Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0277/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2012 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0247

Testi adottati
PDF 228kWORD 62k
L-Erbgħa, 13 ta' Ġunju 2012 - Strasburgu
Il-Ginea Bissaw
P7_TA(2012)0247RC-B7-0277/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-kolp ta' stat militari fil-Ginea Bissaw (2012/2660(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ewwel fażi tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-18 ta' Marzu 2012 u t-tieni fażi skedata għad-29 ta' April 2012 fil-Ginea Bissaw,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-31 ta' Marzu, 13 u 21 ta' April u tal-8 ta' Mejju 2012 kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu 2048 tat-18 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) tas-6, t-12, u d-19 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-12 u l-14 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-NU tat-13 u s-16 ta' April 2012.

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Komunità ta' Pajjiżi ta' Lingwa Portugiża (CPLP) tat-13 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tat-tmien u d-disa' Laqgħat Straordinarji tal-Kunsill tal-Ministri tas-CPLP tal-14 ta' April u l-5 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija (OIF) tas-16 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tas-17 u l-24 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OIF tat-18 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Grupp tal-Bank Afrikan ta' Żvilupp (AfDB) u l-Grupp tal-Bank Dinji (WBG) tad-19 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' April u t-3 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Communiqués Finali tas-Samit Straordinarju tal-Kapijiet ta'Stat u ta'Gvern tal-ECOWAS tas-26 ta' April u t-3 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra s-sanzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi u finanzjarji imposti mill-ECOWAS fuq il-Ginea Bissaw fid-29 ta' April u l-31 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-30 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 377/2012 tat-3 ta' Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 458/2012 tal-31 ta' Mejju 2012 li jimplimenta l-Artikolu 11(1) tar-Regolament(UE) Nru 377/2012,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tat-18 ta' Mejju 2012 f'isem l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-Ginea Bissaw(1), tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea u l-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni(2) u tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni fl-2009(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou, speċifikament l-Artikoli 1, 8, 9, 10, 11, 20 u 33,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-12 ta' April 2012, membri tal-forzi armati ħatfu l-poter bil-forza fil-Ginea Bissaw u arrestaw kemm il-President interim, Raimundo Pererira, kif ukoll il-Prim Ministru, Carlos Gomes Júnior;

B.  billi din l-azzjoni illeġittima saret lejlet il-bidu tal-kampanja elettorali għat-tieni fażi tal-elezzjoni presidenzjali fil-Ginea Bissaw;

C.  billi t-trasparenza tal-proċess elettorali fil-Ginea Bissaw, li fih il-Prim Ministru Gomes Júnior kien rebaħ 48,7 % fl-ewwel fażi, ġiet rikonoxxuta sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali,

D.  billi l-kolp ta' stat militari ġie kundannat fil-wisa' mill-komunità internazzjonali;

E.  billi, taħt l-awspiċi tal-ECOWAS, il-mexxejja militari u ċerti partiti tal-oppożizzjoni qablu li jistabbilixxu Kunsill Nazzjonali Tranżizjonali u Gvern Tranżizzjonali, mingħajr il-kunsens tal-istituzzjonijiet politiċi leġittimi tal-pajjiż;

F.  billi deċennji ta' instabbiltà politika fil-Ginea Bissaw waqqgħu lil dan il-pajjiż fi kriżi profonda politika, ta' governanza u umanitarja;

G.  billi t-tmexxija militari tal-Ginea Bissaw indaħlet b'mod ripetut u intollerabbli fil-ħajja politika tal-pajjiż u dan l-indħil kellu impatt estremament ħażin fuq il-proċessi tal-istituzzjonalizzazzjoni tad-demokrazija u fuq l-istabbiliment tal-istat tad-dritt, fuq is-sikurezza tal-popolazzjoni u fuq l-iżvilupp tal-ekonomija;

H.  billi l-instabbiltà fil-Ginea Bissaw mhux biss tipprevjeni ġlieda effikaċi kontra t-traffikar tad-drogi, iżda thedded il-konsolidazzjoni tal-paċi fil-pajjiż u l-istabbiltà tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent;

I.  billi l-allokazzjoni totali tal-Unjoni Ewropea għall-Ginea Bissaw skont l-10 Fond Ewropew ta' Żvilupp (2008-2013) tammonta għal EUR 102,8 miljun;

J.  billi l-ekonomija tal-Ginea Bissaw hija waħda mill-aktar fqar u l-aktar dipendenti tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent u l-għajnuna internazzjonali tirrappreżenta 80 % tal-baġit nazzjonali;

K.  billi s-sitwazzjoni politika kurrenti fil-pajjiż iddawwar l-attenzjoni mill-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u mit-tkabbir tal-kriżi umanitarja fih;

L.  billi l-missjoni tal-UE għar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) fil-Ginea Bissaw, varata f'Ġunju 2008 u mwettqa taħt il-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni, fit-30 ta' Settembru 2010 kkunsidrat li l-mandat tagħha kien ikkompletat u telqet mill-pajjiż;

1.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-ħtif antikostituzzjonali tal-poter fit-12 ta' April 2012 mill-forzi armati tal-Ginea Bissaw;

2.  Jieħu nota tar-rilaxx tal-President interim u tal-Prim Ministru fis-27 ta' April 2012 u tal-fatt li ġġiegħlu jitilqu mill-pajjiż, u jesiġi li t-tnejn li huma jitħallew jissuktaw liberament l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom;

3.  Jesiġi rispett assolut tal-integrità fiżika tal-uffiċjali pubbliċi u taċ-ċittadini kollha li qed jinżammu mir-ribelli militari u jitlob li jinħelsu bla kundizzjonijiet u li l-vjolenza, is-serq u l-intimidazzjoni jintemmu;

4.  Jikkundanna r-ripressjoni vjolenti ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi favur ir-ristawr tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari dik li seħħet fil-25 ta' Mejju 2012 f'Bissaw;

5.  Iħeġġeġ lil dawk kollha involuti jtemmu immedjatament l-azzjonijiet vjolenti tagħhom u jfakkar fil-wegħda tal-armata li tosserva l-kostituzzjoni tal-Ginea Bissaw;

6.  Jitlob lill-komunità internazzjonali teżerċita l-influwenza kollha meħtieġa u tipprovdi s-sostenn kollu meħtieġ sabiex tiżgura li ssir investigazzjoni eżawrjenti ta' dawn l-azzjonijiet illegali u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

7.  Jirrifjuta l-istabbiliment tal-entitajiet li jsejħu lilhom infushom “Kmand Militari”, “Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali” u “Gvern Tranżizzjonali”, jenfasizza li ma jirrikonoxxix istituzzjonijiet militari u tranżizzjonali maħtura minnhom infushom, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taġixxi bl-istess mod;

8.  Ifakkar u jħaddan il-prinċipju tal-ECOWAS ta' tolleranza żero għal poter miksub jew miżmum b'mezzi mhux kostituzzjonali u mhux demokratiċi u jqis li l-ftehim tranżizzjonali fil-Ginea Bissaw bl-iktar mod sfaċċat jikser dan il-prinċipju, imur kontra l-kostituzzjoni tal-pajjiż u jilleġitimizza l-kolp ta' stat;

9.  Jesiġi li jitreġġgħu minnufih l-ordni kostituzzjonali u l-istat tad-dritt kif ukoll li jiġi konkluż il-proċess elettorali, inklużi l-elezzjonijiet leġiżlattivi, ħalli l-poplu tal-Ginea Bissaw ikun jista' jiddeċiedi hu l-ġejjieni tiegħu permezz ta' elezzjonijiet liberi u ġusti;

10.  Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv estern ta' sfruttament tas-sitwazzjoni preżenti u li b'hekk jimmina s-sovranità tal-poplu tal-Ginea Bissaw u l-integrità territorjali u l-indipendenza tal-Ginea Bissaw;

11.  Jesiġi li jerġgħu jiġu stabbiliti u ggarantiti l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' espressjoni u dik tal-istampa, il-libertà ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' moviment;

12.  Jappella għar-riżoluzzjoni tat-tilwim permezz ta' mezzi politiċi u paċifiċi fi ħdan il-qafas tal-istituzzjonijiet leġittimi tal-Ginea Bissaw;

13.  Jitlob lill-partiti politiċi jilħqu kunsens dwar proċess komprensiv ta' riforma għall-armata, il-pulizija, is-settur tas-sigurtà u s-sistema ġudizzjarja bħala l-ewwel pass lejn stabbiltà politika;

14.  Jirfed sforzi nazzjonali u internazzjonali maħsuba biex ireġġgħu l-fiduċja fost l-atturi politiċi, il-forzi militari u tas-sigurtà u s-soċjetà ċivili ħalli l-pajjiż jerġa' lura għan-normalità kostituzzjonali;

15.  Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li hemm periklu li l-Ginea Bissaw tibqa' militarment instabbli u mhux kapaċi tindirizza l-korruzzjoni bla rażan jew tibdel l-istatus tagħha bħala pajjiż ewlieni ta' tranżitu tad-drogi, dment li l-istituzzjonijiet tagħha jibqgħu strutturalment dgħajfa;

16.  Jenfasizza l-importanza tat-twaqqif tal-“Grupp ta' Kuntatt ta' Kriżi” għall-Ginea Bissaw taħt il-koordinament tan-NU, b'rappreżentanti tal-Unjoni Afrikana (UA), l-ECOWAS u s-CPLP, kif imsemmi fir-rapport speċjali tat-30 ta' April 2012 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw, u jappella biex l-UE tkun involuta fil-Grupp;

17.  Jappoġġja r-rieda tal-UE li tikkoopera mill-qrib mal-Istati tal-Afrika tal-Punent u ma' sħabha reġjonali u internazzjonali, inklużi n-NU, l-UA, is-CPLP u l-ECOWAS, bil-għan li titwaqqaf sħubija effikaċi li tkun tista' tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni fit-tul tal-Ginea Bissaw;

18.  Jilqa' s-sanzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi u finanzjarji, xejn sbieħ iżda meħtieġa, imposti mill-ECOWASfuq il-Ginea Bissaw, il-miżuri restrittivi diretti lejn ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw li ġew adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar għal ċerti individwi imposta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

19.  Jitlob li jsir monitoraġġ kontinwu u mill-qrib tas-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw min-naħa tas-sħab internazzjonali kollha, u li dawn ikunu lesti jirrevedu l-adegwatezza tal-miżuri adottati, inkluża l-ħtieġa li dawn il-miżuri jitqawwew, filwaqt li jagħmlu ħilithom kollha biex jevitaw effetti negattivi fuq il-popolazzjoni;

20.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-ECOWAS li tiskjera l-forza ta' għassa permanenti tagħha biex twettaq l-irtirar tal-Missjoni Angolana ta' Assistenza Teknika Militari (MISSANG) kif jieħu nota wkoll tal-wasla tal-ewwel kontinġent tagħha fil-Ginea Bissaw;

21.  Jilqa' l-proposta tas-CPLP li tikkostwixxi forza ta' stabbilizzazzjoni għall-Ginea Bissaw fi ħdan il-qafas tan-NU u b'mandat definit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, flimkien mal-ECOWAS, l-UA u l-UE, bil-qies tal-esperjenza tal-MISSANG;

22.  Jitlob li l-Kunsill jipprovdi pariri u għajnuna b'sostenn għar-riforma urġenti tas-setturi tad-difiża u s-sigurtà fil-Ginea Bissaw u jitolbu jikkunsidra li jirfed b'mod effikaċi l-iskjerament ta' operazzjoni ta' stabbilizzazzjoni internazzjonali ġdida fil-qafas tal-PSDK;

23.  Iħeġġeġ lill-UE, lin-NU, lill-UA, lill-ECOWAS u lis-CPLP jikkoordinaw flimkien id-diversi forzi militari tal-pajjiżi ġirien li diġà qegħdin fil-post, inklużi dawk tal-Angola, tan-Niġerja, tas-Senegal u ta' Burkina Faso;

24.  Jitlob li l-UE titlob lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi li jikkontribwixxu forzi militari u ta' sigurtà – ilkoll sħab tal-AKP – jiżguraw li dawn ma jintużawx biex jirfdu l-ordni illeġittimu li qed jippruvaw jistabbilixxu dawk li wettqu l-kolp ta' stat u l-awtoritajiet tranżizzjonali maħtura minnhom infushom, jew biex iwettqu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-poplu tal-Ginea Bissaw;

25.  Jiddispjaċih dwar tmiem il-missjoni SSR fil-Ginea Bissaw fl-2010;

26.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex jistidjaw il-possibbilta li jibagħtu missjoni SSR ġdida fil-Ginea Bissaw, b'mandat imsaħħaħ ħalli tgħin fir-riforma tas-setturi tad-difiża u tas-sigurtà, tippromwovi l-bini tal-kapaċitajiet, tirriforma l-amministrazzjoni pubblika u tirfed l-istat tad-dritt, hekk kif l-awtoritajiet leġittimi jerġgħu jiksbu l-eżerċizzju sħiħ tal-governanza fil-Ginea Bissaw u jitolbu missjoni ta' dan it-tip;

27.  Jerġa' jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jikkunsidraw mezzi ġodda ta' kif jgħinu lill-gvern leġittimu tal-Ginea Bissaw jiġġieled kontra t-trffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, u b'hekk ma jħallux li dak il-pajjiż isir każ ieħor ta' stat sfaxxat tad-drogi;

28.  Ifakkar li t-traffikar tad-drogi fil-Ginea Bissaw huwa dirett lejn is-suq Ewropew u huwa marbut ma' xbieki kriminali oħra li joperaw fir-reġjun, inklużi dawk tat-terroriżmu fis-Saħel u fin-Niġerja b'mod partikolari;

29.  Jappella biex jissaħħaħ l-impenn tal-UE u dak internazzjonali favur il-kostruzzjoni ta' Ginea Bissaw demokratika u stabbli;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni umanitarja fil-Ginea Bissaw, b'mod partikolari għall-qagħda tal-persuni spustati f'pajjiżhom u tar-refuġjati u għar-riskju ta' epidemiji u t-theddida għas-sigurtà tal-ikel u tal-kura tas-saħħa, u jitlob lill-UE u lill-komunità internazzjonali jieħdu minnufih miżuri ta' għajnuna konkreti u adegwati;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tissokta bl-għajnuna umanitarja tagħħa u bl-assistenza diretta lill-popolazzjoni;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tan-NU u tal-ECOWAS, lill-istituzzjonijiet tal-UA, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-AKP, lis-Segretarjat tas-CPLP u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ginea Bissaw.

(1) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 178.
(2) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 63.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0227.

Avviż legali - Politika tal-privatezza