Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar “l-Att dwar is-Suq Uniku”: Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir ' (2012/2663(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u tissaħħaħ il-fiduċja'Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta “Ottubru 2010 bit-titolu ”Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna: 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin' (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2012 bit-titolu “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll Annwali fuq il-Governanza 2011” (SWD(2012)0025),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tas-16 ta' Awwissu 2011 bit-titolu “Is-Suq Uniku f'għajnejn il-poplu: Ħarsa ġenerika tal-20 tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji” (SEC(2011)1003),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività tal-10 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar suq uniku għall-impriżi u t-tkabbir(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar suq uniku għall-Ewropej(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-governanza u s-sħubija fis-Suq Uniku(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-eżitu tal-Forum tas-Suq Uniku(5), li sar fi Krakow (il-Polonja) fit-3-4 ta' Ottubru 2011, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-Suq Uniku Ewropew ġab miegħu benefiċċji tremendi għaċ-ċittadini tal-Ewropa, filwaqt li fetaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji Ewropej, speċjalment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);
B. billi s-Suq Uniku huwa mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fl-Unjoni Ewropea; billi l-Ewropej għadhom ma bbenefikawx bis-sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku f'ħafna oqsma u billi jinħtieġu inċentivi ġodda, b'mod partikolari biex jiżguraw il-mobbiltà effettiva tax-xogħol fl-Ewropa kollha, flimkien ma' koeżjoni soċjali adegwata, u biex jiffaċilitaw il-bejgħ u x-xiri transkonfinali;
C. billi s-Suq Uniku ma jistax jitiqies b'mod iżolat minn oqsma oħra ta' politika orizzontali, b'mod partikolari s-saħħa, il-protezzjoni soċjali u tal-konsumatur, il-liġi tax-xogħol, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-politiki esterni; billi l-implimentazzjoni konkreta tal-Istrateġija UE 2020 teħtieġ approċċ żviluppat bis-sħiħ għall-approfondiment tas-Suq Uniku;
D. billi t-tendenza ekonomika negattiva attwali, u l-adozzjoni mill-ġdid ta' attitudnijiet ekonomiċi protezzjonisti fl-Istati Membri, heddew uħud mis-suċċessi l-aktar viżibbli tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, li jfisser li jeħtieġ li jintlaħqu l-objettivi oriġinarjament stabbiliti mid-Direttiva dwar is-Servzzi, u sadanittant jiġi evitat li jsir dannu għas-setturi ekonomiċi tradizzjonali;billi s-Suq Uniku huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel bħala mezz biex terga' tieħu r-ruħ l-ekonomija Ewropea, billi jipprovdi reazzjoni konkreta għall-kriżi fit-tul attwali, u biex jiżgura l-vijabbiltà tal-proġett Ewropew fuq medda twila ta' żmien;
E. billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqblu dwar kalendarju vinkolanti, u dwar il-miżuri konkreti meħtieġa biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku u biex jiġu aboliti l-ostakli kollha mhux ġustifikati li fadal għall-moviment ħieles ta' oġġetti, servizzi u ħaddiema;
F. billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiffokaw fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni fil-pront tal-partijiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni dwar it-tkabbir, filwaqt li jagħtu prijorità lill-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tnaqqis tal-burokrazija;
I.Introduzzjoni
1. Jenfasizza li t-tisħiħ tas-Suq Uniku u li jiġi sostent bil-governanza ekonomika ottimali għandu jkun fil-qalba tal-aġenda tat-tkabbir tal-UE, u jitlob li s-Suq Uniku jitlesta bl-akbar determinazzjoni u ħeffa, filwaqt li titqies id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali;
2. Jenfasizza r-rilevanza strateġika tal-Att dwar is-Suq Uniku, u l-identifikazzjoni “tat-tnax-il lieva” għal tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklussiv, bħala kontribut importanti għat-tisħiħ tas-Suq Uniku b'mod komprensiv u bbilanċjat; jenfasizza li l-Att dwar is-Suq Uniku huwa r-riżultat ta' proċess wiesa' ta' konsultazzjoni interistituzzjonali u mal-partijiet interessati;
3. Huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità immedjata għall-adozzjoni tat-12-il azzjoni ewlenija tal-Att dwar is-Suq Uniku, speċjalment dawk li se jiffaċilitaw it-tlestija tas-suq uniku diġitali, fejn possibbli, sa tmiem l-2012; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ewlenin immirati lejn it-traspożizzjoni bikrija, ferm qabel l-iskadenza;
4. Jemmen li hemm bżonn li jinżamm il-pass milħuq fir-rigward tal-Att dwar is-Suq Uniku u għalhekk jipproponi li l-Att dwar is-Suq Uniku għandu jkun programm li jibqa' għaddej u li jiġi aġġornat u rivedut kull sena; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex ikompli jiġi approfondit is-Suq Uniku billi jittieħed kont tal-progress miksub fir-rigward tal-Att dwar is-Suq Uniku qabel tmiem l-2012, bl-għan li jiġi ffaċilitat it-tkabbir u tittejjeb il-governanza tas-Suq Uniku; itenni li l-Att dwar is-Suq Uniku għandu jindirizza wkoll il-problemi soċjoekonomiċi tal-UE u għandu jaħdem lejn suq li jkun għas-servizz taċ-ċittadini;
5. Huwa tal-fehma li l-passi li jmiss għal azzjonijiet ta' prijorità għandhom ikunu bbażati prinċipalment fuq “it-tnax-il lievi” li jgħatu spinta lit-tkabbir, tal-Att dwar is-Suq Uniku, sabiex tiġi ffokata l-attenzjoni politika, jiġi żgurat kunsens dwar progress'il quddiem b'bażi bbilanċjata, u jsir japprofondiment u mmodernizzar tas-Suq Uniku, b'attenzjoni speċjali għall-promozzjoni tal-benefiċċji tiegħu għall-konsumaturi u n-negozji; huwa tal-fehma li s-Suq Uniku għandu wkoll jippreserva benesseri soċjali u jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dettaljati relevanti sar-Rebbiegħa 2013;
II.Il-governanza tas-Suq Uniku
7. Itenni li t-tmexxija b'saħħitha min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej, u s-sjieda politiku min-naħa tal-Istati Membri, huma meħtieġa biex jirrestawraw il-kredibbiltà tas-Suq Uniku u l-fiduċja fih;
8. Jenfasizza li traspożizzjoni fqira u tardiva, u implimentazzjoni u infurzar inadegwati tar-regoli, jipprevjenu liċ-ċittadini u n-negozji milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-Suq Uniku;
9. Itenni l-ħtieġa li jitnaqqas id-defiċit ta' traspożizzjoni tad-Direttivi tas-Suq Uniku għal 0,5 % għal-leġiżlazzjoni pendenti u 0,5 % għal-leġiżlazzjoni trasposta b'mod inkorrett sal-aħħar tal-2012;
10. Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm anqas leġiżlazzjoni tal-UE li hija aqwa; għalhekk, jistieden lill-Kummisjoni tuża fejn xieraq u prinċipalment fejn ma jkunx hemm bżonn aktar diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, aktar ir-regolamenti minflok id-direttivi bħala l-istrument legali ppreferut għar-regolamentazzjoni tas-Suq Uniku peress li għandhom vantaġġi evidenti f'termini ta' effiċjenza u effikaċja u joħolqu ambjent b'kundizzjonijiet ekwi għaċ-ċittadini u n-negozji, u għandhom potenzjal akbar għal infurzar privat;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, speċjalment fis-settur tas-servizzi u l-oġġetti, li mistennija jkollhom l-ogħla potenzjal biex jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni ssegwi ksur relatat mas-Suq Uniku fil-pront u b'mod vigoruż;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mekkaniżmi innovattivi, bħalma hija l-proċedura ta' valutazzjoni reċiproka tadd-Direttiva tas-Servizzi, ħalli tkun żgurata applikazzjoni aktar effettiva tal-liġi tal-UE;
13. Iqis li t-tabelli ta' korrelazzjoni jżidu t-trasparenza fil-proċess għall-iżgurar tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE;
14. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jerġgħu jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi b'25 % sal-2015 u jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa “test ta' proporzjonalità” biex tiġi identifikata leġiżlazzjoni tal-UE sproporzjonata, u biex tali leġiżlazzjoni tiġi rrevokata;
16. Jilqa' “il-Kontroll tal-Governanza” tal-Kummissjoni għall-2011, li jippreżenta għall-ewwel darba perspettiva integrata tal-istrumenti differenti użati “fiċ-ċiklu ta' governanza tas-Suq Uniku”, inklużi t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, ir-Rapport Annwali Solvit u l-websajt “L-Ewropa Tiegħek”; jafferma mill-ġdid u bil-qawwa l-pożizzjoni tiegħu dwar l-importanza ta' punt uniku ta' servizz; ifaħħar lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħha fuq il-portal L-Ewropa Tiegħek, u jħeġġeġ it-tlestija tal-iżvilupp ta' dan l-istrument innovattiv li jservi bħala element komplementari essenzjali għan-netwerk “Punti ta' Kuntatt Uniku” billi jipprovdi bieb uniku għall-informazzjoni kollha u jgħin is-servizzi meħtieġa miċ-ċittadini u n-negozji biex jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom fis-Suq Uniku;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta mingħajr dewmien pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ ulterjuri tar-rwol tas-SOLVIT, tal-Pariri tal-Ewropa Tiegħek u taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, fost servizzi ta' assistenza oħra, sabiex tagħmilhom aktar viżibbli għaċ-ċittadini u n-negozji;
18. Jisħaq dwar l-importanza ta' involviment aktar b'saħħtu u aktar bikri tal-partijiet interessati fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri meħtieġa biex tingħata spinta lit-tkabbir u lid-drittijiet taċ-ċittadini fis-Suq Uniku; jenfasizza, barra minn hekk, li d-djalogu mas-sħab soċjali, mal-parlamenti nazzjonali u mas-soċjetà ċivili għandu rwol essenzjali fir-restawr tal-fiduċja fis-Suq Uniku, u għalhekk għandu jitpoġġa fil-qalba tas-Suq Uniku mġedded;
19. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu liċ-ċittadini aktar mill-qrib fl-iżvilupp tas-Suq Uniku, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni aktar ċara li permezz tagħha se jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku, billi jitrawwem id-djalogu u l-komunikazzjoni maċ-ċittadini sabiex jifhmu aħjar l-aspettattivi tagħhom, u billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jissodisfaw l-obbligi tagħhom;
20. Itenni l-ħtieġa ta' monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku fl-ogħla livell politiku; jilqa' l-impenn tal-Kunsill Ewropew permezz tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku permezz ta' monitoraġġ indipendenti aktar sistematiku sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni kollha. jipproponi li t-traspożizzjoni tista' titjieb billi ssir ħidma mill-qrib mal-Istati Membri biex jinkixfu l-problemi li jaffrontaw meta jkunu qegħdin jittrasponu leġiżlazzjoni, inklużi l-kunflitti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tgħinhom;
21. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja t-tlestija tas-Suq Uniku fi ħdan l-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew, filwaqt li tqis il-Kontroll annwali tal-Governanza SMA u l-mekkaniżmi ta' rappurtar tat-Tabella ta' Valutazzjoni; huwa tal-fehma li l-monitoraġġ annwali għandu jivvaluta sa liema punt il-konsumaturi u n-negozji jibbenefikaw mis-Suq Uniku, u għandu jirrapporta dwar kwalunkwe xkiel għall-funzjonament tiegħhu;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva ddedikata għat-Tkabbir mibnija fuq il-kunċett ta' Ekonomija Ewropea tas-Suq Soċjali, ibbażata fuq is-semestru Ewropew, l-SMA l-Istrateġija UE2020 u d-deċiżjonijiet eżistenti relevanti, u li tkun sostnuta b'finanzjament minn, inter alia, il-Fondi Strutturali, bonds tal-proġetti u l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka; jissuġġerixxi li l-inizjattiva għat-Tkabbir għandha tkun approvata politikament mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew, wara konsultazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, u li dan il-proċess għandu jagħti kontribut għal rakkomadazzjonjiet speċifiċi skont il-pajjiż li jqisu l-istat ta' implimentazzjoni tas-Suq Uniku;
III.Il-passi li jmiss għat-tkabbir
23. Jemmen li huwa importanti li s-setturi li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tal-konsumatur għandhom jitpoġġew fiċ-ċentru tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku;
24. Ifakkar l-importanza ta' mekkaniżmu ta' rimedju effettiv bħala mezz biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jfittxu li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati aħjar dwar dawn il-mekkaniżmi ta' rimedju u l-istrumenti għar-riżoluzzjoni tal-problemi bl-għan li jkun iffaċilitat ir-rimedju tal-konsumatur f'xiri transkonfinali ta' prodotti u servizzi;
25. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u kompleta tad-Direttiva tas-Servizzi, inter alia, bit-twaqqif ta' Punti ta' Kuntatt Uniku li faċli għall-utent u komprensivi, u biex isegwu l-proċess ta' valutazzjoni reċiproka u l-kontrolli tal-prestazzjoni; iqis li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-integrazzjoni ta' dawn il-Punti ta' Kuntatt Uniku meħtieġa skont il-Pakkett dwar il-Prodotti;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq il-mekkaniżmu ta' trasparenza previst fl-Artikolu 59 tad-Direttiva MRPQ (Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali) biex jiġu identifikati l-oqsma fejn l-Istati Membri qegħdin jimblukkaw b'mod sproporzjonat, l-aċċess għal professjonijiet regolati;
27. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-akkwist pubbliku għat-tistiħ tal-innovazzjoni u l-kompetittività u għalhekk jitlob iż-żamma tal-isforz li qed isir f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ġdida dwar akkwisti pubbliċi b'mod strateġiku li jiggarantixxi li l-flus pubbliċi investiti f'xogħlijiet, servizzi u provvisti jwasslu għal tkabbir sostenibbli, ħolqien tal-impjiegi u koeżjoni soċjali;
28. Jenfasizza l-ħtieġa li l-fondi tal-UE li ma ntefqux jintużaw fil-pront għall-miżuri li jindirizzaw b'mod effiċjenti r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jaqblu malajr dwar miri u miżuri vinkolanti fil-qasam tal-mobbiltà taż-żgħażagħ (“Żgħażagħ Attivi”), kif ukoll biex jimplimentaw fil-pront l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ;
29. Jinsisti li, fl-era diġitali, l-Unjoni għandha tirrealizza bis-sħiħ il-potenzjal u l-opportunitajiet offruti permezz tal-Internet, il-kummerċ elettroniku u d-diffużjoni tal-ICTs fl-SMEs u fl-amministrazzjoni pubblika għall-iżvilupp ulterjuri tas-Suq Uniku, filwaqt li tagħmilhom disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għandu jqis il-bżonn li jiġu protetti ċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali bħala prijorità sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess bis-sħiħ għal offerti aktar kompetittivi ta' prodotti u servizzi; jitlob azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri b'koordinazzjoni mal-Kummissjoni biex jingħelbu l-ostakli li jżommu liċ-ċittadini milli jkollhom aċċess għal servizzi onlajn;
31. Jitlob aġenda ambizzjuża tal-Konsumatur, li tinkludi azzjonijiet leġiżlattivi u politiċi, immirati biex jagħtu s-setgħa bis-sħiħ lill-konsumaturi medji kif ukoll lil dawk vulnerabbli;
32. Jenfasizza r-rwol tal-bejgħ bl-imnut bħala mutur għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u bħala pedament tas-Suq Uniku; jilqa' l-adozzjoni ppjanata tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Bejgħ bl-Imnut komprensiv tal-Kummissjoni, li jistabbilixxi strateġija għal suq bl-imnut aktar effiċjenti u ġust fl-Ewropa, li jibni fuq kisbiet pożittivi u jindirizza l-isfidi pendenti, kif ukoll il-Komunikazzjoni li tevalwa miżuri nazzjonali fis-seħħ li jindirizzaw relazzjonijiet kuntrattwali; ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni, u r-riżultati tad-djalogu bejn diversi partijiet interessati dwar prassi B2B (negozju għal negozju), se jiġu ppreżentati fl-ewwel Laqgħa ta' Diskussjoni dwar is-Suq bl-Imnut, li se ssir fl-aħħar tal-2012;
33. Jemmen li d-dimensjoni esterna tas-Suq Uniku teħtieġ li tissaħħaħ, b'mod partikolari billi tittejjeb il-kooperazzjoni fil-qasam tal-istandardizzazzjoni internazzjonali, u li s-sinerġiji li jistgħu jinkisbu bejn il-politiki ekonomiċi esterni u interni tal-Unjoni, jiġifieri bejn is-Suq Uniku u l-kummerċ, għandhom jiġu segwiti;
34. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' Ajru Uniku Ewropew II, li fir-rigward tiegħu l-użu tas-SESAR se jkollu rwol importanti u jistieden lill-Kummissjoni biex sal-2013, tipproponi proposta dwar it-tlestija ta' spazju uniku Ewropew permezz ta' tnaqqis fin-numru ta' blokok funzjonali tal-ispazju tal-arja,
35. Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati infrastrutturi għall-industriji ta' netwerks kbar u għas-servizzi pubbliċi - inklużi servizzi ta' enerġija u trasport bħal netwerks ferrovjarji Trans-Ewropej, u komunikazzjonijiet elettroniċi bħall-aċċess broadband fl-UE kollha - bħala lieva għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjieg; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq suq Ewropew intern tal-enerġija sabiex inaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-UE u jtejjeb l-affordabilità tal-prezzijiet;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, proposta għal direttiva li jkun fiha d-dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjoni bejn l-immanniġġjar tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet tat-trasport, kif ukoll proposta għall-ftuħ tas-suq nazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li ma tnaqqasx il-kwalità tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju u tissalvagwardja l-obbligi tas-servizz pubbliku,
37. Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem ir-rwol tal-SMEs fis-Suq Uniku billi jiġi żgurat aċċess għal kreditu u finanzjament, u billi jiġi implimentat kompletament is-Small Business Act;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-industrija, u għall-SMEs, speċjalment billi jissaħħu l-azzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment għas-sostenn tal-aċċess għal finanzi, u biex titrawwem ir-riċerka u l-innovazzjoni billi jiżdiedu sostanzjalment il-programmi prinċipali tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp u billi jsir użu aħjar tal-fondi li ma ntefqux għall-proġetti li jsaħħu t-tkabbir;
39. Ifakkar it-talba tiegħu għall-14-il Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sede tal-kumpaniji, u jenfasizza li tali Direttiva se tiffaċilita b'mod konsiderevoli l-mobbiltà tal-kumpaniji fl-Ewropa; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, tippreżenta proposti leġiżlattivi li jsegwu fuq il-Green Paper dwar il-Governanza Korporattiva u tinkludihom fil-Programm ta' Ħidma 2013;
40. Jiddeplora l-irtirar tar-regolament propost għall-istatut tas-soċjetajiet reċiproċi Ewropej, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta ġdida; jitlob lill-Kummissjoni terġa' tibda taħdem fuq id-Disa' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji dwar gruppi ta' kumpanniji sabiex jiġi pprovdut qafas regolatorju għal din il-forma komuni ta' assoċjazzjoni tan-negozju, u b'hekk toħloq sett ta' regoli komuni fir-rigward ta', inter alia, il-protezzjoni ta' sussidjarji u partijiet interessati, u trasparenza akbar fl-istruttura legali u tas-sjieda;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex jittejbu l-istrumenti finanzjarji disponibbli għas-sostenn ta' tkabbir sostenibbli, bħal progetti ta' bonds għal investimenti fit-tul, u biex toħroġ komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għall-innovazzjoni u t-tkabbir, u tirrevedi r-regoli eżistenti kif meħtieġ;
42. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq b'urġenza proposti li jtejbu l-protezzjoni għall-investituri u għal klijenti bl-imnut oħra fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari prodotti ta' investiment mhux professjonali offruti flimkien (PRIPS), impriżi għall-investimenti kollettivi f'titoli trasferibbli (UCITS), u medjazzjoni fl-assigurazzjoni u skemi ta' garanzija tal-assigurazzjoni;
43. Jenfasizza l-importanza ta' infrastruttura tas-suq finanzjarju soda biex issostni s-Suq Uniku, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti bikrija dwar mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet fir-rigward ta' tali infrastruttura; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' segwitu bikri għall-Karta Strateġika tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT;
44. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fl-livell nazzjonali u Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki fiskali b'mod adegwat sabiex titġi evitata d-distorsjoni fil-funzjonament tas-Suq Uniku, jiġi garantit ambjent b'kundizzjonijiet ekwi għan-negożji u ċ-ċittadini u jiġu żgurati finanzji pubbliċi fis-sod;
45. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproduċi tabella ta' valutazzjoni li tippreżenta l-ostakli affrontati mill-ħaddiema tal-Unjoni li jixtiequ jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għal moviment liberu, li tiddeskrivi kif dawn l-ostakli qed jiġu indirizzati fl-Istati Membri u li sservi biex tevalwa jekk ġewx indirizzati kompletament u b'mod effettiv, mhux l-inqas billi teżamina l-fenomenu ta' “dumping soċjali”; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jitneħħew l-ostakli persistenti li jaffrontaw iċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u li jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor;
46. Huwa tal-fehma li l-Ewropej għadhom ma sfruttawx kompletament il-potenzjal tas-Suq Uniku f'ħafna oqsma, inkluż il-moviment liberu tal-persuni u tal-ħaddiema, u li jintħieġu inċentivi importanti, b'mod partikolari, biex jiżguraw mobbiltà tax-xogħol effettiva fl-Ewropa kollha, notevolment permezz tal-garanzija tal-portabbiltà tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-pensjoni;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, filwaqt li jikkonformaw mar-Regolament(KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 153 TFUE, jagħmlu studji sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħarsien tas-sigurtà soċjali għal ċittadini mobbli fl-UE, kif ukoll l-ugwaljanza tat-trattament bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat, billi jqisu wkoll sistema ta' sigurtà soċjali fakultattiva, volontarja u trasferibbli fil-livell Ewropew, li tkun komplementarja għas-sistema ġenerali, sabiex tkun stabbilita kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tal-politika soċjali;
o o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.