaw fuq skala kbira lill-Amerika Latina u l-Karibew, billi huma l-pajjiżi tar-reġjun l-aktar vulnerabbli tad-dinja; billi d-diżastri naturali kkawżaw telf ta' 54% tal-PDG reġjonali tal-Amerika Ċentrali;
AE. Billi r-referenza espliċita għas-settur privat bħala attur ewlieni għall-ġenerazzjoni ta' żvilupp sostenibbli u l-kontribuzzjoni għall-koeżjoni soċjali inkluża fil-Programm għall-Bidla;
AF. Billi l-importanza tad-djalogu bireġjonali strutturat u globali dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-AL, u l-importanza li l-politiki u l-prattiki tal-migrazzjoni taż-żewġ reġjuni jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-migranti kollha;
AG. billi xi pajjiżi fl-Amerika Latina huma fost l-iżjed vjolenti fid-dinja, u li l-kriminalità flimkien ma' fenomeni bħat-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-armi u l-korruzzjoni għadhom problema gravi ħafna fir-reġjun, li hi theddida għall-iżvilupp tiegħu;
AH. Billi l-proposta tal-Kummissjoni għall-Istrument ta' sħubija tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjun; billi din il-proposta tiffoka b'mod preferenzjali fuq l-imsieħba strateġiċi tagħha u l-ekonomiji emerġenti, filwaqt li jinżamm ukoll approċċ globali li jiffoka fuq l-isfidi u t-theddid globali;
AI. Billi t-theddida għas-sistemi demokratiċi u s-sigurtà kollettiva tal-Amerika Latina tinvolvi l-korruzzjoni marbuta ma' netwerks kriminali, iddedikati b'mod speċjali għad-distribuzzjoni u t-traffikar ta' drogi, li tippenetra fl-istituzzjonijiet, tinfirex f'żoni ta' influwenza territorjali, tikkawża danni kollaterali, u twassal għal problemi serji ta' nuqqas ta' stabbiltà u governanza politika;
1. Ifakkar li, għalkemm l-impatti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fl-Amerika Latina kienu inqas gravi milli kien f'reġjuni oħra, il-livelli tal-inugwaljanza u r-rati tal-faqar għadhom għoljin ħafna, u l-progress tar-reġjun għat-twettiq ta' sitta mit-tmien MDG (Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp) mhuwiex biżżejjed;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina fil-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod speċjali l-azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-faqar, il-ħolqien tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi emarġinati; jenfasizza li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li jimmiraw lejn sħubija globali għall-iżvilupp (MDG 8) għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika ta' kooperazzjoni mal-Amerika Latina tal-UE, b'oqsma magħżula li fihom tiġi implimentata l-istrateġija ġdida ta' “tkabbir inklużiv” f'dawn il-pajjiżi; jissottolinja l-fatt li l-Fondazzjoni UE-Amerika Latina u l-Karibew tista' tagħti kontribut kbir biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;
3. Iqis li l-progressi ekonomiċi u teknoloġiċi ta' wħud mill-pajjiżi tal-Amerika Latina jesiġu li jiġu riveduti l-għanijiet tal-kooperazzjoni bilaterali tal-UE għall-iżvilupp; jinsisti li għandna sfidi komuni li jeħtieġ niffaċċjaw permezz ta' tisħiħ tal-multilateraliżmu; 2. Jitlob li tintemm l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; Jikkunsidra li l-progressi ekonomiċi u teknoloġiċi ta' wħud mill-pajjiżi tal-Amerika Latina jesiġu li l-għanijiet tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp jiġu kkunsidrati; jenfasizza li r-rabtiet bejn it-tkabbir, il-kummerċ, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar la huma sempliċi u lanqas awtomatiċi; fid-dawl ta' dan, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-dibattitu dwar l-iżvilupp futur tal-politika ta' kooperazzjoni tal-UE biex twettaq riflessjoni wiesgħa u profonda dwar il-mudell tal-iżvilupp attwali, u biex tislet il-lezzjonijiet minn deċennji li għaddew, bl-għan li ttaffi l-faqar u l-inugwaljanza b'mod effettiv mingħajr ma jitnaqqas jew jiġi limitat l-ispazju tal-politika;
4. Iqis li l-politika ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp tal-UE għandha tkun definita b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Amerika Latina bil-għan li tinkiseb politika ta' żvilupp sostenibbli, ġusta u bbilanċjata tajjeb fil-konfront tar-reġjun;
5. Jindika li minkejja l-għajnuna tista' taġixxi bħala ingranaġġ għall-pajjiżi tal-Amerika Latina, din mhijiex biżżejjed biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u dejjiemi; għalhekk jistieden lill-pajjiżi tal-Amerika Latina biex isaħħu u jimmobilizzaw ir-riżorsi domestiċi tagħhom, jistabbilixxu sistemi trasparenti ta' tassazzjoni u jiffurmaw governanza fiskali li tkun mingħajr korruzzjoni u frodi, jinvolvu b'mod effettiv is-settur privat, il-gvernijiet lokali u s-soċjetà ċivili fl-aġenda UE-Amerika Latina b'mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni, l-għajnuna teknika u t-twaqqif ta' taħriġ legali u fiskali fejn l-amministrazzjonijiet lokali, u jżidu s-sjieda tagħhom tal-proġetti;
6. Iqis li l-investiment qawwi Asjatiku, speċjalment fid-depożiti ta' materja prima, fir-riżorsi tal-idrokarburi u agrikulturali ta' bosta pajjiżi tal-Amerika Latina, għandha tikkonvinċi lill-Unjoni Eworpea sabiex ma ddumx biex issaħħaħ b'mod effikaċi l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun;
7. Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-bżonn ta' bilanċ tal-politika ta' żvilupp bejn l-Amerika Latina u l-UE, li l-Amerika Latina trid tagħmel sforz speċjali biex tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali tagħha f'termini politiċi, ekonomiċi u kummerċjali;
8. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir progress fir-relazzjonijiet mal-AL permezz ta' politika koerenti tal-iżvilupp; iqis għalhekk li jeħtieġ li jinħolqu strumenti u għanijiet ta' kooperazzjoni mfassla għal kull pajjiż, filwaqt li r-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq l-iżjed vulnerabbli tal-PCD, li b'hekk jittejbu;
9. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinżamm il-volum ta' terz tal-ammont ġeografiku totali tal-kooperazzjoni tal-ICD għall-perjodu 2014-2020 għall-Amerika Latina;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-prinċipju ta' differenzazzjoni u ta' konċentrazzjoni tal-għajnuna propost mill-Kummissjoni; jinsisti li d-differenzazzjoni għandha ssir b'mod gradwali fil-fażi tal-programmazzjoni ‐ kemm fil-pajjiżi li jirċievu kif ukoll fl-istrumenti proprji ta' kooperazzjoni ‐ waqt li jiġu żviluppati forom oħra ta' kooperazzjoni iżjed adattati għall-MIC (pajjiżi ta' dħul medju); jirrakkomanda li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni jkunu oġġettivi u l-istess fil-pajjiżi kollha;
11. Ifakkar li l-approċċ ta' differenzjazzjoni m'għandux jirriżulta fi tnaqqis drastiku fl-importanza tar-reġjun fil-projezzjoni esterna tal-UE, li hija u għandha taġixxi bħala attur globali, peress li hi membru attiv fis-soċjetà internazzjonali u mhux biss id-donatur globali ewlieni; għall-kuntrarju ta' dan, l-UE tista' tikkundanna lilha nnifisha għal nuqqas ta' importanza fir-reġjuni kollha, filwaqt li tħalli spazju miftuħ għall-involviment ta' atturi globali oħrajn;
12. Jinsisti li kull rilokazzjoni ta' fondi għandha tkun għall-benefiċċju tal-programmi ġeografiċi għall-qerda tal-faqar tal-LIC u tal-LMIC tal-istess reġjun;
L-importanza tal-MIC – il-ħtieġa ta' approssimazzjoni differenzjata
13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' severità fl-implimentazzjoni tal-kriterji eliġibbli stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni tal-ICD biex tirtira, fir-rigward ta' ħdax-il MIC tal-LAC, l-aċċess tagħhom għall-programmi bilaterali; ifakkar li xi pajjiżi tal-Amerika Latina huma fost dawk bl-ikbar inugwaljanza fid-dinja - fid-dħul per capita - u li l-inugwaljanza persistenti teżisti f'kuntest ta' mobilità soċjoekonomika baxxa; jinsisti li huma grupp ta' pajjiżi eteroġenji ħafna u li, minħabba f'hekk, għandha tinżamm kooperazzjoni differenzjata, ibbażata fuq il-koordinazzjoni u d-djalogu politiku;
14. Iqis li l-messaġġ imwassal mill-UE lejn ir-reġjun huwa ferm inkwetanti peress li, fil-prattika, huwa dikjarazzjoni li ma tagħtihx l-importanza li jixraqlu, minkejja diversi impenji politiċi u kummerċjali miksuba u l-interessi globali konġunti;
15. Jissottolinja l-ħtieġa, kif espress mill-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, fil-punt 66 tiegħu, sabiex tingħata attenzjoni xierqa lill-MICs, b'mod partikolari lill-pajjiżi ta' bi dħul medju-baxx, li ħafna minnhom jiffaċċjaw problemi simili għal dawk ta' pajjiżi bi dħul baxx;
16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu analiżi oġġettiva u trasparenti fil-qafas tal-prinċipju tad-differenzjazzjoni bl-għan li jiġu riveduti u mwessgħin l-indikaturi użati biex jiġi valutat l-iżvilup, li tmur lil hinn mill-fattur tad-dħul finanzjarju u tinterpreta l-kriterji ekonomiċi fid-dawl ta' fatturi oħra bħall-faqar, il-vulnerabilità i l-indiċi ta' kriżi ECHO, u l-koeffiċjenti Gini u tal-inugwaljanza; javża li l-klassifikazzjoni tal-pajjiżi skont il-livell ta' dħul hija bbażata fuq kalkoli li jaħbu l-inugwaljanza u l-faqar;
17. Jenfasizza li, meta jitqiesu dawk l-indikaturi, l-UE għandha tkompli bil-kooperazzjoni bilaterali taħt il-futura DCI, mill-inqas mal-Kolombja, l-Ekwador u il-Peru;
18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija koerenti għat-tneħħija gradwali tal-għajnuna bilaterali lill-MICs, li jippermettilhom jikkonsolidaw is-sitwazzjoni tagħhom ta' “gradwati” tal-għajnuna u b'hekk jiġi segwit il-prinċipju ta' prevedibbiltà tal-għajnuna msemmi fil-Laqgħa ta' Busan dwar l-Effiċjenza tal-Għajnuna;
19. Jitlob lill-Kummissjoni din it-tneħħija gradwali tal-għajnuna bilaterali minn meta jidħol fis-seħħ l-ICD il-ġdid, iqis il-kriterji li ġejjin:
–
Rabta espliċita tal-għanijiet u l-konċentrazzjoni settorjali tal-għajnuna bilaterali għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, speċjalment permezz tal-kofinanzjament ta' politiki u programmi attivi għat-tnaqqis tal-inugwaljanza fid-dħul u fl-opportunitajiet, kif ukoll programmi oħra iżjed avvanzati ta' appoġġ għall-kompetittività u l-fenomenu tal-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika u xjentifika u ta' assistenza teknika; aċċess ta' preferenza għall-programmi tematiċi, reġjonali u sottoreġjonali, u għall-Istrument ta' Sħubija li jinkludi ammont minimu garantit; sforz qawwi favur l-għajnuna li tiġi rimburzata u l-programmi ta' boroż ta' studju;
–
id-definizzjoni tal-prijoritajiet permezz ta' djalogi bilaterali u bireġjonali mal-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili;
–
iż-żamma tal-kooperazzjoni bilaterali tul perjodu ta' tranżizzjoni adattat għall-indikaturi għall-allokazzjoni tal-għajnuna u s-sitwazzjoni ta' kull pajjiż, tul perjodu massimu ta' tranżizzjoni ta' erba' snin;
20. Jinsisti fuq il-ħtieġa għat-tisħiħ, b'iktar minn EUR 1,000 miljun, tal-Istrument ta' sħubija għall-promozzjoni tal-mudell il-ġdid ta' kooperazzjoni favur il-MIC u l-UMIC li jiżgura l-prevedibbiltà, il-kwantifikazzjoni u l-iskrutinju tal-fondi; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun strument li jsaħħaħ ir-rispons tal-UE għall-isfidi globali bħall-ġlieda kontra l-inugwaljanza, il-bidla fil-klima, is-sigurtà jew il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;
l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;
21. Iqis li l-livelli għoljin ta' inugwaljanza u n-nuqqas ta' mekkaniżmu effettiv ta' ħarsien soċjali huma l-ikbar xkiel għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u għat-tkabbir ekonomiku ġust u sostenibbli tar-reġjun, u għalhekk jitlob attenzjoni ikbar fuq ir-rabta bejn il-governanza demokratika u l-koeżjoni soċjali;
22. Iqis li l-objettiv tal-koeżjoni soċjali tal-assoċjazzjoni UE-AL ma jistax jitwettaq sakemm ma jsirx livell għoli ta' żvilupp u ta' distribuzzjoni ekwa tad-dħul u l-ġid, u li dan il-għan jeħtieġ li jiżgura l-qerda tal-faqar permezz ta' politiki fiskali iktar ġusti u progressivi, li jsaħħu l-kapaċità fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa;
23. Jenfasizza l-importanza tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ; jinnota li l-iskambji kummerċjali Amerika Latina-UE huma fattur kruċjali fit-tnaqqis tal-faqar u fl-iżgurar tal-ħolqien tal-ġid fiż-żewġ kontinenti; iwissi kontra t-tendenzi protezzjonisti li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali;
24. Jisħaq fuq il-fatt li hu importanti li jinżamm l-għan ta' 20% għall-programmi ta' edukazzjoni u saħħa u jinsisti li l-perspettiva tal-ġeneru għandha tiġi kkunsidrata fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali; itenni li l-edukazzjoni u l-investiment fil-kapital uman huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali u tal-iżvilupp soċjoekonomiku; jitlob li jiġu implimentati politiki effettivi u l-finanzjament adegwat għall-ġlieda kontra l-illitteriżmu li jibqa' għoli f'ċerti pajjiżi fir-reġjun, li jaffettwa b'mod speċjali lill-bniet u n-nisa, u l-promozzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas (tal-primarja u s-sekondarja), ħafna drabi limitata minħabba nuqqas ta' riżorsi adegwati f'ċerti baġits statali; jappoġġa f'dan is-sens il-proġett imħejji mill-OEI (Organizzazzjonijiet ta' Stati Ibero-Amerikani) “Miri Edukattivi 2021: l-edukazzjoni li nixtiequ għall-ġenerazzjoni tal-biċentenarji”;
25. Jenfasizza li, għalkemm sar titjib kbir fil-kopertura u l-infiq fuq l-edukazzjoni fl-Amerika Latina tul l-aħħar deċennji, il-kwalità għadha baxxa u l-aċċess mhuwiex ekwu; jenfasizza l-ħidma mwettqa mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programmi Erasmus, Alban u Alfa u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm l-isforz baġitarju mwettaq sal-lum;
26. Jinsisti li d-differenzi kbar fil-prestazzjoni fl-iskejjel fl-Amerika Latina komplew jikbru f'dawn l-aħħar snin jekk wieħed iqabbel iż-żoni rurali ma' dawk urbani, it-tip ta' skola pubblika jew privata, is-sess jew il-livell soċjoekonomiku, għaldaqstant il-problema ta' nuqqas ta' koeżjoni soċjali kompliet tmur għall-agħar;
27. Jinsisti li l-koeżjoni soċjali tkun marbuta mill-qrib ma' politiki oħra bħal dawk dwar il-kummerċ, l-investiment u l-finanzi; Iqis li l-ICD għandu jintroduċi l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali b'mod iżjed effiċjenti fil-programmazzjoni tematika, nazzjonali u reġjonali tiegħu, waqt li jappoġġa prinċipalment politiki fiskali, tributarji u soċjali iżjed ġusti, li jippromwovu l-ugwaljanza, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, ix-xogħol deċenti u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja;
28. Jindika l-importanza tal-programmi bħal EuroSocial, URB-AL u AL-INVEST; COPOLA,D kif ukoll dawk għat-tisħiħ tad-Djalogu u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-AL għat-twaqqif ta' mudelli ta' ġestjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Politika għall-Iżvilupp; iqis li fl-ICD ġdid dawn il-programmi għandhom jiġu msaħħa, billi jiġi esplorat il-potenzjal tagħhom f'termini ta' kooperazzjoni trijangulari;
29. Jinnota l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, permezz tal-ICD, talloka r-riżorsi neċessarji sabiex it-tfal itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom u jkunu jistgħu jiżviluppaw bis-sħiħ il-ħiliet u l-potenzjal tagħhom primarjament fi ħdan il-familja;
30. Itenni l-importanza tal-forum ta' koeżjoni soċjali UE-Amerika Latina u jitlob li jiġi stabbilit bħala spazju għal djalogu politiku bireġjonali fil-qasam tal-koeżjoni soċjali, permezz tal-promozzjoni ta' mekkaniżmi aktar ambizzjużi u ta' koordinazzjoni tal-kooperazzjoni f'dan il-qasam, kif ukoll li tingħata spinta lill-koeżjoni soċjali fl-aġendi tal-fora internazzjonali ewlenin;
31. Jindika li l-Fondazzjoni UE-LAC jista' jkollha rwol rilevanti fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-azzjonijiet u d-dibattiti tas-soċjetà ċivili fuq ir-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fir-reġjun;
Koerenza tal-politika għall-iżvilupp
32. Ifakkar fl-importanza tal-PCD, definita fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għall-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, il-ħarsien tal-ambjent, il-governanza tajba u għall-iżvilupp sostenibbli u inklussiv;
33. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-viżibbiltà tal-proġetti tagħha mwettqa fil-pajjiżi tal-Amerika Latina u tagħmilhom iżjed jinftiehmu miċ-ċittadini tagħhom biex b'hekk turi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni mal-UE;
34. Jindika li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/Kummerċ Ħieles tal-UE m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jkunu f'kunflitt mal-għan tal-Koerenza ta' Politiki għall-Iżvilupp; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-bżonnijiet u t-taħssib dwar il-bilanċ jiġu riflessi b'mod xieraq fil-kapitoli relatati mal-kummerċ bħas-servizzi finanzjarji, l-akkwist mill-gvern u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, u permezz ta' mekkaniżmu b'saħħtu tiżgura l-ilħiq ta' standards komuni dwar drittijiet soċjali, ta' xogħol u ambjentali fi kwalunkwe proċess tan-negozjati li għadu għaddej jew li għad jiġi rieżaminat;
35. Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati tinjora n-natura strateġika tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina billi ċċaħħad lil għadd ta' pajjiżi fir-reġjun minn dan l-istrument allavolja huwa essenzjali għall-iżvilupp tar-reġjun;
36. Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkonsolidaw l-isforzi tagħhom biex iwittu t-triq lejn Ftehim ta' Assoċjazzjoni sħiħ tal-futur mal-Komunità Andina, fl-interess tat-tkabbir ekonomiku u tal-iżvilupp soċjali tal-Istati Membri kostiwenti tiegħu, u konformi mal-valuri, il-prinċipji u l-objettivi tal-UE, li minn dejjem ippromovew l-integrazzjoni tal-Amerika Latina;
37. Jistieden lill-UE tiżgura li r-riżorsi magħżula għall-iżvilupp ma jiġux użati;
38. Iqis li l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-MERCOSUR tista' trawwem u żżid il-kooperazzjoni u l-iżvilupp bejn l-Amerika Latina u l-Unjoni Ewropea, sakemm tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' kummerċ ġust u r-rispett tal-ħidma internazzjonali u tal-istandards ambjentali u l-prinċipju taċ-ċertezza legali għall-investimenti, u sakemm is-sħab ukoll iġibu ruħhom b'mod li jispira l-fiduċja;
39. Jenfasizza li l-ICD l-ġdid għandu jrawwem il-proċess reġjonali ta' integrazzjoni; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u ta' Kummerċ bejn bosta partijiet, jekk ikunu mmirati kif xieraq fuq li jqisu l-asimettriji, jistgħu jkunu inċentiv qawwi fl-iżvilupp tagħha u fl-integrazzjoni reġjonali, imma jsostni li l-inkoerenza bejn il-politiki tikkomprometti dan il-proċess; iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li kwalunkwe ftehim konkluż bilateralment ma jipperikolax il-proċess ta' integrazzjoni tal-Amerika Latina; jinnota wkoll li filwaqt li r-relazzjonijiet interreġjonali naqsu għall-benefiċċju tar-relazzjonijiet bilaterali, din il-bidla lejn il-bilateraliżmu għandha t-tendenza li żżid il-frammentazzjoni u r-rivalità fost il-blokok reġjonali tal-Amerika Latina;
40. Jinsisti fuq il-ħtieġa li fid-delegazzjonijiet tal-UE jiġu stabbiliti punti fokali għall-PCD u l-iżvilupp permezz ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ f'dan il-qasam;
41. Jenfasizza l-importanza għall-Unjoni Ewropea li tiżviluppa politika kummerċjali iktar koerenti mal-politiki tal-iżvilupp, sabiex il-kummerċ ikun jista' wkoll iġib miegħu standards soċjali ġusti b'mod partikolari permezz tal-inklużjoni ta' klawżoli soċjali li jkunu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' sħubija.
42. Jenfasizza l-importanza ta' konsistenza akbar fl-ODA u jqis li l-preżenza tal-UE u tat-tliet pajjiżi tal-Amerika Latina fil-G20, għandha tikkontribwixxi għal tqarrib tal-pożizzjonijiet li jippermettu l-PCD tkun tista' tiġi implimentata b'mod konġunt;
43. Ifakkar fl-obbligu li jiġi rrispettat il-prinċipju inkluż fl-Artikolu 208 fuq il-PCD u li jiġu evitati l-effetti negattivi għar-reġjun tkun tfisser l-esklużjoni ta' 11-il pajjiż tal-kooperazzjoni bilaterali tal-UE kif ukoll l-eliminazzjoni tal-preferenzi kummerċjali li ġejjin mill-iskemi tal-SPĠ+;
44. Ifakkar li s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti fil-konsolidazzjoni tad-demokrazija u fid-definizzjoni, implimentazzjoni u skrutinju tal-politiki ta' żvilupp fl-Amerika Latina; jikkundanna l-ftit importanza li tingħata lill-programmi attwali ta' kooperazzjoni u l-allokazzjoni skarsa ta' riżorsi li jingħataw;
45. Jenfasizza li fil-kuntest tas-sjieda demokratika, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex ikollhom rwol xieraq fid-definizzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp, biex iżommu lill-gvernijiet responsabbli għal dak li jagħmlu, jissorveljaw u jevalwaw ir-rendiment tal-passat u r-riżultati li nkisbu; jenfasizza b'mod speċjali l-importanza li tingħata iżjed setgħa lir-rwol tal-parlamentari tal-Amerika Latina fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
46. Huwa għalhekk iddiżappuntat ferm, li fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles li għadhom kif ġew innegozjati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili hija llimitata b'mod espliċitu għal kwistjonijiet relatati mal-kapitolu tal-Iżvilupp Sostenibbli;
47. Iqis li l-appoġġ għas-soċjetà ċivili għandu jibqa' jirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet tal-ICD li jmiss; jenfasizza li dan l-appoġġ għandu jiġi inkluż fl-istrateġiji tal-pajjiż u fil-programmi reġjonali tiegħu, b'enfasi fuq ir-rwol determinanti tiegħu fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza, il-korruzzjoni u l-iskrutinju tal-użu tar-riżorsi finanzjarji;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju, tekniku u ta' kompetenza lill-amministrazzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-Amerika Latina fil-programmi ta' strateġija reġjonali sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza, it-trasparenza u l-kontabilità tagħhom, li hija kruċjali biex il-parlamenti jwettqu r-rwol proprju tagħhom fil-proċessi demokratiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
49. Ifakkar li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp fil-punt 18 tiegħu jistabbilixxi li “L-UE se tintensifika l-appoġġ tagħha għall-ħolqien ta' kapaċitajiet tal-atturi mhux statali bil-għan li ssaħħaħ il-vuċi tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp u li tavvanza d-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku”; jiddispjaċih li l-Green Paper dwar it-titjib tal-impatt tal-politika ta' żvilupp fl-UE, naqset sew milli tispjega kif se tkun il-parteċipazzjoni u t-taħriġ tas-soċjetà ċivili fil-politika futura ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;
50. Jistieden lill-Viċi-President / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jassiguraw l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-Amerika Latina, kif imsemmi fit-Trattat ta' Lisbona;
Vjolenza u kriminalità
51. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt soċjali tal-livelli għoljin ta' kriminalità u vjolenza fir-reġjun, b'mod partikolari l-femminiċidju; iqis li tinħtieġ definizzjoni ta' strateġija ġdida u iżjed effiċjenti biex jingħeleb dan il-fenomenu kif ukoll il-kawżi ekonomiċi, soċjali u politiċi tiegħu;
52. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja bis-saħħa l-proċessi ta' konsultazzjoni tal-komunitajiet lokali kkonċernati permezz ta' proġetti estrattivi; jisħaq ukoll, f'dan il-kuntest, dwar l-importanza li jiġi żgurat ir-rappurtar ta' kull pajjiż tal-industriji estrattivi, kif previst fil-proposta għad-direttiva dwar il-kontabbiltà u t-trasparenza, bħala għodda biex titnaqqas il-korruzzjoni, it-tixħim u l-evażjoni tat-taxxa;
53. Ifakkar li l-kriminalità u n-nuqqas ta' sigurtà għandhom impatt kbir fuq il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u demokratiċi, kif ukoll fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem;
54. Ifakkar li wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni huwa li jiffavorixxi l-konsolidazzjoni tas-sistemi demokratiċi u d-difiża tad-drittijiet umani fid-dinja, u konsegwentement fl-AL;
55. Juri t-tħassib tiegħu rigward l-impatt sinifikanti tal-vjolenza fuq il-bażi tas-sess li teżisti fir-reġjun;
56. Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-ġlieda kontra l-impunità bħala prijorità fl-iżvilupp tagħha mal-Amerika Latina, u tippreżenta sal-aħħar tal-2012 komunikazzjoni dwar dak is-suġġett b'kapitoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni finanzjarja u l-iskambju tal-informazzjoni, u dwar il-ħarsien tal-vittmi;
57. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi responsabbiltajiet ċari fis-SEAE u tikkoordina l-azzjonijiet rilevanti tad-delegazzjonijiet tal-UE ma' dawk tal-ambaxxati tal-Istati Membri fil-pajjiżi involuti sabiex jikkonvertu d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentanta Għolja Catherine Ashton dwar il-femminiċidju ta' Ġunju 2010 f'politiki konkreti allokati b'riżorsi suffiċjenti;
58. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ politiku u finanzjarju lill-ħidma tas-Sistema Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-kwistjoni tal-femminiċidju u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-sentenzi tagħha;
59. Iħeġġeġ lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tikkonsulta u tgħarraf lill-Parlament Ewropew dwar id-djalogi eżistenti li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem, u tikkoopera, fl-ambitu tas-sħubija bireġjonali, fit-tfittxija ta' rimedji għall-eliminazzjoni tal-femminiċidju u forom oħrajn ta' vjolenza fuq in-nisa;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem b'mod attiv u b'mod regolari tqajjem is-suġġett fid-djalogi politiċi, u b'mod partikolari fid-djalogi attwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u toffri l-kooperazzjoni fit-tiftix għal rimedji li jeliminaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-femminiċidju fil-kuntest tas-sħubija bireġjonali;
It-tibdil fil-klima
61. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-bijodiversità, il-qerda tal-foresti u l-produzzjoni agrikola fl-Amerika Latina;
62. Jinsisti li l-UE ma tagħmilx promozzjoni u lanqas tappoġġja l-produzzjoni agrokarburant fuq skala kbira permezz tal-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp, minħabba l-impatti negattivi tagħha fuq is-sigurtà alimentari, id-deforestazzjoni, l-aċċess għall-art u l-ambjent;
63. Jitlob lill-awtoritajiet lokali tal-pajjiżi tal-Amerika Latina biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-investimenti li qed jiżdiedu li jistgħu jostakolaw l-iżvilupp sostenibbli u l-ekosistemi ta' pajjiż, speċjalment fil-kuntest ta' impatt negattiv tat-tibdil fil-klima;
64. Ifakkar li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta piż żejjed għall-Amerika Latina u li jeħtieġ li jiġu ffinanzjati b'mod urġenti azzjonijiet ta' ġlieda, taffija u adattament;
65. Jitlob il-promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenzi u informazzjoni bejn l-UE u l-AL fil-qafas tal-programm EuroClima u tal-Kooperazzjoni bejn Nofsinhar u Nofsinhar, skont kif miftiehem fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Madrid; ifakkar l-importanza tal-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali;
66. Jindika li, minkejja li tinvolvi 30% tar-riżorsi tal-ilma globali, id-distribuzzjoni tal-ilma fl-Amerika Latina hija irregolari ħafna u mhux ugwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibqa' tassisti lill-pajjiżi msieħba għal ġestjoni aħjar tal-provvista u t-titjib tar-riżorsi tal-ilma;
67. Ifakkar l-impenn tal-UE li tikkontribwixxi biex issaħħaħ ir-rwol tal-enerġija sostenibbli bħala wieħed mill-mezz għall-iżvilupp sostenibbli;
Settur privat u infrastrutturi
68. Jinnota li l-mekkaniżmi bħall-Faċilità ta' Investiment għall-Amerika Latina huma maħsuba li jsiru iżjed importanti fil-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp, li bħala prijoritajiet għandha l-effiċjenza enerġetika, l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport, il-ħarsien tal-bijodiversità u l-appoġġ għall-SMEs, u jenfasizza l-importanza potenzjali tar-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-aġendi tar-reġjun għall-kompetittività internazzjonali; jenfasizza l-fatt li s-soċjetà ċivili għandha rwol ċentrali u xieraq fl-iskrutinju ta' politiki ta' żvilupp, imma jinnota li m'hemmx mekkaniżmu previst fl-istruttura tal-Faċilità ta' Investiment għall-Amerika Latina biex jiżgura r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili jkunu garantiti sabiex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv u s-segwitu tal-fondi tal-kooperazzjoni tal-KE għall-iżvilupp;
69. Jenfasizza l-ħtieġa ta' iżjed studju tal-esperjenzi mal-Faċilità ta' Investiment għall-Amerika Latina u jinsisti li l-proġetti futuri għandhom jiġu soġġetti fl-implimentazzjoni tagħhom għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ stabbiliti b'mod ċar u trasparenti u għal studji tal-impatt soċjali u ambjentali;
70. Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-appoġġ għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju minħabba l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp, it-tkabbir ekonomiku tar-reġjun u l-konsolidazzjoni soċjali u ekonomika; jenfasizza li l-SMEs huma s-sorsi ewlenin tal-ħolqien tal-impjieg; jistma li se tkun meħtieġa wkoll il-promozzjoni tal-attivitajiet ta' responsabbiltà soċjali korporattiva tal-imsieħba Ewropej tagħha bil-għan li tiffavorixxi l-għanijiet tal-politika ta' tkabbir inklussiv tal-UE;
71. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta urġenti lill-bini ta' infrastrutturi fl-Amerika Latina sabiex jiġu appoġġjati r-rati għolja ta' tkabbir attwali u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali; jirrakkomanda l-użu ta' strumenti bħall-MIAL (Mekkaniżmu ta' Investiment tal-Amerika Latina) għall-appoġġ ta' proġetti ta' infrastruttura tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, peress li l-investiment attwali li qed isir mill-pajjiżi Latinoamerikani f'dawn l-oqsma huwa ħafna inqas minn dak meħtieġ; ifakkar li l-użu ta' ODA għal dawn il-proġetti għandu jkun iġġustifikat f'termini tal-kontribuzzjoni tiegħu għat-tnaqqis tal-faqar, il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u l-provvista ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għall-popolazzjoni;
72. Jinsisti li l-KE teħtieġ li tiżviluppa linji gwida ċari dwar il-proċess trasparenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għażla ta' proġetti u tiżgura l-koerenza mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, il-prinċipju tas-sjieda tal-pajjiż u l-impenn tal-UE li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna tagħha;
73. Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-oqsma tal-faċilitajiet tat-taħlit tal-għotjiet u s-self bħal fuq skala żgħira u l-enerġija lokali u l-produzzjoni agrikola u favur l-SMEs u l-mikrointrapriżi tas-settur privat ikunu ffukati fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Kooperazzjoni differenzjata: riċerka xjentifika u teknoloġika
74. Jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' ċerti MIC fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, fi ħdan il-programm Orizzont 2020;
75. Jittama li l-ftuħ ta' djalogu serju dwar it-temi tax-xjenza, l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ, teknoloġija u l-innovazzjoni jista' jħeġġeġ il-ħolqien ta' spazju Ewro-Latino-Amerikan ta' innovazzjoni u għarfien u jgħin biex tiżdied il-kompetittività;
76. Iqis li għandha tiġi promossa l-mobbiltà temporanja tar-riċerkaturi u l-appoġġ għall-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka f'oqsma bħal: is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, ir-riċerka tal-baħar u dik marittima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattament għal dan;
77. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti każ u tagħmel użu aħjar mill-vantaġġ kbir li għandha minħabba fil-pożizzjoni ġeostrateġika ta' xi reġjuni ultraperiferiċi viċin l-Amerika Latina.
78. Jinnota li t-titjib fil-ħidma attwali tal-istituti tar-riċerka dwar il-prattiki agrikoli huwa fundamentali għall-iżvilupp tal-kontinent.
Promozzjoni tal-Kooperazzjoni Reġjonali, bejn Nofsinhar u Nofsinhar (CSS) u Kooperazzjoni Trijangolari
79. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti iktar kunsiderazzjoni profonda lill-inkorporazzjoni tal-CSS fil-politika ta' kooperazzjoni;
80. Ifakkar li l-AL huwa l-aktar reġjun dinamiku tad-dinja fil-qasam ta' CSS, u b'hekk jintwera r-rwol rilevanti tal-MIC bħala dawk li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali u l-miri internazzjonali tal-iżvilupp;
81. Ifakkar li l-UE sa issa għad m'għandhiex definizzjoni strateġika ċara dwar is-CSS(10) li jippermetti li tiġi żviluppata politika aktar attiva f'dan il-qasam; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti indikaturi li juru l-impatt soċjali u ekonomiku tat-tipi ta' CSS differenti u trijangolari;
82. Itenni l-importanza tal-iskambji kummerċjali intrareġjonali u tal-kooperazzjoni trijangolari u r-rwol ewlieni tagħha għas-seħħ tal-MDG, il-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-impjieg u l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni, il-koeżjoni soċjali, l-agrikoltura u l-iżvilupp sostenibbli;
83. Iqis li jeħtieġ li l-inizjattivi ta' kooperazzjoni bireġjonali, CSS u trijangolari jiġu estiżi f'setturi bħax-xjenza u r-riċerka, l-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent, il-bidla fil-klima, l-enerġija, il-koeżjoni soċjali, l-edukazzjoni jew l-impjieg;
84. Jenfasizza l-ħtieġa li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Amerika Latina jitwessa' f'livelli differenti, bħalma huma s-Samits tal-Kapijiet ta' Stat u l-Assemblea Parlamentari EUROLAT, bħala strumenti importanti għall-iżvilupp ta' kunsens politiku; jitlob miżuri biex jiżguraw li l-impenji politiċi meħuda fis-Samits UE-Amerika Latina jkunu akkumpanjati mill-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji neċessarji;
85. Jirrakkomanda lill-Assemblea Eurolat u lill-Fondazzjoni UE-LAC biex jagħtu l-importanza strateġika li jixraq lis-CSS u l-kooperazzjoni trijangulari fl-aġenda tal-ħidma tagħha;
86. Iqis li s-CSS u l-kooperazzjoni trijangolari għandhom ikunu wieħed mill-kwistjonijiet ċentrali tas-VII Samit EU-ALK fiċ-Ċilì, ħaġa li tkompli fuq il-konklużjonijiet finali tas-Samit ta' Madrid;
o o o
87. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iwassal din ir-Riżoluzzjoni lill-Viċipresident/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina u tal-Karibew, lill-Fondazzjoni UE-LAC, lill-Assemblea Parlamentari Euro-Latinamerikana, lill-Parlament Latinamerikan, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, lill-Parlament Andin u lill-Parlament tal-Mercosur.