Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2923(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0410/2012

Testi mressqa :

B7-0410/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2012 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0292

Testi adottati
PDF 209kWORD 44k
L-Erbgħa, 4 ta' Lulju 2012 - Strasburgu
Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28-29 ta' Ġunju 2012)
P7_TA(2012)0292B7-0410/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28-29 ta' Ġunju 2012) (2011/2923(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' l-passi konkreti meħuda mill-Kunsill Ewropew biex jiffaċċja l-kriżi taż-żona tal-euro u r-rikonoxximent tiegħu dwar il-ħtieġa għal reazzjoni li tindirizza kemm il-konsolidazzjoni fiskali kif ukoll it-tkabbir; jemmen li s-summit jirrifletti l-approċċ tal-Kunsill Ewropew għall-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja, bl-għan li tintlaħaq aġenda għal kontra l-kriżi li tkun aktar bilanċjata, ekonomikament effikaċi u soċjalment ġusta;

2.  Jenfasizza s-sinifikat tal-ftehim taż-żona euro dwar miżuri importanti u sostanzjali li jwaqqfu ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u d-dejn sovran u jnaqqsu t-tifrix tad-dividenti tad-dejn sovran taż-żona euro; jilqa', f'dan ir-rigward, l-użu flessibbli u effiċjenti li jista' jsir mill-istrumenti tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u tal-MES eżistenti għal Stati Membri li jirrispettaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tagħhom u l-impenji l-oħra tagħhom, inkluż is-Semestru Ewropew u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

3.  Iqis li dan il-ftehim hu pass importanti lejn it-triq li twassal għal unjoni komprensiva tal-banek għall-UE kollha, imma jirrimarka li l-fatt kritiku li din il-possibbiltà ma tistax tiġi attivita immedjatament minħabba li hi kundizzjonata mill-ftehim dwar mekkaniżmu ta' sorveljanża uniku;

4.  Jilqa' wkoll il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, b'mod partikolari l-ftehim li jiġu mobilizzati EUR 120 biljun biex jistimulaw l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi u s-sejħa għal konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tinkoraġġixxi t-tkabbir, b'kunsiderazzjoni sħiħa għar-rwol tal-investiment; iqis dan bħala pass importanti lejn ir-rivitalizzazzjoni meħtieġa ta' investiment pubbliku u privat sostenibbli li jinkuraġġixxi t-tkabbir fl-Ewropa, immirat l-aktar lejn it-twettiq tal-objettivi Ewropa 2020, u b'mod partikolari lejn l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-riżorsi, kif ukoll lejn it-tkomplija tas-Suq Uniku;

5.  Jilqa', barra minn hekk, l-impenn li jagħmel il-baġit tal-UE għodda għat-tkabbir; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-ebda progress tanġibbli ma sar fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex jintlaħaq ftehim dwar l-MFF li jmiss, i.e. għall-2014-2020; iħeġġeġ lill-Presidenza Ċiprijotta biex issaħħaħ l-isforzi tagħha dwar din il-materja, b'involviment sħiħ tal-Parlament fin-negozjati tal-MFF, inkluż rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-kodeċiżjoni tiegħu; jinsisti, madankollu, li r-riforma dwar ir-riżorsi proprji hi element essenzjali, li mingħajrha l-ebda ftehim dwar il-qafas finanzjarju multiannwali ma jkun possibbli; itenni l-konvinzjoni tiegħu li sa tmiem din is-sena jeħtieġ jintlaħaq ftehim kemm dwar id-dħul kif ukoll dwar in-nefqa tal-MFF, u dan għandu jikkorrispondi għall-bżonnijiet u l-ambizzjonijiet attwali tal-Unjoni għall-perjodu li jmiss;

6.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern dwar it-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku; jappoġġa bis-sħiħ lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-qagħda tas-Suq Uniku u jitlob li tittieħed azzjoni fir-rigward tat-twettiq sħiħ tas-Suq Uniku;

7.  Jilqa' l-abbozz ta' proposti li hemm fir-rapport bit-titolu “Towards a Genuine Economic and Monetary Union’(Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina), kif preżentat mill-Presidenti Van Rompuy, Juncker, Barroso u Draghi, bħala punt ta' tluq lejn Unjoni Monetarja Ewropea (EMU) soda u ġenwina; jemmen, b'mod partikolari, li, il-proposti dwar it-twaqqif ta' qafas finanzjarju integrat u dwar kontrollur tal-banek Ewropej, jirrapreżentaw ukoll passi importanti lejn futur aktar stabbli fuq perjodu twil ta' żmien għall-banek Ewropej; iħares 'il quddiem ukoll lejn l-inklużjoni ta' responsabbiltà soċjali akbar tal-UE fil-proposta u ta' tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tad-dispożizzjonijiet Ewropej il-ġodda f'dan il-qasam;

8.  Jemmen li hi meħtieġa azzjoni rapida f'kull wieħed mill-erba' pedamenti identifikati f'dan ir-rapport:

   (a) qafas finanzjarju integrat li jiżgura stabbiltà finanzjarja b'mod partikolari fiż-żona euro u li jimminimizza l-ispiża tal-falliment tal-bank għaċ-ċittadini Ewropej; dan il-qafas jgħolli r-responsabbiltà ta' superviżjoni għal-livell Ewropew, u jipprovdi għal mekkaniżmi komuni li jsibu soluzzjoni għall-banek u jiggarantixxu d-depożiti tal-klijenti;
   (b) qafas baġitarju integrat li jiżgura tfassil ta' politika fiskali soda fuq livelli nazzjonali u Ewropew, li jkun fiha koordinazzjoni, teħid ta' deċiżjonijiet kondiviżi, aktar infurzar u passi li jwasslu għall-ħruġ ta' dejn komuni (inkluż strumenti ta' fondi għal perjodu qasir ta' żmien fuq bażi limitata u kundizzjonata, jew li jimmaturaw f'fond ta' redenzjoni); dan il-qafas jista' jinkludi wkoll forom differenti ta' solidarjetà fiskali;
   (c) qafas ta' politika ekonomika integrata li jkollu mekkaniżmi suffiċjenti biex jiżgura li l-politiki nazzjonali u Ewropej attwali jippromovu tkabbir sostenibbli, impjiegi u kompetittività, u jkunu kumpatibbli mal-funzjonament bla xkiel tal-EMU;
   (d) l-iżgurar tal-leġitimità demokratika u tar-responsabilità neċessarja tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-EMU, ibbażati fuq l-eżerċizzju konġunt ta' sovranità għall-politiki komuni u s-solidarjetà;

9.  Jilqa' d-deċiżjoni li ssejjaħ għal aktar ħidma dwar l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali għal unjoni ekonomika u monetarja ġenwina; jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut b'mod sħiħ bħala sħab ugwali f'dan il-kompitu, minbarra r-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur; jitlob, barra minn hekk, għall-proċess ta' riforma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jinvolvu mhux biss l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali, imma wkoll is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra f'dibattitu pubbliku miftuħ dwar integrazzjoni politika, ekonomika, soċjali u fiskali aktar profonda tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-involviment mill-qrib tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali se jkun ċentrali, bir-rispett sħiħ lejn il-metodu Komunitarju; jemmen li l-Protokol 1 tat-TFUE dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE joffri qafas xieraq għall-kooperazzjoni interparlamentari;

10.  Jemmen, barra minn hekk, li għad fadal ħafna xogħol leġiżlattiv xi jsir sabiex tintlaħaq reazzjoni globali, strutturali u komprensiva għall-kriżi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tressaq pakkett ta' proposti leġiżlattivi sa Settembru 2012, bi qbil mal-metodu Komunitarju, fuq il-bażi ta' dawn l-erba' pedamenti;

11.  Jistieden lill-Kunsill jaqbel fuq programm koordinat ta' investiment immirat fuq livell nazzjonali sabiex jistimula l-ekonomija Ewropea;

12.  Jikkommetti lilu nnifsu, ladarba jirċievi l-pakkett leġiżlattiv imsemmi hawn fuq, fiż-żmien mitlub, u jkun eżaminah, li jiżgura teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti u rapidi;

13.  Jinnota, madankollu, li se jasal għall-konklużjonijiet tiegħu jekk ma jirċevix il-pakkett leġiżlattiv imsemmi fiż-żmien mitlub;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza