Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna. Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija (2012/2029(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali: “Il-Politika tal-Enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna” (COM(2011)0539),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija (COM(2011)0540),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2011 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali – “Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020”(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0168/2012),
A. billi l-isfidi tal-enerġija globali komuni attwali u l-implimentazzjoni tal-objettivi ambizzjużi tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima jirrikjedu azzjoni komuni, effettiva u ekwitabbli mill-Unjoni Ewropea fix-xena internazzjonali, b'mod partikulari billi ssaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politika tagħha dwar l-enerġija u billi tieħu pożizzjoni magħquda sabiex iżżid id-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-enerġija, issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u tappoġġja l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli;
B. billi bix-xejriet attwali l-popolazzjoni dinjija mistennija tilħaq id-9 biljun ruħ sal-2050, id-domanda globali għall-enerġija sa tiżdied b'40% sal-2030, l-aktar fil-pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD, filwaqt li l-kompetizzjoni globali mill-ekonomiji emerġenti għar-riżorsi tal-fjuwils fossili se tintensifika;
C. billi d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija aktarx li tiżdied matul id-deċennju li jmiss hekk kif ir-riżorsi tal-fjuwils fossili tagħha jkomplu jinħlew, minkejja l-input miżjud mill-enerġiji rinnovabbli, mill-effiċjenza enerġetika u mir-riċerka dwar it-teknoloġiji tal-enerġija;
D. billi l-effiċjenza enerġetika hija ferm importanti sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija barranija u sabiex jiżdiedu l-indipendenza ġeopolitika u s-sigurtà enerġetika tagħha, billi l-UE qed tonfoq aktar minn EUR 400 biljun fis-sena fuq importazzjonijiet tal-enerġija; billi l-ilħuq tal-mira minima ta' ffrankar ta' 20% fl-użu ta' enerġija mhux biss se jtejjeb is-sigurtà enerġetika tagħna iżda se jnaqqas ukoll b'tal-inqas EUR 50 biljun kull sena t-trasferiment tal-ġid mill-ekonomiji tal-UE lejn il-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija;
E. billi huwa importanti għall-UE li tagħti prijorità sabiex tiżgura u tiżviluppa s-sorsi interni ta' fjuwils fossili, speċjalment ir-riżervi sinifikanti li ġew skoperti reċentement fil-baħar Mediterran, li għandhom inaqqsu d-dipendenza Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija; billi hemm opportunitajiet sostanzjali għall-iżvilupp u l-isfruttament konġunti tas-sorsi ta' fjuwils fossili mal-pajjiżi li huma ġirien tal-UE;
F. billi llum l-UE, bħala ekonomija u soċjetà diġitali, hija ħafna aktar dipendenti fuq provvista tal-elettriku kontinwa u affidabbli milli qatt kienet;
G. billi l-UE diġà hija impurtatur ewlieni tal-fjuwils fossili u qed issir dejjem aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet u aktar vulnerabbli għall-fornituri esterni u għall-pajjiżi ta' tranżitu; billi, mill-banda l-oħra, dan jagħti setgħa konsiderevoli lill-UE bħala waħda mill-akbar xerrejja tal-enerġija fis-swieq tal-enerġija dinjija;
H. billi ż-żieda fil-popolazzjoni u l-istandards dejjem telgħin tal-għajxien kapaċi jżidu d-domanda globali għall-enerġija b'40 % sal-2030; billi d-dipendenza kbira u li qed tiżdied tal-UE fuq l-importazzjonijiet titlob politiki li jirriflettu u jindirizzaw dawn l-iżviluppi potenzjali;
I. billi politika komuni esterna dwar l-enerġija, ibbażata fuq is-solidarjetà, id-diversifikazzjoni u l-kooperazzjoni strateġika, inkluż mal-pajjiżi li l-aktar li jikkunsmaw enerġija, kif ukoll fuq il-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli indiġeni tal-enerġija, toħloq sinerġiji li jgħinu jiżguraw sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea u jsaħħu l-kapaċità tal-UE għal azzjoni tal-politika barranija u l-kredibilità tagħha bħala attur globali, inkluż fil-qasam tat-tibdil fil-klima;
J. billi l-kumpaniji minn pajjiżi terzi jibbenefikaw mill-ftuħ tas-suq tal-enerġija tal-UE, iżda billi l-kummerċ mhux trasparenti u manuvri ta' akkwiżizzjoni ostili minn dawn il-kumpaniji jirrappreżentaw theddida li tirrikjedi l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u leġiżlazzjoni rilevanti oħra sabiex jiġi żgurat suq intern li jiffunzjona bi provvista diversifikata tal-enerġija, u jiġi evitat li jkun hemm tfixkil u kriżijiet futuri fil-provvista taż-żejt mhux raffinat u tal-gass;
K. billi l-Istati Membri qed isiru dejjem aktar interkonnessi u billi għaldaqstant ġie ppruvat li l-isforzi biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista fuq livell esklussivament nazzjonali mhumiex biżżejjed u ma jissalvagwardjawx l-interessi fit-tul tal-Istati Membri kollha;
L. billi, għalkemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-enerġija ġiet fil-parti l-kbira rikonoxxuta mill-UE, għad hemm in-nuqqas tal-investiment meħtieġ;
M. billi suq intern tal-enerġija Ewropew li jkun integrat bis-sħiħ u li jiffunzjona fuq il-prinċipju tas-solidarjetà biss jista' jindirizza biżżejjed l-isfidi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija li joħorġu mid-differenzi fil-kompożizzjoni u s-sehem tal-importazzjonijiet tal-enerġija fid-diversi Stati Membri;
N. billi huwa ta' importanza kritika li tiġi żgurata l-konsistenza u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE dwar l-enerġija mal-pajjiżi produtturi, ta' tranżitu u konsumaturi ewlenin, u billi huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni strateġika u politika fost l-Istati Membri fin-negozjati mal-fornituri b'saħħithom tal-enerġija fil-pajjiżi terzi;
O. billi r-rabtiet fil-qasam tal-enerġija jirrikjedu prevedibilità, stabilità u investiment fuq żmien fit-tul;
P. billi l-isfida tas-sigurtà tal-enerġija hija li ttaffi l-inċertezzi li joħolqu tensjonijiet bejn il-pajjiżi u li jitnaqqsu l-ineffiċjenzi tas-suq li jġibu fix-xejn il-benefiċċji tan-negozju, kemm għall-fornituri kif ukoll għall-konsumaturi;
Q. billi huwa stimat li r-reġjun Artiku jinkludi madwar terz tal-medja stmata tal-gass mhux skopert tad-dinja u 13 fil-mija taż-żejt mhux skopert;
Is-suq intern tal-enerġija – koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE
1. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni tkun żviluppata għall-aħħar; jenfasizza, ukoll, il-ħtieġa ta' koordinazzjoni b'saħħitha bejn il-politiki tal-Istati Membri u għal azzjoni u solidarjetà konġunti fil-qasam tal-politika esterna dwar l-enerġija u tas-sigurtà tal-enerġija, jirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza u tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-enerġija, b'konformità mal-objettivi fuq żmien fit-tul tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima;
2. Jikkunsidra li l-politika dwar l-enerġija jeħtiġilha tkun parti integrata u prominenti fil-politika barranija komuni u għandha tiġi elaborata u implimentata f'sinerġija ma' politiki oħra li għandhom dimensjoni esterna;
3. Jenfasizza li, filwaqt li tqis kemm il-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali kif ukoll l-għan li tikseb suq verament uniku tal-enerġija, l-UE għandha tagħti prijorità lill-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija li jippermettu żieda gradwali fil-kapaċitajiet bi spiża marġinali ta' investiment, jippermettu lis-suq uniku jibbenefika mill-użu ottimizzat tal-infrastruttura tal-enerġija filwaqt li jiġu żgurati u promossi s-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibilità b'mod kosteffikaċi;
4. Ifakkar fit-talba tal-Parlament li jitħejjew pjanijiet għal Komunità tal-Enerġija Ewropea li tinvolvi kooperazzjoni qawwija dwar netwerks tal-enerġija u finanzjament Ewropew ta' teknoloġiji ġodda tal-enerġija sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-enerġija u sabiex l-Unjoni tingħata vuċi internazzjonali b'saħħitha fir-relazzjonijiet tagħha dwar l-enerġija;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tistabbilixxi Osservatorju tal-Enerġija bl-objettiv li titjieb l-intelliġenza dwar is-swieq tal-importazzjoni tal-enerġija u li tissaħħaħ l-analiżi tas-swieq tal-esportazzjoni;
6. Jemmen li suq intern tal-enerġija Ewropew li jkun jiffunzjona, interkonness u integrat bis-sħiħ jista' jtejjeb b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista anki fuq żmien qasir u li huwa element essenzjali għal politika esterna Ewropew tal-enerġija ta' suċċess; jemmen, ukoll, li l-qafas regolatorju Ewropew dwar l-enerġija huwa importanti għall-proċess tal-bini tas-suq intern tal-enerġija u għandu jkun promoss fil-pajjiżi sħab billi titqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-għan, il-vantaġġi u l-benefiċċji tiegħu, billi l-objettiv ġenerali jkun li jiġi żgurat li l-politika esterna tal-enerġija tal-UE u l-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri jkunu jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE;
7. Jenfasizza li l-Kummissjoni u s-SEAE jeħtiġilhom jiżguraw li l-ftehimiet multilaterali u bilaterali kollha tal-UE, speċjalment il-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni, jikkonformaw għalkollox mar-regoli tas-suq intern tal-UE; jenfasizza li tali ftehimiet imisshom jiżguraw ir-reċiproċità, l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u t-trasparenza bil-għan li jipprovdu ambjent ġuridiku sikur għal dawk l-investituri tal-UE li jinvestu fil-pajjiżi fornituri tal-enerġija u fil-pajjiżi ta' tranżitu;
8. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw suq intern tal-enerġija konness li jkun jiflaħ għal pressjonijiet esterni u għal tentattivi biex il-provvista u l-prezzijiet tal-enerġija jintużaw bħala għodda ta' pressjoni tal-politika barranija; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi għal proġetti li għandhom l-għan li jikkonettjaw is-swieq tal-enerġija fl-UE u li sa tmiem l-2015 jikkompletaw għalkollox in-netwerks tal-infrastruttura Ewropea tal-gass u l-elettriku, b'mod partikolari l-pjan tal-interkonnessjoni Baltika, kif spjegat fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE;
9. Jenfasizza li l-funzjonament tajjeb tas-suq intern jirrikjedi li l-enerġija importata fl-Unjoni, ġaladarba tkun fl-Unjoni, tkun regolata minn regoli tas-suq intern tal-enerġija; jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha timmira għal konverġenza regolatorja mal-pajjiżi ġirien li huma lesti li jħaddnu r-regoli tas-suq intern tal-enerġija; jisħaq fuq l-importanza u r-rwol tal-Komunità tal-Enerġija f'dan ir-rigward;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-twaqqif ta' sistema komprensiva tal-UE ta' indiċizzazzjoni tal-gass ibbażata fuq il-prezzijiet tas-suq tal-gass, sabiex il-kumpaniji kollha tal-UE involuti fil-kummerċ tal-gass jkunu jistgħu jagħmlu kummerċ ma' fornituri esterni tal-gass b'mod iżjed ġust u prevedibbli; indipendentement mill-prezzijiet taż-żejt u sabiex titrawwem iżjed il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass tal-UE;
11. Jenfasizza li s-saħħa li tirriżulta mill-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u tal-infrastruttura għandha tiġi sfruttata bis-sħiħ billi jingħaqdu flimkien il-mezzi, il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-UE; jitlob, għalhekk, għal aktar trasparenza u aktar involviment tal-UE fin-negozjati rigward ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, minħabba li dawn il-ftehimiet jista' jkollhom ukoll impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija tal-UE; jappoġġja l-Kummissjoni fil-manuvri tagħha lejn iżjed trasparenza u kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u jitlob żieda fl-użu tal-miżuri eżistenti ta' kompetizzjoni sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jdur mal-liġi tal-UE;
12. Jenfasizza r-repsonsabilitajiet addizzjonali tal-Parlament fil-qasam tal-enerġija skont l-Artikolu 194 TFUE u jinsisti li l-Parlament ikun involut adegwatament fil-proċessi kollha ta' informazzjoni u konsultazzjoni li jirrigwardaw il-politika esterna tal-enerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kondiviżjoni tad-data dwar azzjonijiet, programmi u proġetti mwettqa mill-UE, mill-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha u minn entitajiet oħrajn tal-UE għandhom jinkludu l-Parlament;
13. Jilqa' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukrajna mal-Komunità tal-Enerġija, kif ukoll l-istatus tal-Armenja u tal-Ġeorġja bħala osservaturi, li se jikkontribwixxu għal titjib fil-kooperazzjoni reġjonali dwar l-enerġija permezz ta' qafas regolatorju aħjar għal sħubijiet futuri bejn l-UE u dawk il-pajjiżi sħab;
14. Iġedded l-appell tal-Parlament li l-proġetti internazzjonali tal-enerġija jkunu rregolati minn ftehimiet intergovernattivi trasparenti fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni; jenfasizza li, jekk il-proġetti tal-enerġija jkunu bbażati biss fuq ftehimiet kummerċjali, dan ikun ta' riskju kemm għall-protezzjoni tal-investituri kif ukoll għall-konformità sħiħa mar-regoli tas-suq intern;
15. Jappella, b'konformità ma' dokumenti strateġiċi dwar il-kooperazzjoni fil-politika tal-enerġija ma' sħab barra mill-UE, għal sinerġiji akbar bejn il-politika kummerċjali u l-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni, inklużi l-istrateġija “Enerġija 2020” u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali;
16. Jenfasizza li t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE huwa ta' importanza kbira kemm mil-lat taż-żieda tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE kif ukoll fir-rabtiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa li jinbena qafas stabbli għall-kooperazzjoni dwar l-enerġija u dwar il-materja prima mas-sħab kummerċjali strateġiċi tagħna li jkun konformi għalkollox mar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-enerġija;
17. Jemmen li koordinazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri nfushom u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tippermetti lill-Istati Membri jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-piż politiku u ekonomiku tal-Unjoni; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni li twaqqaf mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni rigward ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija; jenfasizza l-valur miżjud ta' opinjoni u assistenza tal-Kummissjoni waqt il-proċess ta' negozjati sabiex jiġi żgurat li l-IGAs ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, b'konformità mal-objettivi fuq żmien fit-tul tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima;
18. Jenfasizza li l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni għal ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi dwar il-politika tal-enerġija jsaħħaħ bil-kbir it-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-effiċjenza tal-politika fl-UE kollha kemm hi;
19. Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex ikunu jistgħu jitkellmu u jaġixxu flimkien rigward kwistjonijiet li jikkonċernaw politika barranija komuni dwar l-enerġija; jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit uffiċċju tal-politika dwar l-enerġija fi ħdan is-SEAE kif ukoll li delegazzjonijiet tal-UE jiġu involuti fit-twettiq tad-diplomazija dwar l-enerġija fil-post;
20. Jappoġġja l-użu ta' strumenti bħalma huma l-Mekkaniżmu ta' Twissija Bikrija fir-relazzjonijiet mal-fornituri u mal-pajjiżi ta' tranżitu tal-enerġija; jinsab konvint li tinħtieġ aktar promozzjoni tal-idea ta' xiri komuni tal-materja prima tal-enerġija min-naħa tal-Istati Membri fil-kuntest tal-kompetizzjoni għar-riżorsi li dejjem qed tikber u tal-monopolji eżistenti tal-produtturi;
21. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jidentifikaw ostakoli għall-kummerċ u l-investiment fil-qasam tal-enerġija fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u jieħdu azzjoni, fejn xieraq, biex jeliminawhom kemm bilateralment u kemm permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
22. Jappoġġja l-proposta tal-Kunsill li janalizza l-funzjonament tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija kif ukoll it-twaqqif ta' pjan direzzjonali li jippermetti l-modernizzazzjoni mħaffa tas-setturi tal-enerġija; jappella għal aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni tar-rifromi u t-teknoloġiji bħal grids intelliġenti għat-titjib tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ż-żieda tal-effiċjenza enerġetika; għalhekk jappoġġja ideat sabiex jingħata impuls ġdid lit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u jipproponi l-introduzzjoni ta' sħubijiet strateġiċi għal dan il-fini; itenni li d-dimensjoni soċjali tat-trattat trid tiġi żviluppata sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-problemi bħall-faqar tal-enerġija u l-korruzzjoni;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-Konferenza dwar il-Karta tal-Enerġija u l-ħtieġa li tiġi appoġġjata, biex isir użu aħjar mill-potenzjal tal-Karta tal-Enerġija f'oqsma ewlenin bħall-kummerċ, it-tranżitu, l-investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim, fost oħrajn permezz tal-estensjoni tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija għal pajjiżi li għadhom ma ffirmawhx u/jew għadhom ma rratifikawhx;
24. Jikkunsidra li kull Stat Membru għandu jippubblika u jissottometti lill-Eurostat il-prezz medju bilaterali ta' importazzjoni tiegħu għall-gass naturali, tal-inqas fuq bażi ta' kull tliet xhur, b'perjodu ta' żmien ta' mhux iżjed minn sitt xhur bejn sottomissjoni u oħra;
25. Iqis li l-implimentazzjoni ta' politika esterna tal-UE dwar l-enerġija li tkun konsistenti u koerenti teħtieġ koordinazzjoni b'mod regolari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel skambji b'mod regolari mal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Qasam tal-Enerġija li ġie propost, rigward il-prijoritajiet u l-attivitajiet fil-qasam tal-istrateġija esterna tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Membri kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tal-esperti; jappella sabiex regolaturi indipendenti tal-enerġija jipparteċipaw bħala esperti fil-Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Qasam tal-Enerġija, minħabba l-esperjenza u l-għarfien speċjalizzat tagħhom tal-funzjonament transkonfinali tas-swieq tal-elettriku u tal-gass;
26. Iqis li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jistgħu jkunu aktar effettivi jekk jiġu prijoritizzati, jekk jiġi stabbiliti kalendarji u pjanijiet ta' azzjoni, u billi tingħata indikazzjoni tal-progress miksub u tal-iskadenzi;
27. Iqis li huwa kruċjali għall-politika esterna enerġetika tal-UE li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-objettivi orizzontali stipulati fit-Trattat ta' Lisbona; jappella sabiex il-Parlament ikun mgħarraf dwar il-proġetti ta' prijorità tal-UE fil-ħin opportun;
28. Jistieden lill-Istati Membri ma jiffinalizzawx kuntratti dwar l-enerġija jew teknoloġija relatata mal-provvista tal-enerġija ma' pajjiżi terzi li jwettqu vjolazzjoni tal-interessi ta' Stat Membru ieħor tal-Unjoni;
29. Huwa tal-fehma li, waqt il-laqgħat formali u informali tal-ministri tal-enerġija fil-Kunsill, għandhom jinżammu b'mod regolari diskussjonijiet dwar l-isfidi li jiġu ffaċċjati mill-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija, bl-involviment u l-appoġġ determinat tar-Rappreżentant Għoli, tal-Kummissarju għall-Enerġija u tas-servizzi rilevanti tagħhom; dawn il-laqgħat għandhom jintużaw ukoll biex tiġi kkoordinata pożizzjoni komuni u konsistenti Ewropea qabel il-laqgħat ta' livell għoli fl-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-AIE, in-NU, l-IRENA, l-IPEEC u l-IAEA, fejn huwa importanti li l-UE jkollha rwol aktar attiv u influwenti; il-Parlament għandu jkun infurmat regolarment u kkonsultat dwar kwistjonijiet rilevanti;
30. Jemmen li, meta proġett ta' infrastruttura ta' importanza strateġika jaffettwa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-UE kollha kemm hi, il-Kunsill għandu jikkunsidra li jagħti mandat lill-Kummissjoni sabiex twettaq in-negozjati, u tali mandat għandu jiġi wkoll ikkunsidrat fil-każ ta' ftehimiet intergovernattivi oħra meqjusa bħala li għandhom impatt sinifikanti fuq l-għanijiet fuq żmien fit-tul tal-politika tal-enerġija tal-UE, b'mod partikulari fuq l-indipendenza enerġetika tagħha; jappella, f'dan ir-rigward, għal konsultazzjoni u komunikazzjoni xierqa mal-Parlament;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodda għall-qsim ta' informazzjoni li permezz tagħha tinġabar u tiġi magħmula disponibbli data rilevanti dwar il-programmi u l-proġetti tal-enerġija f'pajjiżi terzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet amministrattivi u finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu d-data relevanti lill-Kummissjoni f'dan il-kuntest;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-swieq globali tal-enerġija u tikkoopera f'dan ir-rigward mal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-AIE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strument legali għal dan il-għan qabel tmiem l-2012;
33. Jenfasizza li, minħabba d-dipendenza qawwija li l-Unjoni għandha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, id-diversifikazzjoni akbar tas-sorsi ta' provvista – inklużi sorsi ġodda ta' enerġija – u tar-rotot ta' tranżitu u l-iżvilupp ta' sorsi tal-UE ta' enerġija rinnovabbli huma elementi urġenti u essenzjali li jappoġġjaw il-politika tas-sigurtà esterna tal-Unjoni, ir-rwol strateġiku u l-indipendenza tal-politika barranija, il-koerenza, il-kredibilità u l-effikaċja tagħha;
34. Jappella li tiġi żviluppata strateġija ta' politika tal-UE kkoordinata u unifikata għall-fornituri l-ġodda tal-enerġija, b'attenzjoni partikulari fuq it-titjib fil-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fl-UE ħalli jinfetħu opportunitajiet sabiex il-fornituri ġodda jidħlu fis-suq tal-UE;
35. Jitlob li jkun hemm sinerġiji akbar bejn il-politiki kummerċjali u enerġetiċi tal-UE skont l-Istrateġija Ewropa 2020; jissottolinja l-bżonn ta' promozzjoni ta' strutturi globali ta' governanza għall-materja prima sabiex jonqsu t-tensjonijiet internazzjonali f'dan il-qasam, u jfaħħar, f'dan ir-rigward, l-eżempju tal-Forum Internazzjonali tal-Enerġija (IEF); iqis il-konklużjoni ta' kuntratti fuq perjodu twil għall-provvista tal-enerġija u tal-materja prima bi prezzijiet ġusti mas-sħab kummerċjali strateġiċi tagħna bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin; jappella, għalhekk, sabiex l-UE tadotta strateġija koerenti fil-qasam tal-kuntratti ta' provvista tal-enerġija ma' dawn is-sħab;
Diversifikazzjoni – is-sigurtà tal-provvista Ewropea tal-enerġija mtejba
36. Jenfasizza li t-Trattat tal-UE jappella għal solidarjetà bejn l-Istati Membri, li għandha tkun parti kemm mill-ħidma ta' kuljum kif ukoll mill-immaniġġjar ta' kriżijiet tal-politika interna u esterna tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni ċara ta' “solidarjetà tal-enerġija” sabiex tiżgura li din tista' tiġi rrispettata mill-Istati Membri kollha;
37. Jirrimarka li d-dipendenza dejjem tikber tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati se ddgħajjef l-influwenza politika tagħha u jista' jkollha effetti sinifikanti fuq l-indipendenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha f'oqsma oħrajn ta' politika, u li tranżizzjoni sħiħa lejn provvista tal-enerġija li tirrispetta l-ambjent, u l-effiċjenza enerġetika u l-interkonnessjoni, interdipendenza u s-solidarjetà fost l-Istati Membri biss jistgħu jkunu ta' kontrobilanċ għal din is-sitwazzjoni sfavorevoli;
38. Jenfasizza li l-politika komuni dwar l-enerġija u l-għanijiet strateġiċi tal-UE jmisshom jiġu riflessi b'mod xieraq fir-relazzjonijiet esterni tagħha u fil-politika reġjonali tagħha u dik Ewropea tal-Viċinat;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tapoġġja wkoll ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-fjuwils, u tappoġġja t-twaqqif ta' provvisti tal-fjuwils minn fornituri, sorsi ta' provvista u linji tat-trażmissjoni tal-fjuwils diversifikati lejn reġjuni individwali tal-UE sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tal-anqas żewġ sorsi differenti ta' provvista għal kull reġjun, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara - Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat (COM(2010)0677);
40. Jisħaq li l-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija għandha tikkontribwixxi għall-iżgurar ta' enerġija sikura, sostenibbli u bi prezz li jintlaħaq, b'konsistenza mal-għanijiet ġenerali ta' kompetittività, sigurtà tal-provvista u sostenibbiltà tal-politika dwar l-enerġija tal-UE, kif ukoll mal-għanijiet dwar l-enerġija u l-klima tal-UE 2050;
41. Jenfasizza li l-azzjoni biex jiġu ddiversifikati l-fornituri, ir-rotot u s-sorsi tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE għandhom jitħaffu, filwaqt li jitqiesu l-kurituri tal-infrastruttura tal-enerġija ta' prijorità, speċjalment dawk maħsuba biex joħolqu suq verament kompetittiv għall-gass, il-ħolqien ta' kurituri ġodda ta' tranżitu (il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar u tal-Baċin tal-Mediterran), it-tisħiħ tal-kurituri eżistenti (il-Kuritur tal-Lvant) u l-ħolqien ta' kompetizzjoni reali fost is-sorsi tal-provvista billi jiżdied is-sehem tal-UE tal-LNG u billi jintlaħqu fornituri ġodda u remoti (l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, l-Amerika Latina, l-Afrika Subsaħarjana, l-Asja Ċentrali, eċċ);
42. Jenfasizza wkoll l-importanza li tittejjeb l-interkonnessjoni tal-grids tal-elettriku u tat-tlestija taċ-ċirkwiti tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass Ewro-Mediterranju u Ewro-Atlantiku u l-pjan ta' interkonnessjoni tas-suq tal-enerġija tal-Baltiku, filwaqt li jiġu mmodernizzati u aġġornati l-impjanti u l-infratsruttura tal-elettriku u tal-gass (interkonnessjonijiet, grids, pipelines, netwerks tat-trażmissjoni, ħżin u terminali tal-LNG); dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li l-ebda Stat Membru ma jibqa' gżira fis-sens enerġetiku u li l-enerġija tista' timxi b'libertà madwar l-UE; f'dan ir-rigward, jilqa' l-faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” proposta;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-hekk imsejħa “klawżola tas-sigurtà tal-enerġija” biex tiġi inkluża fil-ftehimiet ta' kummerċ, ta' assoċjazzjoni u ta'sħubija u ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi u ta' tranżitu, ħaġa li tistabbilixxi kodiċi ta' kondotta u tiddeskrivi b'mod espliċitu l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' kwalunkwe bidla unilaterali fit-termini min-naħa ta' xi wieħed mis-sħab;
44. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna” (COM(2011)0539); jemmen, madankollu, li jinħtieġu aktar strumenti bbażati fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE bil-għan li jagħtu lill-UE l-abilità li tħares l-interessi tas-sigurtà tal-enerġija tagħha u fin-negozjar mas-sħab esterni tagħha, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal ġabra komprensiva ta' prijoritajiet għall-politika tal-enerġija għall-perjodu qasir, medju u fit-tul fir-rigward tal-ġirien tagħha bil-ħsieb li jiġi stabbilit spazju ġuridiku komuni bbażat fuq il-prinċipji u n-normi tas-suq intern relatati mal-acquis; jenfasizza l-importanza li l-Komunità Ewropea tal-Enerġija tiġi estiża aktar u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi legali ta' kontroll biex tiġi ttrattata l-implimentazzjoni defiċjenti tal-acquis;
46. Jappoġġja d-djalogu politiku u ekonomiku mal-pajjiżi ġirien tal-UE dwar l-użu ta' sorsi ġodda ta' enerġija;
47. Jitlob li jiġu implimentati l-mekkaniżmi eżistenti, u li jinħolqu oħrajn ġodda, fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni ta' trasparenza u stabilità akbar tal-provvista u t-tranżitu;
48. Huwa favur djalogu politiku man-Norveġja u r-Russja dwar l-esplorazzjoni ta' sorsi ta' enerġija ġodda fil-Baħar Barents, fuq il-bażi tal-prerekwiżit tal-ħarsien tal-ambjent vulnerabbli tar-reġjun Artiku, u tal-kooperazzjoni man-Norveġja rigward l-importazzjoni tal-enerġija idroelettrika permezz ta' kejbils tal-elettriku f'qiegħ il-baħar fuq distanzi twal; jitlob li jitħaffef it-tfassil tal-istrateġija tal-UE fir-rigward tar-reġjun Artiku;
49. Iqis id-djalogu politiku estern bħala essenzjali biex it-tkabbir ekonomiku globali jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi enerġetiċi, u biex jiġu promossi swieq tal-enerġija iktar prevedibbli, kif ukoll li jkun ta' benefiċċju għar-relazzjonijiet politiċi; jenfasizza l-importanza tad-djalogu ma' ekonomiji emerġenti bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-Indoneżja u l-Afrika t'Isfel, flimkien ma' pajjiżi konsumaturi ewlenin oħra bħalma huma l-Istati Uniti u l-Ġappun;
50. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tippromwovi l-iżvilupp u l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika tal-enerġija ma' pajjiżi terzi li għandhom l-istess valuri u li huma lesti li jidħlu għal riformi demokratiċi u li jippromwovu l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea;
51. Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kooperazzjoni politika msaħħa mal-ġirien tal-Lvant u jqisha essenzjali għall-adeżjoni tat-Turkija għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija u li l-ftuħ tal-kapitolu dwar l-enerġija fin-negozjati għall-adeżjoni fl-UE jiġi trattat bl-akbar urġenza; barra dan, ifaħħar l-inizjattiva ta' djalogu tripartitiku UE-Ukraina-Russja u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata kooperazzjoni politika u amministrattiva profonda maż-żewġ sħab;
52. Jenfasizza li l-azzjoni biex tiżdied il-produzzjoni interna tal-enerġija rinnovabbli hija kritika sabiex tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-idrokarburi; isostni li l-produzzjoni tal-enerġija u l-istruttura tad-distribuzzjoni tal-UE għandhom jiġu rieżaminati skont l-objettivi tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima fuq żmien fit-tul tagħha;
53. Ifakkar il-kontribut sinifikanti tal-LNG għall-provvista tal-enerġija tal-UE u jappella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-fornituri ewlenin u mal-konsumaturi attwali u futuri;
54. Jenfasizza li d-diversifikazzjoni għandha tfisser sorsi ġodda mhux Russi ta' żejt, gass u elettriku għal dawk l-Istati Membri li jiddependu żżejjed fuq dan il-fornitur uniku; jenfasizza li filwaqt li l-gass Russu jirrappreżenta biss 24% tal-gass ikkunsmat madwar l-UE, huwa jirrappreżenta bejn 48% u 100% fi 12 mis-27 Stat Membru u, għaldaqstant, għandu impatt dirett fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-UE;
55. Huwa tal-fehma li, bl-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' enerġija ġodda u mhux konvenzjonali (ramel taż-żejt (oil sands) u gass tax-shale mill-Kanada, mill-Istati Uniti, mill-Awstralja, mill-Qatar, mill-Brażil u mill-Arġentina, l-esplorazzjoni tal-enerġija fir-reġjun Artiku, u sfruttament akbar tar-riżorsi fl-Iraq, fil-Venezwela u fl-Afrika), atturi, imsieħba u reġjuni ġodda qed joħorġu bħala fornituri futuri possibbli, u l-UE għandha wkoll tikkonċentra fuq li tieħu vantaġġ sħiħ ta' din is-sitwazzjoni ġdida u tiżviluppa sħubijiet ġodda dwar l-enerġija biex tiddiversifika l-fornituri tagħha;
56. Filwaqt li jafferma li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju għandha importanza kbira, jenfasizza l-ħtieġa taż-żamma tal-kompetittività u tal-innovazzjoni, fost oħrajn billi jintużaw l-istrumenti xierqa tal- politika kummerċjali; huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju trid tkun adattata għall-potenzjal taż-żona ġeografika kkonċernata, in-natura speċifika tas-sistema tal-enerġija u t-taħlita tal-enerġija tal-Istat Membru partikulari u l-istruttura ġeoloġika tiegħu; jemmen li dan l-approċċ se jagħti lok li jinżamm livell massimu ta'sigurtà enerġetika u ta' kompetittività ekonomika, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rrispettata l-awtonomija ta' kull Stat Membru, kif stabbilit permezz tat-Trattati, li jistipula l-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, li jagħżel bejn sorsi tal-enerġija differenti u li jiddetermina l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu;
57. Jirrikonoxxi l-importanza tal-investiment barrani dirett tal-UE fil-bini u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi enerġetiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; fl-istess ħin, jenfasizza li għandu jkun hemm protezzjoni legali xierqa għal investiment tali, li tista' tinkiseb billi l-acquis communautaire jiġi estiż għal pajjiżi terzi (inter alia permezz tat-tisħiħ u tal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija);
58. Jinnota l-importanza ta' kooperazzjoni wiesgħa fir-reġjun tal-Artiku, b'mod partikolari bejn il-pajjiżi fl-isfera Ewro-Atlantika;
Is-Sostenibbiltà – sħubija msaħħa mal-pajjiżi fornituri u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali
59. Jemmen li d-domanda dinjija li qed tikber għall-enerġija u l-konċentrazzjoni kbira tar-riżervi ta' fjuwils fossili f'pajjiżi li l-biċċa l-kbira mhumiex stabbli u demokratiċi tagħmel lill-UE vulnerabbli u xxekkel b'mod qawwi l-iżvilupp ta' politiki komuni Ewropej kredibbli, effikaċi u konsistenti;
60. Huwa tal-fehma li s-sħubiji tal-enerġija tal-UE u s-sehem tal-UE fil-fora globali bħall-G20 għandhom jintużaw biex jippromwovu politiki tal-enerġija aktar sostenibbli f'pajjiżi terzi, filwaqt li jtejbu t-trasparenza tas-suq, inaqqsu l-volatilità tas-swieq internazzjonali u jikkontribwixxu favur it-twaqqif ta' suq globali tal-enerġija li jkun inqas vulnerabbli għall-xokkijiet u interruzzjonijiet tal-provvista;
61. Jenfasizza l-ħtieġa li jikbru r-rabtiet bejn in-netwerk tal-enerġija Ewropew u l-pajjiżi ġirien (il-Balkani tal-Punent, il-ġirien tal-Lvant, il-pajjiżi tal-Kaspju, l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani), billi jinbnew interkonnetturi u jiġi promoss spazju regolatorju usa“, li jestendi l-istandards ambjentali u ta' sikurezza Ewropej lil hinn kemm jista” jkun, sabiex ikun żgurat li t-tipi kollha ta' impjanti qrib il-konfini tal-UE jikkonformaw mal-ogħla standards ta' sikurezza nukleari;
62. Jenfasizza l-importanza li jitwettqu proġetti infrastrutturali ta' interess komuni, kif definit fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u l-Komunikazzjoni tagħha dwar il-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u lil hinn; iqis, minħabba l-importanza ta' dawn il-proġetti, li huwa essenzjali li l-ftehimiet li jirriżultaw ma' sħab esterni jkunu prijoritizzati kif xieraq, żviluppati b'mod sostenibbli u miftiehma malajr, fi ħdan sistema bbażata fuq ir-regoli;
63 Jenfasizza li, fid-djalogu tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja, fejn l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda, is-sitwazzjoni speċifika u dipendenti tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandha tiġi kkunsidrata minħabba li s-sigurtà tal-provvista enerġetika tagħhom tista' tiġi ggarantita biss bl-interkonnessjoni ta' infrastruttura madwar l-UE kollha, u bl-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija; iqis li suġġetti kritiċi, bħalma huma l-aċċess għar-riżorsi tal-enerġija, għan-netwerks u għas-swieq tal-esportazzjoni, il-protezzjoni tal-investiment, ir-reċiproċità, il-prevenzjoni tal-kriżi u l-kooperazzjoni f'każ ta' kriżi, kundizzjonijiet indaqs, u l-ipprezzar tar-riżorsi tal-enerġija għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-djalogu; jenfasizza li l-kwistjoni dwar “Druzhba” għandha tingħata attenzjoni speċjali u għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE biex il-provvista taż-żejt minn din il-fergħa magħluqa terġa' tibda;
64. Jenfasizza li bħala Stati Membri bil-ħsieb li jikkonettjaw u jintegraw is-swieq nazzjonali tagħhom permezz tal-investiment fl-infrastruttura u l-approvazzjoni ta' regoli komuni, għandhom jitwettqu wkoll sforzi sabiex issir ħidma mar-Russja biex jiġu identifikati miżuri reċiprokament aċċettabbli bil-ħsieb li jnaqqsu d-diskrepanzi bejn iż-żewġ swieq tal-enerġija;
65. Jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu dwar l-enerġija mar-Russja u pjan direzzjonali UE-Russja kif propost mill-Kunsill tal-Enerġija; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fl-oqsma ta' benefiċċju reċiproku, bħat-trasferiment komuni tar-riċerka u tat-teknoloġija, partikolarment dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;
66. Jappella biex it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija jiġi estiż għal aktar pajjiżi u biex il-parteċipanti fil-Konferenza dwar il-Karta tal-Enerġija jaħdmu favur soluzzjoni negozjata li twassal għall-aċċettazzjoni sħiħa min-naħa tar-Russja tal-prinċipji tal-Karta u tal-protokolli tagħha;
67. Jitlob li s-sħubija strateġika mar-Russja tissaħħaħ permezz tal-konklużjoni ta' ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni ġdid; jenfasizza li dan il-ftehim ġdid għandu jkun konformi għalkollox mar-regoli tas-suq intern u mar-regolamenti tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE u bbażat fuq ir-rispett lejn xulxin u fuq ir-reċiproċità; jenfasizza li r-Russja diġà hija marbuta bit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (TKE) skont l-Artikolu 45 tiegħu; jinsab konvint li r-ratifika tat-TKE min-naħa tar-Russja jkollha effetti ta' benefiċċju reċiproku fuq ir-relazzjonijiet bilaterali fil-qasam tal-enerġija;
68. Jenfasizza r-rwol tal-Assemblea Parlamentari Euronest, li se tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant u, għaldaqstant, ikollha impatt pożittiv fuq kwistjonijiet ta' sigurtà enerġetika;
69. Jirrimarka li l-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea diġà huma parti mis-suq intern tal-UE u li l-kooperazzjoni tagħhom hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-2020; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi attwali mmirati lejn kooperazzjoni akbar mal-Isvizzera, li għandhom jimmiraw ukoll għall-integrazzjoni sħiħa tagħha fis-suq intern tal-enerġija tal-UE;
70. Jemmen li l-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija għandha tkun ibbażata fuq, u għandha tippromwovi, il-prinċipji tas-solidarjetà, tat-trasparenza, tas-sussidjarjetà, tas-sostenibbiltà tal-kooperazzjoni, tar-reċiproċità, fuq approċċ tas-suq ibbażat fuq ir-regoli, u l-koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab; jemmen li r-rispett għall-objettivi orizzontali stipulati fit-Trattat ta' Lisbona huwa kruċjali biex jiġi affermat ir-rwol tal-Ewropa fil-kuntest reġjonali politiku li qed jinbidel; jistieden lill-Kunsill jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tibda negozjati biex il-Memorandum ta' Ftehim attwali dwar kwistjonijiet fil-qasam tal-enerġija ma' pajjiżi ġirien jinbidel f'testi ġuridikament vinkolanti;
71. Jenfasizza l-importanza ta' żvilupp akbar tas-Sħubija fl-Enerġija UE-Afrika li ġiet varata fl-2010;
72. Jinsab konvint li ġestjoni aktar effikaċi f'livell globali ttejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi, dawk ta' tranżitu u dawk konsumaturi; jemmen li l-UE jmissha għalhekk twettaq rwol maġġuri fil-ġestjoni internazzjonali tal-politika tal-enerġija bil-ħsieb li tippromwovi prinċipji trasparenti u non-diskriminatorji, filwaqt li ssegwi l-objettiv tas-sostenibbiltà, tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u tistabbilixxi inċentivi għall-parteċipanti tas-suq biex jikkompetu fil-prezzijiet u l-kwalità;
73. Jilqa' l-inklużjoni tal-għan tal-aċċess universali għall-enerġija sal-2030 fil-Komunikazzjoni dwar “Il-Politika dwar l-Enerġija tal-UE: Involviment mas-Sħab lil hinn mill-Fruntieri Tagħna”, u jemmen li għal pajjiżi li qed jiżviluppaw dan għandu jiffoka fuq enerġija deċentralizzata, sostenibbli u bi prezz li jista' jintlaħaq partikolarment għall-popolazzjonijiet rurali u foqra; jinkoraġġixxi appoġġ għal skemi innovattivi ta' ħlas bl-involviment privat u pubbliku, bil-għan li l-aċċess għall-enerġija jkun bi prezz raġonevoli għall-utent finali;
74. Jenfasizza li l-enerġija sostenibbli hija l-motivazzjoni ewlenija għall-iżvilupp, u jtenni t-talba tiegħu għal programm speċifiku ta' “enerġija u żvilupp” li jiffoka b'mod partikolari fuq soluzzjonijiet ta' enerġija li jkunu rinnovabbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, fuq skala zgħira u deċentralizzati u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija biex jiġi żgurat li jkun hemm sjieda lokali; jinnota li skemi fuq skala kbira favur l-enerġija rinnovabbli jistgħu jkunu neċessarji biex tintlaħaq b'mod sostenibbli t-talba dejjem tikber għall-enerġija minn ċentri urbani u mill-industrija, partikolarment f'pajjiżi b'ekonomiji emerġenti; jappella sabiex skemi bħal dawn jaderixxu f'kull każ mal-ogħla kriterji soċjali u ambjentali;
75. Jappella biex, fin-negozjati dwar l-enerġija ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġu rrispettati l-għanijiet prevalenti tal-UE dwar żvilupp kif ukoll id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest ta' approċċ strateġiku biex tinkiseb provvista tal-enerġija sigura, sostenibbli u kompetittiva li tpoġġi l-interessi tal-popli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qalba;
76. Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza, is-sorveljanza demokratika u l-involviment tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija;
77. Jenfasizza l-importanza li jibqgħu jiddaħħlu l-prinċipji kruċjali għall-kummerċ u l-investiment, inklużi dawk li jippromwovu kundizzjonijiet indaqs għall-investiment fl-enerġija sostenibbli, kemm fi ftehimiet bilaterali kif ukoll f'oqfsa legali multilaterali, bħat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u d-WTO, kif ukoll li jkunu jistgħu jiġu infurzati permezz ta' mekkaniżmi effettivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim;
78. Huwa tal-fehma li, filwaqt li titwettaq kooperazzjoni dwar l-isfruttar tal-prodotti tal-enerġija, u l-kummerċ fihom, u t-tranżitu tagħhom lejn l-UE, hemm ħtieġa wkoll li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet importanti oħrajn relatati mal-enerġija; jappella, għaldaqstant, li jiġu żviluppati sħubijiet strateġiċi dwar l-enerġija bejn l-UE u pajjiżi terzi importanti, bħall-pajjiżi BRICS u pajjiżi li l-konsum tal-enerġija tagħhom qed jikber b'rata mgħaġġla, fost l-oħrajn, fl-oqsma li ġejjin:
–
kooperazzjoni fir-R&D dwar teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju u innovazzjoni,
skambju ta' data dwar trasferiment tal-għarfien espert, inkluż fil-qasam tas-sorsi nodfa u rinnovabbli tal-enerġija,
–
promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija,
–
bilanċjar tas-sistemi,
–
grids intelliġenti,
–
ħżin tal-enerġija,
–
riċerka dwar il-fużjoni
–
teknoloġija tal-faħam nadif u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju;
79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikjedi u tinforza l-ogħla standards internazzjonali ta' sikurezza għall-impjanti tal-enerġija nukleari fil-pajjiżi ġirien tal-UE billi tuża l-istrumenti u t-trattati disponibbli kollha, bħalma huma l-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (il-“Konvenzjoni Espoo”) u l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-“Konvenzjoni Aarhus”); jistieden lill-pajjiżi ġirien tal-UE jwettqu testijiet tal-istress komprensivi tal-UE rigward is-sikurezza u r-riskji nukleari, u lill-Kummissjoni toffri għajnuna teknika tal-UE għal dan il-għan;
80. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-adozzjoni, fir-relazzjonijiet kummerċjali rilevanti kollha tagħha, inkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tal-prinċipji tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-governanza tas-swieq tal-enerġija, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili b'objettivi kwantitattivi;
81. Jinnota li l-ħżin tal-enerġija u tal-elettriku prodotti minn sorsi rinnovabbli u applikazzjonijiet avvanzati oħra għall-enerġija jeħtieġu sensiela ta' materja prima, inklużi minerali skarsi tal-art, li fil-mument huma diffiċli li jiġu akkwistati; iqis li azzjoni kkoordinata mill-UE u minn mexxejja oħrajn fil-qasam tat-teknoloġija, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġappun, huma meħtieġa biex tiġi avvanzata r-riċerka fil-ħolqien ta' materja prima ġdida u ta' sostituzzjoni jew tnaqqis fl-użu tal-materja prima li hija problematika mil-lat tal-provvista kontinwa, tossiċità jew impatt ambjentali;
82. Sabiex tiġi promossa l-produzzjoni ta' enerġija li tkun sigura, bla periklu u li tirrispetta l-ambjent f'livell globali, jappoġġa t-tisħiħ u l-promozzjoni ta' protezzjoni u ta' salvagwardji radjoloġiċi, ta' standards ta' sigurtà nukleari, ta' rekwiżiti stretti rigward operazzjonijiet relatati mal-gass u maż-żejt li jsiru lil hinn mill-kosta, is-sigurtà tat-trasport bil-baħar ta' prodotti taż-żejt u taż-żejt mhux raffinat u LNG, kif ukoll il-kooperazzjoni fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda, tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni (R&D&I) u jsir xogħol fuq standards internazzjonali;
83. Huwa tal-fehma li l-isfidi klimatiċi globali ma jistgħux jitrażżnu mingħajr l-involviment tal-emitturi l-kbar u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni twaqqaf strateġiji komuni bil-għan li tinkiseb soluzzjoni globali li tinvolvi lil dawn il-pajjiżi; jirrikonoxxi li l-kompetenza li ġiet akkumulata fl-UE, fuq il-bażi tal-esperjenza tagħna mal-iddisinjar u l-implimentazzjoni tal-ETS, tista' tkun ta' benefiċċju għal pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u inkoraġġiment lil pajjiżi terzi fit-twaqqif u l-iddisinjar ta' ETS tagħhom stess, bl-għan li sistemi bħal dawn jingħaqdu ma' dawk tal-UE;
84. Jenfasizza l-ħtieġa tal-Ewropa għal perspettiva ta' politika fuq żmien fit-tul li tinkludi sħubijiet globali ġodda u strumenti bilaterali ta' kooperazzjoni li jippermettu lill-UE jkollha rwol importanti fl-iffissar tal-aġendi globali dwar l-enerġija billi tieħu pożizzjoni ta' tmexxija fl-iffissar ta' standards ġodda tas-swieq u billi tkun minn ta' quddiem fl-isforzi internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-enerġija;
85. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni dwar l-R&D&I ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-isfidi globali; jemmen li l-UE għandha taħdem mill-qrib mal-esportaturi ewlenin ta' bijofjuwils minn pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat li dawn l-enerġiji alternattivi u nodfa, li jistgħu jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-provvista, jistgħu jkunu verament sostenibbli, u li jkunu jistgħu jiġu evitati bidliet b'konsegwenzi negattivi minħabba l-użu tal-art b'mod indirett; jenfasizza li s-sorsi esterni ta' bijofjuwils għandhom jiġu suġġetti għall-istess standards tas-sorsi tal-UE, b'mod speċjali l-istandards ambjentali u klimatiċi; jemmen li l-Unjoni għandha tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-bijofjuwils tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni, kemm internament kif ukoll esternament;
86. Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-relazzjoni kumplessa bejn il-provvista tal-enerġija u tal-ikel u s-sigurtà, partikolarment fir-rigward ta' bijofjuwils li jista' jkollhom impatt soċjali u ambjentali negattiv fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li d-dritt għall-ikel għandu jieħu preċedenza fuq l-objettiv tal-UE għall-enerġija rinnovabbli fir-rigward tal-bijofjuwils;
87. Jinnota li l-espansjoni tal-agrofjuwils ibbażat ruħha kważi totalment fuq l-espansjoni tal-monokultura industrijali fuq skala kbira, u b'hekk estendiet il-prattiki agrikoli li huma ta' ħsara għall-ambjent, għall-bijodiversità, għall-fertilità tal-ħamrija u għad-disponibilità tal-ilma; jesprimi t-tħassib tiegħu li, bl-inkoraġġiment tal-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-art, din l-espansjoni tal-agrofjuwils jista' jkollha konsegwenzi drammatiċi f'termini ta' ksur tad-drittijiet tal-art, telf tal-aċċess għar-riżorsi naturali vitali, deforestazzjoni u degradazzjoni ambjentali;
88. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-assenza ta' kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-produzzjoni tal-bijomassa fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED); iqis, f'dawn iċ-ċirkostanzi, li l-bijoenerġija jista' jkollha rwol negattiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kif ukoll li ssir forza addizzjonali maġġuri għall-ħtif tal-art, għan-nuqqas ta' sikurezza fl-ikel, għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni ta' foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta' sostenibilità li jorbtu legalment bil-għan li jipprevjenu impatti tal-klima, ambjentali u soċjali negattivi minħabba l-użu u l-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija;
89. Jistieden lill-UE tistabbilixxi politika għall-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa u l-użu tagħha għall-finijiet ta' enerġija li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-politika dwar it-tibdil fil-klima u li tkun ukoll konsistenti mal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni;
90. Jemmen li l-UE għandha tiżgura li l-enerġija ssir komponent ewlieni tal-programmi ta' assistenza esterna tal-UE, billi l-aċċess għall-enerġija, li huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, għadu jikkostitwixxi sfida fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
91. Jemmen li l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fl-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija li jkunu orjentati lejn il-futur għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni tal-UE mas-sħab industrijalizzati u mal-ekonomiji emerġenti;
92. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tpoġġi l-kwistjonijiet dwar l-enerġija fil-qalba tal-inizjattivi Ewropej bħas-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni għall-Mediterran u l-Politika Ewropea tal-Viċinat;
93. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjanijiet direzzjonali konġunti dwar l-enerġija mal-fornituri ewlenin tal-enerġija u mal-pajjiżi strateġikament importanti ta' tranżitu, u biex twaqqaf sħubijiet ma' pajjiżi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi simili tal-enerġija u li għandhom valuri simili, b'mod partikolari bl-għan li tiġi promossa l-kooperazzjoni teknoloġika u fil-qasam tar-riċerka u dak industrijali, u sabiex jiġu stabbiliti standards komuni għal teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli, għall-effiċjenza fl-enerġija, għall-vetturi elettriċi, għal teknoloġiji ġodda u mhux konvenzjonali, għas-sikurezza tat-tħaffir għaż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta, kif ukoll għas-sigurtà nukleari u n-non-proliferazzjoni;
94. Bil-għan li jiżgura aċċess għall-enerġija għal kulħadd u konformement mal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju, jafferma mill-ġdid l-importanza li jiżdied l-investiment barrani dirett (IBD) tal-UE fil-bini u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi enerġetiċi u tal-effiċjenza enerġetika fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp permezz ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni rinnovabbli kif ukoll l-appoġġ għall-ħolqien ta' oqfsa leġiżlattivi adegwati biex jgħinuhom jiddiversifikaw it-taħlita enerġetika tagħhom filwaqt li jżidu l-protezzjoni tal-investimenti Ewropej f'dawk il-pajjiżi permezz ta' mezzi legali adegwati;
95. Jappella għal azzjoni kkoordinata ma' mexxejja teknoloġiċi oħrajn (eż. l-Istati Uniti u l-Ġappun) biex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti, bħan-nuqqas ta' materja prima, inklużi l-minerali skarsi tal-art, li jaffettwa l-użu tat-teknoloġiji rinnovabbli tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija u l-applikazzjonijiet avvanzati tal-enerġija;
96. Jappella sabiex il-Programmi tal-UE tal-Kooperazzjoni fl-Enerġija ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċilitaw it-twaqqif ta' struttura u regoli relevanti tas-suq sabiex jiżguraw li l-konsumaturi domestiċi jibbenefikaw mill-enerġija rinnovabbli bi prezz adegwat;
97. Iqis li r-regoli stretti tas-sigurtà nukleari fis-seħħ fl-UE jridu jiġu riflessi fl-istrateġiji tal-UE ma' pajjiżi esterni, l-aktar dawk il-pajjiżi ġirien fejn l-impjanti nukleari li jista' jkollhom impatt maġġuri fuq is-sigurtà tal-UE diġà qed jintużaw jew huma ppjanati;
98. Jilqa' f'dan il-kuntest, l-impenn riċenti tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti biex titrawwem kooperazzjoni dwar is-sigurtà tal-enerġija, l-istandards tal-grids intelliġenti, it-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil u tal-idroġenu, enerġiji li jiġġeddu u teknoloġiji oħra ta' enerġija nadifa, l-effiċjenza fl-enerġija u politiki effikaċi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u biex it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa jitqiegħdu fis-suq; jitlob li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti jiġu trażmessi aħjar lill-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
99. Jenfasizza l-bżonn li jiġi approfondit id-djalogu dwar kwistjonijiet strateġiċi tal-enerġija li jkunu ta' interess reċiproku, li titrawwem il-kooperazzjoni rigward il-politiki tal-enerġija u li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fir-riċerka mal-Istati Uniti, b'mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji tal-produzzjoni u t-trasport li huma effiċjenti fil-konsum tal-enerġija; jappella għat-twaqqif ta' Sħubija rigward is-Sigurtà tal-Enerġija mal-Istati Uniti bbażata fuq il-kooperazzjoni attwali fi ħdan il-Kunsill tal-Enerġija bejn l-Istati Uniti u l-UE;
100. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jrawwem kooperazzjoni dwar, fost l-oħrajn, reġimi ta' regolamentazzjoni, riċerka fil-qasam tal-enerġija sostenibbli u tal-effiċjenza enerġetika, riċerka tal-fużjoni u s-sikurezza nukleari, u jitlob li jsiru djalogi regolari dwar l-enerġija mar-Russja u ma' sħab oħrajn biex jiżviluppaw u jinfurzaw aħjar ir-regoli internazzjonali għall-ġenerazzjoni, trażmissjoni, transitu, ħżin u pproċessar ta' enerġija bla periklu, sikura u effiċjenti, kif ukoll kummerċ bilaterali fit-teknoloġiji u prodotti enerġetiċi ġodda, bħall-bijofjuwils;
101. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, li tipprovdi informazzjoni u data vitali għall-ippjanar enerġetiku; jemmen li l-UE u l-Istati Membri kollha tal-UE li mhumiex membri tal-AIE għandhom jaderixxu mal-AIE;
102. Jilqa' l-parteipazzjoni tal-UE fil-proġett tar-Reattur Termonukleari Esperimentali Internazzjonali (ITER) u fil-Forum Internazzjonali Ġenerazzjoni IV (GIF);
103. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tal-enerġija u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika tal-enerġija;
104. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaħdmu mal-Istati Uniti u ma' alleati oħrajn biex jipproteġu l-infrastruttura tal-enerġija miċ-ċiberattakki; jenfasizza li, hekk kif nimxi lejn grids “intelliġenti”, dan ir-riskju, li l-miżuri tradizzjonali ta' sigurtà ma jistgħux jipprevjenu, se jsir aktar importanti fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika;
105. Jilqa' s-“Sħubija bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran għall-Enerġija”, li ġiet proposta; iqis li din is-sħubija għandha tiffoka fuq il-potenzjal enormi ta' enerġija rinnovabbli (mix-xemx) ta' dan ir-reġjun u li għandha tpoġġi fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet sinifikanti ta' enerġija tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran abbażi ta' soluzzjonijiet sostenibbli;
106. Itenni li l-kooperazzjoni rigward il-politika esterna tal-enerġija jeħtiġilha tikkontribwixxi għall-promozzjoni, u mhux it-tidgħif, tal-valuri ewlenin tal-Unjoni, bħalma huma r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, id-djalogu soċjali, ir-rispett reċiproku, l-użu responsabbli tar-riżorsi naturali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien komprensiv tal-ambjent, u trid tippromwovi l-paċi u tkun koerenti mal-politiki barranin tal-Unjoni;
107. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu, f'kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, sa tmiem l-2013, pjan direzzjonali preċiż ibbażat fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna”(COM(2011)0539), li jwassal għall-formazzjoni ta' politika barranija effettiva dwar l-enerġija b'objettivi, miri u stadji ta' perjodu qasir, medju u fit-tul kif ukoll żmien speċifiku għall-implimentazzjoni tagħhom;
108. Jenfasizza l-importanza tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed f'termini tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot, il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli u l-lokazzjoni ġeografika tiegħu bħala “tieqa” għar-reġjun tal-Baħar Kaspju, il-Lvant Nofsani u l-Asja Ċentrali; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza għall-kooperazzjoni multilaterali dwar l-enerġija fl-oqsma tal-integrazzjoni tas-swieq, tal-oqfsa regolatorji u tal-infrastruttura; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ewlenija tal-Kuritur tan-Nofsinhar, tal-proġett Nabucco u tal-pipeline Trans-Kaspju, kif ukoll proġetti oħrajn iżgħar;
109. Jirrikonoxxi l-kontribut tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) għall-identifikazzjoni mill-ispazju tas-sorsi tal-enerġija solari li minnhom tibbenefika d-dinja; filwaqt li jagħraf li l-GMES identifikat il-fatt li ż-żoni tad-deżert jirċievu f'jum wieħed kwantità ta' enerġija solari akbar minn dik li tikkunsma d-dinja f'sena sħiħa, jistieden lill-Kummissjoni tifforma sħubijiet ma' pajjiżi li għandhom meded kbar ta' deżert, speċjalment fl-Afrika, u tiżviluppa strateġiji u teknoloġiji għall-użu effiċjenti ta' dan il-potenzjal ta' enerġija, inkluż l-użu tal-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp provduti mill-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima;
110. Jitlob sabiex is-sħubija tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ECT) tiġi estiża għal iżjed pajjiżi ġirien tal-UE, b'mod partikolari dawk fis-Sħubija tal-Lvant u r-repubbliki tal-Asja Ċentrali; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura u tinforza l-implimentazzjoni f'waqtha u stretta tar-regoli tal-UE dwar l-enerġija min-naħa tal-membri tal-ECT, b'mod partikolari billi d-disponibbiltà tal-fondi tal-UE ssir kontinġenti mal-konformità mal-obbligi tat-Trattat;
111. Jemmen li l-aċċess għal enerġija sostenibbli huwa fattur essenzjali għall-iżvilupp u jħeġġeġ lill-UE tiffoka l-attivitajiet ta' żvilupp tagħha fuq l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu politiki tal-enerġija sostenibbli, miżuri ta' riforma, żvilupp tal-infrastruttura, kundizzjonijiet favorevoli ta' investiment u effiċjenza enerġetika;
112. Jitlob li jkun hemm djalogu speċjali dwar l-enerġija mal-pajjiżi tar-Regjun tal-Kaspju, u jilqa' x-xogħol fuq Korporazzjoni ta' Żvilupp tal-Kaspju; jitlob lill-Kummissjoni tkompli taħdem biex isaħħaħ ir-rabtiet tal-UE mal-Ażerbajġan u mat-Turkmenistan;
113. Isostni li l-prijoritajiet tal-politika esterna dwar l-enerġija tal-UE għandhom ikunu riflessi kif jixraq fl-istrumenti finanzjarji esterni post-2013;
114. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fi ħdan il-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant għas-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija sabiex tiġi promossa l-introduzzjoni ta' standards Ewropej fil-politika u r-regolamentazzjoni dwar l-enerġija u jiġu appoġġjati l-infrastruttura u l-interkonnessjonijiet, l-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġiji rinnovabbli; jilqa l-inizjattiva tas-Sħubija għall-Ambjent u l-Effiċjenza tal-Enerġija fl-Ewropa tal-Lvant (E5P), u jistenna li fil-futur qarib din l-inizjattiva tkun tinvolvi pajjiżi oħra li jagħmlu parti mis-Sħubija tal-Lvant, apparti l-Ukrajna;
115. Ifakkar fit-tensjonijiet reċenti fil-Lvant tal-Mediterran dwar l-eżistenza ta' idrokarburi; jirrimarka li l-enerġija għandha tintuża bħala mezz għall-promozzjoni tal-paċi, il-kooperazzjoni u l-istabilità fir-reġjun;
o o o
116. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.