Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 72kWORD 34k
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju 2012 - Strasburgu
Ġimgħa Ewropea ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar l-arrest kardijaku
P7_TA(2012)0266P7_DCL(2012)0011

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar l-istabbiliment ta' ġimgħa Ewropea ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar l-arrest kardijaku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-Ewropa madwar 400 000 persuna kull sena tbati minn arrest kardjaku f'daqqa li jseħħ barra l-isptar, b'rata ta' sopravivenza ta' inqas minn 10 %;

B.  billi s-sopravivenza ta' ħafna vittmi li jkunu jidhru b'saħħithom tiddependi mir-risuxxitazzjoni kardjopulmonari amministrata mill-persuni fil-qrib u d-defibrillazzjoni bikrija, u billi l-intervent fl-ewwel 3 sa 4 minuti jista' jżid l-opportunità ta' sopravivenza għal iktar minn 50 %;

C.  billi fl-Ewropa, il-programmi ta' defibrillaturi esterni awtomatizzati huma implimentati parzjalment biss;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħeġġu:

   l-adozzjoni ta' programmi komuni għall-implimentazzjoni tad-defibrillaturi esterni awtomatizzati f'postijiet pubbliċi u għat-taħriġ tal-persuni lajki fl-Istati Membri kollha,
   l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni sabiex tkun iffaċilitata r-risuxxitazzjoni kardjopulmonari u d-defibrillazzjoni minn persuni mhux mediċi,
   il-ġbir sistematiku tad-data għall-feedback u l-ġestjoni tal-kwalità f'kull programm;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu ġimgħa Ewropea ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar l-arrest kardijaku mmirata lejn it-titjib tal-kuxjenza u l-edukazzjoni tal-pubbliku ġenerali, tat-tobba u tal-professjonisti tas-saħħa;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali għal aċċess ugwali għal risuxxitazzjoni kardjopulmonari ta' kwalità għolja;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni armonizzata fl-UE kollha sabiex jipprovdu l-immunità mir-responsabilità għall-persuni mhux mediċi li jirreaġixxu l-ewwel biex joffru l-assistenza volontarja f'emerġenzi kardijaki;

5.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tal-14 ta' Ġunju 2012 (P7_PV(2012)06-14(ANN1)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza