Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2055(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0197/2012

Testi mressqa :

A7-0197/2012

Dibattiti :

PV 03/07/2012 - 13
CRE 03/07/2012 - 13

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2012 - 7.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0293

Testi adottati
PDF 488kWORD 98k
L-Erbgħa, 4 ta' Lulju 2012 - Strasburgu
L-aċċess għal Servizzi Bankarji Bażiċi
P7_TA(2012)0293A7-0197/2012
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Aċċess għas-Servizzi Bankarji Bażiċi (2012/2055(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 intitolata 'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011' (COM(2010)0623), u partikolarment ir-referenza għal-“leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għal servizzi bankarji bażiċi” ppjanata,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu 'L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja Flimkien għal tkabbir ġdid“ (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern(1), u partikolarment it-twaqqif taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva  2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu(2),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni finanzjara: l-iżgurar ta' aċċess għal kont bankarju bażiku mill-2009 u għal aċċess għal kont bażiku tal-ħlas mill-2010,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2011/442/UE tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2011 dwar l-aċċess għal kont bażiku tal-ħlas(3) u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjah (SEC(2011)0906),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titolu ''Single Market through the lens of people: A snapshot of citizens’ and businesses’ views and concerns' (SEC(2011)1003), u partikolarment il-preokkupazzjoni 7, li tirrigwarda d-diffikultajiet li jsibu ċ-ċittadini meta jiftħu kont bankarju fi Stati Membri li mhumiex il-pajjiż ta' residenza tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0197/2012),

A.  billi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-iżvilupp ta' ekonomija moderna u soċjali tas-suq jiddependi mill-provvista universali ta' servizzi ta’ ħlas bażiċi, affordabbli u aċċessibbli faċilment u minn settur bankarju soċjalment responsabbli;

B.  billi l-aċċess għas-servizzi bażiċi ta’ ħlas huwa wieħed mill-prekondizzjonijiet sabiex il-konsumaturi jibbenefikaw mis-suq intern, l-aktar mill-moviment liberu, it-trasferiment tal-flus u x-xiri ta' prodotti u servizzi bi spejjeż ta’ tranżazzjonijiet raġonevoli; billi s-servizzi bażiċi ta’ ħlas huma essenzjali sabiex il-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku; billi l-prezz opportunistiku annwali tan-nuqqas ta' aċċess għal kont tal-ħlas huwa stmat bejn EUR 185 u EUR 365 għal kull konsumatur; billi l-aċċess għas-servizzi bażiċi ta’ ħlas, b’mod partikolari, qed isir dejjem aktar prerekwiżit għall-inklużjoni soċjali f’termini ta’ aċċess għall-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar;

C.  billi l-Kummissjoni tistima li attwalment 7 % tal-popolazzjoni adulta tal-Unjoni, jiġifieri madwar 30 miljun persuna, m’għandhomx kont bankarju, u huwa stmat li 6.4 miljun minn dawk il-persuni ġew miċħuda minn kont bankarju, jew lanqas biss ażżardaw isaqsu għal wieħed; billi l-esklużjoni finanzjarja tvarja minn Stat Membru għall-ieħor; billi xi Stati Membri għandhom rata ta’ penetrazzjoni baxxa ħafna ta’ kontijiet bankarji, fejn l-inqas persentaġġ ikun ta’ madwar 50 % tal-popolazzjoni adulta fir-Rumanija u l-Bulgarija;

D.  jenfasizza li kull konsumatur għandu d-dritt li jagħżel li ma jkollux kont ta’ ħlas jew kont bażiku ta’ ħlas; billi, għalhekk, il-konsumaturi m’għandhomx ikunu obbligati li jkollhom kont ta’ ħlas jew kont bażiku ta’ ħlas; billi, f'dan il-kuntest, l-edukazzjoni finanzjarja li tispjega l-vantaġġi tal-inklużjoni finanzjarja hija importanti;

E.  billi l-banek jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-opportunità lil persuna li tiftaħ kont bankarju jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx resident tal-Istat Membru fejn il-bank ikun irreġistrat; billi d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawk li ma jkunux residenti rigward il-ftuħ ta’ kontijiet tal-bank itellfu l-funzjonament xieraq tas-suq intern;

F.  billi l-iżvilupp ekonomiku ġenerali u l-iżvilupp soċjali jikkontribwixxu għal penetrazzjoni għolja tal-kontijiet bankarji; billi fost l-Istati Membri, 33% tal-varjazzjoni fil-persentaġġ tal-popolazzjoni li tagħmel użu minn kont ta’ ħlas kurrenti tista' tiġi spjegata permezz tal-livell ta' żvilupp ekonomiku u, għalhekk, 67% tiddependi minn fatturi oħra, bħal arranġamenti ta' regolazzjoni jew awtoregolazzjoni;

G.  billi l-fornituri ta’ servizz tal-ħlas, li jaġixxu skont il-loġika tas-suq, għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq konsumaturi kummerċjalment attraenti, u għalhekk f’ċertu każijiet iħallu l-konsumaturi li huma kummerċjalment inqas attraenti neqsin mill-istess għażla ta’ prodotti; billi l-kodiċijiet industrijali introdotti fil-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, is-Slovenja u r-Renju Unit kienu fost l-oħrajn riżultat ta' pressjoni pubblika u ta' talbiet għal inizjattiva leġiżlattiva; billi l-istrumenti awtoregolatorji wasslu għal riżultati pożittivi jew imħallta u s’issa għadhom ma tawx garanzija ta’ aċċess għal servizzi bażiċi ta’ ħlas fl-Istati Membri kollha;

H.  billi l-approċċi leġiżlattivi biex jiżguraw aċċess għal servizzi bankarji bażiċi kellhom riżultati sodisfaċenti; pereżempju, filwaqt li kważi 100 % tad-djar fid-Danimarka u fil-Finlandja huma koperti minn servizzi ta’ ħlas u n-numru ta’ ċittadini bla bank naqas konsiderevolment fil-Belġju u fi Franza, b'riżultat tal-implementazzjoni tal-inizjattivi leġiżlattivi;

I.  billi mhux l-Istati Membri kollha ħadu l-azzjoni adegwata mitluba mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE tat-18 ta' Lulju 2011 dwar l-aċċess għall-kont bażiku ta’ ħlas(4), u hemm wisq Stati Membri li għad m’għandhomx rekwiżit legali jew volontarju għall-fornituri biex joffru servizzi bażiċi ta’ ħlas;

J.  billi sabiex ikun effikaċi, kont bażiku tal-ħlas jeħtieġ li jkun jista' jinfetaħ faċilment u jipprovdi varjetà speċifika ta' servizzi bażiċi, u jeħtieġ li jkun hemm miżuri fis-seħħ għal sorveljanza effikaċi u għas-soluzzjoni tal-kunflitti u għall-iffaċilitar tal-aċċess għal dan il-kont għall-konsumaturi li m’għandhomx indirizz fiss; billi leġiżlazzjoni kontra l-money laundering u kontra l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristċi għandha tiġi applikata b’mod proporzjonat u qatt m’għandha tintuża bħala pretest infondat għar-rifjut ta’ konsumaturi kummerċjalment inqas attraenti; billi l-Kummissjoni għandha tesplora jekk għandux ikun meħtieġ li l-konsumaturi jkollhom rabta mal-Istat Membru biex ikunu eliġibbli għal kont bażiku ta’ ħlas;

K.  billi l-operaturi ta’ servizzi ta’ ħlas għandhom jipprovdu aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas mingħajr ħlas jew bi spiża raġonevoli;

L.  billi l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-konsumaturi finanzjarjament vulnerabbli meta joffru self kurrenti u prodotti ta’ kreditu addizzjonali sabiex jevitaw id-dejn żejjed; billi l-Istati Membri għandhom jevitaw li kwalunkwe ħlasijiet potenzjali għal servizzi ta’ ħlas bażiċi jsiru ostakolu li jippreveni l-konsumaturi esklużi finanzjarament milli jkollhom aċċess għal servizzi bażiċi ta’ ħlas;

M.  billi, parzjalment minħabba l-kriżi soċjali u ekonomika, id-dejn żejjed sar l-aktar “riskju soċjali ġdid” sinifikanti fl-Unjoni kollha u l-protezzjoni kontra s-sekwestru, li għandha tkun indirizzata u żviluppata esklussivament fil-livell tal-Istat Membru, hija aspett importanti f’dan ir-rigward.

N.   billi t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni għandu jiġi evitat u għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi f'reġjuni b'nuqqas ta' banek u għalhekk l-ambitu tal-iniżjattiva għandu jkun kemm jista' jkun wiesa'; billi l-iżviluppi ġodda fis-suq tas-servizzi tal-ħlas, bħal soluzzjonijiet imħallsa minn qabel jew servizzi bankarji mobbli għandhom jitqiesu waqt l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-inizzjattivi f’dan il-qasam;

O.  billi għal kwalunkwe inizjattiva dwar l-aċċess għal servizzi baċiċi ta’ ħlas, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni li tiftiehem għall-konsumaturi hija element prinċipali; billi l-Kummissjoni għandha, għalhekk, tinkoraġġixxi l-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta’ komunikazzjoni immirati tajjeb li jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari u t-tħassib tal-konsumaturi bla bank, vulnerabbli u mobbli; billi, sabiex il-konsumaturi ta’ kont bażiku ta’ ħlas jirċievu servizz b’mod adegwat, il-fornituri għandhom jiżguraw li l-persunal rilevanti jitħarreġ adegwatament; billi l-fornituri għandhom jiżguraw ukoll li l-konflitti ta’ interess potenzjali ma jaffettwawx lil dawk il-konsumaturi b’mod negattiv;

P.  billi l-istudenti, il-ħaddiema u l-operaturi tas-servizzi għandhom ikunu jistgħu jiċċaqalqu bejn il-fruntieri u faċilment jakkwistaw vantaġġ mill-mobilità fi ħdan l-Unjoni;

Q.  billi l-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas fi Stat Membru m’għandux jobbliga lill-konsumatur li jagħlaq kont eżistenti fi Stat Membru ieħor;

R.  billi r-rekwiżiti eżistenti mill-operatur tas-servizz tal-ħlas għall-ftuħ ta’ kont ta’ ħlas bażiku huma restrittivi u jistgħu jxekklu l-mobilità transkonfinali fl-Unjoni.

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq valutazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha sa’ Settembru 2012; jitlob lill-Kummissjoni tissottometti, sa Jannar 2013, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal direttiva li tiżgura l-aċċess għal servizzi bażiċi ta’ ħlas għall-konsumaturi kollha residenti b’mod legali fl-Unjoni, sakemm din il-valutazzjoni dettaljata ma turix li m’hemmx bżonn għal tali proposta, wara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-Anness miżjud hawnhekk;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

3.  Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.
(2) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
(3) ĠU L 190, 21.7.2011, p. 87.
(4) ĠU L 190, 21.7.2011, p. 87.


ANNESS GĦALL-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li d-Direttiva li għandha tiġi adottata għandu jkollha l-għan li tirregola dan li ġej:

Ir-Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-ambitu)

1.  It-terminu “kont bażiku tal-ħlas” għandu jiġi definit bħala kont tal-ħlas offrut b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni proposta. Kontijiet ta’ ħlas ta’ natura bażika li ma jikkonformawx bis-sħiħ ma’ dawk id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jitqiesu bħala li huma koperti minn dan it-terminu.

2.  Id-Direttiva għandha tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal servizzi bażiċi ta’ ħlas billi jobbligaw, bħala prinċipju, il-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas kif definit fl-Artikolu 4(9) tad-Direttiva 2007/64/KE li joffru kontijiet ta’ ħlas lill-konsumaturi bħala parti integrali min-negozju regolari tagħhom ta’ provvista ta’ kontijiet bażiċi ta’ ħlas.

3.  Kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva għandha tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandha tikkunsidra arranġamenti esżistenti legali jew volontarji fi Stati Membri meta d-dritt għall-aċċess u l-użu ta’ kont bażiku ta’ ħlas ikun diġà ġie żgurat b’suċċess;

4.  Għalhekk, sabiex jiġu evitati piżijiet żejda fuq l-operaturi tas-servizz tal-ħlas li ma joffrux kontijiet ta’ ħlas lill-konsumaturi, dawn li ġejjin għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu kont ta’ ħlas bażiku:

   (a) l-operaturi ta' servizzi tal-ħlas msemmija fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE;
   (b) l-istituzzjonijiet tal-ħlas li huma awtorizzati jipprovdu wieħed jew aktar mis-servizzi tal-ħlas mniżżla fil-punti 4 sa 7 tal-Anness għad-Direttiva 2007/64/KE;

5.  L-Istati Membri għandhom jiġu permessi li jeżentaw fornituri oħra ta’ servizz tal-ħlas mill-obbligu li jipprovdu kont bażiku ta’ ħlas. Kwalunkwe eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji objettivi u restrittivi ħafna, u għandha tkopri biss tali fornituri ta’ servizz ta’ ħlas li huma bbażati fuq mudell kummerċjali ta’ bla profitt jew dawk li ma joperawx f’servizzi ta’ ħlas ġenerali bl-imnut. Kwalunkwe eżenzjoni m’għandhiex iddgħajjef id-dritt ta’ aċċess għall-konsumaturi u l-eżenzjonijiet għandhom ikunu minimi sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni 2 (dwar ir-rekwiżiti tal-aċċess u tal-identifikazzjoni)

6.  Il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi adottata għandha tiżgura li kwalunkwe konsumatur, jiġifieri kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal skopijiet lil hinn min-negozju, kummerċ, sengħat jew professjoni tagħha, li hija residenti legalment fl-Unjoni, għandha d-dritt li tiftaħ jew tuża kont bażiku ta’ ħlas ma’ fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li jopera fi Stat Membru, sakemm il-konsumatur mhuwiex diġà jkun fil-pussess ta’ kont ta’ ħlas f’dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm mekkaniżmi li jiffunzjonaw u li huma disponibbli għall-konsumatur għall-għeluq ta’ kont ta’ ħlas regolari, sabiex il-konsumaturi jistgħu jaqilbu jew jixxiftjaw għal kont bażiku ta’ ħlas. Għandha tkun meħtieġa prova tal-identità għall-ftuħ ta’ kont bażiku ta’ ħlas.

7.  Il-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata għandha tiżgura li ma jkunx ta’ piż żejjed għall-konsumaturi li juru li għad m’għandhomx kont ta’ ħlas. Dan jista’ jiġi akkwistat, fost l-oħrajn, billi jeħtieġu dikjarazzjoni fuq l-unur tal-konsumatur.

8.  Il-kriterji bħal-livell jew ir-regolarità tad-dħul, l-impjiegi, l-istorja tal-kreditu, il-livell ta' dejn, is-sitwazzjoni individwali rigward il-falliment jew il-fatturat mistenni tas-sid tal-kont m'għandhomx jitqiesu għall-ftuħ ta' kont bażiku ta’ ħlas. L-aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas, taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jkun jiddependi mix-xiri ta' prodotti jew servizzi oħrajn, bħal assigurazzjoni jew kont addizzjonali.

9.  Il-proposta għandha tipprevedi li kont bażiku ta’ ħlas jista’ jiġi rrifjutat jew ikkanċellat biss f’ċirkostanzi oġġettivament ġustifikati skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali li mhumiex marbuta mal-kriterji fil-paragrafu 8, bħal fil-każ ta’:

   (a) inkompatibilità mal-leġiżlazzjoni dwar il-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu;
   (b) impustura, abbuż ta' fiduċja jew falsifikazzjoni ta' dokumenti;
   (c) nuqqas ta’ konformità severa u persistenti mal-obbligi li joriġinaw mill-kont bażiku ta’ ħlas.

10.  Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom iwaqqfu miżuri mhux diskriminatorji u flessibbli biex jassistu l-konsumaturi jissodisfaw ir-rekwiżiti dovuti tad-diliġenza, filwaqt li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu. Tali miżuri għandhom, partikolarment, iqisu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi mingħajr indirizz fiss.

11.  Biex dan jiġi ffaċilitat, l-Istati Membri għandhom jitħallew jikklassifikaw il-kontijiet bażiċi tal-ħlas bħala prodotti b'riskju baxx skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE li timplimenta d-Direttiva 2005/60/KE. Għalhekk, il-fornituri jistgħu jiġu obbligati japplikaw l-obbligi ta’ diliġenza semplifikati għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni għandha timmira li tkompli tiċċara l-interpretazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kontra l-money laundering u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex tiżgura li, fil-kuntest tas-servizzi bankarji bażiċi, dawn jiġu applikati b’mod ibbilanċjat u proporzjonat. Ħadd m’għandu jiġi miċħud l-aċċess jew ikun diskwalifikat minn kont bażiku ta’ ħlas fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet b’bażi soda u objettivi biex wieħed jagħmel dan. Tali regoli m’għandhom qatt jintużaw bħala pretest għar-rifjut ta’ konsumaturi li huma kommerċjalment anqas attraenti.

12.  Il-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata għandha tobbliga lill-operaturi tas-servizz tal-ħlas jaġixxu b'mod trasparenti fir-rigward tad-deċiżjoni li jirrifjutaw li jiftħu jew jagħlqu kont bażiku tal-ħlas, filwaqt li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll dwar il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ delitti. Sabiex jippermettu lill-konsumatur jikkontesta d-deċiżjoni tal-operatur tas-servizz tal-ħlas, l-operatur tas-servizz tal-ħlas għandu jinforma lill-konsumatur bil-miktub dwar ir-raġuni għar-rifjut li jinfetah jew id-deċiżjoni li jingħalaq kont bażiku tal-ħlas; Il-fornitur għandu jiġi obbligat ukoll jinforma lill-konsumatur dwar il-possibilitajiet għal mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti.

13.  Il-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata għandha teżiġi li l-operatur jaġixxi malajr meta jkun qed jivverifika jekk il-konsumatur għandux id-dritt għal aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas, filwaqt li l-fornitur għandu jinforma l-konsumatur bil-miktub dwar ir-raġunijiet għal xi dewmien li jkun itwal minn ġimagħtejn. Ir-raġunijiet li għalihom hu responsabbli l-fornitur, bħall-piż tax-xogħol eċċessiv, ma jistgħux ikunu ġustifikazzjoni għal tali dewmien. L-operatur jista' jitlob li l-konsumaturi jkunu fiżikament preżenti fil-fergħa l-aktar qrib biex jiftħu l-kont. Madankollu, fejn ikun impossibbli jew ta’ piż kbir wisq għall-konsumaturi li dawn ikunu fiżikament preżenti, għandhom jinstabu soluzzjonijiet alternattivi.

Ir-Rakkomandazzjoni 3 (dwar il-funzjonalitajiet u l-ispejjeż)

14.  Il-leġiżlazzjoni għandha tippermetti li l-utent ta' kont bażiku ta’ ħlas iwettaq kwalunkwe tranżazzjonijiet ta’ ħlas essenzjali bħal li jirċievi dħul jew benefiċċji, iħallas kontijiet jew taxxi u jixtri prodotti u servizzi, permezz ta' kanali kemm fiżiċi kif ukoll rimoti, bl-użu ta' sistemi nazzjonali prinċipali.

15.  L-Istati Membri - sakemm ikunu tal-fehma li dan ikun xieraq - għandhom ikunu jistgħu jippermettu lill-fornituri tas-servizz ta’ ħlas jipprovdu self kurrenti bħala protezzjoni biex ikopru bilanċi negattivi temporanji. Il-fornituri għandhom, minbarra dan, ikunu ħielsa li joffru prodotti ta’ kreditu bħala servizzi separati għal klijenti tal-kontijiet bażiċi ta’ ħlas, fejn dan ikun xieraq. L-aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas jew l-użu tiegħu m’għandu bl-ebda mod ikunu ristretti għax-xiri ta’ tali servizzi jew prodotti, jew ikunu kondizzjonali għalihom. Il-ħlasijiet iċċarġjati għal tali self kurrenti u għal prodotti separati tal-kreditu għandhom ikunu trasparenti u tal-anqas favorevoli daqs il-prezzijiet tas-soltu tal-fornitur.

16.  L-aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas għandu jkun bla ħlas jew bi prezz raġonevoli. Jekk jitħallsu xi ħlasijiet, dawn għandhom ikunu trasparenti. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi limitu massimu għat-total ta’ ħlasijiet annwali relatati mal-ftuħ u l-użu ta’ kont bażiku ta’ ħlas. Kull Stat Membru għandu jivvaluta l-fattibilità tat-twaqqif ta’ limitu massimu għat-total ta’ ħlasijiet annwali relatati mal-ftuħ u l-użu ta’ kont bażiku ta’ ħlas. Il-Kummissjoni għandha tesplora wkoll il-modi kif tadatta dan il-limitu tal-Unjoni għaċ-ċirkostanzi nazzjonali bħal-livelli ġenerali tal-prezzijiet tal-konsumatur, il-livelli ta’ dħul u l-ħlasijiet medji assoċjati mal-kontijiet regolari tal-ħlas. Il-fornituri tas-servizz ta’ ħlas għandhom jiżguraw li, fost il-prodotti li joffru, il-kont bażiku ta’ ħlas ikun dejjem – indipendentement minn kif isir il-paragun – il-kont l-aktar affordabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet bażiċi ta’ ħlas.

17.  Kwalunkwe penalitajiet għal nuqqas ta’ ħlas għandhom ikunu raġonevoli u tal-anqas favorevoli daqs il-prezzijiet soltu mħaddma mill-operatur. Il-penalitajiet m’għandhomx jiġu inklużi meta jiġu kkalkulat it-total tal-ħlasijiet annwali.

18.  L-operaturi għandhom ikunu obbligati biss jinkludu l-funzjonalitajiet li huma parti mill-offertà regolari tagħhom. Meta dan ikun il-każ, il-kont bażiku ta’ ħlas għandu jinkludi s-servizzi li ġejjin:

A.  Servizzi tal-ġestjoni ta' kont bażiku

   (a) il-ftuħ u l-għeluq tal-kont bażiku ta’ ħlas;
   (b) servizzi li jippermettu li flus kontanti jitpoġġew f'kont tal-ħlas u li tranżazzjonijiet jiġu rċevuti fih;
   (c) servizzi li jippermettu l-ġbid ta' flus kontanti minn kont tal-ħlas;
   (d) il-provvista ta' rendikonti tal-kontijiet bankarji.

B.  Servizzi tal-ħlas standard

   (a) trasferimenti ta’ fondi bil-munita tal-Istat Membru fejn il-kont infetaħ permezz tal-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti tal-kreditu inkluż eżekuzzjonijiet interbankarji;
   (b) trasferimenti ta’ fondi bil-munita tal-Istat Membru fejn ġie miftuħ il-kont permezz tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas permezz ta’ karta tal-ħlas li ma tippermettix l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas li jistgħu jaqbżu l-bilanċ kurrenti tal-kont tal-ħlas;
   (c) l-eżekuzzjoni ta’ standing orders bil-munita tal-Istat Membru fejn il-kont infetaħ, li jinkludi eżekuzzjonijiet interbankarji;
   (d) l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti bil-munita tal-Istat Membru fejn infetaħ il-kont, inklużi l-eżekuzzjonijiet interbankarji fl-Istati Membri fejn l-użu tiegħu huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet essenzjali.

Ma għandux ikun hemm limitu għan-numru ta’ operazzjonijiet effettwati taħt A jew B. Għall-eżekuzzjoni tas-servizzi msemmija f’A u B, il-konsumatur għandu jiġi intitolat għal aċċess mhux diskriminatorju għall-kanali differenti offruti mill-operatur, bħat-tranżazzjonijiet manwali mhux uffiċjali fil-fergħat, it-tranżazzjonijiet permezz tal-ATM inklużi ATMs ta’ operaturi oħrajn fejn ikun teknikament possibbli, is-servizzi bankarji online u bit-telefown.

C.  Servizzi addizzjonali

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jiġu inklużi aktar funzjonalitajiet fil-kont bażiku ta’ ħlas. L-operaturi tas-servizz tal-ħlas għandhom jingħataw ukoll il-permess li, fuq inizjattiva tagħhom, iżidu l-firxa ta' funzjonalitajiet, bħal faċilità għat-tfaddil jew il-faċilità biex jintbagħtu flus internazzjonalment minn jew għal kontijiet barra l-Unjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni 4 (dwar l-informazzjoni)

19.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni meħtieġa u li tiftiehem dwar id-disponibbiltà ta’ kontijiet bażiċi ta’ ħlas, li huma mmirati lejn il-ħtiġijiet partikolari u t-tħassib ta’ konsumaturi mingħajr bank, vulnerabbli u mobbli. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għal-livell għoli ta’ kuxjenza fost il-konsumaturi u l-partijiet interessati. Il-fornituri għandhom jużaw kanali differenti disponibbli, pereżempju l-websajts tagħhom u, fejn japplika, fergħat fejn l-informazzjoni tkun viżibbli għall-konsumaturi.

20.  L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-banek biex jiżviluppaw arranġamenti sabiex jikkonsultaw il-klijenti l-aktar vulnerabbli tagħħhom sabiex jgħinuhom jaġixxu b’mod responsabbli u jimmaniġjaw il-baġit tagħhom.

21.  Sabiex il-konsumaturi ta’ kont bażiku ta’ ħlas jirċievu servizz b’mod adegwat, il-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata għandha teħtieġ lill-fornituri jiżguraw li l-persunal rilevanti jkun imħarreġ b’mod xieraq u li l-kunflitti ta’ interess potenzjali ma jaffettwawx lil dawn il-konsumaturi b’mod negattiv.

22.  Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stipulati mid-Direttiva 2007/64/KE, li tirrigwarda d-dispożizzjoni tal-informazzjoni lill-konsumaturi.

Ir-Rakkomandazzjoni 5 (dwar is-sorveljanza, is-soluzzjoni ta' kunflitti, l-istatistiki u l-kumpens)

23.  Il-leġiżlazzjoni li se tkun adottata għandha tobbliga l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw u jissorveljaw il-konformità effikaċi mar-rekwiżiti tagħha. L-awtoritajiet kompetenti magħżula għandhom ikunu indipendenti mill-operaturi tas-servizz tal-ħlas.

24.  L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jispeċifikaw il-prinċipji għas-sanzjonijiet li jiġu imposti fuq il-fornituri għal nuqqas ta’ konformità mal-qafas ta’ konijiet bażiċi ta’ ħlas, inkluż għall-ksur ta’ rekwiżiti statistiċi kif deskritt fil-paragrafu 25.

25.  L-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li l-fornituri jipprovdu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'informazzjoni affidabbli dwar il-kontijiet bażiċi ta’ ħlas li jinfetħu u jingħalqu, kif ukoll dwar l-applikazzjonijiet għal kontijiet bażiċi ta’ ħlas li jkunu ġew rifjutati u r-raġunijiet għal tali rifjuti. Il-fornituri għandhom jagħmlu disponibbli wkoll informazzjoni dettaljata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-ispejjeż relatati mal-kontijiet bażiċi tal-ħlas.

26.  Kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni aggregata kif deskritta fil-paragrafu 25 lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea). Id-dejta għandha tiġi pubblikata f'forma aggregata u li tiftiehem.

27.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri ta' lmenti u rimedju adegwati u effikaċi għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim rigward id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont il-prinċipji stipulati fil-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata bejn l-operaturi tas-servizz tal-ħlas u l-konsumaturi, bl-użu tal-entitajiet eżistenti fejn dan ikun adegwat. L-entitajiet tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) għandhom ikunu indipendenti, faċilment aċċessibbli u s-servizzi tagħhom għandhom ikunu bla ħlas. Sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità tagħhom, ir-rappreżentanza ugwali tal-operaturi, tal-konsumaturi u tal-utenti oħra għandha tiġi żgurata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi kollha tal-kont bażiku ta’ ħlas jaderixxu ma' entità waħda jew aktar minn waħda li timplimenta dawn il-proċeduri ta' lment u rimedju.

28.  L-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jiżguraw li l-entitajiet ADR jikkooperaw attivament fis-soluzzjoni ta' tilwim transkonfiinali. Meta t-tilwim jinvolvi partijiet fi Stati Membri differenti, in-netwerk FIN NET għandu iintuża biex isolvi l-ilmenti tal-konsumaturi.

Ir-Rakkomandazzjoni 6 (dwar l-implementazzjoni u r-rieżami)

29.  Il-leġiżlazzjoni li se tiġi adottata għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri fi żmien 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

30.  F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva u, sussegwentement, kull ħames snin, tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni tagħha. Dan ir-rapport għandu jivvaluta:

   (a) jekk l-Istati Membri jkunux implimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni;
   (b) il-progress fl-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi bażiċi ta’ ħlas għall-klijenti kkonċernati kollha tal-Unjoni Ewropea, inklużi kemm l-effetti diretti u dawk indiretti tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar l-eliminazzjoni tal-esklużjoni finanzjarja;
   (c) il-kuxjenza fost il-konsumaturi mmirati mid-Direttiva rigward id-disponibbiltà u l-karatteristiċi tal-kontijiet bankarji bażiċi u d-drittijiet tal-konsumaturi relatati ma' dawn il-kontijiet bankarji;
   (d) il-valutazzjoni tal-ħlasijiet relatati mal-provvista ta’ kontijiet bażiċi ta’ ħlas, inkluż ir-relazzjoni mal-livelli tal-prezzijiet tal-konsumaturi;
   (e) l-aħjar prattiki u r-rakkomandazzjonijiet konkreti għall-Istati Membri b’livelli għoljin jew persistenti ta’ esklużjoni tal-konsumaturi tas-servizzi tal-ħlas;
   (f) l-effetti fuq l-integrazzjoni u l-kostruzzjoni tas-suq intern għas-servizzi bankarji bl-imnut fl-Unjoni Ewropea kollha u t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-kontijiet bażiċi ta’ ħlas.

Fejn ikun adegwat, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emendi tal-leġiżlazzjoni u minn rakkomandazzjonijiet għal implementazzjoni aħjar fl-Istati Membri. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

31.  Il-Kummissjoni għandha tikkomplimenta d-Direttiva proposta dwar il-kontijiet bażiċi ta’ ħlas b’inizjattivi oħra mmirati lejn aktar integrazzjoni u armonizzazzjoni tas-servizzi bankarji bl-imnut u l-prevenzjoni tal-esklużjoni finanzjarja. Tali pakkett għandu, partikolarment:

  (a) itejjeb il-kompetizzjoni rigward is-servizzi bankarji u ta’ ħlas:
   (i) jiżgura li l-prezzijiet tal-ħlasijiet relatati ma' kontijiet bankarji jkunu trasparenti u komparabbli sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu t-tariffi ta' banek differenti u jfittxu offerti aħjar;
   (ii) jelimina l-ostakoli tekniċi u amministrattivi biex wieħed jaqleb minn kont bankarju għal ieħor, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu iċaqalqu faċilment il-kont bankarju tagħhom minn bank għal ieħor;
   (b) itejjeb l-aċċettazzjoni tal-bejjiegħa ta' tipi differenti ta' metodi ta' pagament sabiex jippermettu li l-konsumaturi japprofittaw mill-benefiċċji offruti mill-kummerċ elettroniku; f'dan il-kuntest, il-bejjiegħa għandhom universalment joffru l-possibiltà tal-ħlas permezz ta' karta bażika tal-ħlas mingħajr ħlas addizzjonali;
   (c) ikompli jiċċara l-interpretazzjonijiet nazzjonali tar-regoli kontra l-money laundering u kontra l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi sabiex jiżguraw li tali regoli qatt ma jintużaw bħala pretest infondat għar-rifjut ta’ konsumaturi kummerċjalment inqas attraenti;
   (d) itejjeb l-edukazzjoni finanzjarja, inkluż fl-iskola, il-ġlieda kontra d-dejn żejjed, “ir-riskju soċjali l-ġdid” l-aktar sinifikanti fl-Unjoni kollha u jtejjeb l-aċċess għal kreditu ġust u għal mikrokrediti fl-Unjoni kollha.

Avviż legali - Politika tal-privatezza