Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar it-tmiem għall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa (2012/2684(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapporti ppreżentati fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu, u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili pprattikata fl-UE(1),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Diċembru 2011 bit-titolu “It-tmiem għall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa”,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta' Marzu 2010 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni Ewropea, li jappellaw għal approċċ internazzjonali biex tiġi miġġielda l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fit-8 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti ewlenin ta' qafas politiku ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjoni għall-politika strateġika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija abbuż irreparabbli li intenzjonalment ibiddel jew jikkawża ħsara lill-partijiet ġenitali tal-bniet għal raġunijiet mhux mediċi, b'konsegwenzi irriversibbli u li attwalment taffetwa 140 miljun mara u tifla, u billi kull sena 3 miljun tifla oħra huma fir-riskju li jgħaddu minn din il-proċedura;
B. billi, skont il-WHO, 500 000 mara fl-Ewropa qegħdin jgħixu bil-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa u huwa stmat li 180 000 tifla huma fir-riskju; billi, skont l-esperti, dawn iċ-ċifri huma anqas mir-realtà u ma jqisux il-migranti tat-tieni ġenerazzjoni jew dawk mingħajr dokumenti;
C. billi kull forma ta' mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija prattika tradizzjonali dannuża li li ma tistax titqies li hi parti minn reliġjon, iżda hija att ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari d-dritt għas-sigurtà u l-integrità personali u s-saħħa fiżika u mentali, u tas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, filwaqt li, fil-każ ta' bniet li huma minorenni, tikkostitwixxu wkoll abbuż mit-tfal; billi tali vjolazzjonijiet ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jkunu ġġustifikati għal raġunijiet ta' tradizzjonijiet kulturali ta' diversi tipi jew ta' ċerimonji ta' inizjazzjoni,
D. billi, filwaqt li l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija, fiha nnifisha, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tikkawża ġrieħi serji ħafna u irreparabbli fuq terminu qasir u twil għas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa u l-bniet li jgħaddu minnha, u b'hekk tikkostitwixxi assalt gravi fuq il-persuna u l-integrità tagħhom, u f'xi każijiet tista' tkun saħansitra fatali; billi l-użu ta' strumenti rudimentali u l-assenza ta' prekawzjonijiet antisettiċi għandhom effetti dannużi ulterjuri, tant li r-rapport sesswali u l-ħlas jistgħu jkunu ta' wġigħ, l-organi milquta ssirilhom ħsara irreparabbli u jista' jkun hemm kumplikazzjonijiet bħalma huma l-emorraġija, stat ta' xokk, infezzjoni, it-trażmissjoni tal-virus tal-AIDS, it-tetanu, tumuri beninji u kumplikazzjonijiet serji li jaffettwaw it-tqala u l-ħlas,
E. billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija espressjoni ta' relazzjonijiet ta' setgħa inugwali u forma ta' vjolenza kontra n-nisa, flimkien ma' forom oħra ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u billi huwa assolutament neċessarju li l-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa tiġi inkorporata f'approċċ ġenerali u koerenti għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa;
1. Jilqa' d-deċiżjoni tas-56 Sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tat-8 ta' Marzu 2012 li l-kwistjoni tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa għandha tiġi diskussa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti waqt is-67 sessjoni tagħha li jmiss;
2. Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tadotta riżoluzzjoni waqt is-67 sessjoni tagħha bil-ħsieb li ttemm il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa globalment – kif intalab mis-Samit tal-Unjoni Afrikana tal-1 ta' Lulju 2011 – billi tarmonizza l-azzjoni meħuda mill-istati membri u tipprovdi rakkomandazzjoni u linji gwida għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-istrumenti legali reġjonali u internazzjonali u leġiżlazzjoni nazzjonali;
3. Jiddikjara li, billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa titwettaq l-aktar fuq bniet żgħar bejn l-infanzja u l-età ta' 15-il sena, hija tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tat-tfal; itenni li s-27 Stat Membru lkoll impenjaw ruħhom li jħarsu d-drittijiet tat-tfal fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
4. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali u jimplimentawhom permezz ta' leġiżlazzjoni komprensiva li tipprojbixxi l-forom kollha tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa u li tipprevedi sanzjonijiet effettivi kontra min iwettaq dan ir-reat; jinnota li l-leġiżlazzjoni għandha wkoll tawtorizza sensiela sħiħa ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' protezzjoni, inklużi mekkaniżmi biex jikkoordinaw, jimmoniterjaw u jevalwaw l-infurzar tal-liġi, u għandha ttejjeb il-kundizzjonijiet li jippermettu lin-nisa u l-bniet jirrappurtaw każijiet ta' mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;
5. Jistieden lill-entitajiet relevanti tan-NU u lis-soċjetà ċivili, permezz tal-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji xierqa, jappoġġaw b'mod attiv programmi immirati u innovattivi u jxerrdu l-aħjar prattiki li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-bniet f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi dawk li sofrew il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, u li għandhom diffikultà ta' aċċess għas-servizzi u l-programmi;
6. Jitlob lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jiżgura li l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti kollha tan-NU, b'mod partikolari l-Fond tan-NU għat-Tfal, il-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-NU (UNESCO), l-Entità tan-NU dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għotja tas-Setgħa lin-Nisa, il-Fond għall-Iżvilupp tan-NU għan-Nisa, il-Programm ta' Żvilupp tan-NU u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod individwali u kollettiv, jinkorporaw il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniet sabiex ma jkunux suġġetti għall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa fil-programmi nazzjonali tagħhom, kif xieraq, u skont il-prijoritajiet nazzjonali, sabiex isaħħu ulterjorment l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-membri tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa, fil-ħidma fi ħdan il-komunitajiet tagħhom biex itemmu l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri maħsuba biex jiġġieldu l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u li jippromwovu l-għoti tas-setgħa lin-nisa jiġu integrati fil-politiki u l-programmi tal-iżvilupp kollha tal-UE permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-Ġeneru tal-2010; jenfasizza l-importanza li titqajjem il-kuxjenza, tal-mobilizzazzjoni tal-komunità, tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab; jirrimarka li l-isforzi sabiex jiġu eliminati l-attitudnijiet u l-prattiki dannużi li jaffettwaw lill-bniet b'mod negattiv iwasslu biss għal suċċess jekk ikun hemm l-involviment sħiħ tal-atturi prinċipali kollha, inklużi l-mexxejja reliġjużi u tal-komunità, u dawk li jaħdmu direttament mal-bniet, inklużi l-ġenituri, il-familji u l-komunitajiet;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa bħala parti minn strateġija ġenerali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża azzjoni konġunta kontra l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni li t-tmiem tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet tqisha bħala prijorità u, permezz tal-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji xierqa, tappoġġa programmi immirati u innovattivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi terzi;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni iebsa biex tiġi miġġielda din il-prattika illegali;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri.