Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (2012/2043(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012 – 2015 (COM(2012)0006),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007 – 2013)(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006 – 2010(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali(6),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla(7);
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-klieb fl-Unjoni Ewropea(8),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u s-Sajd tad-29 ta' Novembru 2010 dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 dwar pjan ta' azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' reżistenza antimikrobika (COM(2011)0748),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2011 dwar l-impatt tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport (COM(2011)0700),
– wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport(9),
– wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar Gwida fuq Valutazzjoni tar-Riskju għall-Benessri tal-Annimali(10),
– wara li kkunsidra d-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tal-benessri tal-annimali(11),
– wara li kkunsidra t-tnax-il Prinċipju u kriterju addizzjonali ta' Benessri tajba tal-Annimali żviluppati mill-Proġett għall-Kwalità tal-Benessri(12),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/923/KEE tad-19 ta' Ġunju 1978 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja(13),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi(14),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali(15),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta' Marzu 1999 dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żuwijiet(16),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi(17),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-UE u dwar l-Analiżi tal-2009 tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli (COM(2009)0400),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali (COM(2009)0584),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0216/2012),
A. billi livell għoli tal-benessri tal-annimali, li huwa parti minn żvilupp sostenibbli, huwa importanti biex jipproteġi s-saħħa tal-annimali, u biex jassigura l-produttività, għalkemm dan ifisser spejjeż addizzjonali operattivi li mhumiex imqassma proporzjonalment tul il-katina alimentari;
B. billi d-deterjorazzjoni fl-istat tal-iġjene ta’ annimali selvaġġi li l-popolazzjoni tagħhom qed tiżdied fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, tista' tirriżulta fi trażmissjoni akbar ta’ mard jittieħed għall-annimali domestiċi u, fl-istess ħin, tipperikola s-saħħa pubblika;
C. billi r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f’ċerti Stati Membru fi żvantaġġ kompetittiv serju; billi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, in-nuqqas ta’ konformità, l-istandards mhux armonizzati u n-nuqqas ta’ avvenimenti importanti ġuridikament ifixklu l-kompetizzjoni u jirriżultaw f’kundizzjonijiet mhux indaqs;
D. billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m’għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;
E. billi l-approċċ għall-benessri tal-annimali għandu jkun ibbażat fuq evidenza xjentifika soda u l-aħjar għarfien xjentifiku, filwaqt li tibqa' titqies il-ħtieġa ta' semplifikazzjoni, kosteffiċjenza, applikabilità tal-istandards u koerneza, b'mod partikolari, mal-politika dwar l-ambjent u s-saħħa pubblika;
F. billi l-konsumaturi moderni jistennew, b’mod raġonevoli, li l-bhejjem tal-farms ikunu intitolati għall-istess bżonnijiet li huma intitolati għalihom il-bnedmin: ikel tajjeb, kundizzjonijiet ta’ għajxien tajbin u kura medika adegwata;
G. billi standards tas-saħħa tal-annimali huma ta’ importanza ewlenija għall-ġestjoni tal-bhejjem fl-Ewropa, li għandha impatt dejjem akbar fuq il-livell ta’ kompetittività tal-impriżi agrikoli;
2. Ifakkar li l-Artikolu 13 tat-Trattat huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u, għalhekk, huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet għall-ambjent jew il-protezzjoni tal-konsumatur, u jieħu preċedenza legali fuq il-politiki kollha tas-suq intern;
3. Jenfasizza li l-benessri tal-annimali hija kwistjoni kumplessa u multidimensjonali li għandha impatt fuq politiki internazzjonali u domestiċi, u għandha dimensjonijiet etiċi, xjentifiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi importanti;
4. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-konformità mal-liġi dwar il-benessri tal-annimali bħala kwistjoni ta’ prijorità;
5. Jilqa' l-fatt li l-karta tal-istrateġija tiddeskrivi politika li permezz tagħha l-libertà tal-għażla tal-konsumatur timmobilizza s-swieq tal-użu għall-prodotti tajbin għall-benessri tal-annimali u tisfrutta l-qawwiet tas-suq komuni għall-benessri tal-annimali tal-farms;
6. Jikkundanna l-fatt li xi azzjonijiet mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-2006 – 2010 ma setgħux jiġu mitmuma u jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-dati tal-miri tal-azzjonijiet il-ġodda ma’ skadenzi ġuridiċi;
7. Jikkundanna l-fatt li l-Istrateġija ma ngħatatx l-appoġġ finanzjarju li l-Parlament kien talab għalih fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ dan l-appoġġ billi tipprijoritizza mill-ġdid, u billi tassigura integrazzjoni aħjar u aktar koerenti tal-benessri tal-annimali f’oqsma oħra tal-politika tal-UE, bħall-politika tal-konsumatur, il-programmi ta’ riċerka, u l-PAK, kif ikun xieraq;
8. Jilqa’ l-proposti għal riforma tal-Kummissjoni u l-impenn tagħha favur il-benessri tal-annimali; jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ b’saħħtu lill-bdiewa li jirrispettaw l-istandards u l-prattiki tajba fit-trobbija tal-annimali u li jinvestu f’faċilitajiet tal-biedja aħjar; jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament adegwat għall-PAK tal-ġejjieni, għaliex huwa meħtieġ baġit li jkun kompatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna;
9. Jenfasizza li l-bdiewa fil-ġurnata tal-lum jiffaċċjaw diversi sfidi, bħat-tibdil fil-klima, u jridu jissodisfaw diversi rekwiżiti, li waħda biss minnhom hija l-benessri tajba tal-annimali; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza xierqa tal-politika skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE);
10. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aktar effettiv mill-opportunitajiet għall-għajnuna offruta mill-fondi għall-iżvilupp rurali tal-UE, u mis-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) tad-DĠ Riċerka, sabiex jippromwovu r-riċerka applikata u jinvestu f’soluzzjonijiet għal benessri tal-annimali innovattivi u moderni; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-investimenti fir-riċerka dwar u fl-iżvilupp ta’ tekniki u teknoloġiji ġodda għall-benessri tal-annimali;
11. Jiddispjaċih li l-Istrateġija ma tagħmilx użu mill-opportunitajiet offruti mill-politiki tal-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli, tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva sabiex tippromwovi livelli għoljin ta' standards tal-benessri tal-annimali;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet multilaterali u bilaterali ta’ kummerċ internazzjonali, u tippromwovi l-benessri tal-annimali f’pajjiżi terzi billi teżiġi standards ta’ benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tirrapporta dwar l-istandards tal-benessri tal-annimali li japplikaw f’pajjiżi terzi qabel ma tibda n-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni twettaq ukoll dan l-eżerċizzju mingħajr dewmien fil-pajjiżi fejn in-negozjati kummerċjali diġà jinsabu għaddejjin;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex mil-lum 'il quddiem toqgħod lura milli tippreżenta ftehimiet ta' kummerċ ħieles lill-Parlament Ewropew li ma jiżgurawx li l-istess regolamenti dwar il-benessri tal-annimali japplikaw għal prodotti importati bħalma japplikaw għall-prodotti Ewropej;
15. Jilqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina kif il-benessri tal-annimali jista’ jiġi integrat aħjar fil-qafas tal-politika Ewropea tal-viċinat;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tinsisti li l-WTO tinkorpora rapidament kwistjonijiet mhux kummerċjali fl-Istrateġija għall-Kummerċ Dinji, sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE – li jeħtieġ li jikkonformaw mal-aktar standards stretti fid-dinja tal-benessri tal-annimali – u pajjiżi terzi tkun inġusta;
17. Iqis li għandu jkun obbligatorju li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar jekk prodott impurtat, jew prodott li jkun fih prodott impurtat, ikunx magħmul minn annimali li kienu miżmuma f’kundizzjonijiet differenti minn dawk meħtieġa mir-regolamenti Ewopej għall-benessri tal-annimali;
18. Jiddispjaċih li l-Istrateġija tonqos milli turi l-importanza tas-saħħa tal-annimali għall-benessri tal-annimali u r-rabta bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika l-prinċipju ta’ “Saħħa Waħda’ għal din l-Istrateġija u tiżgura l-koordinazzjoni effiċjenti mal-Istrateġija għas-Saħħa tal-Annimali, peress li t-trobbija tajba tal-annimali, fost fatturi oħra, tgħin fil-prevenzjoni tal-firxa tal-mard u r-reżistenza antimikrobika;
19. Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, enfasizza l-ħtieġa li jkollna stampa sħiħa ta’ meta, fejn, kif, u fuq liema annimali fil-fatt jintużaw illum l-antimikrobiċi, u jemmen li din id-dejta għandha tinġabar, tiġi analizzata u ssir pubblika mill-Kummissjoni mingħajr dewmien;
20. Josserva li fl-UE, it-tilqim ta’ emerġenza, u xi kultant it-tilqim ta’ prevenzjoni, huwa permess, imma li r-regolamenti għadhom ixekklu l-bejgħ internazzjonali ta’ prodotti minn annimali vaċċinati; josserva li dawn il-limitazzjonijiet ma jikkunsidrawx b’mod adegwat l-avvanzi li qed isiru fit-teknoloġija tat-tilqim u d-dijanjostika; jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tħassar, fejn hu possibbli, miżuri li li jillimitaw il-kummerċ li jirrestrinġu mingħajr ħtieġa l-użu ta’ tilqim;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni xierqa lir-riskji għas-saħħa li jippreżentaw l-annimali selvaġġi; jikkunsidra li għadd sinifikanti ta’ mard infettiv emerġenti huwa żoonotiku (trażmissibbli bejn l-annimali selvaġġi, domestiċi u l-bnedmin), u jirrikonoxxi li l-kummerċ fl-annimali selvaġġi, kif ukoll it-tibdil fl-użu u t-tħaddim tal-art, jistgħu jwasslu għal interfaċċji ġodda jew immodifikati bejn il-bnedmin, l-annimali domestiċi u selvaġġi li jistgħu jaġevolaw it-trażmissjoni tal-mard; jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza bejn il-politiki għas-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u l-kummerċ;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex, sal-2015, tħejji rapport dwar l-istat tal-iġjene tal-annimali selvaġġi u r-riskju tal-kontaminazzjoni għall-annimali domestiċi u għall-bnedmin;
23. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb attivament u kontinwament ir-regolamenti dwar il-benessri tal-annimali fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97(18) (kif emendat);
24. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-popolazzjoni tal-klieb u l-qtates fl-UE hi stmata li tilħaq madwar mitt miljun annimal, u li ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali domestiċi;
25. Jitlob li jsir rapport dwar annimali li jiġġerrew barra li jirrakkomanda soluzzjonijiet konkreti, etiċi u sostenibbli għall-Istati Membri u li jinkludi l-valutazzjoni ta’ sistema koordinata għar-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali domestiċi, biex tkun miżjuda mal-lista ta’ azzjonijiet;
26. Jenfasizza li l-identifikazzjoni obbligatorja tal-klieb u l-qtates, meta kkombinata ma’ sistema effettiva u affidabbi ta' reġistrazzjoni, tiżgura t-traċċabbiltà u hija kruċjali għall-ġestjoni b’suċċess tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, filwaqt illi tgħin biex tiġi promossa s-sjieda responsabbli u tiġi ppreservata s-saħħa pubblika;
27. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi, u biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha f’sistemi legali nazzjonali;
28. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji komprensivi ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni tal-klieb li jinkludu miżuri bħal liġijiet dwar il-kontroll tal-klieb u kontra l-moħqrija, appoġġ għal proċeduri veterinarji – li jinkludu tilqim għal kontra l-marda tar-rabja u sterilizzazzjoni – meħtieġa biex jiġi kkontrollat l-għadd ta' klieb mhux mixtieqa, u l-promozzjoni tas-sjieda responsabbli ta' annimal domestiku, kif mitlub mid-Dikjarazzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011;
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istudju tagħha għall-2014 dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti f’għanijiet kummerċjali, biex tirrakkomanda soluzzjonijiet konkreti biex jiġi evitat li l-klieb u l-qtates jitrabbew u jiġu nnegozjati b’mod li aktarx joħloq problemi ta’ benessri;
Infurzar l-ewwel
30. Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li fil-ġurnata tal-lum għad hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-konformità mar-regoli għall-benessri tal-annimali, minkejja l-progress imwettaq f’diversi oqsma; ifakkar lill-Kummissjoni li filwaqt li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-benessri tal-annimali hija diġà, fil-biċċa l-kbira, suffiċjenti, ma ġietx applikata kemm mixtieq fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali tiġi applikata fl-Istati Membri kollha;
31. Jiddispjaċih li seba’ snin wara l-implimentazzjoni sħiħa tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żuwijiet, għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha; itenni li l-kundizzjonijiet biex, u l-benessri ta', l-annimali miżmuma fiż-żuwijiet ġew stabbiliti speċifikament f’din id-Direttiva u għandhom jiġu infurzati;
32. Jilqa’ l-“Kodiċi ta’ Prattika Preferuta għaż-Żuwijiet” tal-Kummissjoni, u jitlob li l-Kummissjoni tinkludi f'dan il-Kodiċi gwida dwar l-aħjar prattika għaż-żamma xierqa tal-annimali ta’ speċi selvaġġi fil-magħluq;
33. Jikkunsidra li qasam wieħed fejn jinħtieġ infurzar aħjar huwa l-qasam tat-trasport tal-annimali li, għalkemm jirrappreżenta biss parti limitata ħafna mill-ħajja ta' annimal, jeħtieġ li jiġi mtejjeb fid-dawl tad-dejta xjentifika miġbura mill-EFSA kif mitlub mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005(19);
34. Jenfasizza li l-korp sħiħ ta' leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u għandu jkun hemm konformità sħiħa miegħu fl-Istati Membri kollha tal-UE; madankollu, iqis li n-nonkonformità m'għandhiex ixxekkel leġiżlazzjoni ġdida f'oqsma li fihom jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni tiġi aġġornata fid-dawl ta' żviluppi xjentifiċi ġodda jew f'każijiet fejn ikun hemm lakuni;
35. Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-farms;
36. Jenfasizza l-ispejjeż li jġarrbu l-produtturi, u l-potenzjal ta’ telf ta’ kompetittività, b’riżultat tal-adozzjoni tal-istandards il-ġodda u li jinbidlu dwar il-benessri tal-annimali; jinnota li spiss ikun il-każ li dawn l-ispejjeż ma jiġux riflessi fil-prezz li jirċievu l-bdiewa;
37. Jilqa’ l-proposta biex il-konsumatur jiġi infurmat aħjar dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi aktar lill-bdiewa fil-proġetti u l-kampanji ta' riċerka; jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jsiru aktar konxji dwar l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma' benessri aħjar tal-annimali, u biex iqassmu dawn l-ispejjeż b’mod bilanċjat tul il-katina alimentari;
38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimali u t-trasport tal-annimali, li tadatta jew tintroduċi strumenti ta’ politika ġodda biex dawn il-problemi jissolvew, filwaqt li ddaħħal mod aħjar ta' distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-benessri tal-annimali tul il-katina alimentari; iqis li dawn l-istrumenti jistgħu jinkludu leġiżlazzjoni speċifika għall-ispeċi, indikaturi tal-benessri tal-annimali bbażati fuq ir-riżultati kif ukoll kriterji marbuta ma’ sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju kif applikata fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel;
39. Jenfasizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni, fi sħubija mal-partijiet interessati kollha, ta’ “avvenimenti importanti ġuridikament’ iġġustifikati kif xieraq waqt il-perjodu tranżitorju fil-leġiżlazzjoni futura tal-benessri tal-annimali;
40. Jitlob li tinħoloq sistema ġdida ta’ intervent komprensiv bikri sabiex tiġi żgurata l-konformità; jenfasizza li l-Istati Membri li jkunu qed jitħabtu biex iżommu mal-iskadenza għandhom jiġu identifikati kmieni permezz ta’ proċedura ġdida li titlob kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni; jipproponi li jiġu stabbiliti forums dwar l-aħjar prattika biex il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar mod biex dawn l-iskadenzi jinżammu, li l-Istati Membri jfasslu pjan ta' implimentazzjoni li jinkorpora l-avvenimenti importanti u l-miri li jwasslu sal-iskadenza fi stadji, u li jinbeda studju biex jiġu identifikati l-possibilitajiet li bihom l-awtoritajiet Ewropej jistgħu jgħinu biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali;
41. Jenfasizza li l-Kummissjoni, u b’mod partikulari l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju, għandhom jingħataw aktar riżorsi, skont ir-rakkomandazzjonijiet baġitarji u s-setgħat tal-UE, biex jikkontrollaw b’mod adegwat l-ispezzjonijiet tal-benessri tal-annimali mwettqa mill-Istati Membri, li parti minnhom għandhom ikunu kontrolli mhux imħabbra, u biex jindirizzaw ksur; jistieden lill-Istati Membri jassiguraw li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ spetturi tal-benessri tal-annimali li jkunu mħarrġa b’mod adegwat, b’miżuri ta’ prestazzjoni armonizzati fis-seħħ sabiex jiġu żgurati kontrolli konsistenti fl-Istati Membri kollha, u jikkunsidraw li jagħtu aktar responsabbiltà u setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi;
42. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li ksur tar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jiġi ppenalizzat b’mod effikaċi u proporzjonat, u li kull sanzjoni jkollha magħha biżżejjed informazzjoni u gwida mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll miżuri korrettivi xierqa;
43. Ifakkar fl-oppożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-użu ta’ assistenti tal-ispezzjoni kkuntrattati b’mod privat (PIAs) fil-biċċeriji fis-settur tal-laħam aħmar; jikkunsidra li l-ispezzjoni tal-iġjene f’dan is-settur għandha titwettaq minn spetturi tal-laħam indipendenti;
44. Jinnota l-iskadenza finali ta’ Marzu 2013, li warajha l-bejgħ ta’ kożmetiċi ġodda li jkunu ġew ittestjati fuq l-annimali ma jkunx permess; jappoġġja din l-iskadenza u jistieden lill-Kummissjoni biex ma testendihiex;
45. Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni li, meta jkun hemm raġuni dovuta għal tħassib, tagħmel kontrolli tal-ispezzjonijiet nazzjonali sabiex tivverifika l-konformità mad-Direttiva 2010/63/UE dwar l-ittestjar fuq l-annimali;
46. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tinkoraġġixxi r-riċerka dwar metodi tal-ittestjar li jirrikjedu anqas annimali għat-testijiet u biex tippromwovi l-applikazzjoni ta' tali metodi fejn dan ikun possibbli; f’dak il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tagħraf u tuża t-test “estiż’ skont ir-REACH;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Programm ta’ Riċerka Orizzont 2020 jipprevedi opportunitajiet adegwati għar-riċerka fl-oqsma tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-kummerċ tal-annimali selvaġġi, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ alternattivi li ma jinvolvux annimali u l-impatt ta’ teknoloġiji emerġenti;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-benessri tal-annimali bħala objettiv tas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li se jiġi implimentat fil-futur, filwaqt li tiżgura, b'mod partikolari, l-inklużjoni ta’ strateġiji u azzjonijiet bl-għan tat-tnaqqis tal-użu tal-annimali fir-riċerka;
49. Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib fost iċ-ċittadini Ewropej, li qed jesprimuh permezz tal-petizzjonijiet tagħhom lill-Parlament, dwar l-abbuż fl-UE relatat mad-derogi dwar it-tbiċċir tal-annimali mingħajr anestesija; huwa mħasseb li d-deroga attwali favur qtil ta’ annimali mingħajr ma’ jiġu mraqqda, hija abbużata b’mod konsiderevoli f’xi Stati Membri, għad-detriment tal-benessri tal-annimali, tal-bdiewa u tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħaġġel il-valutazzjoni tagħha dwar it-tikkettar tal-laħam minn annimali maqtula mingħajr ma’ jiġu mraqqda u tippreżenta r-rapport tagħha qabel l-2013, wara l-impenn tagħha li twettaq din il-valutazzjoni fl-2011; jenfasizza li l-kwistjoni tal-konsumaturi li ma jkunux infurmati dwar jekk il-laħam li qed jixtru huwiex ġej mill-qtil ta’ annimali mingħajr ma’ jiġu mraqqda hija kwistjoni ta’ interess pubbliku kbir għal raġunijiet kemm ta’ trasparenza kif ukoll ta’ tbatija fuq l-annimali; jenfasizza, madanakollu, li t-tikkettar mhuwiex alternattiva għall-infurzar korrett minħabba li dan iservi biss ta’ gwida għall-konsumaturi jekk l-informazzjoni mogħtija tkunx verifikata u korretta;
50. Jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti miżuri protettivi effettivi għal annimali għat-tbiċċir li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi mill-UE;
51. Jikkunsidra li linji gwida prattikabbli u armonizzati għandhom jakkumpanjaw l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni li tkopri, pereżempju, kwistjonijiet bħall-kundizzjoni għat-trasport u l-provvista tal-ilma qabel u matul it-trasport, fil-waqfiet tal-mistrieħ u fid-destinazzjoni;
52. Jinnota li xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta' spiss jiġu ġustifikati permezz ta' rekwiżiti legali, li fil-prattika ma jkunux possibbli;
53. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej iressqu petizzjonijiet quddiem il-Parlament b’mod regolari rigward in-nuqqas tal-Istati Membri li jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;
54. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-doveri tagħhom hekk kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004, biex jagħtu informazzjoni komparabbli dwar il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet effettivi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;
55. Jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut Ewropej ewlenin kollha jimpenjaw ruħhom, permezz tal-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni pubblika konġunta, li jbigħu biss il-prodotti li jissodisfaw jew imorru lil hinn mill-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali;
Komunikazzjoni u edukazzjoni
56. Jenfasizza l-importanza li l-informazzjoni u l-edukazzjoni jkunu adattati u disponibbli fil-livell reġjonali u lokali, pereżempju permezz ta’ workshops reġjonali u l-użu ta’ teknoloġija moderna, u li informazzjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida u progressi xjentifiċi jaslu għand il-persuni li jaħdmu mal-annimali; ifakkar fir-rwol li jista’ jitwettaq minn netwerk koordinat tal-UE ta’ ċentri għall-benessri tal-annimali f’dan ir-rigward;
57. Iqis li n-netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza għandu jipprovdi appoġġ rilevanti, ta’ kwalità għolja, professjonali u konsistenti lill-Istati Membri u lil partijiet oħra interessati rigward l-aqwa prattiki għall-benessri tal-annimali;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-linji gwida eżistenti dwar il-benessri tal-annimali u inizjattivi volontarji oħra billi tiżviluppa portal fuq l-internet li minnu dawn id-dokumenti, wara li jkunu ġew ivvalidati, ikunu jistgħu jinġabru u jinxterdu;
59. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mid-dispożizzjonijiet għat-trasferiment tal-informazzjoni transkonfinali dwar il-benessri tal-annimali, is-sistemi ta’ trobbija u l-kontroll ta’ mard, fil-kuntest ta’ programmi ffinanzjati tal-UE għall-iżvilupp rurali u reġjonali;
60. Jikkunsidra li r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali għandhom isiru obbligatorji fil-programmi tal-iżvilupp rurali tal-ġejjieni; jemmen, barra minn hekk, li l-valur miżjud Ewropew ta’ benessri għoli tal-annimali għandu jiġi rifless fir-rati ta’ kofinanzjament;
Liġi qafas
61. Jilqa’ l-inklużjoni ta’ Liġi Qafas Ewropea għall-Benessri tal-Annimali fl-Istrateġija, hekk kif propost mill-Parlament, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha flimkien mar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja(20) prevista għall-2013; jemmen li Liġi Qafas bħal din għandha tkun miktuba b’mod ċar, għandha titħejja wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, għandha tiffoka kemm fuq l-inputs kif ukoll fuq l-eżiti u għandha twassal għal benessri aħjar tal-annimali;
62. Jirrimarka li Liġi Qafas bħal din għandha tkun għodda għas-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali; jinnota li l-għan ewlieni tal-Liġi Qafas għandu jkun li jinkisbu livelli aħjar u aktar stretti ta' konformità mal-liġi eżistenti dwar il-benessri tal-annimali;
63. Ifakkar li l-produtturi huma saturati bl-obbligi amministrattivi u li, fi tfittxija permanenti għas-semplifikazzjoni amministrattiva, din il-leġiżlazzjoni qafas Ewropea m'għandhiex tkompli żżid dan il-piż;
64. Ifakkar li l-Parlament jikkunsidra li Liġi Qafas bħal din għandha tkun ibbażata fuq xjenza validata u esperjenza ppruvata u li tkopri l-annimali kollha miżmuma u dawk abbandunati, inklużi annimali li jiġġerrew barra ta’ speċi domestikati; ifakkar li għall-ispeċi tal-annimali mrobbija għall-produzzjoni tal-ikel, il-Parlament talab li l-proġett Kwalità tal-Benessri tal-Annimali jkompli jiġi żviluppat fir-rigward tas-semplifikazzjoni u tal-applikazzjoni prattika tiegħu;
65. Jemmen li Liġi Qafas, relatata mill-qrib mad-definizzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-OIE, għandha ssaħħaħ l-kompetittività tas-sidien tal-annimali u tal-produtturi tal-bhejjem tal-UE fis-suq internazzjonali, waqt li tgħin ukoll biex tassigura kompetizzjoni ġusta fis-suq intern;
66. Iqis li l-Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandha tistabbilixxi livell ta’ bażi komuni għall-benessri tal-annimali madwar l-Unjoni Ewropea bħala kundizzjoni essenzjali għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq intern, kemm għal prodotti domestiċi u kemm għal dawk impurtati minn pajjiżi terzi; iqis, madankollu, li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ikunu jistgħu jippermettu lill-produtturi individwali jew lil gruppi ta’ produtturi li jwaqqfu sistemi volontarji b’effetti aktar profondi, filwaqt li jevitaw it-tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni u filwaqt li jipproteġu l-kompetitività tal-UE fi swieq internazzjonali;
67. Ifakkar li l-Parlament jikkunsidra li Liġi Qafas bħal dan m’għandhiex twaqqaf produtturi milli jintroduċu sistemi volontarji li jmorru lil hinn mir-regoli tal-UE, u jemmen li dawk is-sistemi għandhom ikunu wkoll ibbażati fuq ix-xjenza u jistgħu jiġu promossi b’tikketti ċċertifikati u koerenti; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-Komunikazzjoni tagħha COM(2009)0584 billi tipproduċi studju, akkumpanjat jekk xieraq bi proposti leġiżlattivi, dwar skemi tat-tikkettar fl-UE kollha għal prodotti tal-laħam u tal-ħalib, bl-għan li tinforma lill-konsumaturi dwar il-metodi tal-biedja użati, u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, sabiex jinkiseb l-effett massimu u trasparenza u komunikazzjoni konsistenti għall-konsumaturi;
68. Jikkunsidra li l-Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandha tinkludi:
a)
definizzjoni u għarfien komuni bbażati fuq l-OIE dwar il-benessri tal-annimali, u għanijiet ġenerali bbażati fuq ix-xjenza;
b)
il-prinċipju tad-dover ta’ kura li torbot lis-sidien u lil dawk kollha li jaħdmu mal-annimali, billi l-annimali li jiġġerrew barra għandhom qabel kollox ikunu r-responsabilità tas-sid u fl-aħħar nett tal-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba riskji relatati mas-saħħa u s-sikurezza pubblika;
c)
għodda u linji gwida li jżidu s-sensibilizzazzjoni għall-persunal mill-awtoritajiet pubbliċi, dwar kif jidentifikaw kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom;
d)
rekwiżit, meta jkun meħtieġ, biex tiġi żgurata l-kompetenza – filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ħiliet u l-għarfien diġà miksuba permezz tal-esperjenza prattika jew it-taħriġ – ta' kull persuna li taħdem ma’ annimali fil-qadi tad-dmirijiet professjonali tagħha, flimkien ma' rekwiżiti ta’ taħriġ adegwat għal responsabilitajiet speċifiċi rigward il-benessri tal-annimali;
e)
obbligu għall-Istati Membri biex jissottomettu rapport kull sentejn lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inkluż pjan direzzjonali għas-sentejn ta’ wara, u l-obbligu tal-Kummissjoni li tippubblika, mingħajr dewmien, dawn ir-rapporti flimkien ma’ sommarju eżekuttiv;
f)
azzjonijiet effettivi u fil-ħin kontra dawk l-Istati Membri li ma jissottomettux rapporti jew ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom li jimplimentaw kontrolli u spezzjonijiet;
g)
il-ħolqien ta’ Netwerk Ewropew koordinat għall-Benessri tal-Annimali li, abbażi tal-esperjenzi tal-Proġett Pilota X/2012, jappoġġja kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni, jevalwa r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali abbażi tal-għarfien xjentifiku l-aktar riċenti evalwat bejn il-pari, u jikkoordina sistema tal-UE għall-ittestjar minn qabel ta’ teknoloġiji ġodda b'konformità ma' programmi eżistenti promossi mill-Kummissjoni u l-aġenziji u l-kumitati tagħha;
h)
struttura għal leġiżlazzjoni settorjali bbażata fuq ix-xjenza u miżuri mhux leġiżlattivi;
i)
klawżola ta’ rieżami li tippermetti li l-liġi qafas tiġi adattata b’mod regolari għal żviluppi xjentifiċi ġodda filwaqt li titħares il-ħtieġa għal ċertezza legali u filwaqt li jitqies it-tul tal-ħajja ekonomiku tal-investimenti li saru;
o o o
69. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.