Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2088(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0174/2012

Testi mressqa :

A7-0174/2012

Dibattiti :

PV 12/06/2012 - 10
CRE 12/06/2012 - 10

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2012 - 9.6
CRE 13/06/2012 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0250

Testi adottati
PDF 223kWORD 66k
L-Erbgħa, 13 ta' Ġunju 2012 - Strasburgu
Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem
P7_TA(2012)0250A7-0174/2012

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (2012/2088(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 21, 31, 33 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwestjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011 bl-isem “Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma ”(COM(2010)0171),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali(3),

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-responsabbiltà politika(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0174/2012),

A.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-azzjonijiet esterni kollha tagħha, filwaqt li jiggarantixxi koerenza u konsistenza f'dawn l-oqsma u bejn l-azzjoni esterna tagħha u l-politiki l-oħra tagħha;

B.  billi l-Artikolu 33 tat-TUE jipprovdi l-bażi legali għall-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri: “Il-Kunsill jista”, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jaħtar rappreżentant speċjali li jingħata mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta' politika. Ir-rappreżentant speċjali għandu jwettaq il-mandat tiegħu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli“;

C.  billi l-Parlament Ewropew ripetutament talab għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet hawn fuq imsemmija tas-16 ta' Diċembru 2010 u tat-18 ta' April 2012;

D.  billi l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jsaħħaħ il-viżibbiltà u l-koerenza tal-Politika tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE bħala parti fundamentali mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tagħha u jikkontribwixxi biex jgħolli l-profil dinji tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

   (a) filwaqt li l-ħatra tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istabbiliment tal-mandat tiegħu/tagħha hija formalment deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jaġixxi u jitkellem għan-nom tal-Unjoni, b'mod li jirrifletti r-responsabbiltà konġunta u indiviżibbli tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri kollha tal-UE li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; il-ħatra tal-ewwel RSUE tematiku li qatt kien hemm għandha ttejjeb il-viżibbiltà, l-effikaċja, il-koerenza u r-responsabbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; b'mod partikolari, il-Parlament Ewropew għandu jkollu r-rwol xieraq tiegħu fil-proċedura ta' ħatra u s-superviżjoni tal-mandat matul it-terminu sħiħ tiegħu;
   (b) għat-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-mandat tal-RSUE, għandu jsir skambju ta' fehmiet/smigħ mal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem nominat mir-Rappreżentant Għoli, fil-kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew;
   (c) l-implimentazzjoni tal-mandat u l-konsistenza tiegħu ma' kontribuzzjonijiet oħra mill-Unjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu soġġetti għal rieżami regolari; l-RSUE għandu jagħti lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli, lill-Parlament u lill-Kummissjoni rapport ta' progress annwali u rapport komprensiv ta' implimentazzjoni dwar il-mandat fi tmiemu;
   (d) l-objettivi ta' politika tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom jinkludu t-titjib tal-koerenza, l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM); l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun interlokutur ta' livell għoli għall-kontrapartijiet tiegħu f'pajjiżi terzi u f'organizzazzjonijiet internazzjonali, u għandu wkoll ikun kapaċi jittratta man-NU (Assemblea Ġenearlai tan-NU, UNHRC, eċċ.) kif ukoll ma' organizzazzjonijiet reġjonali relevanti; l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jippresjedi d-djalogi ta' livell għoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u jmexxi l-konsultazzjonijiet ma' pajjiżi terzi dwar kwestjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
   (e) sabiex jilħaq dawn l-objettivi, l-RSUE, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, għandu jingħata mandat qawwi, indipendenti u flessibbli li ma jkunx definit b'responsabbiltajiet tematiċi dojoq u speċifiċi, iżda li lill-RSUE jħalluh jaġixxi bil-ħeffa u b'mod effikaċi; b'konformità mal-azzjonijiet u l-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni, l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jindirizza wkoll kwestjonijiet orizzontali differenti li jikkontribwixxu għal azzjoni aktar effikaċi u koerenti fil-politiki esterni tal-UE; l-ambitu tal-mandat tal-RSUE għandhu jkun għalkollox allinjat mal-prinċipji tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll mal-objettivi ta' politika stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, u għandu jkopri t-tisħiħ tad-demolrazija, l-istat tad-dritt u l-bini ta' istituzzjonijiet, il-ġustizzja internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali; il-mandat għandu jinkludi, inter alia, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità, il-ġlieda kontra t-tortura, il-libertà tal-espressjoni (inkluż fuq l-internet), il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' assemblea, il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, drittijiet tal-minoranzi, il-protezzjoni tat-tfal, drttijiet tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà, kwestjonijiet tal-ġeneru, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni f'kull sura tagħha, irrispettivament minn jekk tkunx ibbażata fuq id-diżabilità, fuq l-oriġini razzjali jew etnika, fuq il-ġeneru, fuq l-orjentazzjoni sesswali jew fuq l-identità tal-ġeneru;
   (f) il-mandat għandu jissejjes fuq il-prinċipji li jiggwidaw il-politika tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u, b'mod partikolari, fuq il-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt (2008); it-tortura u trattament jew kastigi krudili, inumani jew degradanti oħrajn (2008); id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi (2009); it-tfal u l-konflitti armati (2008); id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2008); il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (2008); il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom (2008); id-dritt umanitarju internazzjonali (2009), it-toolkit tal-LGBT (2010) kif ukoll ir-rapporti annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; barra minn hekk, il-mandat għandu jinkludi l-appoġġ lir-Rappreżentant Għoli u lill-istituzzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
   (g) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkollu l-kwalifiċi professjonali meħtieġa, esperjenza estensiva u storja ta' riżultati tajbin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll integrità personali u professjonali u reputazzjoni internazzjonali;
   (h) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jinħatar għal sentejn u nofs; sabiex jiġu żgurati l-kontinwità, il-koerenza u r-responsabbiltà demokratika, il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded u l-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat b'mod adegwat u f'waqtu matul il-proċess ta' tiġdid;
   (i) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jaħdem mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u mal-President tal-Parlament Ewropew sabiex jiżgura koerenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika fil-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE; l-RSUE għandu jinteraġixxi mill-qrib mad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-SEAE u mad-Delegazzjonijiet multilaterali kollha tal-UE (New York, Ġinevra, Vjenna, Strasburgu), kif ukoll mad-delegazzjonijiet kollha tal-UE fid-dinja, biex jiffaċilita l-kuntatti dwar kwestjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mas-servizzi kollha tal-UE, mad-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali; id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-SEAE għandhom jipprovdu s-servizzi meħtieġa kollha u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-mandat tal-RSUE;
   (j) filwaqt li jżomm konnessjonijiet mill-qrib mal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-Kunsill, l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu regolarment jirraporta lill-kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-mandat, inklużi r-riżultati tas-sessjonijiet tal-UNHRC u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-Pajjiżi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
   (k) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jimplimenta l-mandat tiegħu, għandu jikkoopera mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali, reġjonali u nazzjonali, mal-NGOs, mal-esperti kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali li jaġixxu fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
   (l) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jingħata riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex jiggarantixxu l-ħidma effikaċi tar-Rappreżentant Speċjali u t-tim tiegħu; il-baġit tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jiġi rivedut annwalment;
   (m) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun responsabbli għall-kostituzzjoni ta' tim, b'tali mod li jkopri l-għarfien espert ta' politika meħtieġ, bi qbil mal-mandat tiegħu u fl-interess ta' dak il-mandat; fid-dawl tal-ambitu u tan-natura transettorjali tal-mandat, huwa importanti li għadd suffiċjenti ta' persunal jiġi assenjat biex jaħdem taħt is-superviżjoni diretta tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem; it-tim jista' jinkludi persunal issekondat minn Stati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod li jirrifletti wkoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-koerenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fost l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri kollha tal-UE;
   (n) referenza għal din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi inkluża fil-mandat tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

2.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u għal finijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0126.
(3) http://www.eeas.europa.eu/human_rights/docs/guidelines_en.pdf
(4) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 470.

Avviż legali - Politika tal-privatezza