Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2670(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0341/2012

Testi mressqa :

B7-0341/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2012 - 7.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0291

Testi adottati
PDF 199kWORD 35k
L-Erbgħa, 4 ta' Lulju 2012 - Strasburgu
L-istabbiliment ta' qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq
P7_TA(2012)0291B7-0341/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istabbiliment ta' qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq (2012/2670(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-għadd kbir ta' petizzjonijiet minn ċittadini tal-UE li jitolbu l-istabbiliment ta' qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq (1613/2010, 1274/2011, 1321/2011, 1377/2011, 1412/2011 u oħrajn),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi (CETS Nru 125),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 202(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 13 tat-TFUE jistipula li, peress li l-annimali huma ħlejjaq senzjenti, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa għar-rekwiżiti tal-benessri tagħhom;

B.  billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq, minkejja l-fatt li l-popolazzjoni tal-annimali domestiċi tal-UE hija stmata li tammonta għal aktar minn mitt miljun;

C.  billi l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi għadha ma ġietx iffirmata mill-Istati Membri kollha;

D.  billi l-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq huma vittmi ta' trattament ħażin u moħqrija f'ħafna Stati Membri, u billi l-petizzjonanti jirreferu prinċipalment għall-Istati Membri fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa;

1.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi u biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha fis-sistemi legali nazzjonali;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq, inkluż:

   regoli għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali,
   strateġiji għall-ġestjoni tal-annimali li jiġru fit-toroq, inkluż programmi ta' tilqim u sterilizzazzjoni,
   miżuri li jippromwovu sjieda responsabbli,
   il-projbizzjoni ta' postijiet fejn jinżammu l-klieb u xelters li ma jkollhomx permess,
   il-projbizzjoni ta' qtil ta' annimali li jiġru barra mingħajr indikazzjoni medika,
   programmi informattivi u edukattivi dwar il-benessri tal-annimali fl-iskejjel,
   sanzjonijiet severi li jiġu imposti fuq kull Stat Membru li jonqos milli jikkonforma mar-regoli;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza