Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta’ Baġit 2013 (2012/2016(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit għas-sena finanzjarja 2013, li l-Kummissjoni adottat fil-25 ta’ April 2012 (COM(2012)0300),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1) (FII),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2012 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2013(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti tat-30 ta’ Mejju 2012,
– wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll l-ittra tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0215/2012),
Abbozz tal-baġit 2013 – valutazzjoni ġenerali
1. Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2012, qiegħed fil-qalba tal-prijoritajiet tiegħu l-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, bi qbil mal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li għamel l-argument b’mod partikolari favur il-konċentrazzjoni tar-riżorsi f’politiki u programmi li jirriżulta li jkunu strumentali għall-ilħiq ta’ dawk l-objettivi, partikolarment b’appoġġ tal-SMEs u ż-żgħażagħ; jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ baġit għall-2013 tal-Kummissjoni jimxi fl-istess direzzjoni f’dak li jirrigwarda prijoritajiet identifikati li għandom jissaħħu;
2. Jagħraf ir-restrizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji persistenti fil-livell nazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa ta’ konsolidazzjoni fiskali; itenni l-konvinzjoni tiegħu, madankollu, li l-baġit tal-UE jirrappreżenta strument komuni u effikaċi ta’ investiment u solidarjetà, li huwa partikolarment meħtieġ fil-preżent biex jiskatta t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fis-27 Stat Membru; jenfasizza li, minkejja d-daqs limitat tiegħu, li ma jisboqx 2 % tal-infiq pubbliku totali fl-Unjoni, il-baġit tal-UE kellu impatt ekonomiku reali u sal-lum irnexxielu jikkomplementa l-politiki ta’ rkupru tal-Istati Membri;
3. Biħsiebu, għaldaqstant, jiddefendi bil-qawwa livell adegwat ta’ riżorsi għall-baġit tas-sena d-dieħla, kif definit fl-abbozz ta’ baġit, u jopponi kwalunkwe tentattiv ta' tnaqqis tar-riżorsi, speċjalment għal politiki li jġibu t-tkabbir u l-impjiegi; jemmen li l-baġit tal-UE, li ma jistax ikun f’defiċit, m’għandux jisfa vittma ta’ politiki ekonomiċi li ma rnexxewx fil-livell nazzjonali; jirrimarka li, fl-2012, bosta Stati Membri qed ikabbru d-daqs tal-baġits nazzjonali tagħhom;
4. Huwa konvint li, partikolarment f’perjodu ta’ kriżi, ir-responsabbiltà finanzjarja għandha importanza mill-akbar; jemmen, għaldaqstant, li r-riżorsi jeħtieġ li jiġu kkonċentrati f’dawk l-oqsma fejn il-baġit tal-UE jista’ jġib valur miżjud, filwaqt li jistgħu jitnaqqsu minn setturi li qed jesperjenzaw dewmien mhux ġustifikat u assorbiment baxx, bil-ħsieb li jsir iffrankar f'linji fejn irriżultaw problemi fl-implimentazzjoni; iqis li jista' jsir iffrankar reali billi jiġu identifikati sovrappożizzjonijiet u ineffiċjenzi fil-linji baġitarji; fuq din il-bażi, biħsiebu jidentifika, flimkien mal-kumitati speċjalizzati tiegħu, prijoritajiet sew pożittivi kif ukoll negattivi għall-2013; jitlob lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, tagħti liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja informazzjoni pronta, regolari u sħiħa dwar l-implimentazzjoni - abbażi ta' indikaturi mira ta' prestazzjoni - tad-diversi programmi u inizjattivi u tivvalutahom f'paragun mal-impenji politiċi tal-UE;
5. Jemmen li l-UE, mhux tal-anqas fil-kuntest tal-politiki ta' awsterità li qed jiġu implimentati fl-Istati Membri, teħtieġ turi responsabilità u tieħu miżuri konkreti immedjati biex tistabbilixxi sede unika għall-Parlament;
6. Jinnota li l-abbozz ta’ baġit tal-UE għall-2013 propost mill-Kummissjoni jammonta għal EUR 150 931,7 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (AI) (jiġifieri +2 % mqabbla mal-baġit 2012) u EUR 137 924,4 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (AP) (jiġifieri +6,8 % mqabbla mal-Baġit 2012); jirrimarka li dawn l-ammonti rispettivament jirrappreżentaw 1,13 % u 1,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-UE previst għall-2013; ifakkar li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) jipprovdi limiti ta’ EUR 152 502 miljun għall-AI u EUR 143 911 miljun għall-AP, bi prezzijiet kurrenti; jindika d-diskrepanza kontinwa bejn il-livelli ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li se tirriżulta f’iktar żieda fir-reste-à-liquider (RAL);
7. Jifhem li l-Kummissjoni fi, tmiem il-perjodu ta’ programmar, l-aċċent qed tqiegħdu fuq in-naħa tal-pagamenti, minħabba li biħsiebha tipprovdi soluzzjoni wkoll għal-livell dejjem jikber tar-RALs; filwaqt li jikkondividi dan l-approċċ, huwa partikolarment imħasseb dwar l-iffriżar propost tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-livell tar-rata stmata tal-inflazzjoni għas-sena d-dieħla; jenfasizza l-importanza tal-impenji għad-determinazzjoni tal-prijoritajiet politiċi u b’hekk għall-iżgurar li l-investiment meħtieġ eventwalment isir biex jagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi; biħsiebu janalizza bir-reqqa jekk dan il-livell ta' impenji hux se jippermetti l-implimentazzjoni xierqa ta' politiki ewlenin tal-UE; huwa tal-opinjoni li anke jekk l-iffriżar tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn jista' jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni u mill-Istati membri bħala soluzzjoni parzjali għall-problema tar-RALs, ma jistax jitqies bħala strateġija aċċettabbli il-livell tar-RALs jinżamm taħt kontroll;
8. Iqis iż-żieda proposta ta’ 6,8 % fl-AP mqabbla mal-2012 bħala risposta inizjali għat-talba tal-Parlament għal baġit responsabbli u realistiku; jinnota li ż-żidiet fil-pagamenti huma kkonċentrati fl-oqsma tal-kompetittività u l-koeżjoni, minħabba l-livell ogħla ta' talbiet mistenni għal proġetti operattivi f’dawn l-oqsma; japprova bis-sħiħ din iż-żieda, li hija r-riżultat mhux biss ta' impenji tal-imgħoddi li jeħtieġ li jkunu onorati imma wkoll tal-implimentazzjoni reali ta’ programmi, li mistennija tilħaq livell tajjeb ta’ attività fl-aħħar sena tal-QFM kurrenti; jitlob lill-Kummissjoni tivverifika mal-Istati Membri li d-domandi stmati tagħhom għal żidiet fil-pagamenti huma eżatti u realistiċi;
9. Jibqa’ xettiku, madankollu, dwar jekk il-livell propost ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2013 hux se jkun adegwat biex ikopri l-ħtiġijiet reali għas-sena d-dieħla, speċjalment fl-Intestaturi 1b u 2; se jimmonitorja b’attenzjoni s-sitwazzjoni tal-pagamenti matul l-2012, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari għat-trasferimenti u r-riallokazzjonijiet kollha proposti; iwissi wkoll li l-livell insuffiċjenti tal-pagamenti għall-2012 flimkien mal-livell propost mill-Kummissjoni għall-2013 jista’ ma jkunx biżżejjed biex jonora t-talbiet li qed jiġu indirizzati lill-Kummissjoni, u jista’ mbagħad iwassal għal biljuni f’diżimpenji fil-politika ta' koeżjoni weħidha; jenfasizza li l-proposta kurrenti l-livell globali ta’ pagamenti għall-perjodu 2007-2013 iġġibu għal EUR 859,4 biljun, jiġifieri madwar EUR 66 biljun anqas mil-livelli massimi maqbula tal-QFM; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-talba reċenti għal trasferiment (DEC 9/2012), biex tressaq, fil-kuntest tal-baġit emendatorju għall-2012, informazzjoni akkurata dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni kurrenti tal-programmi tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku;
10. Ifakkar li diġà fl-2011, il-Kummissjoni ma setgħetx tħallas numru sinifikanti ta’ talbiet leġittimi, partikolarment fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni; jinnota li dawk it-talbiet ukoll se jkun jeħtieġ li jkunu koperti mill-baġit 2012, li diġà qed iġarrab nuqqas ta’ fondi bħala konsegwenza taż-żieda limitata fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament minħabba l-pożizzjoni tal-Kunsill matul il-proċedura baġitarja tas-sena li għaddiet; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tfassal abbozz ta’ baġit emendatorju malajr kemm jista’ jkun, biex issewwi din is-sitwazzjoni u tevita li pagamenti tal-2012 jgħaddu fuq is-sena ta’ wara, peress li dan joħloq livell mhux sostenibbli ta’ pagamenti għall-2013; jerġa’ jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaħdmu b’mod kostruttiv, flimkien mal-Parlament, sabiex tiġi evitata ripetizzjoni ta’ din is-sitwazzjoni f’ċikli tal-baġit futuri billi tittejjeb l-eżattezza tal-previżjoni u billi jiftiehmu dwar estimi realistiċi tal-baġit;
11. Jiddeplora r-riluttanza tal-Presidenza tal-Kunsill li jieħu sehem fil-laqgħa politika interistituzzjonali dwar il-pagamenti li l-Parlament ippropona bħala segwitu għall-konċiljazzjoni baġitarja tas-sena li għaddiet; iqis din l-imġiba bħala tentattiv irresponsabbli sabiex tiġi injorata l-kwistjoni tan-nuqqas tal-ħruġ tal-pagamenti u l-kwistjoni tar-RAL; iqis li laqgħa bħal din tkun il-pjattaforma ideali biex iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jilħqu fehim komuni – qabel il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom dwar l-abbozz ta’ baġit – dwar id-dejta disponibbli rigward l-implimentazzjoni u l-kapaċità ta’ assorbiment u biex jagħmlu stima korretta tal-ħtiġijiet ta’ pagament għall-2012 u l-2013; ifakkar li approprjazzjonijiet ta’ pagament proposti mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit tagħha huma bbażati fuq l-estimi li saru mill-Istati Membri stess; huwa konvint, għalhekk, li kwalunkwe dubji jew bdil fl-opinjoni - kif espressi minn ċerti delegazzjonijiet tal-Kunsill - dwar iċ-ċifri u l-kalkoli tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġu kkomunikati, eżaminati u ċċarati mill-aktar fis possibbli, biex ma jsirux impediment għall-ilħiq ta’ ftehim fil-konċiljazzjoni ta’ din is-sena;
12. Jenfasizza li, skont id-data riċenti ppreżentata mill-Kummissjoni fil-laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti li seħħet fit-30 ta’ Mejju 2012, kwalunkwe tnaqqis fil-livell tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt il-livell tal-proposta tal-Kummissjoni jwassal ukoll għal tnaqqis ulterjuri fl-impenji pendenti (RALs), li fi tmiem l-2011 diġà kienu laħqu l-ogħla livell li qatt kellhom sa dakinhar, jiġifieri EUR 207 biljun; itenni l-appell tiegħu, għaldaqstant, li l-Kunsill jaġixxi b’mod responsabbli u joqgħod lura milli jagħmel tnaqqisiet artifiċjali billi jiddeċiedi dwar livell globali tal-pagamenti a priori, bla ma jqis il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet reali għall-ilħiq tal-objettivi u l-impenji maqbula tal-UE; jitlob lill-Kunsill, fil-każ li dan iseħħ, biex jidentifika u jiġġustifika b’mod ċar u pubbliku liema programmi u proġetti tal-UE għandhom jiddewmu jew jitwaqqgħu għalkollox;
13. Jirrimarka li, skont l-istima tal-Kummissjoni, kollox ma’ kollox 43,7 % tal-Abbozz ta’ Baġit għall-2013 (jiġifieri EUR 64,5 biljun) huwa allokat għall-objettivi tal-Ewropa 2020, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,2 % meta mqabbel mal-baġit 2012; japprezza l-fatt li għall-ewwel darba l-linji baġitarji u l-programmi li jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi huma identifikabbli biċ-ċar fl-abbozz ta’ baġit;
14. Jieħu nota tal-marġni kumplessiv ta’ EUR 2,4 biljun f’AI fl-Abbozz ta’ Baġit 2013, u huwa determinat li jutilizzah bis-sħiħ – flimkien mal-mekkaniżmi l-oħra ta’ flessibbiltà previsti mill-FII – kull meta jkun hemm bżonn biex jiffinanzja l-objettivi u l-prijoritajiet li joħorġu minn impenji u deċiżjonijiet politiċi kondiviżi, jiġifieri dawk tal-istrateġija Ewropa 2020;
15. Jinnota li, minbarra n-nefqa amministrattiva, ma ddaħħlu l-ebda approprjazzjonijiet fl-abbozz ta' baġit għall-adeżjoni tal-Kroazja f'Lulju 2013; jistenna li r-reviżjoni tal-QFM prevista mill-Punt 29 tal-IIA tiġi adottata malajr, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq il-proposta tagħha permezz ta' baġit emendatorju għall-approprjazzjonijiet addizzjonali korrispondenti malli l-Att ta' Adeżjoni jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha; ifakkar li kwalunkwe rekwiżiti finanzjarji ġodda għandhom jiġu ffinanzjati b’fondi ġodda aktar milli b'ridistribuzzjonijiet għat-tieni parti tal-2013;
16. Ifakkar li l-baġit annwali għall-2013 se jkun l-aħħar wieħed fil-QFM kurrenti, iżda jtenni li l-livelli massimi tal-QFM għall-2013, kif miftiehem fl-IIA, se jibqgħu r-referenza għal mill-inqas il-livelli massimi tal-qafas finanzjarju għall-2014 jekk ma jintlaħaqx qbil, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 30 tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006;
Intestatura 1a
17. Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal żieda ta’ impenji f’din l-Intestatura b’4,1 % (għal EUR 16,032 miljun) meta mqabbla mal-baġit 2012; jinnota li l-proposta għal AI taħt il-possibbiltajiet tal-ipprogrammar finanzjarju (jiġifieri TEN-T, EIT, Progress) tħalli marġni ogħla ta’ EUR 90,9 miljun imqabbel mal-EUR 47,7 miljun previst fl-ipprogrammar finanzjarju; jieħu pjaċir jara li l-ogħla żidiet fl-AI huma kkonċentrati fl-Intestatura 1a, fejn tqiegħdu l-parti l-kbira tal-politiki u programmi li jiskattaw it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi, u li dawn jirriflettu l-prijoritajiet li l-Parlament enfasizza għall-2013;
18. Jilqa’, b’mod partikolari, iż-żidiet għall-programmi FP7-EC (+6,1 %), CIP (+7,3 %) u TEN-T (+6,4 %), li huma fost dawk li l-aktar jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020; jiddispjaċih, madankollu, li bl-ammonti proposti mill-Kummissjoni, żewġ programmi emblematiċi bħalma huma l-FP7 u t-TEN-T fil-fatt se jallokaw anqas AI milli kien previst fil-bażijiet legali tagħhom (FP: EUR -258,8 miljun u TEN-T: EUR -122,5 miljun) għall-aħħar sena tal-QFM kurrenti; jiddispjaċih ukoll li l-proposta mill-Kummissjoni ma tipprovdix għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa;
19. Iqis li ż-żieda sostanzjali fil-pagamenti, bi 17,8 % (għal EUR 13 552 miljun) meta mqabbla mal-Baġit 2012 hija stima realistika tal-pagamenti meħtieġa taħt din l-Intestatura, b’mod partikolari biex tkopri t-talbiet tas-sena d-dieħla għal proġetti ta’ riċerka li jirriżultaw minn obbligi kuntrattwali tal-Unjoni; iqis il-livell ta’ pagamenti propost mill-Kummissjoni bħala dak minimu meħtieġ taħt l-Intestatura 1a;
20. Jieħu nota tar-raġunament adottat mill-Kummissjoni hija u tippropni tnaqqisiet meta mqabbla mal-ipprogrammar finanzjarju, li wasslu, fil-fehma tagħha, għall-identifikazzjoni ta’ ffrankar potenzjali fi ħdan il-linji sottoimplimentati ta’ – fost l-oħrajn – FP7, TEN-T, Marco Polo, Progress, il-programm statistiku, id-Dwana u Fiscalis; huwa determinat li janalizza bir-reqqa l-prestazzjoni f’kull wieħed minn dawn il-programmi biex jivverifika kemm huma f’lokhom it-tnaqqisiet proposti u jeskludi impatti negattivi fuq il-programmi kkonċernati;
21. Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar il-finanzjament tal-kosts addizzjonali tal-programm ITER għall-2012-2013, fejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu wkoll li fil-proċedura tal-Baġit 2013 jagħmlu disponibbli EUR 360 miljun f’AI “b'użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u fl-FII, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe reviżjoni ulterjuri tal-QFM relata mal-ITER”; huwa mħasseb li l-Kummissjoni tipproponi li dan l-ammont addizzjonali tiffinanzjah biss permezz ta’ riallokazzjoni mil-linji tal-programm FP7, kontra l-pożizzjoni li l-Parlament ilu jħaddan dwar din il-kwistjoni; jieħu kont bis-sħiħ tal-asserzjoni tal-Kummisjsoni li dan l-ammont joħroġ minn iffrankar fil-prestazzjoni tal-FP7, u li dawk it-tnaqqisiet fil-linji amministrattivi mhumiex se jagħmlu ħsara lill-operat tal-programm; biħsiebu jeżamina din l-asserzjoni aktar, kif ukoll jesplora mezzi oħra disponibbli skont l-FII u r-Regolament Finanzjarju għal dan il-għan;
22. Jenfasizza l-ħtieġa għal livell adegwat ta’ persunal għall-Enerġija tal-Fużjoni (F4E), l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER, sabiex tiġi żgurata ġestjoni bir-reqqa u l-implimentazzjoni tajba tal-kontribut tal-UE għall-proġett tal-ITER; huwa mħasseb dwar il-livell attwali tal-persunal kif propost mill-Kummissjoni;
23. Jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-SMEs bħala l-muturi tal-ekonomija tal-EU u l-ħallieqa ta’ 85 % tal-impjiegi ġġenerati f’dawn l-aħħar għaxar snin; ifakkar fid-diffikultajiet tradizzjonalment iffaċċjati mill-SMEs biex jiksbu aċċess għas-swieq finanzjarji għal proġetti ta’ riċerka u inovazzjoni, diffikultajiet li l-kriżi finanzjarja attwali issa kompliet tkabbarhom; huwa konvint li l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi biex jegħleb dan il-falliment tas-suq, billi jiffaċilita l-aċċess ta’ SMEs innovattivi għad-dejn u għall-finanzjament azzjonarju u jilqa’ l-proposta riċenti tal-Kummissjoni li tinħoloq sezzjoni speċjali għall-SMEs taħt l-RSFF eżistenti; jappoġġa, barra minn hekk, iż-żieda proposta għall-istrumenti finanzjarji taħt il-programm CIP-EIP (b’EUR 14,7 miljun), bi qbil mal-prestazzjoni pożittiva tagħhom sal-lum u d-domanda akbar mill-SMEs;
24. Jiddispjaċih ħafna li, fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u speċjalment ta’ rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ l-approprjazzjonijiet għall-programm Progress tnaqqsu b’EUR 5,3 miljun meta mqabbla mal-ipprogrammar finanzjarju, biex b'hekk prattikament treġġgħu lura għal-livelli tal-2012, minkejja l-prestazzjoni tajba ta’ dan il-programm sal-lum, inklużi t-taqsimiet tiegħu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-programmi soċjali tal-UE huma strumentali biex jintlaħqu l-miri soċjali u tal-impjiegi tal-istarteġija Ewropa 2020; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni lanqas fl-aħħar sena tal-QFM kurrenti ma ħadet l-opportunità li treġġa’ f'dan il-programm is-EUR 60 miljun li kienu ġew riallokati favur il-Faċilità ta' Mikrofinanzjament Progress, kif kienet impenjat ruħha li tagħmel fl-2010;
25. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi fl-AB, għat-tielet sena konsekuttiva, approprjazzjonijiet ta’ pagament (EUR 50 miljun) għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG); jenfasizza l-fatt li dan mhux biss jagħti viżibbiltà ogħla lill-fond iżda anke jevita trasferimenti minn linji tal-baġit oħra li jsegwu għanijiet differenti u jkopru ħtiġijiet differenti; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' aktar simplifikazzjoni tal-modalitajiet prattiċi tal-proċedura għall-mobilizzazzjoni ta' dan il-fond, speċjalment fil-kuntest tan-negozjati kontinwi dwar ir-regolament il-ġdid tal-FEG;
26. Jiddispjaċih li l-kontribuzzjoni għall-Inizjattiva Emblematika Żgħażagħ Mobbli hija daqsxejn imnaqqsa meta mqabbla mas-sena li għaddiet; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-valur miżjud tal-programmi Tagħlim tul il-Ħajja, Erasmus u Erasmus Mundus, li, fi sfond finanzjarju modest, iħallu redditu kbir f’termini ta' implimentazzjoni effikaċi u immaġni pożittiva tal-Unjoni vis-à-vis ċ-ċittadini tagħha; ifakkar li f’ħafna Stati Membri tal-UE, iż-żgħażagħ qed jiġu milquta b’mod sinifikanti mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u li f’dan il-kuntest il-finanzjament adegwat u l-immirar ta’ skemi edukattivi u ta’ mobilità u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja huma sinifikanti fl-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fiż-żieda tal-livelli tal-ħiliet, tal-mobilità u tal-adattabilità taż-żgħażagħ, biex b’hekk jingħata kontribut b'mod ġenerali għal Ewropa innovattiva, ibbażata fuq l-għarfien, intelliġenti u inklużiva; għal dan l-għan, jappoġġa b’mod qawwi l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi u l-politiki varji għaż-żgħażagħ tal-UE, irrispettivament mill-isfond edukattiv tagħhom; huwa kontra, għaldaqstant, it-tnaqqis propost b’EUR 10,2 miljun meta mqabbel mal-baġit 2012 għall-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja u, bi qbil mal-pożizzjoni stabbilita tiegħu fl-aħħar proċeduri baġitarji u r-rati eċċellenti ta’ prestazzjoni ta’ dan il-programm, biħsiebu jsaħħaħ l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għal-linja tal-baġit korrispondenti;
27. Jenfasizza li l-programm TEN-T, permezz tal-investiment f’infrastrutturi b’valur miżjud Ewropej għoli, għandu rwol ċentrali fl-ilħiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jikkunsidra dan il-programm bħala essenzjali sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE kollha kemm hi, billi joħloq l-infrastruttura nieqsa u jelimina l-punti ta’ konġestjoni fis-suq intern; jenfasizza li l-proġetti tal-infrastruttura jagħtu wkoll kontribut dirett għat-tkabbir billi jistimulaw l-impjieg matul il-fażi tal-bini; jenfasizza r-rwol tal-programm TEN-T għall-issodisfar tal-għanijiet tal-adattament għat-tibdil fil-klima billi jiżgura s-sostenibbiltà tan-netwerks tat-trasport tal-UE fil-futur; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal żieda b’madwar EUR 85 miljun meta mqabbel mal-baġit 2012, imma jitlob kjarifika ulterjuri dwar it-tnaqqis propost b’EUR 118 miljun meta mqabbel mal-ipprogrammar finanzjarju; ifakkar li l-programm ewlieni TEN-T ġie eżegwit għalkollox fl-2011, u jindika li ġudizzju finali dwar kif ġew implimentati u mħallsa l-impenji għall-proġetti fil-qafas finanzjarju tal-2007-2013 jista’ jsir biss fl-2017;
28. Jemmen li l-programm għall-appoġġ tal-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata jeħtieġ finanzjament adegwat għall-2013; jenfasizza d-diżappunt tiegħu dwar in-nuqqas ta' linja baġitarja dwar it-turiżmu, u jiddispjaċih għat-tnaqqis kostanti fl-allokazzjoni baġitarja għas-sigurtà fit-toroq;
29. Jisħaq fuq il-fatt li s-soluzzjonijiet innovattivi huma meħtieġa b'urġenza bil-għan li jiġu mobilizzati aktar il-fondi privati jew pubbliċi u titwessa' l-firxa ta' strumenti finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-proġetti tal-infrastruttura; jappoġġa bis-sħiħ l-Inizjattiva pilota tal-Bonds tal-Proġetti bħala mezz biex tingħata spinta lill-kapaċità ta' investiment fil-qasam tat-trasport, tal-enerġija u tan-netwerks ICT tal-UE; jilqa' favorevolment il-fatt li l-abbozz tal-baġit jinkludi l-approprjazzjonijiet għall-fażi pilota anki jekk jiġu fil-fatt riallokati fi ħdan il-linji baġitarji rilevanti (CIP - TEN-T - TEN -E) kif miftiehem mill-awtorità leġiżlattiva;
30. Jiddeplora t-tnaqqis propost mill-Kummissjoni għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, meta mqabbel ma' dak li oriġinarjament kien previst fl-ipprogrammar finanzjarju, li jmorru kontra l-appell ripetut tal-Parlament biex jiġu ffinanzjati b'mod adegwat; iqis li l-livell attwali tal-approprjazzjonijiet mhuwiex biżżejjed biex dawk l-aġenziji jkunu jistgħu jaqdu l-kompiti tagħhom b'mod effiċjenti, notevolment ir-reklutaġġ ta' esperti bi kwalifiki għolja; jemmen li l-kompiti supplementari fdati lill-ASE għandhom ikunu kkomplementati minn valutazzjoni tal-kostijiet; jesprimi, għalhekk, l-intenzjoni tiegħu li l-approprjazzjonijiet jerġa' jġibhom tal-anqas għal-livell tal-2012, għall-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u għall-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), kif ukoll li jsaħħaħ aktar l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) fid-dawl tal-kompiti ġodda li nfdat bihom;
Intestatura 1b
31. Jinnota li l-AB 2013 jipprevedi żieda fl-AI ta' 3,3 % (għal EUR 54 498 miljun) meta mqabbel mal-baġit 2012, li minnhom EUR 42 144 miljun huma għall-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE) u EUR 12 354 miljun għall-Fond ta' Koeżjoni; jenfasizza li t-tnaqqis fil-livell tal-impenji fl-AB għall-assistenza teknika meta mqabbel ma' dak li kien previst oriġinarjament fl-ipprogrammar finanzjarju wassal biex il-marġni jiżdied għal EUR 25 miljun meta mqabbel mal-previżjoni inizjali ta' EUR 0,4 miljun;
32. Jiddispjaċih għat-tnaqqis propost għall-assistenza teknika għall-istrateġiji makroreġjonali; itenni l-ħtieġa għal appoġġ kontinwu tekniku u amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji kif ukoll għal kapital inizjali għal proġetti ġodda, kif indikat mir-rata għolja ta' implimentazzjoni fl-2011;
33. Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni ilha li wriet il-valur miżjud tagħha bħala strument neċessarju ta' investiment sabiex jinġieb it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi b'mod effikaċi billi jiġu indirizzati b'mod eżatt il-ħtiġijiet ta' investiment tar-reġjuni, u għaldaqstant jikkontribwixxi mhux biss għat-tnaqqis fid-disparitajiet bejniethom, iżda anke għall-irkupru ekonomiku u għall-iżvilupp tal-Unjoni kollha kemm hi; jikkunsidra wkoll il-Fondi Strutturali bħala strument kruċjali – fid-dawl kemm tad-daqs finanzjarju tagħhom kif ukoll tal-objettivi li jridu jintlaħqu – biex jitħaffef l-irkupru ekonomiku fl-UE u jintlaħqu l-objettivi rigward it-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli minquxa fl-Istrateġija Ewropa 2020; jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' riprogrammar fejn possibbli ta' EUR 82 biljun ta' Fondi Strutturali mhux allokati f'xi Stati Membri favur l-SMEs u l-impjiegi għaż-żgħażagħ, skont il-prijoritajiet tal-Parlament għall-2013; jinnota li, skont il-Kummissjoni, EUR 7,3 biljun f'finanzjament tal-UE ġie mmirat f'dan il-kuntest għal twassil jew riallokazzjoni aċċelerat; jitlob li jinżamm infurmat kif xieraq dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva fil-livell nazzjonali, l-impatt mistenni tagħha fuq it-tkabbir u l-impjiegi, u l-impatt possibbli tagħha fuq il-baġit 2013;
34. Huwa mħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tal-pagamenti tal-proġetti ta' koeżjoni fl-ambitu ta' din l-Intestatura, u jinnota li żewġ terzi mil-livell totali ta' impenji pendenti (RAL) fi tmiem l-2011 (jiġifieri EUR 135,8 biljun) jiriflettu l-proġetti mhux imħallsa fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; ifakkar li fi tmiem l-2011 il-Kummissjoni ma setgħetx tirrimborża madwar EUR 11 biljun korrispondenti għal talbiet leġittimi għal pagament imressqa mill-benefiċjarji tal-proġetti minħabba l-livell insuffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament previsti fil-baġit; josserva li dan wassal għal sitwazzjoni ta' xogħol konsiderevoli b'lura ta' pagamenti, li jkollha tiġi indirizzata permezz tad-disponibbiltà ta' approprjazzjonijiet suffiċjenti ta' pagament fl-2012; jirrimarka b'fermezza li mhuwiex se jaċċetta li din is-sitwazzjoni terġa' sseħħ fl-2013;
35. Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-2013 hija l-aħħar sena tal-MFF attwali, bl-implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati tkun għaddejja b'ritmu mgħaġġel ħafna u mistennija li tkun aktar mgħaġġla u l-biċċa l-kbira tat-talbiet għal pagament mistennija tasal għand il-Kummissjoni fit-tieni semestru; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni janalizzaw u jivvalutaw immedjatament, flimkien mal-Parlament, iċ-ċifri u r-rekwiżiti bil-għan li l-implimentazzjoni għall-2013 ma tkunx kompromessa; jindika li nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament jista' jipperikola l-programmi li attwalment qed jiffunzjonaw sew; jenfasizza, barra minn hekk, li l-2013 se tkun is-sena meta, minħabba li r-regola N+3 ma tibqax tgħodd, it-talbiet għal pagament imressqa minn 12-il Stat Membru jkollhom jiġu ppreżentati għal żewġ segmenti annwali ta' impenji (2010 u 2011 skont ir-regola N+3 u N+2, rispettivament); għalhekk, iqis bħala minima ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet ta' pagament bi 11,7 % (għal EUR 48 975 miljun) meta mqabbel mas-sena li għaddiet billi, kif imsemmi mill-Kummissjoni, tirrigwarda strettament l-2013 u tassumi li l-ħtiġijiet ta' pagament minn snin preċedenti jkunu ġew koperti;
36. Iqis din iż-żieda fil-pagamenti biss bħala l-ewwel pass biex jiġu koperti l-ħtiġijiet attwali tal-proġetti li għaddejjin bħalissa, u jtenni l-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward ta' skarsezza possibbli ta' fondi fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jevalwaw b'attenzjoni l-ħtiġijiet reali f'termini ta' pagamenti għall-2013 taħt l-Intestatura 1b, u biex ma jagħmlux tnaqqis li mhuwiex realistiku u ma jiħdux deċiżjonjiet li jmorru kontra l-previżjonijiet provduti mill-Istati Membri stess u użati bħala bażi għall-abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni; għalhekk se jopponi kull tnaqqis possibbli fil-livell ta' pagamenti meta mqabbel mal-proposta inkluża fl-AB 2013;
37. Jistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, f'każ li l-approprjazzjonijiet ta' impenn ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet reali matul din is-sena, jippreżentaw u jadottaw fi żmien debitu baġit emendatorju, biex b'hekk jiġi sodisfatt l-impenn konġunt li sar fid-dikjarazzjoni interistituzzjonali ta' Diċembru 2011;
Intestatura 2
38. Jinnota li l-AB 2013 jipproponi li l-AI jiżdiedu b'0,6 % (għal EUR 60 307 miljun) u li l-AP jiżdiedu b'1,6 % (għal EUR 57 964 miljun) meta mqabbel mal-baġit 2012; jissottolinja li dawn il-livelli għadhom anqas miż-żieda proposta mill-Kummissjoni għall-baġit kollu kemm hu; jirrimarka li dawn iż-żidiet huma parzjalment il-konsegwenza tad-dħul gradwali kontinwu ta' pagamenti diretti lill-Istati Membri l-ġodda u l-ħtiġijiet addizzjonali għal proġetti għall-iżvilupp rurali; jenfasizza li l-fondi proposti għal interventi fis-suq huma EUR 419 miljun anqas għall-2013 meta mqabbel mal-baġit 2012;
39. Jinnota li l-marġni mbassar ta' EUR 809 miljun għas-subintestatura tan-nefqa relatata mas-suq u l-għajnuniet diretti taħt l-Intestatura 2 jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2012, li, skont il-Kummissjoni, huwa fil-parti l-kbira r-riżultat ta' effett ta' darba wara t-tmiem tal-Fond għar-Ristrutturar tal-Industrija taz-Zokkor; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-marġni jfisser li l-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja mhux se jiġi applikat fl-2013; jenfasizza li jinħtieġ marġni suffiċjenti taħt din l-intestatura biex itaffi kwalunkwe kriżi potenzjali li sseħħ fis-settur agrikolu, kif kien il-każ fis-snin reċenti waqt il-kriżi tal-EHEC;
40. Jenfasizza li l-2013 hija l-aħħar sena tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali u għalhekk irid jiġi żgurat livell xieraq ta' approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Intestatura 2 sabiex jiġu koperti, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet tal-proġetti għall-iżvilupp rurali u tal-proġett LIFE+ attwali;
41. Jirrimarka li l-Intestatura 2 hija strumentali għall-ilħuq tal-objettivi tat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari permezz tal-programmi tagħha għall-iżvilupp rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-SMEs fiż-żoni rurali, billi huma dawn li l-aktar joħolqu impjiegi, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żieda proposta ta' AI b'1,3 % (għal EUR 14 808 miljun) għall-iżvilupp rurali;
42. Jinnota li l-approprjazzjonijiet għall-Intestatura 2 huma anqas mill-ħtiġijiet stmati, billi li huwa stmat li d-dħul allokat għall-FAEG huwa ogħla fl-2013 (EUR 1 332,8 miljun) milli fl-2012 (EUR 1 010 miljun); jinnota li din id-differenza toriġina mill-bilanċ li jifdal tal-Fond Temporanju għar-Ristrutturar tal-Industrija taz-Zokkor (EUR 647,8 miljun), filwaqt li huwa mistenni li d-dħul allokat mid-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet ikun anqas minn dak fl-2012 (EUR 400 miljun fl-abbozz ta' baġit 2013 meta mqabbel ma' EUR 600 miljun fil-baġit 2012); ifakkar li aġġustament tal-istimi attwali abbażi tal-ħtiġijiet effettivi se jsir fil-ħarifa permezz tal-ittra emendatorja rigward l-agrikoltura;
43. Ifakkar li l-volatilità tal-prezzijiet f'dan is-settur hija preokkupazzjoni kbira u japprova miżuri biex tiġi miġġielda l-ispekulazzjoni f'komoditajiet agrikoli; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw b'attenzjoni l-iżviluppi fis-swieq agrikoli; f'dan il-kuntest, ifakkar lill-Kummissjoni bl-appell li għamel il-Parlament – li sal-lum l-ebda azzjoni ma ttieħdet – għall-ħolqien ta' 'osservatorju tal-marġnijiet u tal-prezzijiet', li jkun jagħmilha possibbli li tiniseb komparabbiltà tal-prezzijiet u aħjar u aktar trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet tal-ikel;
44. Jinnota li ż-żieda proposta fl-għajnuniet diretti hija prinċipalment dovuta għall-introduzzjoni gradwali kontinwa ta' pagamenti diretti fl-UE-12, li joħloq ħtieġa baġitarja addizzjonali ta' EUR 860 miljun fl-2013, filwaqt li n-nefqa fuq l-interventi fis-suq mistennija tonqos minħabba dħul assenjat ogħla u sitwazzjoni favorevoli tas-suq għall-maġġoranza tas-setturi;
45. Jinnota li l-ammonti assenjati lil ċerti linji baġitarji, inkluż il-programm tal-ħalib fl-iskejjel, tnaqqsu b'mod sinifikanti, u jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament ġustifikazzjoni għal dan;
46. Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki tal-UE u l-baġit tal-UE huma elementi fundamentali biex jinlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; jemmen f'dan il-kuntest li l-azzjoni klimatika u l-objettivi ambjentali għandhom natura trasversali u jridu jissarrfu f'miżuri konkreti implimentati fl-ambitu ta' diversi programmi u politiki tal-UE, bil-għan li jingħata kontribut sostanzjali lit-tkabbir sostenibbli u jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-isfidi bħall-iskarsezza tar-riżorsi u t-tibdil fil-klima;
47. Jinnota ż-żieda żgħira proposta fl-AI – bi 3,3 % għal EUR 366,6 miljun – għal LIFE+, iżda jiddispjaċih li l-approprjazzjoni hija EUR 10,55 miljun inqas mil-livell tal-ipprogrammar finanzjarju ta' Jannar 2012; se janalizza, f'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet kollha kif iddikjarati fil-punt 37 tal-FII;
48. Jilqa' pożittivament l-ammonti proposti mill-Kummissjoni għall-programm ta' distribuzzjoni tal-ikel għall-persuni l-aktar foqra; jistieden lill-Kunsill jirrispetta d-deċiżjoni konġunta li ttieħdet fit-tmiem tal-2011 dwar iż-żamma tal-finanzjament għal dan il-programm għall-2012 u l-2013;
49. Jiddispjaċih bis-sussidji kontiwni għall-produzzjoni tat-tabakk fl-UE, li jmorru kontra l-objettivi tal-politika tas-saħħa tal-Unjoni;
50. Iqis li huwa importanti li jinżamm l-appoġġ finanzjarju għall-politika komuni tas-sajd (PKS) minħabba r-riforma imminenti tagħha; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-SMEs fis-settur tas-sajd u l-promozzjoni tal-aċċess għall-impjiegi għaż-żgħażagħ f'dan il-qasam, filwaqt li tiġi garantita n-natura sostenibbli tal-PKS, kif ukoll il-bżonn ta' promozzjoni ta' miżuri li jiżguraw il-fattibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tas-settur; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żieda proposta għall-Fond Ewropew għas-Sajd bi 2,2 % (għal EUR 687,2 miljun) f'AI u b'7,3 % (għal EUR 523,5 miljun) f'AP rispettivament, meta mqabbel mal-baġit 2012; jiddispjaċih, madankollu, bit-tnaqqis proposta fil-qasam tal-governanza tal-PKS, il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd, u l-monitoraġġ u l-infurzar tal-PKS;
Intestatura 3a
51. Jinnota li ż-żieda globali fil-finanzjament proposta fl-AB 2013 – EUR 1 392,2 miljun u EUR 928,3 miljun f'impenji u pagamenti rispettivament – meta mqabbel mal-baġit 2012 għal azzjonijiet inklużi taħt din l-Intestatura hija ta' 1,8 % (b'EUR 24,42 miljun) f'AI u 11,1 % f'AP; iqis li dan huwa konformi mal-ambizzjonijiet li qed jikbru tal-UE fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja;
52. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-approprjazzjonijiet għaċ-ċibersigurtà fis-settur tal-IT, minħabba l-ħsara enormi li l-attività kriminali li qed tiżdied f'dan il-qasam qed tikkawża lill-ekonomiji tal-Istati Membri; jinsisti li spinta lill-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fil-livell tal-Unjoni permezz taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità se tirrikjedi finanzjament adegwat u għalhekk jiddeplora t-tnaqqis propost mill-Kummissjoni għall-Europol, minħabba li l-kompiti taċ-Ċentru kif identifikati mill-Kummissjoni ma jistgħux jitwettqu bir-riżorsi umani u finanzjarji attwali tal-Europol; jinnota li, għall-kuntrarju tal-ipprogrammar finanzjarju, tnaqqis ta' EUR 64,4 miljun huwa proposta għall-programm għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġlieda kontriha, meta mqabbel mal-baġit 2012, għalkemm dan il-programm kien ġie maħsub biex ikopri wkoll iċ-ċiberkriminalità u l-użu illeċitu tal-internet;
53. Jappella għal sostenn kontinwu għall-Frontex, kif ukoll għad-diversi aġenziji maħluqa reċentement taħt din l-intestatura (partikolarment l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil u l-aġenzija għas-sistemi tal-IT fuq skala kbira; jinnota t-tnaqqis ta' 8,9 % (-EUR 7,3 miljun) għall-kontribuzzjoni lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) meta mqabbel mal-baġit 2012, u jistenna li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni addizzjonali dwar dan it-tnaqqis propost;
54. Jinnota li t-tnaqqis ta' EUR 30 miljun għall-programm VIS u t-terminazzjoni ta' Eurodac (-EUR 0,5 miljun) se jkun ikkumpensat bit-trasferiment ta' dawn il-kompiti u l-approprjazzjonijiet baġitarji korrispondenti lill-aġenzija l-ġdida għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira;
55. Jinnota ż-żieda sinifikanti f'impenji u l-livell komparattivament baxx ta' pagamenti għal SIS II; jinnota li, skont l-iskeda globali għal SIS II, fl-2013 l-iżvilupp u l-migrazzjoni tagħha għandhom jitlestew u l-Aġenzija tal-IT se tieħu f'idejha l-ġestjoni tas-sistema; jikkritika, għalhekk, iż-żieda sinifikanti fil-baġit lil hinn mill-ippjanar finanzjarju oriġinali tiegħu fi stadju daqshekk tard qabel tibda topera s-SIS II; jirrakkomanda li tinżamm f'riżerva parti sostanzjali tal-baġit għal SIS II sakemm ikunu ġew iġġustifikati l-progress operattiv u l-konformità mal-ippjanar finanzjarju;
56. Japprezza ż-żieda b'EUR 9,8 miljun meta mqabbel mal-baġit 2012 li ġiet proposta mill-Kummissjoni għall-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, li hija koerenti mad-deċiżjonijiet meħuda fis-snin li għaddew u l-implimentazzjoni ta' bħalissa ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil; jieħu nota taż-żieda ta' 19 % tal-allokazzjoni baġitarja tal-Fond għall-Fruntieri Esterni, li tammonta għal EUR 415,5 miljun, ekwivalenti għan-nofs ta' dik prevista mill-ipprogrammar finanzjarju; ifakkar fit-talba b'saħħitha tiegħu għal reazzjoni xierqa u ekwilibrata għall-isfidi, bl-għan tal-ġestjoni tal-migrazzjoni legali u tat-tnaqqis tal-migrazzjoni illegali;
57. Jenfasizza li l-miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-vjolenza tal-ġeneru jridu jkunu ffinanzjati suffiċjentement; jenfasizza r-rwol importanti li żvolġa l-programm tal-prevenzjoni u l-ġlieda tal-forom kollha ta' vjolenza (Daphne) fl-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-UE, u jisħaq fuq l-importanza ta' żieda fil-finanzjament xieraq għall-programm fl-2013;
Intestatura 3b
58. Ifakkar li l-Intestatura 3b, għalkemm hija l-iżgħar intestatura tal-MFF f'termini ta' allokazzjoni finanzjarja, tkopri kwistjonijiet ta' interess fundamentali għaċ-ċittadini tal-Ewropa, bħall-programmi edukattivi, kulturali u għaż-żgħażagħ, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur, l-istrument ta' protezzjoni ċivili u l-politika tal-komunikazzjoni; jiddeplora, għalhekk, il-fatt li għal darb'oħra fl-2013 l-approprjazzjonijiet ġenerali taħt din l-Intestatura jitnaqqsu, meta mqabbla mal-baġit 2012, bi tnaqqis fl-AI ta' 1,2 % (EUR 26,08 miljun) u fl-AP ta' 0,4 %, bl-esklużjoni tal-Fond ta' Solidarjetà;
59. Jilqa' pożittivament, abbażi tal-implimentazzjoni soda tiegħu fis-snin preċedenti, iż-żieda tal-finanzjament fl-2013 għall-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” (għal EUR 140,45 miljun), li tirrappreżenta żieda ta' EUR 0,8 miljun meta mqabbel mal-baġit 2012 u ta' EUR 16,5 miljun meta mqabbla mal-ipprogrammar finanzjarju;
60. Japprezza ż-żidiet f'approprjazzjonijiet meta mqabbel mal-baġit 2012 għall-programm “Kultura” (+1,4 %), “Media 2007” (+1,1 %) u l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (+3,1 %), iżda jiddispjaċih bit-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet meta mqabbel mal-baġit 2012 għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” – speċjalment matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini – kif ukoll l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-konsumatur u l-programm “Media Mundus”;
61. Jiddispjaċih għall-volum imnaqqas ta' impenji għal azzjonijiet ta' komunikazzjoni meta mqabbel mal-baġit 2012, fi żmien meta d-distakk bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha huwa aktar evidenti minn qatt qabel, kif jidher mill-għadd dejjem jonqos ta' votanti fl-elezzjonijiet Ewropej; huwa konvint mill-ħtieġa ta' sforzi msaħħa ta' komunikazzjoni u ta' finanzjament proporzjonat biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u biex jintwera l-kontribut tagħhom biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja;
62. Jissottolinja l-fatt li għal darb'oħra din is-sena jibqa' biss marġni limitat ħafna disponibbli (EUR 25,6 miljun) taħt din l-Intestatura, u dan iħalli possibbiltà ċkejkna ta' manuvra jekk jinħtieġu azzjonijiet jew deċiżjonijiet ġodda dwar il-prijoritajiet ta' finanzjament direttament rilevanti għaċ-ċittadini;
Intestatura 4
63. Jinnota li l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament ippreżentati fl-AB 2013 jirrappreżentaw żieda ta' 0,7 % u 5,1 % meta mqabbel mal-baġit 2012, għal EUR 9 467,2 miljun u EUR 7 311,6 miljun rispettivament; jirrimarka li dawn iż-żidiet għadhom iktar baxxi minn dawk proposti mill-Kummissjoni għall-baġit in ġenerali;
64. Ifakkar fil-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar mill-qrib u koerenza tal-isforzi fil-finanzjament tal-azzjonijiet esterni mill-Unjoni u l-Istati Membri biex jiġu evitati t-trikkib u d-duplikazzjoni ta' riżorsi skarsi; jissottolinja l-ħtieġa li jitħeġġu l-kooperazzjoni u s-sinkronizzazzjoni tal-azzjonijiet ma' donaturi internazzjonali, lokali u reġjonali oħra sabiex il-fondi jintużaw bl-aħjar mod possibbli u jinħolqu sinerġiji; jemmen li fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika huwa importanti wkoll li tittejjeb il-flessibbiltà fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-istrumenti kif ukoll li r-riżorsi skarsi jiġu kkomplementati bi strumenti b'effetti ta' lieva li jippermettu l-użu u l-użu mill-ġdid ta' fondi investiti u ġġenerati;
65. Jinnota ż-żieda sinifikanti ta' EUR 272,3 miljun fil-marġni propost għall-Intestatura 4 meta mqabbel mal-ipprogrammar finanzjarju għall-2013 (minn EUR 119,6 miljun għal EUR 391,9 miljun), li hija l-effett nett taż-żieda f'impenji għall-ENPI (rinfurzati b'EUR 51,7 miljun), l-ICI u l-ICI+ (EUR 0,3 miljun aktar mill-ipprogrammar finanzjarju) u tat-tnaqqis fit-tkabbir tal-impenji għall-Fond ta' Garanzija (EUR -104,5 miljun), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (EUR -99,3 miljun), l-assistena makrofinanzjarja (EUR -37,4 miljun), l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (EUR -28,6 miljun) u l-Istrument għall-Istabbiltà (EUR -41,4 miljun); jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi biżżejjed spjegazzjonijiet dwar għaliex kien meħtieġ ridimensjonament daqshekk sinifikanti ta' wħud mill-programmi meta mqabbel mal-ipprogrammar finanzjarju; jenfasizza li filwaqt li jista’ jaqbel mal-prinċipju ta' ridimensjonament tal-programmi li mhumiex implimentati sew jekk dan iwassal għall-iffrankar tal-enerġija, it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet m'għandux ikun trasversali; iwissi dwar il-fatt li l-użu ta' marġni artifiċjalment għoli bħal għodda ta' negozjar fil-proċedura baġitarja ma jistax jitqies bħala prassi baġitarja tajba;
66. Jiddispjaċih b’mod partikolari dwar it-tnaqqis kontinwu ta’ approprjazzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp; jistaqsi kif dan huwa kompatibbli mal-impenji internazzjonali tal-UE sabiex talloka, sal-2015, 0,7 % tal-PNG għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-livell totali ta’ impenji skont l-Istrument ta' finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), kif propost fl-AB 2013, jirrappreżenta tnaqqis ta' inqas mir-rata ta’ inflazzjoni prevista u li l-livell propost ta’ pagamenti totali tad-DCI huwa anqas minn dak tal-2012; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura approċċ iktar koerenti, realistiku u ppjanat aħjar għall-finanzjament tad-DCI;
67. Jieħu nota tal-proposta li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, li jindirizza l-bżonnijiet ta’ pajjiżi li jħabbtu wiċċhom ma’ bidliet politiċi u ekonomiċi ewlenin; jilqa' l-iffukar fuq is-Sħubija tal-Lvant, u jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għall-pajjiżi li flimkien jagħmlu l-komponent tan-Nofsinhar tagħha peress li jaffaċċjaw sfidi ta' proporzjonijiet storiċi wara r-Rebbiegħa Għarbija; iqis ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju “aktar għal aktar” bħala insuffiċjenti, u jistedinha tiżviluppa kriterji ċari għal kif għandu jiġi applikat;
68. Iqis li livell suffiċjenti ta' assistenza finanzjarja tal-UE lill-Awtorità Palestinjana u lill-UNRWA għadu meħtieġ sabiex ikun hemm reazzjoni adegwata u komprensiva għas-sitwazzjoni politika u umanitarja fil-Lvant Nofsani u għall-proċess ta' paċi; jenfasizza s-sitwazzjoni partikolarment diffiċli ffaċċjata bħalissa mill-UNWRA, notevolment wara l-avvenimenti fis-Sirja; jinnota li l-effett nett taż-żieda fl-impenji għall-ENPI huwa prinċipalment dovut għall-fatt li jinżamm l-appoġġ għat-territorji okkupati tal-Palestina fil-livell tal-abbozz ta’ baġit tal-2012;
69. Jenfasizza li, grazzi għall-impenn qawwi tal-Parlament, il-kontribuzzjoni annwali tal-UE lill-Awtorità Palestinjana, lill-UNRWA u lill-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani matul l-aħħar snin tammonta għal EUR 300 miljun, u jfakkar li l-awtorità baġitarja, matul il-fażi tal-konċiljazzjoni baġitarja, qablet dwar allokazzjoni ta’ EUR 200 miljun għas-sena 2012, bil-kundizzjoni li jkun hemm żieda supplimentari sine qua non ta’ EUR 100 miljun għas-sena finanzjarja 2011 li tiġi minn approprjazzjonijiet mhux użati; jitlob li jkun hemm impenn ta' finanzjament li jirrifletti l-ħtiġijiet reali mill-bidu tas-sena baġitarja biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tappoġġa b'mod effikaċi l-bini ta' paċi sostenibbli; jinsisti li għandhom jiġu imposti kontrolli finanzjarji stretti u li għandhom jintbagħtu analiżi u valutazzjoni dettaljati tal-infiq lill-Parlament Ewropew;
70. Jirrikonoxxi l-fatt li bl-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, l-allokazzjonijiet għall-IPA jonqsu b'EUR 67,6 miljun; madankollu, huwa preokkupat li l-Kummissjoni qed tipproponi tnaqqis akbar fl-appoġġ għall-bini ta' kapaċitajiet istituzzjonali għall-pajjiżi kandidati milli mistenni bit-tnaqqis ta’ allokazzjonijiet għall-IPA għall-Kroazja (total ta’ EUR -29,14 miljun meta mqabbel mal-2012), filwaqt li l-istess linja għal kandidati potenzjali ġiet rinfurzata (EUR +10,5 miljun meta mqabbel mal-2012); ifakkar li l-kapaċità istituzzjonali hija ta' importanza fundamentali għall-użu korrett tal-finanzjament tal-Unjoni u hija ugwalment importanti kemm għall-kandidati kif ukoll għall-kandidati potenzjali; jilqa’ li ż-żieda proposta f'AI għall-iżvilupp rurali tal-IPA hija ta' 10,2 % meta mqabbel mal-baġit għall-2012;
71. Itenni l-fatt li speċjalment fi żminijiet ta' awsterità, l-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jiġu ppjanati b'attenzjoni għal kull linja baġitarja tal-PESK sabiex jiġi ggarantit li l-flus tal-UE jiġu allokati għall-miżuri l-aktar meħtieġa, filwaqt li jitqiesu kemm jista' jkun il-flessibbiltà u imprevedibbiltà tal-operazzjonijiet tal-PESK; f’dan ir-rigward, jilqa’ talbiet għal sinerġiji akbar permezz ta’, fost l-oħrajn, il-ġbir flimkien, il-kondiviżjoni u l-integrazzjoni ta’ kapaċitajiet u permezz tal-prestazzjoni mtejba, l-ippjanar u t-twettiq ta’ missjonijiet u operazzjonijiet; jilqa’ sforzi għal ħarsa ġenerali trasparenti u kompluta tal-missjonijiet kollha tal-PESK; se janalizza b'attenzjoni ż-żieda ta' 9,2 % f'AI għall-PESK fl-2013;
72. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' reazzjoni għat-theddid transreġjonali fl-oqsma tal-kriminalità organizzata, tat-traffikar, tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, tat-theddid għas-saħħa pubblika u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi provi li jiġġustifikaw għaliex tinħtieġ żieda ta' 50 % għal dawn il-miżuri fl-2013;
Intestatura 5
73. Jinnota li n-nefqa amministrattiva totali għall-istituzzjonijiet kollha hija stmata li hi EUR 8 544,4 miljun, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 3,2 % meta mqabbel mal-2012 u li jħalli marġni ta' EUR 636,6 miljun, inkluża nefqa addizzjonali marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja;
74. Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet, inkluż il-Parlament Ewropew, għamlu sforz sabiex jillimitaw il-baġits amministrattivi tagħhom għal żieda taħt ir-rata tal-inflazzjoni mistennija, minbarra l-ispiża tat-tkabbir għall-Kroazja; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa għar-razzjonalizzazzjoni ta’ riżorsi amministrattivi fuq perjodu ta’ żmien twil u jinisisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali f’oqsma bħar-riżorsi umani, it-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, il-bini, u t-teknoloġija tal-informatika;
75. Jenfasizza li ż-żieda ta’ 3,2 % meta mqabbla mal-2012 hija primarjament dovuta għal obbligi statutarji jew kuntrattwali bħall-pensjonijiet jew l-aġġustamenti tas-salarji; jinnota madankollu li l-Kummissjoni kkonformat mal-impenn tagħha li żżomm iż-żieda nominali fl-approprjazzjonijiet amministrattivi tagħha fl-Intestatura 5 inqas mill-inflazzjoni prevista ta' 1,9 % meta mqabbel mal-2012, kif spjegat fl-ittra tat-23 ta' Jannar 2012 mill-Kummissarju għall-Baġit u l-Ipprogrammar Finanzjarju, u saħansitra marret lil hinn minn dan l-impenn;
76. Jifhem li dan intlaħaq diġà għall-2013 permezz ta' tnaqqis ta' iktar minn 1 % fin-numru ta' karigi fl-organigramma tal-Kummissjoni, notevolment fl-oqsma tal-appoġġ amministrattiv, il-ġestjoni baġitarja u l-ġlieda kontra l-frodi, kif ukoll permezz ta' aktar tnaqqis f'punti oħra ta' nefqa amministrattiva; jitlob spjegazzjoni ulterjuri dwar il-ħtieġa reali li wieħed jipproċedi bi tnaqqis bħal dan fil-persunal sabiex tiġi ffriżata n-nefqa amministrattiva f'termini reali, meta l-Kummissjoni rnexxielha tiffriża n-nefqa amministrattiva tagħha f'termini nominali fl-2012 mingħajr ma rrikorriet għal tnaqqis fil-persunal;
77. Jilqa' dan l-isforz favur konsolidament baġitarju fin-nefqa amministrattiva fi żmien ta' restrizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji fil-livell nazzjonali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkondividu l-isforzi ta’ din il-konsolidazzjoni; madankollu jinsab imħasseb dwar l-impatt negattiv li tali miżuri jista' jkollhom fuq l-implimentazzjoni rapida, regolari u effettiva tal-azzjonijiet u l-programmi tal-UE min-naħa ta' amministrazzjoni moderna, meta jitqies b'mod partikolari l-bżonn li jiġu ppremjati l-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizz, billi jitqies l-ilħiq ta' bilanċ ġeografiku, speċjalment fi żmien meta l-kompetenzi tal-UE qed ikomplu jiżdiedu u Stati Membri ġodda jissieħbu fl-Unjoni; jilqa' l-informazzjoni mogħtija dwar dawk l-oqsma msaħħa f'termini ta' persunal, bħall-governanza ekonomika Ewropea, is-suq uniku u s-sigurtà u l-ġustizzja, iżda jitlob informazzjoni simili dwar dawk l-oqsma tal-politika u t-tipi ta' karigi fejn kien hemm tnaqqis fil-persunal meta mqabbel mal-2012;
78. Itenni f'dan l-isfond li kull tnaqqis bħal dan tal-persunal għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt preliminari u jikkunsidra bis-sħiħ, inter alia, l-obbligi legali tal-Unjoni, il-prijoritajiet tal-UE kif ukoll il-kompetenzi l-ġodda tal-istituzzjonijiet u ż-żieda fil-kompiti li ġejja mit-trattati; jenfasizza li din il-valutazzjoni għandha tqis b'attenzjoni l-effetti għad-Direttorati Ġenerali u s-servizzi differenti, notevolment meta jitqies id-daqs u l-ammont ta' xogħol tagħhom, kif ukoll l-effetti fuq it-tipi differenti ta' karigi kkonċernati kif ippreżentati fl-iskrining annwali tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni (tfassil tal-politiki, ġestjoni tal-programmi, appoġġ amministrattiv, ġestjoni baġitarja u attivitajiet kontra l-frodi, servizzi lingwistiċi, eċċ.);
79. Jenfasizza li f'ħafna oqsma tal-azzjoni tal-UE, għandhom jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta' persunal fid-dawl tal-istadju tal-implimentazzjoni tal-programmi, prijoritajiet ġodda u żviluppi oħrajn; għalhekk se jiskrutinizza b'attenzjoni l-evoluzzjoni globali tal-livelli tal-persunal fid-DĠ u s-servizzi differenti anke fid-dawl tal-prijoritajiet ippreżentati f'dan ir-rapport; minbarra l-provvista ta' aktar informazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi għal valutazzjoni dettaljata simili tal-impatt tat-tnaqqis trasversali propost fil-persunal, filwaqt li jitqies ukoll fuq perjodu itwal ta' żmien kwalunkwe tnaqqis ieħor fil-persunal tal-Kummissjoni, u tirrapporta lura lill-Parlament; jinsisti li din għandha tkun prerekwiżit sabiex l-awtorità baġitarja tikkunsidra li taċċetta, skont l-eżitu tagħha, it-tnaqqis ta' 1 % fil-persunal għall-2013;
80. Huwa tal-opinjoni li għad hemm mistoqsijiet dwar in-numru għoli ta’ pożizzjonijiet ta’ ġestjoni għoljin f’livelli ta’ grad għoli fost il-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; għalhekk jitlob lill-SEAE sabiex jipprovdi informazzjoni addizzjonali b’mod partikolari fir-rigward taż-żieda sinifikanti (+9,2 %) f’postijiet ta' AD14 propost fl-abbozz ta’ baġit; bl-istess mod jitlob informazzjoni ulterjuri dwar iż-żidiet kbar f’approprjazzjonijiet proposti għas-sigurtà u s-sorveljanza tal-bini (+57,2 %);
81. Huwa konvint li l-prevenzjoni u l-medjazzjoni huma fost l-aktar mezzi kosteffikaċi sabiex jiġu ġestiti kunflitti billi jiġu evitati milli jeskalaw fi vjolenza; jilqa’ għalhekk il-proposta li tiġi introdotta intestatura tal-baġit li tammonta għal EUR 500 000 għal Servizzi ta’ Appoġġ għall-Prevenzjoni tal-Kunflitt u l-Medjazzjoni fil-baġit tal-SEAE, wara t-tlestija b’suċċess fl-aħħar ta’ din is-sena ta’ azzjoni preparatorja proposta mill-Parlament;
82. Huwa tal-opinjoni li l-Iskejjel Ewropej għandhom jiġu ffinanzjati b'mod xieraq sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika tat-tfal tal-impjegati tal-istituzzjonijiet tal-UE; jieħu nota tal-allokazzjoni globali proposta ta' 180,7 miljun, li tirrappreżenta żieda ta' 6,8 % meta mqabbel mal-2012, u aktar mill-ammonti tal-ipprogrammar finanzjarju; madankollu se jiskrutinizza b'attenzjoni kull waħda mil-linji baġitarji tal-Iskejjel Ewropej, u matul il-qari tiegħu, se jagħmel kwalunkwe modifika li jqis li tkun xierqa f'dan ir-rigward;
Proġetti pilota – azzjonijiet preparatorji
83. Jenfasizza l-importanza tal-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji bħala strumenti prinċipali għall-formulazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi u biex titwitta t-triq għal inizjattivi ġodda fuq perjodu ta’ żmien twil kemm fil-livell reġjonali kif ukoll tal-UE li jistgħu jinbidlu f’attivitajiet u programmi tal-UE li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini tal-UE; biħsiebu jipproċedi għall-identifikazzjoni ta' pakkett bilanċjat ta' PP-AP abbażi tal-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u filwaqt li jitqiesu bir-reqqa s-sostenibilità u d-durabilità tar-riżultati mistennija;
84. Skont l-Anness II, parti D tal-IIA, se jittrażmetti lill-Kummissjoni l-ewwel lista proviżorja ta' PP u AP potenzjali għall-Baġit 2013; jistenna lill-Kummissjoni tipprovdi analiżi mmotivata sew tal-proposti indikattivi tal-Parlament; jenfasizza li din il-lista proviżorja ma teskludix it-tressiq u l-adozzjoni formali ta’ emendi li jirrigwardaw il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji matul il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament;
85. Ifakkar li fil-baġit għall-2012 kien adottat numru totali ta' 70 proġett pilota u azzjoni preparatorja, li jammontaw għal EUR 105,45 miljun f'AI fl-intestaturi kollha; jirrimarka li jekk l-awtorità baġitarja tadotta għall-2013 proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji f'livell simili u bi tqassim simili fl-intestaturi, 54 % tal-marġni taħt l-Intestatura 1a, 27 % ta ta' dak taħt l-Intestatura 3a u 37 % ta' dak taħt l-Intestatura 3b jkunu diġà ntużaw;
86. Jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni għal erba' azzjonijiet preparatorji u żewġ proġetti pilota għal ammont totali ta' EUR 15,5 miljun f'AI; biħsiebu janalizza b'attenzjoni l-objettivi u l-kontenuti ta' dawn il-proposti u jiċċekkja l-ammonti mitluba;
L-Aġenziji
87. Jinnota l-livell globali ta' EUR 748 miljun (jiġifieri 0,5 % tal-baġit totali tal-UE) iddedikat għall-aġenziji deċentralizzati tal-UE fl-AB 2013, li jwassal għal żieda fil-kontribuzzjoni totali tal-UE (inkluż dħul assenjat) ta' EUR 24 miljun jew +3,2 % meta mqabbel mal-Baġit 2012; huwa konxju li din iż-żieda ġejja primarjament mit-tmien aġenziji li jinsabu fil-fażi inizjali tagħhom, bil-ħsieb li jingħatalhom finanzjament adegwat, u mis-seba' aġenziji li l-kompiti tagħhom ġew estiżi, sabiex ma titfixkilx il-prestazzjoni tagħhom; jinnota li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-aġenziji li qed jiffunzjonaw b'ritmu normali qed tonqos f'termini nominali, b'żieda ta' 1,2 %, madankollu, fil-persunal; jinnota li l-aġenziji issa għandhom total ta' 5.115 kariga fl-organigramma, jiġifieri żieda ta' 257 kariga li jikkonċernaw primarjament l-aġenziji b'kompiti ġodda jew li jinsabu fil-fażi tal-bidu tagħhom;
88. Jinnota li għall-ewwel darba l-Kummissjoni naqqset it-talbiet baġitarji ta' kważi l-aġenziji kollha, li kienu konformi b'mod ġenerali mal-ammonti tal-ipprogrammar finanzjarju; dan jinkludi dawk l-aġenziji li l-kompiti tagħhom jaqgħu taħt il-prijoritajiet tal-Parlament, li jinvolvu ammont totali ta' madwar EUR 44 miljun; ifakkar li analiżi b’attenzjoni tal-metodoloġija, il-motivi u l-impatt possibbli ta' dan it-tnaqqis hija meħtieġa fir-rigward ta’ diversi riżoluzzjonijiet, l-aktar riċenti il-kwittanza tal-2010, li jenfasizzaw li r-reviżjoni tal-aġenziji mill-IWG għandha twassal għal titjib strutturali kemm fl-impatt kif ukoll fil-kosteffikaċja tagħhom, inkluż billi jiġu identifikati l-oqsma tad-duplikazzjoni u s-sovrapożizzjoni fost aġenziji eżistenti; jenfasizza għal darba oħra li l-allokazzjonijiet baġitarji tal-aġenziji tal-EU huma 'l bogħod milli jkunu konfinati għan-nefqa amministrattiva biss, iżda minflok jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u tal-objettivi tal-UE inġenerali, filwaqt illi jimmiraw lejn l-iffrankar fil-livell nazzjonali, kif deċiż mill-awtorità leġiżlattiva;
o o o
89. Jikkunsidra li l-kwistjonijiet li ġejjin huma ta’ interess speċifiku għat-trilogu li se jseħħ fid-9 ta’ Lulju 2012:
–
livell biżżejjed ta' ħlasijiet li jippermetti li l-impenn tal-Kunsill Ewopew ta' Ġunju tal-2012 jimmobilizza fondi tal-baġit tal-UE għal miżuri ta' tkabbir li jaġixxu b'mod mgħaġġel sabiex jiġu implimentati mingħajr dewmien u fil-qafas tal-QFM attwali;
–
appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg, b’mod partikolari għall-SMEs u ż-żgħażagħ, fil-baġit tal-2013,
–
livell suffiċjenti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet li dejjem jiżdiedu ta’ proġetti li jkunu għaddejjin, b’mod partikolari taħt l-Intestaturi 1a, 1b u 2 , fl-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni,
–
il-problema ta’ impenji pendenti (RAL);
–
il-baġit emendatorju għall-2012 sabiex jiġu koperti ħtiġijiet ta’ pagamenti tal-passat u attwali u sabiex jiġi evitat li l-pagamenti tal-2012 jiġu trasferiti għall-2013 kif kien il-każ din is-sena;
–
livell suffiċjenti ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn – iktar Ewropa fi żminjiet ta’ kriżi;
–
il-laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti;
–
il-finanzjament tal-ITER fil-baġit tal-2013;
–
diskrepanza bejn l-ipprogrammar finanzjarju u l-AB 2013 fir-rigward tal-Intestatura 4;
90. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.